Monday, 26 June 2017
           
Home
IL-HAMSA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-FLUS U L-EKONOMIJA: L-IKBAR RIVAL TA ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 17 September 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Hamsa u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 
gesu_jghallem.jpg

 

Illum hawn ħafna li jgħidu li huma ateisti, jiġifieri ma jemmnux f’Alla.  Mill-banda l-oħra xi studjużi jgħidulek li hu diffiċli ħafna li jeżisti l-ateiżmu għax il-bniedem ma jgħaddix mingħajr xi forma ta’ “alla”.  Il-bniedem hu maħluq biex ifittex lil Dak, lix-Xi Ħadd, li jimlilu l-vojt etern li għandu fil-profond tiegħu u nistgħu ngħidu li l-Istorja ta’ kull wieħed minna hija l-ġrajja tal-isforzi tiegħu biex isib lil Dan ix-Xi Ħadd, jew din ix-xi ħaġa li timlilu dan il-vojt.  Għalhekk kull bniedem jitwieled b’għatx li nistgħu nsejħulu ‘reliġjuż’... ir-reliġjożità naturali, kif inhi magħrufa mill-antropoloġisti.

 

Il-problema tal-bniedem mhux li hu ateista iżda li ma jemminx f’Alla l-veru.  Għax kull bniedem għandu xi tip ta’ “alla” għalih: ma jistax jgħix mingħajr “alla”.  F’dan is-sens l-ateiżmu veru ma jeżistix.  Kriżi ta’ fidi f’Alla l-veru li wera ruħu lill-poplu ta’ Iżrael u finalment u b’mod komplet fi Kristu Ġesù, teżisti, u kif.  Matul is-sekli il-bniedem irfina l-paganiżmu tiegħu, l-invenzjonijiet tiegħu ta’ kif għandu jkun l-“alla” tiegħu.  Hemm żvilupp mill-istatwi tal-allat antiki, mill-allat tan-natura, bħax-xemx u l-kwiekeb, mill-allat tal-kultura Griega-Rumana għad-“divinitajiet” moderni.  Iżda minn dejjem l-akbar rival ta’ Alla ta’ Abraham, ta’ Iżrael u ta’ Ġesù Kristu kien l-“alla flus”.  Fih il-bniedem, meta tbiegħed minn Alla l-veru, poġġa s-sigurtà tiegħu.  Huwa r-rival l-aktar potenti u b’saħħtu ta’ Alla, u l-bniedem tal-lum qed jagħtih qima aktar minn qatt qabel.  Soċjetajiet u nazzjonijiet ikejlu l-progress tagħhom mhux f’kemm irnexxilhom jimxu ’l quddiem fit-tfittxija tal-verità imma f’kemm għandhom ekonomija kbira, banek sodi, u nies li stagħnew.

 

Il-ġid huwa rigal ta’ Alla.  Huwa l-bniedem li ħammġu billi għamel minnu “alla” tiegħu.  Il-Vanġelu jwissi fuq ħafna tipi ta’ taħsir u korruzjoni imma dejjem iġib l-“flus” bħala r-ras tal-ħwejjeġ li jifirdu minn Alla; l-affann għalih, il-kilba għalih ma jistgħu qatt jimxu id f’id mat-tfittxija għal Alla li tassew jimla qalb il-bniedem.  Għalhekk insibu ħafna drabi l-espressjoni “jew Alla jew il-flus” fl-Iskrittura u fuq dan il-punt kull wieħed minna jrid jirrifletti u jiddeċiedi qabel ikun tard wisq.  Għax l-Imħabba ma tinxtarax bil-flus, lanqas is-Salvazzjoni ta’ dejjem.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-poplu ta’ Iżrael kien magħmul minn tnax-il tribu li ħarġu mit-tnax-il ulied li kellu l-patrijarka Ġakobb.  Dejjem kien hemm il-periklu ta’ firda bejn dawn ir-razez li kienu jiffurmaw poplu wieħed.  Infatti, bħala saltna, kienu magħqudin biss taħt Sawl, David u Salamun.  Wara l-mewt ta’ Salamun, li bl-għerf kollu tiegħu ma mexxiex tajjeb is-saltna, feġġet spakkatura kbira: il-poplu nfired fi tnejn wara gwerra ċivili.  Għaxra mit-tribujiet inqatgħu għalihom u ffurmaw is-saltna ta’ fuq, tat-tramuntana, li żammet l-isem ta’ Iżrael, b’Samarija bħala l-belt kapitali.  Iż-żewġ tribujiet l-oħra, dik ta’ Ġuda (l-akbar tribù) u Benjamin, baqgħu bis-sultan imnissel minn David u b’Ġerusalemm bħala l-belt kapitali.  Din il-parti t’isfel kienet tissejjah is-Saltna ta’ Ġuda, jew Ġudeja.  Kważi dejjem kien hemm rivalità kbira bejniethom u mhux darba u tnejn faqqgħet il-gwerra bejn dawn l-aħwa.

 

Is-saltna tat-tramuntana, dik ta’ Iżrael b’Samarija bħala l-belt kapitali, dejjem kienet ekonomikament iktar soda u sinjura għax l-art kienet aktar fertili.  Imma l-għana ta’ Samarija, kif dejjem jiġri, ħassret il-qlub.  Il-bniedem jitbiegħed minn Alla meta jħossu f’sigurtà, bla wisq problemi, bla salib.  U kif dejjem jiġri meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, kienu biss il-ftit li stagħnew waqt li ħafna kienu jiġu misruqa u miżmuma f’faqar inġust.  Bħalma qed jiġri fid-dinja tal-punent illum.  M’hemm xejn ġdid taħt il-qamar, jgħidu.

 

Il-profeta Għamos intbagħat minn Alla biex iwissi lill-poplu tat-tramuntana dwar l-idolatrija tiegħu, it-tradiment tiegħu li bidel lil Alla l-veru mal-flus u anke dwar l-inġustizzji kbar li kienu qed isiru mad-dgħajjef u l-fqir.  Għamos ma kienx bniedem ta’ skola; lanqas ma kien ġej minn xi familja qrib it-Tempju jew familja tal-qassisin.  Kien ragħaj fqir.  Imma mhux din kienet  il-problema l-kbira li kellu quddiemu dan il-bniedem sempliċi.  L-ikbar problema kienet li hu kien mis-saltna ta’ isfel, ta’ Ġuda, u Alla bagħtu jħabbar fit-tramuntana, f’Samarija.  Minħabba f’hekk ħadd ma aċċettah u l-missjoni tiegħu, bħal dik tal-profeti l-oħra, ftit kellha suċċess.  Imma dak li bagħtu jagħmel Alla, huwa wettqu, u wettqu tajjeb ħafna.  Hu wera dnubu lill-poplu. Xlieh li l-“alla” tiegħu ma kienx għadu iktar Jahweh imma l-muniti jċekċku li għalihom kien lest jaħqar lil dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom.  Kixfilhom ir-rejaltà ta’ kemm kbira kienet il-kilba tagħhom għall-flus u l-marda li tidħol f’kull bniedem li qatt ma jħoss li għandu biżżejjed.  Dejjem irid iżjed.  Dejjem inkwetat li l-għana tiegħu se jonqos.  Dan hu jasar kbir u meta jara li l-bniedem ma jridx idur lura, Alla jħallih jitgħabba bil-ktajjen tal-inkwiet u t-tħassib.  Tassew li l-flus huma alla falż li ma jsolvux it-tħannin li kull qalb għandha.  Dan kollu hu, naturalment, ħafna attwali għalina fid-dinja tal-lum meta l-ekonomija moderna tefgħetna f’jasar, f’qagħda fejn ma nistgħux inlaħħqu mal-esiġenzi li qegħdin idarruna bihom il-kumpaniji multinazzjonali kbar.  Ix-xogħol m’għadux iktar rigal għall-bniedem imma jasar.  Taħdem kemm taħdem donnu li qatt mhu biżżejjed.  Fuq dan Alla jgħid: “Għemilhom kollu żgur li ma ninsiehx!”  (v. 7).

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos.  8, 4-7

 

Isimgħu dan,

intom li tikkalpestaw l-imsejken,

intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,

u tgħidu: "Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,

ħa nbigħu l-qamħ.

Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir?

Nċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,

u nqarrqu b'miżien falz.

Nixtru bil-flus il-foqra,

u b'żewġt iqrieq l-imsejken,

u nbigħu sal-karfa tal-qamħ."

Il-Mulej ħalef bil-foħrija ta' Ġakobb:

"Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!"

 

Salm Responsorjali

 

Rari ħafna li l-għana jikber mingħajr serq u qerq.  Rari ħafna li bniedem li jistagħna jirnexxilu jirbaħ il-ħafna tentazzjonijiet li jsib ruħu mdawwar bihom.  Jew Alla jew il-flus, ittenni u terġa’ ttenni il-Bibbja, u dan ma tagħmlux għal xejn.  Is-sistema ekonomika dejjem timxi lejn triq waħda :  il-kbar ikomplu jistagħnew waqt li ż-żgħar ikomplu jiftaqru.  Il-profeti dejjem kienu l-uniċi nies li qabżu għall-umli u għaż-żgħar, dawk li dejjem saret inġustizzja magħhom.  Qalb Alla titqanqal għalihom għax minn fuq daharhom jgħaddu dawk li jifilħu, dawk li jgħidu : « Alla nesa, ma jarax, nagħmel li rrid ! »  Għall-fqar, l-unika tama u sigurtà fil-ħajja huwa Alla.  « Hu jqajjem mit-trab lill-imsejken, u jerfa’ l-fqir mill-miżbla. » igħid is-Salm li għandna.

 

Ritornell : Faħħru l-Mulej, li jerfa’ l-fqir.

 

Salm 113

 

 Hallelujah!

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,

faħħru isem il-Mulej.

Ikun isem il-Mulej imbierek,

minn issa u għal dejjem!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,

li qiegħed fl-għoli?

Hu li jħares 'l isfel,

lejn is-smewwiet u lejn l-art.

 

 Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken,

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu,

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Il-bniedem umli qatt ma hu mistieden mill-Kelma ta’ Alla biex jieħu l-liġi f’idejh u jpattiha lil min jisirqu u jagħmillu nġustizzja.  In-Nisrani li hu Nisrai veru, jaf li l-Ħajja li qed ifittex ma tiġix mill-għana, anke jekk dan qed jinsteraqlu.  Hu għandu jgħid dejjem il-verità bla biża’ u lil kulħadd u jekk qed issir inġustizzja għandu jxandru dan.  Imma qatt ma għandu juża l-forza jew iġib ruħu donnu li l-Ħajja tiddependi mill-flus jew mid-drittijiet li qed jitteħdulu.  Niftakru fil-fatt li seħħ quddiem Kristu innifsu meta wieħed mar għandu jakkuża lil ħuh li kien seraqlu l-wirt.  Kristu ma żamm ma ħadd minnhom!!  It-tnejn kienu morda.  It-tnejn kienu għomja u ma fehmu xejn mill-Ħajja.  Jekk wieħed seraq il-wirt dan għamlu għax il-flus kienu “alla” tiegħu u kien jaħseb li huma se jagħtuh dak li qalbu kienet tixxennaq għalih.  Għal dan il-bniedem Alla mhux importanti.  Bħal dan għandna ħafna madwarna, le?  Imma l-ieħor ukoll għalih il-flus kienu “alla” u ma kienx jgħaddi mingħajrhom u kien jaħseb li bihom kien se jirbaħ il-Ħajja vera, għax kieku ma kienx se jmur quddiem kotra nies ixandar lil ħuh bla ma jistħi.  It-tnejn kienu jaslu għal kollox biex jistagħnew.

 

Għall-kuntrarju, San Pawl jgħid lil Timotju biex jgħallem lill-komunità tiegħu biex jitolbu għal dawk li jippersegwitawhom u jaħqruhom.  Fi żmienu, Imperatur kien hemm Neruni... m’hemmx fejn tasal iktar!  Imma Pawlu jgħid lil Timotju li l-Insara għandhom jitolbu għalih għax Alla jixtieq li jsalva lil kulħadd. Dan, in-Nisrani jista’ jagħmlu mhux għax kapaċi imma għax daq is-salvazzjoni ta’ Kristu.  Dan hu misteru kbir!  Tara wieħed fqir u li għandu ħafna bżonnijiet materjali, imma li hu ħafna, ħafna aktar ferħan u ħieles minn ieħor li hu sinjur u donnu li ma jonqsu xejn!  Għad-dinja dan hu misteru, imma għal min daq kemm hu tajjeb il-Mulej, din hi ħaġa naturali.  Kristu biss jimla l-qalb!  Jekk Alla jibgħat il-ġid, nagħmlu użu tajjeb minnu, ma nwettqux inġustizzji, ma nisirqux, nagħmlu karità, ngħinu lill-Knisja fid-djakonija tagħha... u jkollna l-paċi.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  2, 1-8

 

Għażiż: Nitolbok l-ewwelnett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha;  għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u  fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq.  Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna,  li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.  Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù,  li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta' dan ngħatat f'waqtha.  Hu għal dan li jien kont magħmul xandâr u appostlu - qiegħed ngħid is-sewwa, m'iniex nigdeb - biex ngħallem lill-ġnus  il-fidi u l-verità.

                                   

Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu 'l fuq idejn safja bla għadab u bla ġlied.

 

Evanġelju

 

Ma tlumniex jekk f’qalbna ngħidu kemm hu stramb dan l-Evanġelju li se nisimgħu.  Hawnhekk il-Mulej mhux qed jagħti lezzjoni morali imma qed jitkellem fuq xi ħaġa prattika tassew.  Aħseb għal rasek!  Kull wieħed minna riesaq lejh il-Ħaqq!  Dak in-nhar se tkun waħdek u x’fixla kbira tista’ taqbdek!  Tindifinx f’din id-dinja għax kulma għandek u kulma jeżisti madwarek qed imut... illum mejjet ftit iktar mill-bieraħ.  Kollox jispiċċa... u int tidher b’idek f’idek quddiem Dak li l-qdusija u l-kobor tiegħu huma tal-biża’.  Ħaġa waħda biss tiddefendik: kemm emmint lil Ġesù Kristu li l-Missier bagħatlek, u ma ħriġtux ta’ giddieb. 

 

Jekk int emmint lil Kristu, allura int sirt Nisrani ta’ veru u anke jekk stagħnejt, int se tagħmel użu qaddis mill-flus li Alla tak.  Għax kollox minn Alla ġej, kemm l-għana u kemm il-faqar.  Jekk lilek Alla għamlek għani, sinjal li jridek issalva għal dejjem permezz ta’ dak l-għana u mhux tinitlef minħabba fih.  Jekk Alla, fl-għerf tiegħu, flok għana tak faqar, dan għax iridek issalva u tikseb il-Ħajja ta’ Dejjem, l-ikbar għana, peremezz ta’ dak il-faqar li tak.  Għax jekk l-għana jista’ jwassal għall-kundanna, daqshekk ieħor il-faqar, għax mhux l-ewwel darba li l-fqir dagħa b’Alla minħabba l-Istorja li tah.

 

Alla jgħidlna llum: “Kunu għaqlin bħas-sriep.  Kunu makakki.  Użaw moħħkom.  Għax fin-nofs hawn tilgħab il-Ħajja eterna tagħkom!”  Użaw il-flus mislufin lilkom biex meta tidhru għall-Ħaqq dawn il-muniti li għamiltu karità bihom ikunu jistgħu jgħajtu favur tagħkom.  Hemm issibu l-fqar li intom għintu li jaqbżu għalikom fl-iktar mument delikat u mportanti tal-eżistenza tagħkom.  Dan qed ngħidu għalija l-ewwel wieħed, naturalment.  Għandna għax inkun xxurtjati li l-Mulej qed jislifna l-għomor biex nilħqu nisimgħu tajjeb il-Kelma tiegħu u nikbru fil-għerf, fil-għaqal u fid-dixxerniment, li ma mmorrux infattruha u jkun ferm aħjar għalina li ma twelidna xejn...

 

Dawk li għandhom intenzjoni tajba, se jifhmuh tajjeb dan il-Vanġelu.

 

Versett: Hallelujah.  Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-sema.  Hallelujah.

 

Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: "Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.  Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, 'Dan x'inhu li qiegħed nisma' fuqek? Agħtini kont ta' l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa' iżjed amministratur tiegħi.'  L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, 'Issa x'sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.  Naf x'nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.' 

 

U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. 'Kemm għandek tagħtih lil sidi?' staqsa lill-ewwel wieħed.] 'Mitt barmil żejt,' wieġbu dak. 'Oħroġ il-karti tiegħek,' qallu l-amministratur, 'oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.' Lil ieħor staqsieh, 'U int, kemm għandek tagħti?' 'Mitt xkora qamħ,' wieġbu. Qallu, 'Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.' 

 

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b'rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma' min hu tal-qatgħa tagħhom.   U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta' qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta' dejjem.   Min hu fidil f'ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f'ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.   Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?   U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f'dak li hu ta' ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?   

 

Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor.  Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus."

 

 

 
< Prev   Next >