Tuesday, 22 August 2017
           
Home
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-FIDI FIL-GENNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 November 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

mother-and-seven-sons.jpg

 

Matul l-elfejn sena minn mindu l-Mulej Ġesù temm il-missjoni tiegħu fuq din l-art u tela’ jgħammar fuq il-leminija tal-Missier, il-Knisja li ħalla warajh u li hi l-Ġisem mistiku tiegħu u l-Preżenza tiegħu fuq din l-art, għaddiet minn ħafna twegħir, kumattimenti, sarar, telfiet u rebħiet.  Il-fatt biss tal-eżistenza tagħha jixhed għall-preżenza tal-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-mewt u hu Sid l-Istorja.  Aħna qegħdin ngħixu fi żmien li San Ġwanni Pawlu II kien sejjaħlu “epokali”, jiġifieri ta’ mportanza li rari ħafna għaddiet minnu l-Knisja u li se jimmarkaha għal sekli sħaħ.

 

Żmien epokali ieħor kien meta l-Imperatur ta’ Ruma, Konstantinu, kkonverta għall-Kristjaneżmu, waqqaf il-persekuzzjonijiet kollha u għamel mit-twemmin fi Kristu r-reliġjon uffiċċjali tal-Imperu.  Ħafna jaraw dan il-‘miraklu’ bħala xi ħaġa pożittiva mmens; oħrajn iħarsu lejh b’lenti anqas favorevoli.  Ir-riżultat tal-Editt ta’ Milan kien li l-ġnus maħkuma minn Ruma daħlu fil-Knisja.  Din il-ħaġa kienet bħal diega li nfaqgħet u xmara enormi ta’ nies fgaw lill-Knisja li ma setgħetx tlaħħaq magħhom.  Kotra ta’ nies daħlet fil-Knisja mingħajr tħejjija profonda, u taħt it-tiċlieqa ta’ Kristjaneżmu baqgħu bl-istess mentalità u kultura pagana li kellhom qabel u li fiha kienu twieldu u trawmu.  Mhux lakemm tbiddel in-nies! 

 

Din il-mentalità ‘pagana’ baqgħet tkarkar fil-Knisja sal-lum!  It-tempji pagani ma ġewx imwaqqa’ imma tneħħew l-istatwi tal-allat u flokhom tpoġġew oħrajn ta’ Kristu, waqt li l-Knisja, biex ma taħsadx lin-nies, żammet ħafna mill-festi pagani imma tathom tifsira Nisranija.  Illum, almenu fil-pajjiżi tal-punent fejn twieled il-Kristjaneżmu, qed naraw fenomenu li hu l-kontra ta’ dak ta’ żmien Kostantinu.  Il-bracket li nfetaħ fi żmienu, qed jinagħlaq.  Ħafna ġnus li daħlu mhux b’konvinzjoni imma għax hekk kien jaqbel, illum qed joħorġu mill-Knisja.  Il-Knisja qed issirilha żabra ‘nobis’, kif ngħidu, u din iż-żabra Kristu qed jagħmilha u ħadd aktar.  Huwa Hu li jmexxi l-Istorja!  Qed naraw titwieled Knisja ġdida, bħalma kien ħabbar il-profeta Papa Pawlu VI li kien qal li l-Knisja trid titwieled mill-ġdid f’kull ġenerazzjoni bħal donnu ma kinitx teżisti qabel.  Qed naraw tissawwar Knisja ħafna iċken, ħafna ifqar, ħafna iktar umli, anke f’pajjiżna, imma li hi dawl ħafna iktar qawwi minn qabel.  Illum trid tkun konvint biex tixhed fil-pubbliku għal Kristu.  Spiċċa ż-żmien ta’ “llum il-Ħadd mela kulħadd għall-Knisja”!  Dan il-proċess ta’ sekularizzazzjoni fid-dinja ħadd ma jista’ jwaqqfu għax donnu li Alla nnifsu qed jużah biex f’dan l-ambjent ġdid tinħema Knisja ‘ġdida’.

 

Minħabba din it-transformazzjoni, ħafna nies tilfu l-Fidi.  Ħadd m’għadu jsemmi l-‘Ġenna’.  Donnha xi ‘fairy-tale’ tat-tfal, u taqa’ għaċ-ċajt jekk tgħid li tixtieq tmur hemm.  Qed ngħixu fi żmien tal-aktar tentazzjoni sottili ta’ satana: il-Ġenna l-bniedem kapaċi joħloqha hu hawn isfel fuq l-art!  Din hi l-ereżija prattika li fiha qed ngħixu lkoll kemm aħna!  Għalqulna s-sema b’saqaf tal-konkrit; il-biża’ orribbli tal-mewt ikkundizzjonana biex naħsbu li din hi l-unika ħajja li teżisti u allura dak kollu li għandu x’jaqsam magħha hu ta’ mportanza enormi.  Alla m’għadux alla imma sar teorija storika għal ħafna.  L-alla veru ta’ bosta hu “li ngħaddiha tajjeb hawn; nieklu u nixorbu għax għada mmutu”. 

 

L-Ewropa, ħafna iktar mill-Amerika, ċaħdet l-għeruq Insara tagħha u t-twemmin fi Kristu sar biss minoranza zgħira.  Jiftaħru ħafna bil-kultura Nisranija, imma dan għax ma rnexxilhomx joħolqu kultura ġdida biex tieħu post dik Nisranija.  Fl-Ewropa hemm vojt, abbiss ta’ valuri u l-frott ta’ dan kollu huwa l-kaos politiku li qed jinfirex.  L-Islam qed jistenna, kwiet kwiet, fil-ġenb.  Tama waħda biss hemm għalina: Knisja ċkejkna li tkun dawl li ddawwal u melħ li jagħti togħma.  Għandna bżonn Insara mhux tal-isem imma nies ta’ Fidi kbira li jnisslu qawmien Nisrani ġdid.  Għandna bżonn nies li jdawlu din il-ħajja bl-istennija ta’ Ħajja ta’ Dejjem.  Il-Ġenna teżisti!  Xtrahielna Kristu b’Demmu!  U din il-Ħajja ta’ Dejjem tibda minn hawn stess għal dawk li jemmnu f’Ismu.  Dan hu d-Dawl fid-dlam ta’ żmienna.

 

L-Ewwel Qari

 

Kull sena f’dan iż-żmien niltaqgħu ma’ rakkont li jkexkixna, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej.  Il-Makkabej kienu nies qalbiena li, għalkemm f’numru żgħir, kellhom importanza politika enormi fi żmienhom.  Kien żmien ta’ persekuzzjoni kbira għall-poplu ta’ Alla mill-Griegi li riedu jisfurzawhom jgħixu skont il-kultura tagħhom pagana.  Il-Makkabej qabdu l-armi biex jiddfendu l-Liġi li Alla kien tahom permezz ta’ Mose, u jħarsu t-twemmin u d-drawwiet li għaddewlhom missirijiethom.

 

Terribbli kien dan iż-żmien għal Iżrael;  qed nitkellmu dwar xi ftit sekli qabel Kristu.  Ir-rakkont hu dwar waħda armla li, ma’ seba’ wliedha subien għażlet mewt l-aktar ħarxa għaliha u għal uliedha għax kellha Fidi f’Ħajja oħra.  Dan hu ġenn għad-dinja tal-lum!  Illum m’għadniex naraw persekuzzjonijiet fiżiċi bħal dawn fil-pajjiżi ‘moderni’ tal-punent.  Ma tarax!  L-għadu qed juża arma ferm aktar makakka u li tinfed minn hekk.  Il-midja xxandar li din il-ħajja t’hawn biss teżisti u għalhekk int għandek bżonn taħdem u taħdem, biex taqla l-flus u tonfoq u tixtri biex ir-rota tal-ekonomija ddur u tagħqad, u l-ftit sinjuruni jistagħnew dejjem aktar!  X’Ġenna, Ġenna!  Il-Ġenna hi hawn: ara kemm qed nivvintaw affarijiet li jagħmlu l-ħajja iktar komda!

 

Din il-mara kellha xi ħaġa li tissupera l-bniedem tal-lum, bil-ġugarelli li jivvinta l-ħin kollu.  Ma kinitx tibża’ mill-mewt għax kienet taf li l-mewt mhix l-aħħar kelma.  Illum għandna bniedem imwerwer mill-mard, mix-xjuħija u l-baħħ ta’ wara din il-ħajja.  Hu bniedem li ma hu ċert minn xejn u mimli insigurtà.  Jipprova jinsa b’dak li jixtri.  Jekk m’għandekx ħila tixtri, inti zero.  Konsumiżmu hija r-reliġjon il-ġdida u l-banek u l-ħwienet huma l-knejjes. 

 

Jgħidulek li l-Fidi f’Ħajja oħra tagħmel li l-bniedem jgħix ħajja mdejqa u ta’ tbatija hawn.  Din hi gidba!  Kristu rebaħ il-mewt u min għandu l-Ispirtu tiegħu għandu rebħa fuq il-mewt.  Huwa l-bniedem li rebaħ il-biża’ tal-mewt biss li jista’ jgħix tassew kuntent u fis-sliem f’din il-ħajja.  Hija gidba li huwa l-bniedem tal-lum biss li għamel avanzi f’kull qasam.  Il-bniedem tal-lum qiegħed jibni fuq dak li sab u li nkiseb minn nies li kellhom Fidi soda fl-imgħoddi.  Kienu nies ta’ Fidi li bnew katidrali tal-għaġeb mal-Ewropa kollha u li tawha l-universitajiet, kultura u demokrazija.  Kienu Shumann, Adenauer u De Gaspari, it-tlieta Kattoliċi ferventi, li ħolqu l-Unjoni Ewropeja u tawha idejali Nsara li llum irmiethom.

 

Din il-mara li se naqraw fuqha, tiswa daqs elf minn tal-lum.  Din hi d-differenza bejn il-bniedem tal-Fidi u l-pagan.

 

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej.  7, 1-2.  9-14

 

F’dak iż-żmien: Ġara li qabdu wkoll sebat aħwa u 'l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex.  Wieħed minnhom beda jitkellem f'isem l-oħrajn u qal: "X'int tfittex tistaqsi u trid taf minna? Aħna lesti mmutu, imma m'aħniex lesti niksru l-liġijiet ta' missirijietna."

 

Kif kien fl-aħħar nifs it-tieni wieħed qal lis-sultan: "Int, bniedem mill-agħar, int se ċċaħħadna mill-ħajja ta' issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta' dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu."

 

Mbagħad wara dan bdew jittorturaw it-tielet wieħed u malli talbuh ħareġ minnufih ilsienu u bla biza' ta' xejn midd idejh u ta' qalbieni li kien għajjat: "Mis-sema ksibthom dawn, u għal-liġijiet tiegħu jien nistmerrhom, għax mingħandu nittama li għad nerġa' niksibhom."  Saħansitra s-sultan u dawk ta' madwaru stagħġbu bil-qawwa ta' dan iż-żagħżugħ, kif l-uġigħ ma kien iqisu xejn.

 

Meta miet dan bdew jittorturaw u jbiċċru r-raba' wieħed bl-istess mod.  Meta wasal fl-aħħar qal: "Aħjar li wieħed imut b'idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajjmu mill-ġdid. Imma għalik m'hemmx qawmien għall-ħajja."

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmi huma Kelma kollha faraġ li Alla għandu għall-bniedem tal-Fidi li jħossu għajjien fil-mixi tiegħu f’ambjent li jattakkalu l-valuri tiegħu l-ħin kollu.  Alla jmil lejn il-bniedem fidil u jqawwilu qalbu u jerfagħlu rasu.  Il-Kliem ta’ Alla, li huma s-Salmi, huma bħal qtar tax-xehda, balżmu, ungwent fuq il-ġrieħi f’qalb il-bniedem li għandu dieqa b’dak li qed jiġri madwaru.  Il-Mulej jassigurah li wara kull telfa hemm il-qawmien... li wara l-mewt hemm il-Ħajja vera.  “Malli nqum nithenna bid-dehra tiegħek, Mulej!” itenni dan is-Salm.  Din kienet it-tama ħajja tal-mara Makkabeja.  Il-bniedem li jgħaddi mill-wied tal-prova jistrieħ fuq il-Fidi li tagħtih eskatoloġija; tagħtih li jħares ’il quddiem bil-qalb lejn il-jum li għad iżernaq wara kull lejl.  Għax bħal ħabba tal-għajn iħarsu l-Mulej.  Daqshekk jiswa għaliH.

 

Ritornell: Meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 

Salm 17

 

Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa' l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja.

 

 

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

 Nsejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma' kliemi.

 

Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni,

għad-dell ta' ġwenħajk kenninni

jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 

It-Tieni Qari

 

Il-filosofija moderna tistrieħ fuq li tnessi l-bniedem li hu għad imut.  Il-mewt hija d-dell li tkerraħ il-ħajja tal-bniedem bla Fidi. In-Nisrani jistenna lil Kirstu ġej biex jagħtih il-milja tal-Ħajja.  Anzi, l-Fidi tagħtih ċertezza, sigurta, garanzija, li hu għandu ismu miktub fil-Ktieb tal-Ħajja u li l-Kbir dejjem għadu ġej anke jekk qed jixjieħ. 

 

Imma ż-żmien tad-dehra tiegħu ħadd ma jaf ħinha.  Għalhekk in-Nisrani jishar u joqgħod attent għax wirt enormi u tal-għaġeb hemm jistennih u ma jridx li jkun tant iblah li jirvina kollox minħabba l-ħmerijiet tad-dinja.  It-Tessalonkin tant kienu nies li jemmnu fit-Tieni Miġja ta’ Kristu li kienu jaħsbu li tinsab wara l-bieb u li huma ma kinux se jmutu imma se jinħatfu fis-sema minn Kristu fl-aħħar jum tad-dinja.  Minħabba dan, ma baqgħux jagħtu kas tal-ħajja hawn, imma telqu x-xogħol u qagħdu biss jistennew it-tmiem tal-ħolqien.  Pawlu jwiddibhom fuq dan, anke jekk fl-istess ħin jammira l-Fidi għanja fi Kristu li kellhom.  Hu jgħidilhom li l-Fidi fil-Ħajja ta’ Dejjem li riesqa għandha tgħinhom jgħixu tip ta’ ħajja mill-aħjar sakemm għadhom hawn.  Għalhekk iħeġġiġhom biex jgħinu lil għajrhom, jagħmlu l-ġid ma’ kulħadd u jtejbu l-ħajja ta’ min hu fil-bżonn. 

 

Dan hu l-kontra ta’ dak li tippriedka l-kultura dominanti tal-lum li temmen biss fl-individwaliżmu... aħseb għal rasek u ħallik minn ħaddieħor għax ħadd mhu se jaħseb fik.  Dan hu l-individwaliżmu (int biss importanti għalik innifsek) li hu l-għaxqa tal-bniedem modern.

 

Qari mit-Tieni Ittra lit-Tessalonkin.  2, 16  -  3, 5

 

Ħuti: Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta' dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja,  jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f'kull għemil u kelma tajba.

  

Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom.  Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi iżda l-Mulej hu fidil; hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin.  Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom.  Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta' Alla u s-sabar ta' Kristu.

 

Evanġelju

 

Il-Kredu tan-Nisrani jxandar: ”Nemmen fil-qawma mill-imwiet u l-Ħajja ta’ Dejjem!”  Dan għandu jkun iċ-ċentru ta’ ħajtu hawn fuq din l-art.  Dan it-twemmin f’Ħajja oħra mhux naturali, anke jekk insibu ħafna x’jixhed għal dan fin-natura ta’ madwarna. Il-ħabba tal-qamħ li tindifen taħt il-ħamrija meta tinżera’, tmut, iżda minnha toħroġ ħajja ġdida u donnha tibqa’ tgħix fix-xitla ġdida li tispunta minn ġol-ħamrija.  X’meravilja! 

 

Imma t-twemmin f’Ħajja oħra hija Grazzja għax, imsejknin li aħna, moħħna hu kkundizzjonat b’dak li naraw b’għajnejna.  Kemm drabi ħadna nies lejn iċ-ċimiterju u ħadd minnhom ma ġie lura!  Dan hu dak li jgħidlek il-pagan, il-bniedem bla Fidi.  Dan hu dak li jgħidulek saħansitra nies li jmorru għall-quddies tal-Ħadd!  Il-Fidi tgħidli: jien maħluq għax Alla ħabbni għax kieku ma kienx joħloqni, u li l-Imħabba li ħalqitni hi eterna għax etern, għal dejjem hu Alla li ħabbni.  U l-Imħabba ta’ Alla m’għandhiex żmien, mhix limitata għal xi tmenin sena jew inqas.  L-Imħabba li tgħammar f’kull bniedem hi Alla nnifsu u dan tagħmlu etern.  Kristu tqabad mal-mewt u rebħilha biex igiddeb il-gidba tal-għaġeb li kulħadd miexi lejn mewt u daqshekk.  Pawlu stess jgħid li kieku l-Fidi tagħna sservina għal din il-ħajja biss aħna l-iktar nies imsejkna. 

 

In-Nisrani miexi lejn il-Ġenna.  Ma nistħux ngħiduha din!  Huwa dan li jagħti s-sens lit-tbatija li għaliha l-bniedem tal-lum m’għandux risposta ħlief is-suwiċidju tal-ewtanasija.  M’hemmx Għid jekk m’hemmx Ħajja oħra.  L-Istorja ta’ ħajjitna tindikalna l-Qawmien.  Ħares lura u ara hux veru li l-ħajja hi sensiela ta’ daħla fit-tbatija li tispiċċa f’qawmien, bħalma ż-żerniq jibda jdawwal wara d-dlam tal-lejl u bħas-sajf li dejjem jiġi wara x-xitwa.  Kollox hekk.  Għalhekk hu b’kuraġġ ġej mill-esperjenza tal-Fidi li l-Knisja xxandar li l-jum tal-mewt, li għad-dinja hu jum terribli, huwa id-”Dies Natalis”, Jum it-Twelid għan-Nisrani, it-twelid għall-Ħajja l-vera li hemm tistenniena.  Dan hu l-wirt li rebħilna Kristu bit-tbatijiet tiegħu.

 

Versett:  Hallelujah.  Ishru,u itolbu l-ħin kollu, biex tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-bniedem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  20, 27-38

 

F’dak iż-żmien: Resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:  "Mgħallem," qalulu,"Mosè ħallielna miktub, 'Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.'  Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.  It-tieni wieħed,  u mbagħad it-tielet, f'kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.  Fl-aħħar mietet  il-mara wkoll.  Issa din, fil-qawmien ta' l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha."  Weġibhom Ġesù: "Il-bnedmin f'din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu;  imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu   mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu.  Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.  U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh,  fir-rakkont tax-xitla ta' l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb.  Issa hu m'huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix." 

 
< Prev   Next >