Tuesday, 24 October 2017
           
Home
IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) BHAL SIGRA L-FIDI; TRID TIBQA’ TIKBER PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 02 October 2016

Din hija il- Liturgija  tas-Seba' u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa

stp.jpg

 

Ftit huma dawk li b’xi mod jew ieħor ma jemmnux li jeżisti Alla, jew xi forma ta’ Qawwa Setagħna li minnu nibet il-ħolqien.  Anke x-xjenza, li xi wħud fil-kburija ta’ moħħhom jikkwotawha biex jippruvaw li Alla ma jeżistix, tgħid ċar u tond li xejn ma jista’ jeżisti mix-xejn; kull ħaġa magħmula taf l-eżistenza tagħha minn xi ħaġa oħra.  Anzi nistgħu ngħidu li l-fenomenu mhux l-eżistenza tal-fidi f’Alla imma l-ateiżmu.  Iktar minn hekk, il-bniedem jitwieled bi bżonn naturali ta Alla, jew ta’ xi tip ta’ alla.  Dan il-bżonn huwa mħawwel fin-natura tagħna u l-bniedem ma jistax jeqirdu minnu nnifsu. Din il-ħaġa tissejjaħ ir-“reliġjożità naturali”.

 

Issa, din ir-reliġjożità li qegħda fin-natura tagħna, wieħed jista’ jużaha tajjeb biex ifittex lill-Alla l-veru jew inkella jużaha biex jivvinta alla għalih li bih jipprova jimla l-vojt etern li kull wieħed minna għandu ġewwa fih.  Allat foloz minn dawn insibu bil-gżuż, l-aqwa wieħed huwa dak li l-Liturġija tal-Kelma kellmitna fuqu f’dawn l-aħħar żewġt Iħdud: il-flus.  Alla falż jista’ jkun il-karriera, is-saħħa, l-affetti tan-nies, xi passatemp... saħansitra l-familja. Ħaġa hija ċara: mingħajr xi “alla” l-bniedem ma jgħix.

 

Iżda l-Fidi Nisranija mhix li temmen li jeżisti Alla biss, Alla li ħalaq l-univers, li jagħmel regoli biex il-bniedem jimxi ta’ nies miegħu innifsu u mal-oħrajn, li lejh tirrikorri f’waqtiet ta’ bżonn.  Dan l-Alla anke x-xjaten jemmnu fih u jirtogħdu quddiemu, tgħid l-Iskrittura.  Il-Fidi Nisranija hi li int temmen fl-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju: li l-Missier tant ħabb lid-dinja, mitlufa u mwerwra mill-mewt, li Hu bagħat lil Ibnu biex bil-misteru tal-Għid tiegħu Huwa jsalva d-dinja.  Min jemmen fl-Iben għandu l-Ħajja ta’ Dejjem, jiġifieri ma jmut qatt.  U din li ma tmut qatt mhix xi ħaġa li wieħed jitgħallimha, imma hija ċertezza ġewwa fih, għarfien li tgħinu jgħix din il-Ħajja bla tmiem ġa minn hawn. 

 

Għalhekk ma jistax ikun hemm Fidi Nisranija fi Kristu mingħajr l-opri tal-Fidi, għax il-Fidi mingħajr għemil hija mejta.  Jekk wieħed ħeles mill-biża’ tal-mewt minħabba l-Fidi tiegħu fi Kristu, din il-qagħda tagħmilha naturali għalih li jinagħta biex iħobb... iħobb lil kulħadd, u hekk ikun xhieda tal-Qawmien u r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.

 

Iżda m’humiex l-għemejjel tajba li jsalvaw lill-bniedem.  Dawn l-għemejjel tajba għandhom Omm u din l-Omm hija l-Fidi.  Hija l-Fidi fi Kristu li ssalva lill-bniedem.  Imma mingħajr għemil mhux veru li għandek Fidi, u din il-Fidi ma ġġibhiex int bl-intenzjoni tajba tiegħek jew bl-isforżi tiegħek.  Il-Fidi hija rigal gratis, Grazzja ta’ Alla.  Huwa Alla li jagħtik il-Fidi, u din il-Fidi mhix xi ħaġa wieqfa, statika, ma titħarrikx, la tmur ’il quddiem lanqas lura.  Il-Fidi trid tikber il-ħin kollu.  Huwa għalhekk li Alla jgħaddina minn ċirkustanzi fl-Istorja tagħna li bihom aħna, suppost, li nikbru fil-Fidi.  Għax jekk il-Fidi ma timxix ’il quddiem fl-għarfien ta’ Kristu, tmur lura.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla ma jikkuntentax jara fina Fidi tat-tfal, Fidi infantili.  Jekk kbirna, l-Fidi trid tikber magħna u mhux insiru rġiel u nisa adulti fil-ġisem u r-raġunar, imma nkunu għadna lebsin il-libsa ċkejkna tal-Magħmudija, bil-kappa bajda fuq rasna!  Fidi ċkejkna fi bniedem adult hija Fidi taċ-ċajt.  Hawn ħafna li jaħsbu li huma xi ħaġa għax irnexxew fil-ħajja u n-nies għandha opinjoni għolja tagħhom, imbagħad għandhom biss Fidi tal-vavi li titmejjel ’l hawn u ’l hinn u titkaxkar mal-kurrent tal-moda taż-żmien. 

 

Il-Fidi tal-bniedem tikber u timmatura fil-forġa tal-esperjenza tal-ħajja.  Alla huwa Sid l-Istorja u l-Istorja jfassalha biex jien u int nikbru fit-twemmin, għax mit-twemmin tagħna fi Kristu se jiddependi jekk nibqgħux ħajjin għal dejjem, jew, allaħares qatt nintilfu għal dejjem.  Dan hu l-iktar importanti.  Dan hu li se jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.  Ilkoll kemm aħna naljenaw ruħna bid-dinja, bil-proġetti tagħna, bl-għanijiet, bil-ħajja tagħna hawn.  Alla jara ferm, ferm iktar ’il bogħod u jinduna li nkunu qbadna triq li tieħu għas-sies u l-baħħ.  Aħna nirrabjaw meta hu jkissrilna kollox u jġebbidna lura mit-triq imwiegħra permezz ta’ xi esperjenza li taħsadna.  Imma jekk Alla jħobbna, u jarana alenija nilagħbu biż-żmien, kif jista’ ma jindaħalx anke bil-goff?

 

Il-profeta Ħabakuk, jitniehed quddiem Alla għax Alla kien donnu ħeba wiċċu, ma kienx għadu jisma’ t-talb tal-ħbieb tiegħu.  Kien wiegħed ħafna affarijiet lill-poplu tiegħu imma dawn kienu għadhom ma seħħewx.  Għal Alla ż-żmien mhux importanti, anzi Hu bla żmien għax ma jmut qatt, imma għall-bniedem iż-żmien huwa mportanti ħafna għax il-mewt tistenniena wara l-kantuniera.  Għalhekk il-bniedem jitħawwad quddiem is-skiet ta’ Alla bla ma jinduna li waqt din l-esperjenza ta’ “dlam” il-Fidi tiegħu tkun qegħda timmatura, ma tibqax Fidi tat-tfal li taħseb li Alla hu xi “push-button” li malli tagħfasha joħroġ dak li trid int minn ġol-magna.

 

Il-Fidi trid tasal sal-punt li għalkemm ma nifhmu xejn, ma nafux x’inhu jagħmel il-Mulej, kollox jindika li Hu nsiena u li kollox miexi għal riħu, int tibqa’ tittama fiH, tafda fiH, tistenniH... tistenniH jaħdem fis-skiet u fl-umiltà.  Dan hu iebes ħafna għall-bniedem.  Ħafna tilfu l-Fidi li kellhom għax spiċċaw iddiżappuntati b’Alla.  Marija, wieqfa taħt il-forka ta’ Binha hija xempju tal-għaġeb tal-“lejl mudlam tal-Fidi”.  Hi nagħatat wegħda minn Alla permezz tal-Arkanġlu li Binha kien se jkun il-Messija Mwiegħed li s-Saltna tiegħu tkun bla tmiem... imma ekku, qed taraH imut fost tbatijiet ħorox, magħdud mal-kriminali.  Fejn hi l-Wegħda tal-anġlu?  X’sar minnha?  Hi ma tifhem xejn, imma tibqa’ tittama, tittama, tittama.  Din hi l-Fidi li l-Missier jixtieq jibni fina.  Din hi l-Fidi li ssalva tassew.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakuk.  1, 2-3; 2, 2-4

 

Mulej, kemm se ndum nokrob

għall-għajnuna u int ma tismax!

Jew ngħajjat: "Vjolenza!"

u int ma ssalvax!

Għaliex turini l-ħażen,

u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?

Quddiemi qerda u vjolenza,

hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.

Mbagħad il-Mulej wieġeb:

"Ikteb id-dehra," qalli,

"onqoxha fuq tavlozzi,

hekk li jkun jista' jħaffef min jaqraha.

Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,

tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx.

Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,

għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!

Arah jinfena min m'hux ruħu sewwa,

iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu."

 

Salm Responsorjali

 

Il-Profeta spiċċa biex qal li min mhux ruħu sewwa se jinfena, jispiċċa bla saħħa quddiem il-ġrajjiet li jiltaqa’ magħhom.  Min m’għandux Fidi adulta fuqhiex jistrieħ se jimbaram… għax illum jew għada l-inkwiet se jasal, jasal il-falliment, jasal il-mard u x-xjuħija u l-biża’ tal-mewt.  Imma min hu fidil mal-Mulej; min jagħrfu b’Missieru, min jafdaH b’ħajtu, dan se jgħix fil-paċi, u anke jekk in-nirien tal-inkwiet idur madwaru, bejnu u n-nar se jkun hemm iż-żiffa ħelwa tal-Ispirtu li tfarrġu.  Ħafna jħarsu lejh u jgħidu : « Arah, dan l-inkwiet kollu !  Li kieku jien immur naqbeż ! »  Huwa għalhekk li n-Nisrani huwa xhud tal-qawwa ta’ Alla.

 

Għall-kuntrarju, il-bniedem li huwa hu l-alla tiegħu innifsu, li hu supperv u ma jemmen b’xejn ħlief bil-ħiliet tiegħu, jimbaram meta l-Ħajja hi ikbar minnu.  Jirrabja, jwebbes qalbu għal Alla, jakkużaH u jgerger kemm jiflaħ kontriH.  Hekk għamel Iżrael fid-deżert wara l-ħruġ tiegħu mill-Eġittu.  Ippretenda li moħħu kien kbir biżżejjed biex jifhem kollox u ma setax jifhem dak id-dawrien fid-deżert għal erbgħin sena sħaħ għalfejn.  Mur għidlu li kien għadu dgħajjef wisq biex jiffaċċja l-għedewwa u allura Alla, bħala Missier li jaħseb il-ħin kollu f’ibnu, kien qed jagħtih iż-żmien biex jipprepara ruħu.  Din hi l-esperjenza tagħna lkoll.  Aħna rridu naħkmu l-Istorja tagħna, niddominawha, mmexxuha aħna… u meta kollox donnu jaħarbilna, meta nħossuna żgħar quddiem dak li ngħaddu minnu, flok ma nkunu umli u mmorru għand il-Missier, nirribellaw kontrih u ngħidu li ma jħobbnix, insiena, mhux magħna.

 

Kemm-il darba ppruvajniH fid-deżert ta’ xi esperjenza qarsa.  Kemm-il darba għadda minn ġo moħħna l-ħsieb : « Li kieku nkun flok Alla mqar għal tliet minuti, kieku kollox inbiddel minn ħajti ! »  Kemm inkejniH lil Alla bl-ebbusija ta’ qalbna!  Dan hu l-ambjent negattiv wara Salm 94.  Alla jaf li jekk jurina l-Pjan tiegħu, lilna ma jogħġobniex, għalhekk is-Salm jgħid : « Jekk illum intom tisimgħu leħnu la twebbsux il-qlub tagħkom. »  Għaliex il-bniedem iwebbes qalbu kontra Dak li qed jeħodlu ħsieb ta’ kollox ?  Għax m’għandux Fidi.  Il-Fidi hi kollox u miskin, miskin, miskin il-bniedem li jieħu l-Fidi tiegħu « for granted »; għax twieled Malta hu Nisrani, ħej !  L-għemil tagħna jikxef x’Fidi għandna.

 

Ritornell : Isimgħu leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom.

 

Salm 94

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

 Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

It-Tieni Qari

 

Tafu x’inhu l-ikbar sinjal, l-iktar sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ Fidi adulta?  Il-biża’.  Il-biża’ quddiem l-Istorja.  Il-biża’ għax wieħed iħossu waħdu quddiem xi problema. Il-biża’ tat-tifel iltim li m’għandux Missier li jaħsiblu għal kollox u li jiddefendih dejjem.  Iżrael webbes qalbu kontra Alla f’Massah u f’Meribah għax ħass ruħu waħdu fid-deżert fejn ma kienx hemm ilma x’jixrob.  Ma kinitx prova taċ-ċajt!  Aħna ngħaddu minnhom dawn il-provi, tibżax!  Kulma hemm fl-Iskrittura nkiteb għalina u aħna ngħaddu minnhom.  Il-biża’ u t-tħassib inibbtu fil-bniedem il-vjolenza.  Meta jkun imdawwar biċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt, il-bniedem jirvilla... ma tibqax tagħrfu, ma tafx safejn kapaċi jasal.  Il-bniedem jidgħi kontra Alla.  Isir egoista.  Naħseb fil-proxxmu? U ħallina!

 

Għal kuntrarju ta’ dan, San Pawl jgħid lil Timotju xi ħaġa kbira!  “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.”  L-Ispirtu s-Santu ma jibża’ minn ħadd u minn xejn għax kollox hu tiegħU.  Iktar kemm tikber il-Fidi fina iktar jikber l-Ispirtu s-Santu.  Lill-appostli fid-dgħajsa, Kristu qalilhom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn?  Mela m’għandkomx Fidi?”  (ara Lq. 8, 25).  Fuq il-bniedem imżejjen b’Fidi adulta, Ġeremija jgħid: “Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla, b’għeruqha mxenxla lejn il-wied; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.”  (Ġer. 17, 8). 

 

Hekk ukoll il-palma.  Xuxxitha mdawra mill-qilla tax-xemx tad-deżert, imma għeruqha niżlu fil-fond sa ma sabu l-ilma ġieri, u għalhekk hi komda.  L-għajn tal-ħajja tagħha hi moħbija taħt l-art.  Dan hu l-bniedem Nisrani tassew.  L-ilma ġieri taħt l-art huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħammar f’min għandu l-Fidi.  Dan l-Ispirtu jgħidlu: “Tibżax!  Kuraġġ!  Hu Alla li qed imexxilek l-Istorja.  Dan hu l-Għid!  Ġimgħa ta’ taħbit, ġimgħa ta’ nkwiet, ġimgħa ta’ mewt li twassal għall-Qawmien.  Hekk jaħdem il-Missier.  Emmen u afda!!”

 

Nindunaw jekk għandniex ir-rigal enormi tal-Fidi li hu rigal ta’ barra minn hawn, jekk ngħarfu li l-biża’ naturali tagħna intrebaħ minn Kristu.  Jekk għadek tinkwieta fuq kull ħaġa ta xejn, dan ifisser li l-Fidi tiegħek hi żgħira.  Itlob bil-ħeġġa biex Alla jkattarlek il-Fidi!  Din hi l-aqwa talba!  Kemm nittalbu ħmerijiet... ħaġa waħda hi bżonnjuża.  Bil-Fidi kollox jaqa’ f’postu.  Jekk titlob il-Fidi tkun qed titlob kollox.  San Ġwann l-Evanġelista fl-Ewwel Ittra tiegħu (li hi Ittra kbira, enormi... aqrawha!) jgħid: “Fl-imħabba m’hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra.  Min jibża’ għadu ma sabx il-milja tal-imħabba.”  (1 Ġw. 4, 18).  Min għandu l-Fidi biss kapaċi jkollu l-imħabba li tkeċċi l-biża’ ’l barra.

 

Meta kien fuq din l-art Kristu kien jimpressjona ruħu u jibqa’ mbellaħ biss bil-Fidi kbira ta’ nies sempliċi bħaċ-ċenturjun jew il-mara Kangħanija, jew il-mara li messitlu tarf il-mantar biex tfiq.  Dawn kien nies tassew kbar.  Il-Fidi għamlithom kbar.  San Pawl iħeġġeġ lil Timotju biex dejjem jikber fil-Fidi u jibża’ għat-teżor li ġie afdat f’idejh.  Kif nikbru fil-Fidi?  Il-Knisja tagħtina t-Triq: Sagramenti, Talb, Smigħ u Qari tal-Kelma li mingħajrha ma nafuhx lil Ġesù.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  1, 6-8,  13-14

 

Għażiż: Infakkrek biex tqajjem fik id-don ta' Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta' idejja;  għax Alla ma taniex spirtu ta' biża', imma Spirtu ta' qawwa, ta' mħabba u ta' rażan.

 

Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta' Alla.  Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesù.  Ħares bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f'idejk.

 

L-Evanġelju

 

Il-Fidi tagħmel l-għeġubijiet fil-bniedem.  Dan jgħidu l-Mulej fl-Evanġelju tal-lum.  Meta jġib l-eżempju tas-siġra li tobdi l-bniedem u tmur titħawwel fil-baħar, Kristu ried jurina li l-bniedem li għandu fiduċja għamja fil-Missier u li jemmen tassew x’akkwistalu Kristu bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu hu miftuħ għall-għeġubijiet ta’ Alla. 

 

X’se jsir mill-bniedem tal-Fidi?  Min jaf?  Hu bħar-riħ, għal kollox ħieles, illum hawn u għada ma jafx fejn, lanqas jimpurtah.  Waħda hi l-ankra tiegħu: Alla hu Missieru u Kristu miet u rxoxta għalih biex hu jgħix għal dejjem.  Din hi l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju, fil-qosor.

 

L-Appostli ndunaw li l-Fidi tagħhom kienet zero u għalhekk talbu lill-Mulej biex ikattarhielhom.  Indunaw li huma ma kellhomx ħila jibnu l-Fidi tagħhom għax il-Fidi tiġi minn Alla.  Indunaw li l-Fidi tagħmel minnhom nies umli li jgħarfu x-xejn tagħhom, li huma ma jiswew għalxejn, imma b’Alla kapaċi jaqilbu l-imperi, kif fil-fatt għamlu.  Tnax-il sajjied ħarbtu d-dinja, għażquha, ħartuha, naddfuha mix-xjaten... tnax-il sajjied!  X’waħda din!  U fl-aħħar ta’ dan kollu, kellhom jgħidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għalxejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu!”  Fejn hu l-ftaħir tal-bniedem?  Imkien.  Il-ftaħir u t-tifħir huwa ta’ Alla waħdu.

 

Versett: Hallelujah.  Fidil il-Mlej f’kull kelma tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  17, 5-10

 

 L-appostli qalu lill-Mulej: "Kattar fina l-fidi."  Weġibhom il-Mulej: "Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, 'Inqala' u mur tħawwel fil-baħar,' u hi kienet tisma' minnkom.

 

"Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x'se jgħidlu? 'Ejja, isa, u oqgħod   għall-ikel’?  jew, 'Lestili x'niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int?’  Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?  Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, 'Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.' "

 
< Prev   Next >