Friday, 20 October 2017
           
Home
IL-WIEHED U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IS-SORPRIZA TAL-HNIENA KBIRA TA’ ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 October 2016

Din hija il- Liturgija  tal-Wiehed u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 zacchaeus.jpg

 

Ninsabu niċċelebraw il-Ġublew tal-Ħniena ta’ Alla.  Dan jgħin biex nikkonċentraw dejjem iktar fuq il-Ħniena tal-Missier għall-midneb.  In-natura umana tagħna, mwaqqgħa u miġbuda lejn l-egoiżmu minħabba l-biża’ tal-mewt, tagħmilhielna bi tqila aktar milli naħsbu biex inkunu ċerti mill-Ħniena u l-mogħdrija li l-Missir għandu għalina, midinbin. 

 

Aħna ngħixu f’dinja li fiha ftit naraw ħniena.  Ħafna jgħidu li l-bniedem qed iwettaq progressi kbar f’kull qasam imma hemm min dan imerih u ssib ħafna li jgħidulek li konna aħjar meta konna għar!  Hu veru li sar progress enormi f’ħafna oqsma, imma l-ħajja saret mimlja tensjoni u pressjoni minn kullimkien.  Sibna ruħna  f’tellieqa fejn dawk li huma ftit dgħajfa jaqaw lura u miskin il-bniedem li mhux kapaċi fl-iskola jew f’xi sengħa.  Iż-żgħażagħ tagħna qed ikunu mġegħla jistudjaw għal ħafna snin u jitgħabbew bi djun li jridu jaħdmu għalihom ħajjithom kollha.  Ħafna missirijiet qed ikollhom jaħdmu f’iktar minn xogħol wieħed waqt li l-mara mhux dritt taħdem għandha llum, imma l-bżonn.  Familja mingħajr ma l-omm taħdem ma tistax tkampa fid-dinja tal-punent.  Illum gġandna ħafna iktar ġugarelli u gaġits fid-djar, imma dari kien hawn iktar paċi fil-qlub.  Diffiċli tmerih dan.

 

Ħafna jsibu l-ħajja diffiċli, fl-iskola, fit-tfittxija għax-xogħol eċċ.  il-bniedem jidra jaħseb li l-Ħniena ftit li xejn teżisti fis-soċjeta selvaġġa u kompetittiva tal-lum u dan jirrifletti kif inħarsu lejn Alla.  Jekk kollox jindottrinak li int trid tkun, int trid tistinka biex tirnexxi, int trid taħseb għal rasek... se ssibha ferm bi tqila temmen tassew fil-Ħniena sorprendenti ta’ Alla.  Id-dinja ma titlifx żmien mad-dgħajjef imma l-Iskrittura tgħidilna li Alla dejjem id-dgħajjef jagħżel biex juri Hu min hu u x’kapaċi jagħmel maż-żgħir.  Il-Mulej iħobb ibellaħ id-dinja bl-għorrief tagħha billi jgħolli liċ-ċkejken, lid-dgħajjef, u jagħmel l-għeġubijiet bih. 

 

Imma l-bniedem dan ma jemmnux.  Anke dawk li jemmnu, ħafna drabi ssibhom iġarsu lejn sokkrithom, lejn it-tajn tal-art, lejn ir-rejaltà miskina tagħhom, waqt li Alla jistedinhom jagħmlu bħal Abraham u jħarsu lejn is-smewwiet bil-kwiekeb li ma tistax tgħoddhom.  Hemm jaqraw il-Wegħda ta’ Alla.  Aktar mill-kwiekeb ikollok ulied, qallu, waqt li Abraham kien imarmar li martu kienet sterili u hu kien xjieħ u kien se jmut mingħajr qatt ma jkollu iben wieħed.  Mhux aħna rridu nimpressjonaw lil Alla bil-bravuri tagħna, imma huwa Hu li jrid iġenninna, jissorprendina, jbellahna b’dak li jrid jagħmel magħna jekk nagħtuh ċans żgħir. Mhux l-opri tagħna li jagħmluna qaddisin, imma l-opra waħdanija ta’ Kristu li ċarċar demmu, ta ħajtu kollha għalik u għalija, biex malli nemmnu dan, ninnamraw miegħu u nitilqu mill-kantina fejn dejjem għixna s’issa u nitilgħu fuq, fis-sala tas-Sultan il-Kbir.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb tal-Għerf ikanta l-meravilji tal-ħolqien li ħareġ mis-saba’ tal-id ta’ Alla.  Jekk l-univers, l-ispazju jidher infinit, bla tmiem, mimli b’miljuni u miljuni ta’ kwiekeb, pjaneti, dinjiet, xmux u oqmra, mela x’inhu Alla li ħaseb u fforma dan kollu?!  Imma dan Alla tant kbir, iħobb imil, jitbaxxa, jitwaħħad mal-maħqur u mal-fiqr, mal-bniedem ibbuliwjat, ma’ dak li hu fil-ġenb tat-triq, dejjem fil-ġenb, dejjem fl-aħħar post.  Dejjem.  Quddiem Alla d-dinja qisha traba, qatra nida, iżda b’daqshekk jiftakar fil-bniedem li qisu dud tal-art iterraq fuq l-art. 

 

Huwa jaf minn x’hiex aħna magħġuna.  Jaf bil-biża’ tal-mewt li jgħammar f’qalbna.  Hu jaf li dan il-biża’ jagħmel minna lkoll nies egoisti li jitħawdu quddiem it-tbatija tal-mard u tal-ġrajjiet.  Hu jaf li lkoll twelidna kkundizzjonati mill-marda tad-dnub oriġinali li daħlet fil-vini tagħna u għalhekk kulma jippretendi mingħandna hi l-indiema, id-dispjaċir, ix-xewqa li nkunu aħjar milli aħna.  David kien bniedem għal qalb Alla mhux għax ma dinibx imma għax iddispjaċih bil-kbir għad-dnub tiegħu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  11, 22 – 12, 2

 

 Quddiemek id-dinja kollha qisha traba fil-miżien,

jew qatra nida ta' l-għodwa li tinżel fuq l-art.

Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista' kollox;

 

Int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin

biex huma jindmu.

Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha,

u xejn ma tistmell minn kull ma għamilt.

 

Li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha,

Int ma kontx tagħmilha.

Kif setgħet tibqa' xi ħaġa fid-dinja

kieku int ma ridthiex?

Jew kif setgħet iżżomm, kieku int ma sejjaħtilhiex?

 

Imma int, o Sid li tħobb kull ma jgħix,

lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek.

 Għax f'kulħadd hemm nifsek bla ma  qatt jintemm.

 

Għalhekk int twiddeb bil-ftit il-ftit li dawk li jonqsu,

twissihom u tfakkarhom fejn dinbu,

biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom,

u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.

 

Salm Responsorjali

 

Kemm hu kbir dak kollu li ħalaq Alla, imma xejn ma jlaħħaq mal-Ħniena mbierka tiegħu, jgħid Salm 145.  “Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd u ħnientu akbar minn kull ma għamel.”  (v. 9).  Hemm żewġ tipi ta’ nies fid-dinja: dawk li ltaqgħu mal-Ħniena ta’ Alla u baqgħu mmarkati għal għomorhom, u dawk li qatt ma ltaqgħu magħha, aktarx għax dejjem ħasbu li m’għandhomx bżonnha.  Huma l-fqar, l-anawim li jkollhom l-esperjenza tas-Sorpriża tal-Ħniena tal-Mulej.  L-umli huwa umli mhux għax twieled umli imma għax għamlitu umli l-Istorja.  Il-bniedem jaraha saħta din li ma jirnexxix fil-ħajja jew li jkun immarkat minn xi kundizzjoni li tfixklu milli jiġri t-tellieqa ħarxa tal-Ħajja.  Imma bil-mod il-mod hu jiċċekken u jara l-kburija tiegħu tixxaqqaq minn kullimkien u jsir fqir. 

 

Għal dan il-bniedem għad jasal jum li fih huwa jbierek lil Alla għat-tfixkil li ppermetta f’ħajtu u dak li qabel kien salib misħut isirlu Salib Glorjuż.  Għax huma dawn in-nies li jixxebbgħu bil-Ħniena tal-Mulej.  Għax l-ikbar esperjenza li jista’ jkollu l-bniedem fuq wiċċ l-art mhux li jkun famuż u mniżżel b’ittri tad-deheb fl-istorja tad-dinja, lanqas li jsir miljunarju, anżi biljunarju llum, anqas li jkollu l-isbaħ nisa tad-dinja fil-ħarem tiegħu... imma l-esperjenza l-kbira hi li l-bniedem jiltaqa’ ma’ Alla u jiġi mkebbeb fil-Ħniena, l-għożża u l-imħabba tiegħu.  Huwa hemm li jista’ jgħid il-fqir: “La l-Mulej miegħi, minn min għandi nibża’”  (S. 27, 1).

 

Salm 145

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

 Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa',

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

 

It-Tieni Qari

 

Bil-Magħmudija aħna msejħin biex induqu l-Ħniena ta’ Alla u nimtlew bil-ħbiberija miegħU.  Mhux kulħadd jilqa’ din is-sejħa.  Dan hu misteru.  Ħafna għandhom karikatura ta’ Alla.  Jaħsbu li hu xi mħallef li jgħarbel ix-xagħra fl-għaġina u li ħadd ma jista’ jimpressjonah, jagħmel x’jagħmel.  Din hi dehra ħafna kattiva tal-Mulej.  Tixbaħ lil dik li kellu l-bniedem li ħeba t-talent li Alla tah.  Ma ridx jaħdem għall-Mulej bil-kapaċità li tah għax ma kienx iħobbu għax qatt ma għarfu, qatt ma għaraf lil Kristu.  “Sinjur, lilek nafek bħala bniedem aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridx.  Bżajt u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art.”  (Mt. 25, 24-25).  X’ħasra, xi traġedja li ħafna drabi naħsbu b’dan il-mod fuq il-Mulej li ta kollox, ta ħajtu kollha għalina!  Imma l-bniedem jibża’... jisma’ bil-mard, bit-traġedji, bil-ħażen ta’ madwaru u jitħawwad... u jitlef il-Fidi.  Ma jibqax jemmen fit-tjieba tal-Mulej.  Din hi tentazzjoni għalina lkoll.  Ħa jkollu Ħniena minna l-Mulej!

 

Ħadd minn ma jista’ jiftaħar li kien hu li għaraf lil Alla, kien hu li stħaqqlu l-Ħniena ta’ Alla.  Li kien hekk din ma kienet tkun Ħniena xejn imma paga, ħlas li kien jistħoqqlu ta’ xogħolu.  Imma l-Grazzja hi ħaġa oħra u hieni l-bniedem li jagħraf li kulma għandu hi Grazzja... li kulma jara b’għajnejh huwa Grazzja... kollox mogħti b’rigal b’xejn lilu bla ma hu mistħoqq.  Din hi l-Ħniena.  Din hi l-Grazzja.  U l-akbar Ħniena u l-akbar Grazzja li l-Missier jista’ jagħtina... le, le, mhux dik li qed titħannen inti għaliha fil-ħolm tiegħek... dik jista’ jagħtihielek ukoll, imma l-ikbar Grazzja ta’ Alla hi li jagħtik id-dehen li tagħraf il-Misteru ta’ Kristu, ir-Rigal enormi li hemm għalik fil-Għid ta’ Kristu, fil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tal-Iben ta’ Alla b’risq tiegħek.  Hemm wirt merfugħ għalik fil-bank ta’ Alla, jekk trid tmur tiġbdu. 

 

Imma ħafna la jemmnu li jeżisti l-bank u lanqas il-wirt.  Jibqgħu jaħsbu li l-bniedem irid ikun, u jkomplu jeżistu bħal ilsira, jgħaffġu fit-tajn tal-ġibdiet tad-dinja.  F’dan il-qari San Pawl jgħid li hu dejjem jitlob biex kull imgħammed jinduna li Alla qed jaħdem f’ħajtu u jħallih jagħmlu den li jiskopri lil Kristu.  min iduq il-Ħniena ta’ Alla ma jibżax mill-mewt għax il-Ħniena tagħtih natura oħra, natura ġdida, natura divina.  Hu jsir “iben Alla” u jiret il-Ħajja bla tmiem li hi n-natura ta’ Missieru.  Minħabba dan hu jħares ’il quddiem lejn il-miġja tal-Mulej meta jiġi biex jieħdu miegħu.  Iħares ’il quddiem bi stennija u mhux bil-biża’ għax jaf f’min emmen.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  1, 11 – 2, 2

 

Ħuti: aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom.  U hekk l-isem ta' Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom u intom fih skond il-grazzja ta' Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.

  

Ħuti, għal dak li għandu x'jaqsam mal-miġja ta' Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu,  nitolbukom biex ma toqogħdux tħawwdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta' jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna.

 

Evanġelju

 

Il-Ħniena ta’ Alla taħsad u tirrabja lix-xjaten, imma tiskandaliżża wkoll lil dawk il-bnedmin ”reliġjużi” li jaħsbu li l-ħlewwa ta’ Alla hi ħlas li tistħoqq lilhom għal xogħolhom u mhux Grazzja, u jekk jiksbu l-Ġenna, dan għax ħadmu huma għaliha, għax kisbuha huma bl-għaraq ta’ ġbinhom u mhux għax akkwistahielhom Kristu bit-taqbida kiefra li rebaħ fuq il-mewt.  Dawn jitħawdu u jitwebbsu u jirrabjaw quddiem dik li tidher ”inġustizzja” ta’ Alla meta bniedem ”ħażin” jikseb is-saltna bħalhom għax ikkonverta lejn tmiem ħajtu.  Dawn qatt ma huma kuntenti fil-qadi tal-Mulej u huma reklam ikrah għalih.

 

Żakkew kien wieħed minn dawk li l-Ħniena ta’ Alla ħatfitu minn taħt idejn ix-xjaten.  Din hi l-Glorja ta’ Alla.  Ix-xitan jgħażżaż snienu u jgħid li Alla mhux ġust għax ħafna bnedmin ħaqqhom l-infern u suppost qegħdin hemm fit-tbatijiet miegħu.  Huwa x-xellej, l-akkużatur, li kien ċert mir-rebħa quddiem il-qorti ta’ Alla, u għalhekk jibqa’ mbellaħ meta jisma’ li s-sentenza ta’ Alla flok ma kienet ”mewt eterna” hija ”Ħajja għal dejjem”.  Kemm ġrajjiet ta’ nies jixhdu għal din il-Ħniena ta’ Alla, ibda mill-”Ħalliel it-Tajjeb”.  Ma kien tajjeb xejn, imma ltaqa’ ma’ u għaraf il-Ħniena li kien hemm għalih fil-mument opportun.  Għaliex hu kellu din l-esperjenza u sieġbu le?  Misteru.  Bħalma tgħid il-letteratura Ngliża: ”Two men looked through prison bars.  The one saw mud, the other stars.”  Wieħed jara mod, l-ieħor jara l-kontra.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Kristu kien imdawwar b’ħafna nies kieku.  Min ra fih bniedem ta’ Alla, min profeta, min raġel twajjeb, min bniedem avventuruż, min ra fih problema politika, u min ra fih sfida għall-awtorità reliġjuża tat-Tempju.  Wieħed biss ħares minn wara l-ħadid tal-ħabs ta’ dnubietu u lemaħ salvazzjoni għal eżistenza tiegħu.  Żakkew ra dak li ħadd, f’dak l-istorbju, ma ra.  Hu ġera wara l-ferħ, wara s-sens tal-ħajja, wara l-milja... u fettex dan kollu fid-dinja.  Ra lil Kristu u qalbu qaltlu: ”Hawn hu Dak li lilu fittixt ħajtek kollok f’postijiet fejn ma kienx!” Żakkew kien xortih tajba!  Id-dieqa tad-dnub kienet għamlitu umli.  Fil-fond kien jaf li kien falla f’kollox anke jekk kien sinjurun.  U ħajtu nbidlet.

 

Versett: Hallelujah. Ishru, u kunu lesti, għax ma tobsruha qatt is-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta San Luqa.  19, 1-10

 

F’dak iż-żmien: Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq.  Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.  Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir.  Għalhekk mar jiġri  'l quddiem u xxabbat ma' siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.  Ġesù, kif wasal hemm, ħares 'il fuq u qallu: "Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek."  Dak niżel bla telf ta' żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.  In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.  Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: "Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b'xi ħadd inroddlu għal erba' darbiet iżjed."  Qallu Ġesù: "F'din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.  Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva   l-mitluf."

Last Updated ( Saturday, 29 October 2016 )
 
< Prev   Next >