Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IT-TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-FQAR U L-MAGHKUSA MíHUMIEX ABBANDUNATI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 October 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tletin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

parobla_farizew_u_publikan.jpg

 

Jekk tħares madwarek fid-dinja jkollok tistaqsi lill-Mulej: “Dan kif, Mulej, ħallejt lill-għadu tiegħek jirvinalek kollox?  Kif ħallejt is-sikrana tikber tant bla ma taqlagħha mill-għeruq, tant li waslet biex toħnoq il-qamħ kollu?”  Jekk toħroġ filgħodu kmieni u tara x-xemx tiela, titbellah bis-sbuħija tal-ħolqien, bil-frisk tal-għodwa ta’ jum ieħor tal-Ħarifa, bl-għasafar tal-passa li jistrieħu fuq gżejritna... Imbagħad tisma’ l-ħsejjes tal-armi tan-nar u għasafar bla difiża jaqgħu mal-art b’kelb daqshiex irvillat għalihom... u tgħid: “Gidba hija s-sbuħija tan-natura; hija r-‘wrapping paper’ li taħbi traġedji ta’ tant ħajjiet bla tama.” 

 

Nies ċkejknin bla saħħa li huma mwerwra f’darhom fi żwiġijiet terribbli; tfal li qed jgħixu faqar ġdid u ħadd ma jinnotahom; trabi fil-ġuf lesti għas-sikkina ta’ ommhom; priġunieri f’moħqrija bla tmiem waqt interrogazzjonijiet; gwerer tal-biża’ li fihom il-bniedem jogħxa jivvinta ħniżrijiet ġodda; inġustizzji... u dawk li jpappuha mxaħxħa fuq il-friex jivvintaw vizzji ġodda u jonfqu fil-ħala dak li jisilħu minn fuq dahar il-maġġoranza siekta.

 

Mulej, inti l-Imħabba, u l-Imħabba hi dgħajfa quddiem il-mibegħda tal-infern.  L-Imħabba hi dgħajfa għax tħobb lill-għadu u tħallih fil-libertà.  L-Imħabba hi l-Qaddej ta’ Jahweh li jbati, li jilqa’ l-bżieq fuq wiċċu, li jmut biex l-għadu jgħix, li jfejjaq il-ħażen tal-kotra bil-qerda tiegħu.  X’misteru!  Il-Qaddej ta’ Jahweh ma mietx fuq il-Kalvarju biss, imma għadu ħaj fid-dinja llum.  Hu jibqa’ jbati sal-aħħar jum, jieħu fuqu l-ħażen tal-oħrajn biex l-oħrajn jinagħtaw iċ-ċans jidhru ġusti bla ma jistħoqqilhom quddiem il-Missier.  Il-Qaddej ta’ Jahweh hu l-foqra tal-lum li waqt li l-ekonomija miexja ’l quddiem huma jinfnew bil-mistħija u l-għali quddiem xi bżonn li jinqala’ u ma jifilħux għalih.  Il-Qaddej huwa msawwat mill-bulijiet; jegħreq fil-Mediterran għax ħarab minn pajjiżu; jibla’ r-rieq bit-tensjoni quddiem l-arroganza ta’ min ibezza’.  Huwa kien fil-kju ma’ dawk li mxew lejn il-kmamar tal-gass u għadu fil-kju llum jittama li jagħtuh karta ttimbrata li tagħtih permess jibda ħajja ġdida ’il bogħod mill-infern ta’ pajjiżu.

 

Imma l-Qaddej ta’ Jahweh rebaħ!  L-Imħabba ġiet imqajma mill-mewt mill-Missier!  L-Imħabba hi ikbar mill-mewt!  L-imsejkna ma jkunux mitluqa u abbandunati għal dejjem.  Dawk li Nietzche, il-filosofu bla fidi, qabbilhom ma’ nemusa fuq il-ħajt li titgħaffeġ mis-sebgħa ta’ Alla, minn Storja bla ħniena, huma jixbgħu bl-Imħabba u jaraw ħwejjeġ li qatt ma ħolmu li jeżistu.  Il-marid bla tama għad jgħajjat bil-ferħ u ħadd ma jkun jista’ jżommu, waqt li satana jgħażżaż sninu għax insterqitlu l-priża.  Dawn huma fatti mhux ħolm; dan hu l-Misteru tal-Għid li jiġri u jerġa’ jiġri.  Wara ‘ġimgħa’ ta’ tbatija, iż-żerriegħa tinqasam midfuna imma minnha toħroġ “ħajja ġdida”;  il-mewt hi mirbuħa, Halleluja!

 

L-Ewwel Qari

 

Dawk li m’għandhom xejn x’jagħtuh lil Alla; dawk li m’għandhomx flus biex jimpressjonawh bil-karità, lanqas merti ta’ opri tajba biex jaqilgħu ħafna marki fl-eżami tiegħu... dawk li jersqu lejh għarwenin minn kollox ħlief minn ħaġa waħda: it-Tama f’Dak li miet għalihom meta huma kienu bla Alla... dawn se jitbellhu bis-Sorpriża Qaddisa tal- Ħaqq ta’ Alla.  Huma se jkunu mkebba’ fi Mħabba li qatt ma basru li teżisti.  Huma l-fqar, huma l-umli, huma l-anawim, dawk li ħaqrithom l-Istorja u warrbithom id-dinja.  Huma dawk li ma sabux ħniena għax il-bnedmin għajruhom għażżiena, bla ħila, injoranti, beżżiegħa, sakrana, iddrogati... ir-rimi ta’ kulħadd.  Dawn huma t-teżor ta’ Alla.  Huwa jxammar u jimtela’ b’ħerqa li ttajjar ix-xrar u jinżel u jaħtafhom għalih u ħadd ma jeħodhomlu minn taħt idejh. Din hija r-rebħa ta’ Alla.  Dan hu l-Għid tiegħu.  Il-fqar huma dawk li jgħajtu bil-ferħ u waħedhom se jgħarfu l-glorja tal-qawmien.

 

Għax Hu ma jdawwarx wiċċu minnek, jekk int fqir, jekk għaddej minn Storja li umiljatek, ċekknitek, għamlitek żgħir.  Hu jisma’ t-tħannin tal-għaks tiegħek, u l-karba tas-solitudni tiegħek ma jġorrhiex ir-riħ imma tinfed is-sema u taqla’ dak li trid.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  35, 12-14,  16-18

 

Il-Mulej hu mħallef ġust

u ma jħarisx lejn l-uċuħ.

Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun

b'dannu tal-fqir,

u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.

 

Ma jagħlaqx widnejh għat-talba

bil-ħniena ta' l-iltim,

jew ta' l-armla li tibki xortiha.

 

 It-talba ta' l-umli tinfed is-sħab,

u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,

u ma tiqafx qabel ma' l-Għoli jagħti widen,

u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmista jiftaħar bil-Mulej u bih biss jiftaħar għax fih biss sab is-salvazzjoni f’jum in-niket tiegħu.  Id-dinja twiegħed ħafna affarijiet u l-bnedmin jimlewlek moħħok bil-paroli tagħhom sakemm għandhom x’ jieħdu mingħandek.  Imma l-fqajrin ħadd ma jagħti kashom, dawk li ma jbatux biss min-nuqqas ta’ flus, imma minn kull tip ta’ faqar… dawk li ma jafux għalfejn qed jgħixu… li ma jafux minn fejn ġejjin id-dwejjaq li f’kull jum itawlu s-swaba twal tagħhom u jduru ma’ qalbhom f’għafsa kiesħa.  Min se jifhimhom lil dawk li huma fqar ‘mentalment’ ?  Min se jkun dawl fid-dlam għalihom ?  Jekk mhux ħaj il-Mulej x’tama hemm, għiduli intom ? 

 

Imma l-fqajrin jifirħu għax il-ħarsa tal-Mulej fuqhom.  Id-dieqa tagħhom hi mifruxa quddiem it-tron ta’ Alla u Hu jitbaxxa biex isewwi l-qalb maqsuma.  Kull min għandu ruħu mgħaffġa mill-Istorja, ħa jgħajjat lill-Mulej u Hu jisimgħu u Hu jriegħed id-dinja għalih.  It-tisbita tasal għall-ħżiena li jaħqru l-fqir u dawk li ttamaw fih ma jkollhomx minn xhiex jistħu.

 

Ritornell :  Il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu.

 

Salm 34

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

 

 Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

 

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 

It-Tieni Qari

 

Lil dawk li jxandruh, lill-appostli tiegħu, Alla jitfagħhom fl-aħħar post, il-qaddejja ta’  kulħadd, kopja tal-Qaddej ta’ Jahweh li jbati biex l-oħrajn iduqu l-Ħajja.  Dan hu xogħol l-Imħabba.  Minn barra jidhru magħkusin, imma l-Imħabba li skoprew fi Kristu ssaħħnilhom qalbhom u anke jekk jersqu lejn il-martirju, ma jonqoshom xejn u jafu li lanqas xagħra waħda minn rashom ma tintilef.  Din hi l-wegħda misterjuża li tahom il-“Qaddej” qabel ma bagħthom jiġru mad-dinja kollha.

 

Pawlu kien fis-sliem lejlet il-martirju.  Seta’ jgħid: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.”  Kliem uman, kliem emozjonali mimli sentimenti.  U lil min seta’ jgħidu dan jekk mhux lid-dixxiplu favorit tiegħu, Timotju?  Pawlu jinsab waħdu f’ċella, iżda waħdu mhux għax il-Mulej waqaf miegħu u taħ il-qawwa, imburġah bl-Ispirtu tiegħu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt.  Hu jibqa’ sal-aħħar miġnun għall-Evanġelizzazzjoni, għat-tħabbir ta’ dik l-Imħabba li hu ltaqa’ magħha, imma li ħafna għadhom ma jafux li teżisti sal-ġurnata tal-lum.

 

Kemm nies jaħsbu li l-Imħabba hi l-għoġba ta’ xi ħaġa sabiħa, ta’ xi ħadd li jiġbdek, ta’ xi ħadd li jibnik, ta’ dak li int tiggosta.  It-taħsir tad-dinja tal-lum bidel l-Imħabba mal-vizzju u jgħid li l-Imħabba hi s-sess bla rażan u hekk niżżel l-isbaħ sentiment għal-livell tal-annimali.  Pawlu skopra li Kirstu ħabbu meta hu kien għadu tiegħu.  Din hi l-Imħabba li għaliha Pawlu u tant oħrajn xehdu billi xerrdu demmhom.  Kemm nies li ltaqgħu ma’ din l-Imħabba jinsabu llum fil-kampijiet ta’ xogħol furzat u iebes li joqtolhom kuljum!  Din l-Imħabba ma tistax tkun miċħudha lanqas wiċċ imb’wiċċ ma’ tant moħqrija għax hi bħal nar jaqbad fil-vini tal-bniedem.  Dawn in-nies, dawn ix-xhieda, huma t-tama tad-dinja, mhux ix-xjentisti, il-politiċi, l-“opinion makers” u l-bqija.  Min jiltaqa’ ma’ Kristu tassew huwa l-musbieħ li jdawwal id-dlam li kien hemm minn dejjem f’moħħ il-bniedem.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  4, 6-8,   16-18

 

Għażiż: Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b'sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.  Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f'dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.

 

Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom!  Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sa l-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun.  Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta' dejjem! Amen.

 

L-Evanġelju

 

Tkellimna fuq l-imsejkna u l-foqra u rajna li hemm foqra fl-ispirtu li ġew magħmula umli mill-Mulej permezz tal-Istorja li tahom.  Dawn huma l-‘imbierka’ il-‘hienja’ skont id-Diskors tal-Muntanja.  Imma hemm dawk li għalkemm jippruvaw jobdu l-Liġi, huma ‘għonja’ f’għajnejhom stess u f’għajnejn in-nies.  Dawn huma dawk li jużaw ir-reliġjon, ir-relazzjoni tagħhom mal-Mulej, biex ikabbru l-idolu tagħhom, il-“Jien” tagħhom, is-suppervja tagħhom.  Alla tagħhom huwa huma nfushom, u jħallu lix-xitan jinqeda anke bl-iktar affarijiet qaddisa biex jonsobhom.  Dawn qatt ma jaslu biex jgħarfu dnubhom u allura m’humiex ta’ Kristu.  Kristu ġie għall-midinbin, jiġifieri għal kulħadd għax kulħadd huwa midneb, bis-serjetà.  Imma min hu Fariżew u jara d-dnub ta’ ħaddieħor biex jaħbi tiegħu minn għajnejh stess, dan mhux ta’ Kristu, dan qed jaqta’ lilu nnifsu minn Kristu, qed jgħid fi kliem ieħor li hu m’għandux bżonn is-sagrifiċċju ta’ Kristu għax hu tħabat biżżejjed biex isir ġust mingħajr il-bżonn tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  X’ereżija!

 

Dan il-kliem ħadd ma jgħidu hekk... imma jidher ċar mill-azzjonijiet, mill-fatti.  Il-Vanġelu tal-lum jippreżentalna l-parabbola famuża tal-Fariżew u l-Pubblikan li telgħu t-Tempju jitolbu.  Talba tal-wieħed kompliet indannatu, waqt li ta l-ieħor iġġustifikatu. Possibbli dan?  Iva, u kif!

 

Aħna, li ħafna minna huma “tal-Knisja”, noqogħdu attenti għax sikwit bla ma nafu ninsabu f’xifer preċipizju moħbi għal għajnejna: il-preċipizju tas-suppervja spiritwali.  Meta wieħed jaqa’ fih lanqas biss jinduna.  Jinduna f’Jum il-Ħaqq meta aħna ngħidu lil Kristu: “Imma aħna smajnik fil-pjazez tagħna; xandarnik; kilna l-għatba tal-knisja!”  waqt li hu jirrispondi: “Morru minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen għax jien ma nafkomx!” Xi kliem terribbli!  X’sorpriża tal-ġenn!  Jekk niġġudikaw lill-proxxmu u naħsbu li aħna aħjar minnu, hemm se nispiċċaw, ibda minni.  Nippretendu li ħaqqna l-Ġenna u nkunu xtrajna l-infern.

 

Aħna lkoll il-Pubblikan, anke jekk naħsbu li nwettqu l-Liġi bħall-Fariżew.  Aħna lkoll midinbin kbar; il-problema hi li sikwit dan hu moħbi minn għajnejna għax dejjem niddefendu rwieħna u nċekknu ħtijietna waqt li nagħmlu litanija tal-opri tajba ‘tagħna’.  B’dan inkunu neħduha kontra l-Bibbja li tgħid li mhux il-merti tagħna se jsalvawna imma l-merti ta’ Kristu fuq is-Salib u l-Qawmien tiegħu.  Dawk li weġġgħu tassew bid-dnub, li jobogħdu d-dnub għax serqilhom il-Ħajja, dawk li jġorru f’qalbhom il-ġrieħi li sofrew għax fettxew il-ferħ ’il bogħod minn Alla, iħabbtu fuq sidirhom bis-serjetà, jibku dnubhom, ma jippretendu xejn mingħand Alla ħlief li jħenn bla ma jistħoqqilhom.  Dawn jistħu jħarsu lejn Alla, imma jħarsu lejn it-tajn u l-ħmieġ tal-art fejn jafu li hu posthom.  U Alla li jifli l-qalb, jiġġustifikahom.

 

Jiġġustifikahom ifisser jagħmilhom ġusti.  Imma hawn Alla mhux jilgħab bin-nies qiegħed.  Il-ġustifikazzjoni tal-midinbin rebaħha għalihom l-Iben ta’ Alla.  Il-ġustifikazzjoni ta’ midneb wieħed għandha prezz tal-biża’ li ħallsu Kristu, aħseb u ara tad-dinja kollha.  Imma nkunu nagħtu Glorja lil Alla meta inħarsu lejn Kristu u nemmnu li bit-tbatija tiegħu Hu patta għad-dnubiet tagħna kollha.  Mhux aħna npattu imma Hu patta għalihom.  Dan hu l-‘ġenn’ ta’ Alla.  Ħafna nies reliġjużi, bħall-Fariżej, isibuha bi tqila biex jifhmu u jemmnu f’din il-verità tal-għaġeb li hi l-Bxara t-Tajba tal-Kristjaneżmu.  Aħna salvi bi Kristu.  Aħna midinbin maħfura u mifdija.  Kristu hu t-Tama tagħna.  Hu il-‘kollox’.  Kien Hu li miet għalina u ħadd iżjed.  Hu ċ-ċentru ta’ kollox.  Hallelujah!

 

Ħa nagħmlu tagħna l-Antifona tal-bidu: “Ħabirku biex tagħarfu ’l-Mulej u l-qawwa tiegħu, fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.”  (S. 103, 4)

 

Versett: Hallelujah.  Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  18, 9-14HH

 

 

Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:  "Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu.  Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f'qalbu, 'O Alla, niżżik ħajr li m'iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.  Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta' kull ma ndaħħal.' 

 

Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa' għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: 'O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!'   Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar."

 
< Prev   Next >