Monday, 11 December 2017
           
Home
IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-FERH JINSAB FIR-RADD IL-HAJR U L-GRATITUDNI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 October 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tmienja u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

cleansing-of-10-lepers.jpg

 

Min hu l-bniedem hieni u mbierek?  Dak li jħoss li rċieva ħafna, ħafna mingħand Alla u għandu qalbu mimlija radd il-ħajr, grtitudni u tifħir lejn Dak li kien tant ġeneruż miegħu.  Hija diżgrazzja li donnu li n-natura mwaqqa’ li għandna iktar tiftakar id-diżappunti, it-telgħat tal-Ħajja, il-kuluri skuri u mdallma tal-kwadru tal-Istorja, il-mumenti meta s-salib jistrieħ fuq spallejna, milli tiftakar it-tant grazzji li rċivenja.  Dan inħossu jien u naħseb li lkoll xorta waħda.  Kemm drabi naqbad lili  nnifsi f’burdata ta’ gdiedem, ingerger kontra r-riħ isfel, kontra xi ħmerija li tkun ġrat, kontra kelma li ntqalitli.  Kemm hu iblah il-bniedem li jħalli lill-argużin, ix-xitan, ifaqqa’ l-frosta tiegħu billi jfakkru fxi ħaġa negattiva sabiex ma jħallihx ‘jara’ li jħares fejn iħares ma jarax ħlief Grazzja, kif jgħid Santu Wistin.

 

Għandna ‘għajnejn’ morda bil-katalletti!  Hu tqil għalina naraw kemm rigali tana l-Mulej.  L-ewwelnett, nieħdu ‘for granted’ il-Ħajja li tana, li hi meravilja, anke jekk bit-tgergir kultant indawruha f’toqol!  Il-fatt sempliċi li int tista’ tiġbed nifs ’il ġewwa, ta’ dan int midjun bil-kbir mal-Ħallieq.  Qatt waqaft taħseb... għandek ħila ġġebbed moħħok biex jirrifletti ftit li flokok seta’ ġie ħaddieħor... li int stajt tnissilt fil-ġuf imma spiċċajt taħt is-sikkina kiefra ta xi tabib bħalma qed jiġrilhom tant trabi daż-żmien bl-abort?  Imma lilek inagħtatlek ix-xemx tiela filgħodu, inżul ix-xemx sabiħ kif isejjaħlu l-poeta, il-kuluri differenti tal-istaġuni kollha sbieħ, il-kampanja dejjem tinbidel, il-għożża tad-dar, il-ħbiberiji sinċiera, l-esperjenza meraviljuża ta’ mħabba, il-ħarsa ta’ ommok, l-indukrar ta’ missierek, l-intimità meraviljuża u safja ma’ tfajla jew ma’ ġuvni li hi mqabbla mal-Imħabba ta’ Alla nnifsu, l-art li tatna isimha bid-drawwiet u l-kulturi tagħha, id-diversi staġuni tal-Ħajja kull tant twila, kull tant qasira...  u b’daqshekk għadni lanqas biss bdejt.  Hu veru li ġarrejna s-Salib, imma dan kien il-melħ li ta togħma lil dan kollu.  Alla kien fidil, tassew li kien fidil!

 

Int uniku u bħalek m’hawnx.  L-istess jien, l-istess kulħadd.  Int qed tgħix Storja unika.  Fik hemm miġbur l-għaġeb kollu tal-univers, tant li xi għorrief jgħidu li meta jmut bniedem imut l-univers, tmut Storja unika, speċjali, li ma tistax tiġi qatt ripetuta.  Id-diversita tal-ħolqien tkanta l-Glorja ta’ Alla.  Imma dan hu biss nitfa mill-għana veru tal-Mulej li minnu tnissel dan kollu.

 

L-għana veru ta’ Alla huwa l-Imħabba li biha ħabbni u ħabbek.  Din hi l-meravilja ta’ kollox u l-iskoperta ta’ dan l-għaġeb biss jagħti sens veru.  Ara kemm semmejna ħwejjeġ sbieħ... kollox jindara, kollox isir ‘black and white’... jieħu l-kulur biss jekk niskopru l-Imħabba ta’ Dak li ried li neżistu.  Huwa l-għarfien tal-Imħaba ta’ Alla li jaqla’ t-tgergir minn qalb il-bniedem.  Anke jekk għandna kollox, jekk  ma tgħammarx fina l-Imħabba li Alla għandu għalina u li aħna bil-fors, imbagħad, ikollna lejH, qisu m’għandna xejn.

 

U din l-Imħabba dehret fostna u ġiet tgħammar għandna.  L-Imħabba għandha isem: Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu tal-Mulej, l-uniku li rebaħ il-mewt għalina biex ngħixu għal dejjem.  Jekk il-Ħajja hi teżor, Kristu ċediha biex aħna ngħixu għal dejjem.  Jekk jien nagħraf dan, jien ħaj.  Jekk le, jien neżisti biss.  Min se jgħarrafuli?  Huwa d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu li jurini dak li hu mkebbeb f’misteru.  Il-Missier hu mxennaq li jkollna din l-esperjenza.  L-Iben miet biex jien u int insiru nafu x’ifisser tkun tassew maħbub. 

 

Mhux ta’ b’xejn li n-Nisrani veru hu l-bniedem tat-tifħir.  Mhux ta’ b’xejn li l-ogħla Talba tal-Knisja jisimha ‘Ewkaristija’, kelma Griega li tfisser ‘Radd il-Ħajr’.

 

L-Ewwel Qari

 

Huwa Ġesù Kristu l-ikbar irgal li tana l-Missier u huwa minħabba fiH li għandna l-aktar għaliex nirringrazzjaw lil Alla.  Għax hemm grazzji fuq grazzji li l-Missier jista’ jikkonċedielna, grazzji materjali ta’ saħħa, ta’ providenża, ta’ relazzjonijiet li jferrħu qalb il-bniedem, ta’ xogħol... imma l-ikbar opra tal-Mulej fl-Istorja tagħna hija l-Miraklu Morali, il-Miraklu l-Kbir... li tinbidel in-natura tagħna li qegħda tmut, f’natura li tixbaħ lil ta’ Alla nnifsu, natura li ma tmut qatt.  Aħna nġorru ħafna ġrieħi ġewwinija... xi wħud nitwieldu bihom... oħrajn inlaqqtuhom matul il-mixja tal-Ħajja.  Dawn il-ġrieħi jdennu, minnhom toħroġ il-Ħajja.  Huma ġrieħi spiritwali, psikoloġiċi li jtellfulna l-gost tal-Ħajja u jagħmuna mill-verità.  Huma ġrieħi li jimbuttawna nkunu, jaħasra, kattivi ma’ xulxin u mal-ambjent ta’ madwarna.  Huma marda tal-ġdiem spiritwali.  Min se jfejjaqni minn dan kollu?  Anke għal dan... anżi, fuq kollox għal dan, li ħaseb il-Missier.  Tant iridni ngħix il-milja tal-Ħajja u għal dejjem, tant irid lilek tgħix, li huwa ċċaħħad minn Ibnu l-Waħdieni, iċċaħħad minnu nnifsu u l-Ħajja tat ruħha għall-mewt biex fija tinbet il-Ħajja għal Dejjem.  Hu marad biex jien infiq!  Hu sar dnub biex jien insir ‘ġust’.  U ta’ dan, jekk issib wieħed minn għaxra li jirringrazzjawH!!  Forsi wieħed minn għaxra.  Ikun ħafna.

 

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten.  5, 14-17

 

F’dak iż-żmien: Nagħman ta’ Aram niżel fil-Ġordan, u għodos seba' darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta' Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta' tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu.

 

U raġa’ lura għand il-bniedem ta' Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f'Iżrael. Ilqa', nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek.”   U qallu Eliżew: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn.” U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna.  Għalhekk Nagħam qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta' żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek m'huwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Il-bniedem li jiskopri lil Ġesù Kristu jispiċċa jgħanni għanja ta’ radd il-ħajr għax għalih, l-esperjenza ta’ Kristu hija splużjoni ta’ ferħ!  Jien personalment, nisħaq fuqi nnifsi u nisħaq f’dawn il-kummenti, fuq il-bżonn enormi li min għadu m’għarafx lil Kristu jibda jgħarfu, u min diġa għarfu xi ftit, jgħarfu dejjem iktar.  Din hi l-missjoni tagħna lkoll: Papa, Isqof, Presbiteru, nies li kkonsagraw ruħhom, nies tal-familja, xjuħ, żgħażagħ, irġiel, nisa, fqar, sinjuri, morda, b’saħħithom, suwed, bojod...  It-tfittxija għal Kristu tagħti l-Ħajja lir-reliġjożità tagħna.  Jekk m’inixi nfittex lil Kristu llum, jekk, (Allaħares qatt!) naħseb li diġa sibtu u m’hemmx xi nsib aktar, jien niexef qoxqox, jien mejjet, jien mhux veru li qatt sibt lil Kristu jew li qatt kont nafu.  Għax l-Iskrittura tgħid: “Min iduq lili jkun irid iduq aktar!” 

 

Kif qatt tista’ tgħid li int stagħnejt bi Kristu u li m’għandekx aptit tistagħna iktar?  Għalhekk huwa ovvju, ċar daqs il-kristall, li min mhux imxennaq biex ikun jaf iktar lil Ġesù, biex jidħol aktar fil-Misteru tiegħu, dan mhux Nisrani.  Jekk dan hu int, jiddispjaċini, int m’intix Nisrani.  “Imma jien mgħammed!”  Jiddispjaċini, l-Magħmudija tiegħek hija mejta.  “Imma mmur il-knisja.”  Tajjeb wisq.  L-Appostli ltaqgħu ma’ ħafna pagani li kienu jmorru l-knisja, t-tempju.  Kienu nies reliġjużi imma ma kinux Insara.  Il-Misilmin, il-Lhud, il-Buddisti jmorru jitolbu forsi aktar minnek, imma m’humiex Insara.  In-Nisrani hu dak li kuljum jitlob lill-Missier biex jikkonċedilu l-Grazzja li ma tistħoqqlux li jagħraf x’għamel Kristu għalih, b’mod dejjem aktar ċar... biex jagħraf kemm kbira hi l-Imħabba li Alla jħobbu biex b’hekk ikun jista’ jħobb hu wkoll... iħobb lil Alla fuq kollox, iħobb anke lilu nnifsu għax jinduna kemm hu prezzjuż, u jħobb lill-proxxmu, lil kulħadd, lil kollox, lill-ambjent.  Kif jista’ l-bniedem jasal għal dan, għal din il-milja tal-Ħajja, jekk ma jagħrafx l-ewwelnett l-Imħabba li biha Alla jħobbu u li hi murija lilu fi Kristu?  Impossibli!

 

Dan hu misteru li mhux misteru bħal dak tad-dommi li ma nistgħux nifhmuh sakemm għadna hawn.  Huwa l-Misteru tas-Salvazzjoni li, skont San Pawl, il-Missier irid jgħarrafulna.  Anke dan is-Salm li għandna, jipproklama: “Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.  Raw it-trufijiet tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”  (vv. 2-3).  U hawn ħafna ‘Nsara’ li għadhom ma għarfu xejn, li jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li tgħid il-Knisja fuq kwistjonijiet soċjali jaħarqu u jagħmlu fattihom.  Hawn nies ‘tal-Knisja’ li huma fil-fatt pagani għax iżżewġu l-kultura qerrieda tal-punent u ma jħossu xejn kontra d-divorzju, kontra l-abort, kontra ż-żwieġ li mhux bejn raġel u mara, kontra l-ewtanasija, kontra t-tagħlim qarrieq fuq il-‘gender’, kontra edukazzjoni sesswali li tikkorrompi t-tfal fl-Ewropa u fl-Amerika u li għad tidħol hawn ukoll... 

 

Min hu Nisrani jibki quddiem il-qerda ta’ ċiviltà li darba kienet Nisranija.  Imma kuraġġ!  Għax “Il-Mulej għamel l-għeġubijiet; ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu u d-driegħ imqaddes tiegħu.” (v. 1).  Kristu hu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt.  Huwa  jfejjaq il-ġdiem tas-soċjetà tagħna.  Huwa jfejjaq il-ġrieħi tagħna u għajnejna għad jaraw ċar, u dak in-nhar  inroddu ħajr minn qalbna għal dak kollu li għamel għalina.

 

Ritornell:  Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.

 

Salm 98

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta' Iżrael.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.

 Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!

 

It-Tieni Qari

 

Kull ħaġa li tkellimna fuq Kirstu hija Aħbar Tajba, Bxara Tajba, Kerigma, għalina.  San Pawl kien bniedem reliġjuż immens qabel ma kkonverta.  Anke tal-‘Isis’  jgħidu li huma ‘reliġjużi’!  Kien qisu wieħed minnhom Sawlu!  Meta kellu laqgħa ma’ Kristu, meta għaraf min kien Kristu, meta nduna x’kien lest jagħmel il-Missier għalih meta tah lil Kristu, dan kollu, għalih, kien Aħbar Tajba, Evanġelju.  U din l-Aħbar bomba ma setax iżommha għalih innifsu imma ried jagħtiha lill-bnedmin kollha li tawh ċans ikellimhom.  L-għarfien ta’ Kristu jsir ġewwa fina nar jaqbad f’għadamna.  Altru li ‘boring’ huwa l-Kristjaneżmu!!  M’hawn xejn interessanti daqsu fl-univers għax m’hawn xejn isbaħ minn Kristu.  

 

Imma din il-Bxara tqajjem oppożizzjoni, persekuzzjoni.  Pawlu jinsab fil-ktajjen.  Għamel ħafna għedewwa.  Għandek għedewwa minħabba Kristu?  Jien m’għandix, u għalhekk baqagħli x’nimxi biex inkun ‘Nisrani’, ‘Kristjan’.  Min jimxi wara Kristu jinbtulu l-għedewwa... minn ġo daru l-ewwel, imbagħad minn fost ħbiebu, fir-raħal tiegħu u iktar lil hemm.  Spiċċa ż-żmien tal-kompromessi.  Għaddiet l-era meta s-soċjetà tagħna kienet Kristjana u kulħadd għall-Knisja għax illum il-Ħadd.  Min jitkellem favur Kristu jara l-insulti jtiru lejh: antikwat, tal-medjuevu, moħħok magħluq, injorant... ‘Il quddiem l-Insara veri, anke f’pajjiżna, għad jispiċċaw il-ħabs;  Nisrani għad ikollu jiċċaħħad milli jaqbad karriera ta’ għalliem, ta’ tabib, ta’ avukat... għax dawn, u professjonijet oħra, se jġibuh wiċċ imb’ wiċċ, u kontra, dak li temmen fih is-soċjetà.  Wasal żmien l-għażla.  Ninsew il-festi u l-kulturi, id-drawwiet u l-użanzi ‘reliġjużi’ tal-istaguni... hawn qed nitkellmu fuq ħwejjeġ ferm aktar serji.  Li tkun ‘Nisrani’ llum qed tibda tkun għażla, mgħammed jew m’intix.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  2, 8-13

 

Għażiż: Ftakar f'Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta' David, skond l-Evanġelju li ħabbart jien.  Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta' Alla m'hijiex marbuta.  Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta' dawk li Alla għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta' glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.  Din hi kelma ta' min joqgħod fuqha:

 

    Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;

    jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;

    jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;

    jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa'     

    jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.

 

Evanġelju

 

Mill-ġdiem fiqu għaxra.  Imma wieħed jista’ jfiq minn marda u jibqa’ marid fil-mentalità tiegħu, jibqa’ jaħsibha ta’ marid, jibqa’ jokrob ta’ marid.  Jibqa’ jeżisti flok jibda jgħix tassew.  Donnu ma rċieva xejn.  Mill-għaxra, wieħed biss inagħta Ħajja Ġdida; wieħed biss seta’ jgħajjat u jfaħħar ’l Alla, jirringrazzjah u jagħmel storbju.  Wieħed.  Għandna bżonn Insara tal-istorbju!  Insara li jgħajtu għax ġrat xi ħaġa kbira ġewwa fihom!  Mhux Insara li jitgħallmu u jistudjaw biss, imma li ġarrbu xi ħaġa, li esperjenzjaw meravilja f’ħajjithom.  Għandna bżonn inkun nies, l-ewwel wieħed jien, li ma nkunux Insara għax trabbejna hekk, imma għax iltqajna ma’ Alla, għax nistgħu ngħidu li nemmnu f’Alla għax darba ltqajna miegħu f’xi esperjenza u mhux għax għallmuna.  Dan hu l-fatt li jiftaħ widnejn il-pagani u x-xettiċi.  Illum ma jridux jisimgħu priedki; iridu jaraw b’għajnejhom u jmissu b’idejhom.  Għalhekk Kristu għandu bżonn iqajjem xhieda għax ħadd ma jista’ jevanġelizza jekk ma jkunx xhud, bħall-imġiddem imfejjaq.

 

Versett: Hallelujah. Il-Kelma ta’ Alla hija ħajja u qawwija, u tgħarbel il-ħsibijiet u l-feħmiet tal-qlub.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  17, 11-19

 

Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija.  Kif kien dieħel f'raħal, ltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu 'l bogħod minnu,  għollew leħinhom u qalulu: "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!"  Kif rahom, qalilhom: "Morru uru rwieħkom  lill-qassisin." U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.  Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa' lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla,  nxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan.  U Ġesù qabad u qal: "M'hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra?  Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa' lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!"  Mbagħad qallu: "Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek."

 
< Prev   Next >