Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA IL-KBURI JICCEKKEN U L-UMLI JITGHOLLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 24 September 2016

Din hija il- Liturgija  tals-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

vienna-bassano-pic-9-copy.jpg

 

L-Iskirittura ttambar ħafna fuq l-għana u l-faqar u l-Knisja ma tistax ma twissinix b’serjetà kbira fuqhom.  Rajna kif Alla permezz tal-Profeti u fl-aħħar, u bl-aqwa mod, permezz ta’ Ibnu, uriena li t-telfien jew is-salvazzjoni tal-bniedem jiddependu fuq ir-relazzjoni li għandu ma’ Alla u mal-flus.  Il-Kelma ma tgħidx jew Alla jew iż-żina; lanqas jew Alla jew kwalunkwe dnub ieħor.  Mhux għax dawn issa huma OK.  Mhux għax dawn ma jeqirdux lill-bniedem ukoll u jitfgħuh fit-telfien ta’ dejjem.  Imma hi kurjuża kif il-Kelma meta titkellem fuq l-ikbar periklu għall-bniedem dejjem issemi il-flus, l-għana materjali, is-sigurtà li l-bniedem ipoġġi fuq dak li joħolqu jdejh, fuq dak li jirnexxilu jagħmel hu fuq wiċċ l-art. Il-ġid li l-bniedem jiġbor għalih huma l-ikbar rival ta’ Alla, anke għax il-ġid ifesfes il-ħin kollu lill-bniedem li l-Ħajja vera, il-Ferħ veru, il-Ħelsien veru, il-Ġenna vera jistgħu jinkisbu hawn f’did-dinja u hekk l-għana kapaċi jagħlaq bieb is-sema, kapaċi jibni sema tal-konkrit, kapaċi jisraq il-ħolma tal-Ħajja ta’ Dejjem li tinkiseb biss f’Alla.

 

Imma l-għana ma tfissirx flus biss u lanqas il-faqar ma jfisser dejjem nuqqas ta’ flus.  U lanqas ma rridu ngħidu li kull min għamel suċċess fit-tgeddis tal-għana awtomatikament hu maqtugħ minn wiċċ Alla.  Ħafna nies Alla nnifsu jagħtihom din il-kapaċità, din il-kariżma li jirnexxu fil-business u l-kummerċ u hekk jivvintaw ix-xogħol għal tant nies li m’għandhomx il-kariżma li għandhom huma u magħhom jiekol ħaddieħor.  Imma qaddisin kbar bħal San Franġisk, u mhux waħdu, ma qagħadx idur mal-lewża u telaq kollox biex jimxi wara Alla bla xkiel.  Għax il-faqar għandu manija qaddisa kif iniżżlek fil-kumpanija tad-dgħajfin, tal-fqar fl-ispirtu, tal-emarġinati u mwarrba, ta’ dawk li d-dinja ma tqishomx u tagħmel inġustizzji magħhom.  Għax anke dawn huma fqar anke jekk ikollhom x’jieklu u x’jilbsu.  Min hu marid hu fqir.  Min iħossu barrani hu fqir.  Min saritlu inġustizzja u qata’ qalbu minn kollox hu fqir.  Fqir hu min hu dipress, minn falla fil-pjanijiet tiegħu.  Nies li ħabbew lil Alla dejjem xtaqu jkunu ħaġa waħda ma’ din il-kotra taċ-ċkejknin tal-art u wieħed li jgħix fid-dinja tal-għonja mhux se jsibha faċli jinżel fil-kantina jdur bil-foqra.

 

L-Ewwel Qari.

 

Il-Profeta Għamos kien bniedem fqajjar ġej minn familja fqira.  Kien ragħaj u kien jinkera biex jożbor il-ġummajż.  Hu għalhekk li seta’ jidentifika ruħu mal-fqir, mal-fqir għax m’għandux flus u mal-fqir mod ieħor.  Għalkemm bniedem sempliċi ħafna, hu ma beżgħax imur fejn jgħammru l-għonja u jkellimhom.  Min jaf x’figura sabiħa qata’ fost dawk li kienu lebsin pulit u bil-porpra!  Imma ġo għadmu kien hemm nar jaqbad, l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla, li kien jimbuttah dejjem ’il quddiem biex jobdi dak li bagħtu jagħmel Alla.  Bħal Ġwanni l-Battista.  Huwa jċanfar bi kliem qalil lill-imħajmin u l-paxxuti tas-Saltna ta’ Fuq, ta’ Samarija.  Dawn serrħu moħħhom fuq l-għana tagħhom u mhux fuq Jahweh li ħalaqhom.  L-alla tagħhom kien xi ħaġa li għamlu huma u faddlu huma, xi ħaġa li setgħu imissu b’idejhom u jaraw b’għajnejhom.  Kellhom riti u festi reliġjużi u bnew tempji fejn kienu jaħarqu s-sagrifiċċji biex iserrħu l-kuxjenza tagħhom.  Imma qalbhom kienet iebsa għal Alla u għall-proxxmu batut.  Ma kienu jistmaw lil ħadd fil-ferneżija tagħhom biex jakkumulaw iktar ġid li donnu qatt ma seta’ jxebbagħhom.

 

Dan hu li dejjem ġara fid-dinja, u t-tmiem dejjem kienu u jibqa’ l-istess: l-alla li jivvinta l-bniedem jinqered; il-bniedem li għandu l-manija li jitla’ ’l fuq bla ma jaħseb f’ħaddieħor jasal, iva, fil-quċċata tal-muntanja, imma hemm isib il-hubris tiegħu, jgħidu l-Griegi, it-tisbita tiegħu tkun kbira.  Liema bniedem kbir fl-istorja ma waqax għal isfel minn fejn tela’?  Liema għani ma rax is-sodda tal-mard u tal-mewt? 

 

Ħarsu madwarkom lejn is-soċjetà imħajma u imxaħxa tal-punent u ara jekk tarawx li kollox nieżel ’l isfel għax stagħnew u warrbu lil Kristu u kasbru l-Knisja tiegħu.  Il-Knisja qegħda tagħlaq fl-Ewropa.  Litteralment, knejjes jinbiegħu għax ħadd ma jmur fihom. Għamos jgħid: “L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar, u bl-ifjen żjut jindilku, bla xejn ma jsewdu qalbhom għall-qerda ta’ Ġużeppi.”  (v. 6)  Ftit huma n-nies li qed jibku fuq il-qerda tal-Knisja fl-Ewropa.  Kulħadd jixrob u jixxala u x’ħin issemmilhom lil Kristu, jidħku.  “Għalhekk dalwaqt imorru lejn il-jasar, l-ewwel fost l-imjassrin; jieqaf imbagħad l-għajat tal-imħajmin!”  (v. 7). 

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos.  6, 4-7

 

Ħażin għalihom dawk li f'Sijon

għandhom moħħhom mistrieħ,

dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija,

Fuq sodod ta' l-avorju mimduda,

jitmattru fuq il-friex;

u ħrief il-merħla jieklu,

għoġiela mill-istalla;

ma' l-arpa jqabblu l-għana,

bħal David strumenti jivvintaw.

L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,

u bl-ifjen żjut jindilku,

bla xejn ma jsewwdu qalbhom

għall-qerda ta' Ġużeppi.

Għalhekk ikunu l-ewwel

fost dawk li jittieħdu  fl-eżilju,

u tintemm imbagħad l-għajta ta' l-imħejmin.

 

Salm Responsorjali

 

Min se jagħti tama lil dawk li għaddejjin minn wied mudlam, li għalihom ma jeżistix l-‘inbid’ biex ilegllguh lanqas il-‘friex’ fuqhiex jitmattru ?  Min se jħenn għal dawk li ma sabux ħniena f’din id-dinja li taf tkun selvaġġa mad-dgħajjef ?  Lejn min se jdawwar għajnejh il-bniedem qrib id-dippressjoni, jew l-ieħor li hu mwerwer mill-mard ?  Min se jdawwal it-tbatija u jagħtiha sens biex l-imsejken ikun jista’ jiġbed nifs ’il ġewwa u jieħu r-ruħ ?  Dan is-Salm li ġej, Salm 146, li se naqraw parti żgħira minnu, jitkellem fuq il-qalb kbira ta’ Alla.  Hu jaf int minn xhiex għaddej u jagħtik il-garanzija li għalik se jisbaħ ukoll ; kollox hu parti mill-misteru tal-Għid li jkebbeb id-dinja.  Jekk għaddej minn ‘ġimgħa’ ta’ twegħir u nkwiet u biża’ u wġiegħ, se jżernaq għalik iż-żerniq ta’ Jum il-Qawmien.  Dak in-nhar int tkun tista’ tikser is-skiet tiegħek u tgħajjat kemm tiflaħ u xxandar il-ġenerożità ta’ Alla miegħek ! 

 

Liema kapparra teżisti biex tassigurak minn dan ?  Kristu Ġesù huwa l-kapparra tiegħek.  Emmen fih !  « Hu li flok l-hena li kellu quddiemu qagħad għas-salib bla xejn ma qies il-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla. »  (Lhud 12, 2).  Kristu fetaħ triq għall-foqra fl-ispirtu u wriehom li s-salib li qed jerfgħu se jagħtihom l-istess Qawmien li ġarrab Hu, l-istess Glorja, l-istess mistrieħ fi ħdan il-Missier.  « Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa tagħkom, u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp ma joħroġx mit-triq, imma jerġa’ jieħu saħħtu. »  (Lhud 12, 12-13).

 

Ritornell : Faħħar, ruħ tiegħi, ’il-Mulej.

 

Salm 146

 

Hu lii jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin;

il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja.

 

Il-Mulej li jerfa' lill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin;

hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

 

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 

It-Tieni Qari

 

Kull meta l-Knisja ssieħbet mal-għonja u ħarset lejn l-uċuħ, Alla malajr uriha l-qamar fil-bir u spiċċat għerriet ruħha, bla saħħa, bla ma tkun emmnuta.  Għall-kuntrarju meta l-Knisja, bħal Kristu, għażlet li tkun ħaġa waħda mal-fqir u l-batut, ħaditha mal-arroganti u dawk li jgħaffġu fuq l-oħrajn, u spiċċat ippersegwitata u mgħajra, hija ferħet bir-ritorn ta’ ħafna li kienu nfirdu minnha u reġgħet xegħlet id-dawl li jdawwal il-ħajja ta’ tant nies. 

 

Din il-kontradizzjoni hija xogħol Alla.  Mhux ta’ b’xejn li l-Papa preżenti ħa l-isem, li jfisser ħafna, ta’ Franġisku.  Il-Knisja llum hi ‘fqira’ imma ‘għanja’.  Meta tiġi taqa’ u tqum mill-obligazzjonijiet lejn dak u l-ieħor u minħabba f’hekk titlef il-privileġġi li kellha dari, hija tiftaqar, imma ssir aktar ‘sinjura’ għax il-kelma tagħha titwemmen u tkun il-kenn għall-kotra tal-foqra, foqra mhux mill-flus biss imma fuq kollox, foqra spiritwalment, psikoloġikament, foqra fl-Istorja tagħhom, foqra fil-fallimenti tagħhom.  Mhux ta’ b’xejn illi San Lawrenz meta staqsewh fejn huma d-dehebijiet tal-Knisja ħadhom jaraw folla fqar, emarġinati, imċerċra u mmankati.  Quddiem Alla, dawn huma l-għana tal-Knisja.

 

Timotju kien id-dixxiplu favorit ta’ Pawlu.  Kitiblu żewġ ittri sbieħ li fihom wissih dwar it-taqbida li kull Nisrani jrid jitqabad f’din il-ħajja biex jirbaħ il-Ħajja ta’ Dejjem li l-fwieħa tagħha tibda minn hawn.  Huwa jfakkru fl-istqarrija mħeġġa u b’leħen għoli li hu kien għamel favur Kristu waqt ir-rit tal-Magħmudija li hu kien ħa bħala adult.  Ifakkru wkoll fl-istqarrija ta’ Kristu quddiem Pilatu meta stqarr li hu kien tassew Sultan imma li s-Saltna tiegħu ma kinitx xi Saltna miskina tad-dinja li llum hi fl-aqwa tagħha u għada tintemma u tispiċċa fuq karta mejta tal-istorja.  Huwa stiednu jħares ’il quddiem lejn il-Glorja li tinsab riesqa b’ħeffa kbira. 

 

Dan hu li l-Kelma tistieden lin-Nisrani: Ħares lejn il-Glorja, lejn il-Ġenna li tinsab riesqa tgħaġġel.  Jekk jagħmel hekk, in-Nisrani ma jsibhiex bi tqila jindiehes ma’ dawk li huma fil-bżonn.  Għax Kristu rieġa ġej  u ġej dalwaqt.  Huwa ġej fl-aħħar ta’ ħajjitna biex jimlina b’ferħ u sliem tal-għaġeb u jagħtina dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet dak li Hu ħejja għal min jemmen fih.  Ħwejjeġ kbar hemm lesti għalina jekk niġġieldu t-taqbida t-tajba.  Għad jasal jum meta jintesa l-faqar, il-falliment, l-umiljazzjoni, il-post tal-aħħar... għax dak in-nhar Hu jixxuttalna kull demgħa minn għajnejna (Apok. 21, 4) u kbira tkun ix-xorti li tkun messitna.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  6, 11-16

 

Int, bniedem ta' Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.  Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta' dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.   Nwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu.  Nwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu,  li għad juriha f'waqtha.

 

     Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani, 

     s-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,

    li hu biss ma jmut qatt

     u jgħammar f'dawl li ħadd ma jista' jersaq lejh, 

     hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista' jarah. 

     Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Amen.

 

Evanġelju

 

L-Evanġelju tal-għani u l-fqir Lażżru jkellimna fuq Misteru kbir fil-Fidi tagħna : is-Salib li jistrieħ fuq spallejna fil-mixi tagħna f’did-dinja.  Hafna jħarsu lejn dawk li donnhom kollox jiġihom tajjeb u jqabblu ma’ tagħhom il-ħajja tagħhom, l-esperjenzi iebsa tagħhom u jgħidu f’qalbhom dak li saħansitra wieħed mis-Salmi jgħid : « Ġietni l-għira għall-kburin xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem.  Għax dawn ma għandhom ebda tbatija, qawwijin u sħaħ f’ġisimhom.  M’għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja ; mhumiex imsawtin ma’ wlied Adam. »  (S. 73, 3-5).  Huwa naturali li l-bniedem li jħabbat wiċċu mal-iebes, iħares madwaru u jqabbel dak li jara ma’ dak li qed jiġri lilu. 

 

Din hi tentazzjoni kbira li biha x-xitan jista’ jagħmel festa minna.  Imma l-Kelma ta’ Alla tistedinna biex nittalbu għajnejn spiritwali li jaraw dak li ħaddieħor ma jarax, biex ikollna dixxerniment u nifhmu dak li jkun qed jiġri lilna u madwarna, li ma mmorrux nitilfu l-Fidi, l-unika għana li l-fqir għandu.  Salm 49 jgħid : «Din xortih min jittama fih innifsu ; hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħatu.  Bħan-nagħaġ lejn l-imwiet mexjin, il-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom ; dritt lejn il-qabar jinżlu, jintemmu fl-imwiet bla ġieh ta’ xejn. »  (vv. 14-15). 

 

Hawn qiegħed l-Għerf għax din hi l-problema l-kbira ta’ kull bniedem, tal-ħlejjaq kollha, tad-dinja nfisha.  Il-problema tal-mewt !  Min qatt xtara l-mewt biex ma tersaqx lejh ?  Liema somma flus solviet din il-problema enormi ?  Quddiem il-mewt kulħadd l-istess… imma hemm min imut għal dejjem u hemm min għalih il-mewt hija ‘oħtu’ li tiftaħlu l-Bieb għal Ħajja li ma tispiċċa qatt.  L-istess Salm ikompli jgħid : « Imma lili Alla jifdili ħajti, mis-setgħa tal-imwiet żgur jaħtafni ! »  (v. 16). 

 

Din hi l-għajta ta’ trijonf tan-Nisrani fqajjar li jġorr is-salib wara Sidu.  L-għana jħassar ; it-tbatija ssaffi mit-taħsir.  Kristu mexa bis-salib lejn il-Ħajja. Nimxu warajH, mela, b’Fidi li Hu biss hu l-verità.  Lażżru l-fqir jissimboliżża dan kollu fil-Vanġelu li ġej.

 

Versett :  Hallelujah. Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’ min joqgħod fuqhom, imwettqin għal dejjem ta’ dejjem.  Hallelujah.

 

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar.  U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta' daru,  bix-xewqa li jixba' b'dak li jaqa' mill-mejda ta' l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.  Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh.  Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f'Art l-Imwiet, rafa' ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b'Lazzru fi ħdanu.  U għolla leħnu u qallu, 'Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f'dan in-nar.' 'Ibni,' qallu Abraham, 'ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f'ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f'ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.  Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista', u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.' Qallu l-għani, 'Mela nitolbok, missier, ibagħtu f'dar missieri,  għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f'dan il-post ta' tbatijiet ħorox!' Qallu Abraham, 'Għandhom lil Mosè u  l-Profeti; jisimgħu lilhom.' 'Le, missier Abraham,' qallu dak, 'imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.' Iżda wieġbu Abraham, 'Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.' "

 
< Prev   Next >