Monday, 26 June 2017
           
Home
L-ERBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) L-EBBUSIJA TA RAS IL-BNIEDEM U L-HNIENA TA ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 September 2016

Din hija il- Liturgija  ta' l-Erbgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

the-parable-of-the-lost-son.jpg

 

Ninsabu fis-Sena tal-Ħniena.  Din il-frażi kemm kemm ma tinstemax daqsxejn taċ-ċajt.  Alla mhux qed jistenna l-bniedem jorganiżża Sena tal-Ħniena biex ikun ħanin.  Alla hu ħanin dejjem u minn dejjem, anke s-sena d-dieħla meta jingħalqu l-bibien tal-Ġublew, imma l-Knisja ħasset il-bżonn li tiċċelebra b’mod partikulari din il-verità li l-bniedem sikwit jinsa.  Jinsa għax jaħseb li Alla hu legalista bħalu. 

 

Aħna mdorrijin f’soċjetajiet ibbażati fuq il-liġi u allaħares mhux hekk għax ikollna l-kaos.  Min jikser il-liġi jiġi kkastigat skont kif titlob il-liġi u minħabba f’hekk għandna l-qrati.  Għall-kuntrarju min juri solidarjetà, min hu ġeneruż, min jaħdem għall-ġid komuni, dan jitfaħħar.  Din hija s-sistema naturali li fiha mdorrijin ngħixu.  Hija soċjetà miskina meta n-nies jibdew jissuspettaw li l-liġi mhix l-istess għal kulħadd jew addirittura s-sistema falliet għal kollox.  Il-liġi tati sigurtà lill-maġġoranza tan-nies li jridu jgħixu fil-kwiet bla ma ħadd idejjaqhom.

 

Alla wkoll ta lill-bniedem liġijiet u preċetti biex juriħ kif għandu jgħix, jurih x’inhi l-qdusija, liema hi r-rieda ta’ Alla. Imma jkollna biss karikatura ta’ Alla jekk naħsbu li dan hu l-iktar aspett importanti ta’ Alla. It-Testment il-Qadim jaħbat se jagħtina din l-indikazzjoni għax fih emfasi fuq l-ubbijenza tal-liġi u l-poplu Lhudi minn dejjem tħabat biex ilaħħaq mal-esiġenzi tal-liġi, li mhumiex ħfief, għax emmen li fl-ubbidjenza tal-liġi hemm is-salvazzjoni tiegħu.  U dan hu veru, imma l-liġi dejjem poġġiet quddiem il-bniedem id-dgħufija tiegħu, l-inkapaċità tiegħu li jgħix il-ħajja qaddisa.  Infatti San Pawl, ieħor li qabel sab lil Kristu kien fanatiku tal-liġi, jgħid li Alla ta l-liġi lill-bniedem biex turih min hu, li għandu rasu iebsa fid-dnub, li hu midneb, li, bis-saħħa tiegħu biss ma jistax isalva.  Għalhekk, għal San Pawl, il-liġi ma ssalva lil ħadd għax ħadd ma jobdiha kollha kemm hi u dejjem. 

 

Allura l-Kristjaneżmu jiddikkjara xi ħaġa oħra: li s-salvazzjoni tiġi minn band’ oħra.  U hawn tiddi il-Ħniena miġnuna ta’ Alla lejn il-ħlejjaq tiegħu murija fi Kristu Ġesù u fl-Aħbar li hu ġab lill-umanità miskina, mhux tant bit-tagħlim tiegħu, imma bil-Misteru tal-Għid li Hu għex.  Kristu kien l-uniku bniedem ġust tassew għax kien il-waħdieni li għex il-liġi.  Huwa għexha l-liġi f’isimna, minn flokna, biex aħna nkunu ġġustifikati mhux għax qaddisin aħna imma għax ġust u qaddis hu Dak li bata u miet biex ipatti għall-ħażen naturali tagħna, biex iħallas id-djun kollha li tellajna kontra l-liġi.

 

Il-liġi tikkundanna u tixli taf, imma satana jgħażżaż snienu x’ħin jilmaħ tant bnedmin midinbin jakkwistaw is-salvazzjoni mhux bis-saħħa tagħhom, għax il-liġi xliethom bħala midinba, imma bis-saħħa ta’ Dak li ntbagħat biex fuqu taqa’ is-saħta tal-liġi u hekk kull min jemmen jiskappa.  Imma hi mportanti l-frażi “kull min jemmen”, għax min ma jemminx fis-sagrifiċċju ta’ Kristu li l-Knisja terġa’ tgħixu f’kull quddiesa, ikun qed jaqta’ lilu nnifsu minn din l-offerta meraviljuża tal-ħniena tal-Missier.  Dan bħal tabib li għandu s-sigriet tal-fejqan ta’ marda li tkun qed tkidd lil wieħed li, madankollu, ma jemminx dak li jgħidulu n-nies fuq dan it-tabib u jibqa’ ma jmurx għandu għall-kura.

 

Ħafna nies jintilfu  għax, jew ma jemmnux li teżisti salvazzjoni u ħajja wara din, jew għax, għalkemm jemmnu, baqgħu jaħsbu li huma jridu jkunu, li l-bajtra ma taqa’ f’ħalq ħadd u jsiru Fariżej primi iktar imbegħda minn Alla minn dawk li ma jemmnu b’xejn.  Hu veru li l-parti tal-bniedem hija mportanti għax kif jgħidu l-Ingliżi, “it takes two to tango”.  L-iktar importanti, fejn jidħol dak li jrid jagħmel il-bniedem, hija li jgħid l-“Iva!” tiegħu biex Alla jkun jista’ jaħdem fih.  Mal-“Iva!” tagħna l-Missier jibda proċess li bih jurina l-meravilja ta’ Ibnu li ġie offrut bħala l-Ħaruf bla ħtija li jieħu fuqu d-dnubiet kollha tiegħi u tiegħek u jħallas Hu flokna dak li titlob il-liġi qaddisa.  Min jiskopri, bi Grazzja, l-Imħabba sorprendenti ta’ Alla murija fi Kristu, jitwieled Spirtu ġdid ġewwa fih, Spirtu ta’ Mħabba għal Alla u għal kulħadd, u qawwa ta’ ubbidjenża mill-qalb lejn il-liġi li issa ssib il-milja tagħha.  Għax dak li qabel il-bniedem ma kienx kapaċi jagħmlu bl-isforżi u t-tqanżiħ tiegħu, imbuttat mill-biża’ tal-kastig, issa jsir possibbli, iva, għax fih jgħammar l-Ispirtu ta’ Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Bibbja turi lil Alla jinkorla u mbagħad jerġa’ jibdielu.  Dawn huma frażijiet li l-Kelma tużahom biex tinżel għal-livell tagħna l-bnedmin.  Donnhom li dawn iż-żewġ modi ta’ mġieba huma iktar umani milli divini.  Għax x’imkien ieħor il-Ktieb qaddis jgħidilna li “Alla ma jgħidx imbagħad jibdielu”.  Alla kien jaf minn dejjem li minħabba n-natura mwaqqa’ tiegħu, il-bniedem iwebbes rasu fid-dnub u Alla nnifsu għandu biċċa xogħol enormi biex jiġbdu lejH.  U billi Hu huwa l-Imħabba, Hu ma jisfurzax, anzi fl-Istorja ta’ kull bniedem, Alla jirriskja għax jirrispetta wisq lill-bniedem biex iġegħlu kontra qalbu, jaqbad it-triq it-tajba.  Alla ma għamilniex robots imma tana l-libertà tal-għażla, kif wieħed li jħobb tassew u mingħajr egoiżmu jagħmel mal-maħbuba.  Is-salvazzjoni jaħdimha Alla għalina, imma aħna għandna s-setgħa terribbli li nibagħtu kollox jixxejjer... u ħafna drabi hu dan li nagħmlu meta nidinbu.  U hawn tidħol il-miżerikordja, il-ħniena tal-Mulej li l-Knisja qegħda tiċċelebra u timmedita b’mod partikulari f’din is-sena tal-Ġublew.  Hu jaf x’ħalaq.  Għalhekk Alla mhux jirrabja u jerġa’ jibdielu, imma minn qabel ma nidinbu ġa għandu lesta l-Ħniena u l-Maħfra għal min jistmell dak li jkun għamel.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  32, 7-11,  13-14

 

F’dak iż-żmien : il-Mulej qal lil Mosè : « Mur u inżel għaliex tħassar il-poplu tiegħek li inti tellajt mill-Eġittu.  Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: 'Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art ta' l-Eġittu.’”  U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta' ras iebsa.  Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir.”

 

Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b'ħila kbira u b'id qawwija, ħriġtu mill-art ta'  l-Eġittu?   Ftakar f'Abraham, f'Iżakk u f'Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: 'Nkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem.’ ”  U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 51 huwa l-aqwa talba ta’ ndiema li nsibu fit-Testment il-Qadim.  F’din il-Liturġija l-Knisja tippreżentalna biss tliet strofi minnu għax hu ħafna itwal.  Hu Salm familjari ma’ ħafna u hi ħasra li tant mhumiex midħla tal-għana u t-teżori li hemm merfugħa għalina fil-Bibbja Mqaddsa.  Dan is-Salm ipoġġi f’fomm il-bniedem, midneb u niedem, il-Kliem li Alla nnifsu jispira... il-Kliem ta’ Alla nnifsu.  U jekk Ġesù huwa l-Kelma ta’ Alla li libset laħam bħal tagħna, allura dan is-Salm hu Kristu nnifsu.

 

Il-qalb ta’ Alla hi dejjem ħanina u taħfer, imma l-bniedem irid ipoġġi ruħu f’dispożizzjoni li jegħreq f’dawn il-kwalitajiet meraviljużi ta’ Alla.  Dan is-Salm jurini l-bniedem li jersaq lejn Alla biex mingħandu jixrob is-salvazzjoni u mhux jakkwistaha hu bil-ħila tiegħu.  Il-ħaġa li taħsadna, u li esperjenzjajniha kemm-il darba, hi li aħna iktar qrib Alla, iktar qrib il-qdusija meta jkollna d-dnub tagħna f’idejna u għajnejn miksura bis-sogħba, milli meta naħsbu li nkunu ilna li dnibna u jkollna l-kuxjenza tagħna f’postha, kif jgħidu.  L-esperjenza ta’ dnub u ndiema tħarrikna mill-ilma qiegħed tal-bruda u ta’ sigurtà falsa fil-qdusija tagħna.  Dan qed ngħidu mhux biex niskuża d-dnub jew li għandna nidinbu biex nersqu lejn Alla!  Id-dnub joqtol!  Joqtol tassew.  U dan is-Salm juri kemm joqtol id-dnub.  Imma huwa l-bniedem li jagħraf id-dnub tiegħu bla ma jiskużah, li hu tassew qrib Alla.  Il-ħalliel ‘it-tajjeb’, jew inkella ‘l-Ewwel Teologu’ , kif issejjaħlu l-Knisja tal-Lvant, ma obdiex il-liġi, ma kellux kondotta tajba, kellu ħafna djun xi jħallas, imma fuq is-salib maġenb Kristu kien ferm eqreb lejn Alla u lejn il-qdusija mill-qassisin tat-Tempju u l-iskribi li kienu hemm iħarrku rashom taħt is-salib u li kienu ‘champions’ tal-liġi.

 

Ritornell:  Inqum u mmur għand missieri.

 

Salm 51

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

 

 Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

It-Tieni Qari

 

Kemm fl-Atti tal-Appostli, kif ukoll fl-Ittri tiegħu, insibu lil San Pawl jirrepeti l-esperjenza tal-konverżjoni tiegħu.  Huwa jfakkar li darba kien wieħed minn dawk li jemmnu li l-bniedem kapaċi, jekk irid, jobdi l-liġi; li jista’, jekk irid, isir ġust u qaddis bir-rieda tajba tiegħu.  Għalhekk, hu kien jemmen, bħalma jemmnu tant nies sal-ġurnata tal-lum, li jekk il-bniedem ifalli quddeim il-liġi ta’ Alla dan hu għal kollox tort tiegħu.  Iżda l-bniedem jitwieled bil-ħażen imħawwel fih bħal ħaxix ħażin ġo għalqa.  Hu jiret natura mwaqqa’ fil-korruzzjoni sa mill-mument li jibda jintiseġ fi ħdan ommu u għalkemm xorta jibqa’ jkollu libertà tal-għażla, din il-libertà hi misterjożament immarkata minn din il-kundizzjoni li jiret u li aħna nsejħulha ‘id-Dnub tan-Nisel’.

 

Bħal sħabu l-Fariżej, Pawlu kien jemmen li Alla tana l-liġi biex nobduha, kollha kemm hi, u mhux biex biha jurina li lkoll għandna bżonn is-salvazzjoni li dehret fil-Messija.  Hu ma kienx jemmen fil-Messija, anzi kien jistmell lil Ġesù u lil dawk li kienu jemmnu li huma salvi bil-merti tal-Iben għażiż ta’ Alla.  Il-fatt li Pawlu kien jiġġudika bl-aħrax u kellu qalbu iebsa għal min ma jpoġġix l-ubbidjenza tal-liġi fiċ-ċentru ta’ kollox, kellu jurih li hu kien midneb daqs kull midneb ieħor għax il-milja tal-liġi hi: “Ħobb lil Alla u lill-proxxmu”.  Din hi t-traġedja ta’ tant nies li jitgħabbew b’tant toqol reliġjuż biex imbagħad jispiċċaw jidinbu bil-ġudizzju u n-nuqqas ta’ mħabba.

 

Pawlu, li qabel is-sejba ta’ Kristu kien qisu wieħed imxajtan bir-ragħwa ħierġa minn ħalqu, issa jsir bniedem ħieles, bniedem ferħan, bniedem mimli mħabba lejn Dak li miet għalih u tah Ħajja Ġdida, u, fuq kollox, bniedem umli.  Mhux biss, imma din l-imħabba lejn Alla li ħabbu hekk kif kien, midneb, imbuttatu jħobb lill-proxxmu tiegħu u jiġri ’l hemm u ’l hawn fid-dinja jagħti minn dak li rċieva hu.  Hu jgħid li: “Kristu ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, jien l-ewwel wieħed.”  (v. 15).  Il-ferħ, is-sliem, il-ħelsien ta’ Pawlu jesprimihom fil-frażi: “għax jien sibt il-ħniena” (v. 16).  Il-ħniena ta’ Alla hi fi Kristu.  Il-ħniena ta’ Alla ntweriet fil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu.  Dan il-Misteru tal-Għid huwa t-tbatija, il-mewt u l-Qawmien ta’ Kristu.  Huwa misteru għax trid tkun il-Grazzja tal-Missier biex jien u int nifhmu u nemmnu, kif fehem u emmen San Pawl, li l-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu għandhom x’jaqsmu ħafna, ħafna magħna.  Kristu tela’ fuq is-salib minfloki għax il-liġi tgħid ħaġa waħda: il-midneb ma jistax jgħix.  Għalhekk hu miet biex jien ma mmutx!  Din hi l-Aħbar li kkonvertiet tant nies li wara kienu lesti jċarċru demmhom għall-Isem ta’ Dak li miet għalihom.  U l-Qawmien jurini ħaġa waħda: li l-Imħabba ta’ Alla hi akbar, aqwa, iktar setagħna mid-dnub tal-umanità kollha.  Il-Qawmien ta’ Kristu jgħidli li ma nista’ qatt u qatt naqta’ qalbi mill-ħniena tal-Missier għax l-Imħabba tiegħu għelbet il-mewt u hi aqwa minn kollox.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu li Timotju.  1, 12-17

 

Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan  ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu,  lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi.  Anzi lili l-grazzja ta' Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u ma' l-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù.  Din hija kelma ta' min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed.  Iżda jien minħabba f'hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b'eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta' dejjem.

 

     Lis-Sultan ta' dejjem,

     li ma jmutx u li ma jidhirx, 

     lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta' dejjem! Amen.

 

Evanġelju

 

Il-Papa qal, mhux lill-Presbiteri biss imma lil kull Nisrani veru, li lkoll għandna mmorru nindiehsu man-nagħaġ il-miltufa u niġu lura bir-riħa tan-nagħaġ fuqna.  Il-missier, fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, għannaq lil ibnu, maħmuġ, miegħu u ċċappas bil-ħmieġ tiegħu bħalma Kristu sar ħmieġ waħdu minn rasu sa ponot saqajh minħabba d-dnubiet li refa’ fuqu u li ma kinux tiegħu.  L-ewwel darba li rajt il-kurċifiss tant imsemmi li hemm fil-knisja ta’ Ġieżu, l-Belt, bqajt imkexkex bit-tbatija u l-moħqrija li hemm riprodotti f’din il-biċċa arti sagra.  F’qalbi għidt li fir-rejaltà Kristu ma kienx daqshekk imfarrak u mqatta’ anke meta kien fuq is-salib.

 

Imma meta qagħdt naħseb, indunajt li tassew dan il-kurċifiss ta’ tbatija esaġerata hu x-xbiha vera tar-rejaltà li minnha għadda Kristu.  Għax spiritwalment Kristu kien qed iġorr id-dnubiet kollha li saru u li għad isiru fuq wiċċ l-art u dan id-dnub kollettiv tad-dinja kollha damdam il-Ħajja li hi Kristu.  Fuq Kristu waqgħu s-saħtiet kollha li hemm imniżżla fl-Iskrittura kontra l-midinbin... fuqu niżel il-ġebel li kellu jintefa’ fuq l-adulteri; madwaru daru n-nirien imġewħa għal dawk li ma kinux fidili mal-liġi;  waħdu kien, għax ġie mkeċċi mill-poplu u sar barrani flok dawk li kellhom jinqatgħu minħabba d-dnub;  ma’ għonqu daret is-sikkina tas-sagrifiċċju għax sar il-Ħaruf veru.  Hu ġie mgħattan taħt it-toqol kollu tal-ħolqien, sabiex aħna naħarbu mix-xellej u nidhru ġusti quddiem il-Missier li jlibbisna l-libsa l-bajda, iċ-ċurkett tal-wirt u jdaħħalna għall-ikla tal-festa mhux għax ħaqqna, nerġa’ ngħid mhux għax ħaqqna, imma għax hemm barra fuq l-għolja hemm il-Ħaruf imsallab.

 

Id-Dawl tal-Ispirtu s-Santu kollox!  Mingħajru dan kollu hu paroli u teorija. Dan il-Kliem, li huma l-verità, huma bħal zkuk li lejhom iħares wieħed mirżuħ fis-silġ.  Min se jqabbadhom f’Ħuġġieġa Qaddisa li ssaħħan il-qalb u tnibbet l-Imħabba vera?  Ejja, Spirtu Qaddis ta’ Alla!  Maranatha!  Ejja Mulej Ġesù!

 

Versett: Hallelujah.  Missier Sidna Ġesù Kristu idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna, biex nagħarfu xinhi t-tama tas-sejħa tagħna.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  15, 1-32

 

F’dak iż-żmien: Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.  U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom!"  U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:  "Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?  U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh,  imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.' Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta' ndiema.

  

"Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa' tfittex bil-għaqal sa ma ssibha!  U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.' Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta' Alla għal midneb wieħed li jindem."

  

Qalilhom ukoll: "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.  Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid.  Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra.  Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.  U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer.  Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.  Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba' , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!  Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;  ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.' Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.  'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh!  Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.

 

"Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u żfin.  Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien.  'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.  'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi!  Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!' 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.  Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.' "

 

 
< Prev   Next >