Friday, 20 October 2017
           
Home
ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IN-NISRANI U L-BIBBJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 15 October 2016

Din hija il- Liturgija  tad-Disa' u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 howtopray.jpg

 

Ħafna jibqgħu mistagħġba kif nofs il-poplu għadu jmur il-Quddies nhar ta’ Ħadd imma mbagħad ma jsibhiex bi tqila ma jaqbilx ma’ u ma jifhimx it-tagħlim tal-Knisja fuq ħwejjeġ ta’ mportanza kbira morali u soċjali.  Malta qegħda tinbidel b’mod mgħaġġel immens u dan qed jidher fil-liġijiet soċjali li l-pajjiż qed jadotta.  Kien hemm min qal li dak li dam ħmistax-il sena biex daħal ġol-Italja, dam ħmistax-il xahar biex daħal Malta! 

 

Dawn il-liġijiet jgħaddu għax ħafna nies, li jiddikkjaraw li jemmnu billi jmorru l-knisja, jaċċettawhom.  Din tidher kontradizzjoni kbira u xi ħaġa li qegħda tħasseb lil ħafna għax dan hu punt importanti kemm għall-Knisja kif ukoll għall-pajjiż.  Għaliex qiegħed jiġri dan il-fenomenu?  Għaliex l-attendenza għall-Quddiesa tal-Ħadd qiegħed jonqos b’mod mgħaġġel u allura l-Fidi qegħda tnin f’pajjiżna?  Għaliex għad għandna kultura ħafna Kattolika b’użanzi, drawwiet, festi u staġuni li fil-qoxra huma Nsara, imma mbagħad il-bini (il-Fidi), li hu mdawwar minn dan l-iscafolding sabiħ (kultura), huwa mmermer?

 

Min jgħożż il-Fidi u jħobb il-Knisja ma jistax ma jitħassibx fuq dan u ma jħossx l-obligu li jifhem is-sinjali taż-żminijiet li Alla nnifsu qed jibgħat lill-Knisja tiegħu.  Jekk il-Fidi hi marida u dgħajfa, dan ifisser li naqas is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla għax l-Iskrittura tgħid ċar u tond li l-Fidi tiġi mis-smigħ.  Il-poplu m’għadux poplu tas-smigħ u min jitlef l-aptit jew l-abiltà li jisma’, jitlef il-Fidi.  Dan mhux għax il-poplu ttarrax, għax jaħasra għandna widnejn miftuħa daqshiex għall-messaġġi kontinwi li nirċievu mill-kultura dominanti ta’ żmienna. 

 

Huwa hawn fejn qegħda tintilef, almenu għalissa, l-battalja.  Il-Knisja mhix tlaħħaq mal-meżżi tal-midja li kontinwament itambru u itambru l-idejali sekolarizzati u anti-Alla li bihom il-bniedem modern tal-punent spiċċa ‘brainwashed’.  Issa sar fatt fil-moħħ ta’ ħafna li jekk ma tiddubitax it-tagħlim tal-Knisja u ma timxix mal-kurrent tal-idejat moda u liberali tal-lum, int antikwat, bla edukazzjoni... u għad jasal iż-żmien meta int se tkun meqjus perikoluż u wieħed li joħloq firdiet fis-soċjetà, u allura miftuħ għall-kastig tal-liġi.  Dan kollu għad iseħħ.  L-Insara li jkun fadal għad ikunu ppersegwitati f’Malta u inutli wieħed iwaħħal f’min imexxi.  It-taħsir tas-soċjetà hu aktar profond minn dan u jekk ma nagħrfux il-‘ġenesi’, il-bidu tal-problema ma nsibux is-soluzzjoni.

 

Hu ċar li omelija ta’ għaxar minuti darba fil-ġimgħa ma tasal qatt biex tegħleb dak li wieħed jirċievi bil-kontra f’sigħat twal ta’ internet u televiżjoni.  Il-Knisja qed issibha bi tqila tgħaddi l-Fidi lill-imgħammdin, u dawn qed jinsterqulha.  Mhux biss għandna bżonn sistema ġdida ta’ predikazzjoni, imma l-predikazzjoni nnifisha ma tistax tibqa’ biss moralista, “x’għandek tagħmel u x’inhu projbit li tagħmel”. 

 

Il-morali Nisranija l-bniedem jgħixha meta jimatura fil-Fidi u mhux qabel.  Il-Knisja trid tiftaħ għajnejha u tagħraf li ma tistax tieħu ‘for granted’ il-Fidi ta’ ħadd u li din il-Fidi titrawwem mhux billi wieħed jippriedka l-kmandamenti għax dawn kulħadd jafhom.  Il-problema hi li ħafna m’għandhomx saħħa quddiem il-Liġi.  Hija l-Fidi matura, laqgħa ħajja mal-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu li tagħmel il-bniedem jikber fl-Imħabba u jobdi minn qalbu dak li qabel kien jidher tant skomdu.  Ma nistgħux nibqgħu ingannati bil-knejjes sbieħ li għandna u l-entużjażmu li jqarraq fil-festi tagħna.  Lanqas ngħoxew naraw il-knejjes mimlija għal-lejl tal-Milied u fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Dan ma jurix il-verità.

 

Mhux biss għandna bżonn inrawmu, bil-mod il-mod u mhux b’masses ta’ nies, tħabbir ġdid tal-Aħbar Nisranija, imma wasal iż-żmien ukoll lil dawk li jridu jgħarfu lil Kristu iktar mill-qrib nedukawhom fl-Iskrittura, fil-Bibbja.  Il-frażi ta’ San Ġirolmu, li wieħed ma jistax jagħraf lil Kristu jekk ma jkunx midħla tal-Iskrittura, issa saret clichè, daqs kemm ilna nirrepetuha bla ma naħdmu fuqha.  Għadha teżisti antipatija għall-Bibbja u dan hu serju mmens.  Fid-dinja tal-lum trid tuża l-armi qaddisa kollha, kif se nisimgħu lil Pawlu jwissi lil Timotju.  Dan tal-aħħar kien żagħżugħ midħla tal-Iskrittura minn kmieni f’ħajtu.  Kemm għandna minn dawn fil-Knisja tagħna?

 

L-Ewwel Qari

 

Xi grazzja kbira, kbira ħafna, meta wieħed jirċievi mingħand il-Mulej l-imħabba għall-Bibbja, għall-Kelma ta’ Alla miktuba.  Il-Bibbja hija l-essenza tar-rivelazzjoni, tal-wirja li Alla nnifsu għamel lill-bniedem biex meta dan isir jafu jkun jista’ jħobbu.  Għax kif se tħobb int lil min ma tafx?  Kif se tħobb lil Kristu jekk ma tafx x’għamel għalik?  Hawn irridu noqogħdu ħafna, ħafna attenti għat-tifsira tal-verb “tkun taf”.  Tkun verament taf lil xi ħadd mhux għax tgħarfu minn surtu, jew taf x’jismu, jew għax titkellem xi ftit miegħu.  Tkun “taf” lil xi ħadd mill-qrib ifisser ikollok intimità miegħu u ssir tħobbu tassew għax tkun “tafu”.  Ħafna jafuH lil Kristu b’mod leġġer, b’mod ħafif; jafuH u ma jafuHx.  Jafu l-istorja tiegħu, xi ftit, u jgħidulek li Kristu miet għalihom, imma meta jgħidulek dan tkun taf li fil-fond ma jafux fuqhiex qegħdin jitkellmu.  Meta tgħid li Xi Ħadd miet għalik, miet minflokok u qalbek tibqa’ bierda, kiesħa u int tgħid dan qishek m’inti tgħid xejn, dan ifisser li mhux veru “taf” x’qed tgħid.  Ħafna jgħidu li jemmnu imma mhux veru jafu x’qed jemmnu.  Il-prova tikxef kollox. Nibża’ li għandna dar tal-karti u r-riħ beda jonfoħ u daqt jaqa’ kollox.

 

Li taqra l-Bibbja kuljum, tifliha b’għatx u b’urġenza, tfittex il-Ħajja vera fiha, dan hu mod qawwi ta’ kif titlob.  Għax it-Talb hu li żżomm ruħek f’kuntatt ma’ Dak li tħobb u m’hemmx mezz aqwa mill-qari u l-istudju tal-Kelma ta’ Alla biex iżżomm lilek innifsek iggranfat miegħu.  Jekk ma tiggranfax ma’ Alla int se titlef il-prova tal-Ħajja.  Anke jekk qed tagħmel suċċess minn dak kollu li jmissu jdejk, int se tasal f’punt meta tinduna li investejt fil-frugħa u fil-vojt, u dan ikun mument terribli għalik. 

 

Kull meta Mosè niżżel idu, sinjal ta’ waqfien mit-Talb, Iżrael tħarbat quddiem Għamalek fil-gwerra.  Għaliex?  Għax Għamalek kien poplu aqwa minnu, iktar b’saħħtu, iktar numeruż, iktar imdorri fil-ġlied.  Iżrael kien ‘zero’ ħdejh, bħalma aħna ‘zero’ quddiem il-Ħajja meta din iddaħħalna fi kriżijiet suwed.  Inutli jagħtuk il-pariri.  Int tħossok dgħajjef u waħdek.  Iżrael rebaħ mhux għax kien b’saħħtu iżda għax iggranfa mal-Mulej.  Jien ngħidlek li jekk int tiggranfa mal-Kelma ta’ Alla miktuba, tgħożżha, tagħmilha s-sieħba tiegħek, int se tikber fil-Fidi vera Nisranija, u xejn ma jċaqilqek.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  17, 8-13

 

Il-poplu ta' Għamalek qam u tqabad ma' Iżrael f'Rafidim. Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżel irġiel u mur tqabad ma' Għamalek; jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata ta' l-għolja, bil-ħatar ta' Alla f'idi.” 

 

Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar jitqabad ma'  l-Għamalekin. Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata ta'  l-għolja.  Kull meta Mosè kien jerfa' idejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien iniżżel idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. 

 

Meta idejn Mosè bdew jitqalu, ħadu ġebla u qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda, waqt li Aron u Ħur żammewlu dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx. U Gożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b'xifer ix-xabla.

 

Salm Responsorjali

 

Kemm tkun ħaġa ħelwa jekk il-missier u l-omm idaħħlu f’moħħ uliedhom x’teżor enormi, bla prezz hija l-Bibbja, biex biha jkollhom dawl fil-mumenti mdallma li fihom isibu ruħhom waħedhom.  Kemm nagħmlulhom l-ilma jiżfen lil uliedna, imma quddiem il-prekarjetà tal-Ħajja, meta wieħed ma jkunx jaf x’se jiġri minnu, huma jkunu waħedhom u int tkun bla saħħa biex tgħinhom.  Sikwit lanqas biss tkun taf li jinsabu quddiem ħajt imkaħħal li ma jistgħux jixxabtuh.  Mingħalik li kollox OK imma ibnek ikollu problema daqshiex!  Dawl fid-dlam int għalija, tgħid l-Ittra ta’ Pietru għall-Iskrittura.

 

Salm 121 jgħanni lill-Mulej għax l-esperjenza lis-Salmista għallmitu li Alla tassew jeżisti u li hu jieħu ħsieb dawk li jagħtuH ċans jidħol f’Ħajjithom.  Għandna bżonn inħossu l-preżenza ta’ Alla maġenbna għax jeżisti għadu li jitqabad kontrina.  Il-Bibbja hija Alla preżenti magħna.  Il-Bibbja hija l-Kelma li libset laħam jismu Ġesù ta’ Nazaret.  Bħalma l-Mulej qiegħed magħna fit-Tabernaklu, bħalma qiegħed magħna fis-Sagramenti, bħalma qiegħed magħna fis-smigħ tal-Kelma, qiegħed ukoll magħna fil-Bibbja u fil-waqt tal-qari u tal-kontemplazzjoni tagħha.  Marija kienet iżżomm kollox f’qalbha u tixtarru bejnha u bejn ruħha.  Dan ma kinitx tagħmlu b’xi devozzjoni jew għax hekk suppost, imma għax għarfet li hawn u hawn biss tinsab il-Ħajja vera.  Hemm ħajja u hemm Ħajja.  Hemm ħajja li mhix ħlief eżistenza: nieklu, nixorbu, norqdu, naħdmu, nilagħbu, niddevertu, naħarqu ż-żmien, nibżgħu għal ġisimna, nitħassbu x’hemm wara l-kantuniera.  Imma hemm Ħajja li hi Ħajja għal Dejjem li mhix biss fil-Ġenna imma tibda minn hawn.  Din il-Ħajja hi li tagħraf li int maħbub mill-Missier u li din l-Imħabba urihielek f’Ibnu u ssir tafha din l-imħabba meta tqalleb il-paġni għeżież tal-Iskrittura.

 

Tagħraf lil Alla meta jkollok garanzija, ċertezza, kapparra li Hu se jiddefendik dejjem, u tasal għall-waqt tal-mewt mimli fiduċja għax tħares lura u tara li Alla kien dejjem fidil miegħek.  Hekk jgħid dan is-Salm, li hu Salm tan-Nisrani bħas-Salmi kollha, wara kollox.  “Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; mnejn se tiġini l-għajnuna?” (v. 1).  In-Nisrani hu dgħajjef bħal kulħadd, imma hu fis-sliem għax jaf fuq li jaf li l-għajnuna dejjem tiġi mill-Mulej li għamel is-sema u l-art.

 

Ritornell:  Il-għajnuna tiegħi minn għand il-Mulej.

 

Salm 121

 

Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet;

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod

dak li jħares lil Iżrael.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek;

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar,

anqas il-qamar billejl.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,

minn issa u għal dejjem.

 

It-Tieni Qari

 

Kien iħobbu ħafna lil Timotju, Pawlu.  Kien għadu żagħżugħ, imma mal-mument li beda jisma’ l-Appostlu jxandar l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù, mill-ewwel inġibed lejh u emmen il-Kelma u sar dixxiplu tiegħu.  Pawlu poġġih bħala Isqof fuq il-Knisja ta’ Efesu, anke jekk kien għadu żgħir fiż-żmien u mdawwar, bħalna llum, b’soċjeta pagana u materjalista.

 

Kien wild ta’ żwieġ ‘imħallat’: ommu kienet Lhudija waqt li missieru kien Grieg pagan.  Milli jidher, minn kmieni ommu nisslet fih imħabba kbira lejn l-Iskrittura, anke qabel ma hi kienet semgħet l-Aħbar ta’ Kristu.  Kien minn Listra u aktarx li kkonverta u sar Nisrani meta Pawlu għadda minn hemm fl-ewwel vjaġġ tiegħu.  Pawlu nġibed lejh u ħadu miegħu bħala wieħed minn sħabu fil-vjaġġi tiegħu.

 

Milli jidher, Timotju kien ta’ natura dgħajfa, xi ftit jibża’ u ma jridx wisq biex jaqta’ qalbu.  Kien għadu żgħir fl-età wkoll!  Għalhekk Pawlu l-ħin kollu jagħmillu l-kuraġġ u kitiblu żewġ ittri.  Lill-aħwa ta’ Korintu jwisshom biex jilqgħuh u jagħmlulu l-ħajja faċli meta Timotju kellu jasal għandhom.  Pawlu kien jinkwieta fuqu!  Meta Pawlu kien arrestat f’Ruma u kien qed jistenna l-qorti li aktarx kienet se taqtagħhielu għall-mewt, hu jikteb liż-żagħżugħ biex jgħaġġel imur ħdejh biex iżommlu l-wens.  Ma nafux jekk Timotju laħqux ħaj.

 

Timotju huwa eżempju ta’ bniedem dgħajjef, mistħi u jibża’ quddiem il-provi, imma li, bil-preżenza tal-Mulej u bl-inkoraġġimenti ta’ Pawlu, jsir bniedem ta’ virtujiet kbar li wkoll bata l-ħabs (u forsi l-martirju) għall-valuri Nsara.  Dak li kien jagħmlu raġel tassew kien il-qari tal-Iskrittura u tal-Ittri li missieru fil-Fidi kien jiktiblu.  It-Tieni Ittra lil Timotju kienet l-aħħar ittra li kiteb Pawlu qabel il-martirju tiegħu f’Ruma.  L-aħħar kelmiet tiegħu kienu biex iħeġġeġ lil Timotju biex ma jabbandunax il-Kelma, biex ixandarha f’ħinu u barra minn ħinu u jsus il-ħin kollu wara l-Insara ta’ Efesu biex jinbnew dejjem aktar fl-ispirtu.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  3, 14 – 4, 2

 

Għażiż : Int ibqa' miexi f'dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu,  u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.  L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa,  biex hekk il-bniedem ta' Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.

 

Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f'isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu:  xandar il-kelma, insisti f'waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu tal-lum huwa ċarissimu : l-importanza li nibqgħu nitolbu b’insistenza u perseveranza bla ma naqtgħu qalbna, bħal Abraham li ttama kontra kull tama, u bħal Marija li baqgħet iggranfata mal-wegħda tal-anġlu li Binha kellu jsaltan għal dejjem anke meta kienet wieqfa taħt is-Salib taraH jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu.  Il-perseveranza, mhux fit-Talb biss imma qabel kollox fil-Fidi, hi tassew Grazzja kbira li Alla biss jagħtiha.  Il-mara tal-Vanġelu tal-lum, (mill-ġdid Mara oħra « Kbira »), anke jekk kienet taf li kienet qegħda tħabbat bieb wieħed korrott, xorta baqgħet tmur u terġa’ tmur titlob dak li kellha dritt għalih.

 

Aħna għandna dritt għas-Salvazzjoni, mhux għax jistħoqqilna, imma għax dan id-dritt rebaħulna Ġesù Kristu bil-merti tiegħu, bl-ubbidjenza tiegħu sal-Passjoni u l-mewt mitluq għalih waħdu fuq forka tal-kriminali.  L-ubbidjenza tiegħu ssir l-ubbidjenza tagħna jekk aħna nikbru fil-Fidi fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  U la għandna dritt għal dak li diġa ‘xtralna’ Kristu bi prezz tant kbir, għandna nitolbu u nitolbu biex il-Missier iħares lejn il-pjagi ta’ Kristu, li huma wkoll il-pjagi tagħna, u jagħtina l-Fidi matura tant mixtieqa. 

 

Int taħseb li għandek ħafna problemi.  Int taħseb li għandek fuqhiex tinkwieta.  Jien ngħidlek li problema waħda għandek u ħaġa waħda hemm fuqhiex għandek tassew tinkwieta : fuq il-Fidi tiegħek !  Din hija l-kriżi tad-dinja, il-kriżi tal-Knisja u l-kriżi tiegħek personali.  Għandna bżonn Fidi fl-Iben ta’ Alla li tibdel il-mod kif inħarsu lejn id-dinja u l-inkwiet tagħha.  Għal dan għandna nitolbu !  « Mulej, ħenn għalija u kattarli l-Fidi ! »  Din hija t-Talba li għandha garanzija li tinstema’ mill-Missier.  Hu jixtieq ikattrilna l-Fidi, imma rari nagħmluhielu din it-talba.  Nitolbu ħwejjeġ oħra, aħna...  U għalhekk fi tmiem l-Evanġelju, l-Mulej jgħid: “Madankollu, Bin il-bniedem, meta jiġi, se jsib il-fidi fuq l-art?”  (v.8).

 

Versett: Hallelujah. Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju, biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  18, 1-8

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu qalbhom.  Qalilhom: "Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. 

 

 F'dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.'  Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies,  imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.' "  U l-Mulej qal: "Isimgħu ftit x'jgħid  l-imħallef il-ħażin.  Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?  Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?"

 
< Prev   Next >