Monday, 26 June 2017
           
Home
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) JUM IL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 11 November 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

unknown-artist-the-last-judgement-church-of-the-mother-of-god-of-kazan-tolyatti-rf-2001.jpg

 

Il-Bibbja titkellem ħafna fuq Jum misterjuż, Jum mistenni minn xi wħud, ibeżża’ lil oħrajn u mhux emmnut mis-soċjetà ta’ żmienna.  Dan hu Jum il-Mulej li ħafna mill-profeti jwissu dwaru: il-Jum fejn id-dinja tagħraf li żbaljat bil-kbir fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla, li ħadet ‘for granted’ ħafna ħwejjeġ li huma mportanti għall-eżistenza u s-sopravvivenza tal-bniedem.  Differenti huma l-ispjegazzjonijiet li wieħed jista’ jagħti lil dan il-Jum imħabbar mill-profeti u minn nies ġusti u, finalment, mill-Iben ta’ Alla nnifsu.

 

Jum il-Mulej wieħed jista’ jieħdu għal Jum il-Messija, Jum id-dehra tal-Mistenni mill-fqar ta Iżrael, li fih il-poplu fidil ta’ Alla kellu jinħeles.  Għal ħafna, dan il-Jum kellu jġib liberazzjoni politika għax għalihom il-Messija, li sa minn Mosè kien imkebbeb fiċ-ċpar tal-misteru fil-Memorja tal-poplu, kellu jkun figura politika li kellu x’jaqsam biss ma’ din il-ħajja fuq l-art u mal-problemi u t-tbatijiet tagħha.  Imma minoranza żgħira, il-fqar fl-ispirtu, il-fdal tal-poplu kienu qed jistennew liberazzjoni ferm iktar profonda: ħelsien spiritwali mill-għedewwa veri tal-bniedem, is-setgħat u l-qawwiet li jdallmu ħajjet kull maħluq u li jimbuttawh jaħrab fid-dnub u fl-egoiżmu.  Dan il-Messija, b’xi mod, kellu jeħles lil dawk li ġa kellhom il-biża’ ta’ Alla minn dak kollu li kien joqtolhom u jisirqilhom il-Ħajja, u jagħtihom li jservu lill-Mulej fis-sliem.

 

Imma f’ħafna postijiet, il-Bibbja tiddiskrivi Jum il-Mulej b’toni apokalittiċi, u l-istess jagħmel Kristu.  Huwa l-Jum finali, Jum il-Ħaqq għal kull bniedem, Jum it-tmiem taż-żmien, il-Jum aħħari. Minnu jibżgħu il-bnedmin kollha tad-dinja għax fih Alla jagħmel il-kontijiet ma’ kulħadd fil-qalba tal-qerda ta’ dak kollu li jidher tant sod f’għajnejna: il-muntanji, il-widien, l-art kollha bil-baħar, bnedmin u annimali.  Il-ħżiena tal-art jiżżufjettaw b’din il-profezija u jgħidu: “Ħa naraw meta se jasal Jum il-Mulej!”  Dawn huma l-kburin li għalihom dan il-Jum għad iseħħ bħalma seħħew il-profeziji kollha, u kbir ikun il-biża’ f’qalb dawk li qatt ma beżgħu mill-Mulej.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb tal-Profeta Malakija huwa l-aħħar ktieb fit-Testment il-Qadim.  Mhux bil-fors li kien l-aħħar profeta, għalkemm wieħed minn tal-aħħar żgur qabel ma deher Ġesù.  L-isem “Malakija” jfisser “il-messaġġier tiegħi” u għalhekk hemm min jitfa’ dubju fuq jekk dan kienx tassew l-isem tal-profeta.  Kien jgħix wara l-Eżilju ta’ Babel, meta l-poplu kien ilu biss ftit li rritorna lejn artu.  Kien żmien ta’ korruzzjoni fil-ħajja soċjali u anke reliġjuża ta’ Iżrael.  Għalkemm il-liturġija fit-tempju kienet issir, din kienet għaddejja minn kriżi għax kollox kien isir biex ikun sar u l-ordni saċerdotali kien tbiegħed mill-fidi u mill-Mulej.  Biex tagħqad, ħafna mil-Lhud bdew jiżżewġu nisa pagani mill-ġnus ta’ madwarhom u nsew it-twissijiet li minn Mosè ’l isfel dejjem inagħtaw fuq dan.  It-taħlit mal-ġnus ġirien beda jdaħħal fil-pajjiż ħafna drawwiet “progressivi” li fil-fatt ma kienu xejn ħlief korrotti u li ħassru qalb il-poplu.

 

L-ewwel parti tal-Ktieb ċkejken ta’ dan il-profeta jitratta dwar id-dnub ta’ Izrael.  Dejjem l-istess: bħaż-żmien tal-lum, Iżrael kien dara fid-dnub u għalih kollox beda jsir “xejn mhu xejn”.  Alla jibgħat profeta biex jiftaħ għajnejn il-poplu u din dejjem kienet biċċa xogħol diffiċli ħafna li ddejjaq.  Il-poplu kien komdu fi dnubu u ma setax jinduna li kien qed jiddgħajjef u jitlef l-għażla li kellu bħala l-uniku poplu ta’ Alla.  It-tieni parti tal-Ktieb tħabbar Jum qalil li fih Iżrael kien se jiġi msoffi fil-forġa tan-nar tal-prova. 

 

Nagħmlu żball kbir jekk nikkonsidraw dan kollu bħala Storja li ġrat ilu.  Din hi Kelma ta’ Alla għalina llum li qegħdin ngħixu fi żmien fejn is-soċjetà qegħda titħassar għax insiet l-għeruq Insara tagħha u hija mbuttata minn ħeġġa li tikkopja pajjiżi pagani u ssejjaħ “progressivi” l-valuri tagħhom.  Dak kollu li qabel kien sagru u li fuqu bnejna l-valuri tagħna, illum hu middieħaq u mwaqqa’ għaċ-ċajt.  Kollha l-istess spiċċaw dawn il-kulturi fl-imgħoddi: f’Jum qalil li ħaraq kollox.  Alla huwa Sid l-Istorja u kollox miexi lejn il-Jum tiegħu, il-Jum li mhux bil-fors hu l-Jum “aħħari” imma jista’ jkun il-Jum tal-qerda li diġa qegħdin naraw sintomi tagħha fil-ħajja politika tal-Ewropa.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija.  3, 19-20a

 

Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u   l-jum li ġej għad jaħraqhom, jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.  Imma għalikom li tibżgħu minn Ismi titla' x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha. 

 

Salm Responsorjali

 

Malakija, li kien mimli qilla għal dawk li kienu qed joħorġu lil Iżrael mit-triq li tagħmlu “differenti”, kien, għal kuntrarju, mimli kliem ta’ ħlewwa mal-fdal tal-poplu, il-fqar fl-ispirtu, li kienu jistennew bil-ħerqa l-intervent ta’ Alla fl-Istorja.  Tant kienu fqar li kienu jistennew kollox mingħand il-Mulej u t-Tama tagħhom kollha kienet fiH.  Hu jaċċertahom li l-“Jum” mistenni kien riesaq u għalihom kien se jkun bħaż-żerniq wara lejl twil, ix-xemx tiela’ ma’ sbieħ il-jum li tkeċċi d-dlamijiet, il-biża’ u l-insigurtà.  Din ix-xemx li fuqha jitkellem Malakija talludi għal Dak il-misterjuż li kien mistenni għal tant sekli, li kellu jkun ix-xemx li jsaħħan il-qlub u jagħmel li l-bniedem ikollu spirtu ġdid ġewwa fih li jagħmilha possibbli għalih li jħobb.

 

Salm 98 hu Salm ta’ ferħ għax mill-bogħod jilmaħ il-Miġja ferrieħa tal-Mulej li jżur lill-poplu tiegħu biex jeħilsu u biex iwaqqaf Saltna ġdida.  Hu jistieden lin-nies fit-tempju biex jgħannu b’leħen għoli u jdoqqu b’saħħithom kollha l-istrumenti li jżarżru, għax żmien l-istennija wasal biex jintemm; il-Mulej jinsab wara l-bieb u qed iħabbat!  Anke n-natura tifraħ għal dan: il-baħar, ix-xmajjar, il-muntanji u d-dinja kollha ċċapċap quddiem il-Mulej għax ġej.

 

Qegħdin noqorbu lejn l-Avvent.  Il-Mulej ġej!  Hallelujah!  Dan hu l-ferħ tan-Nisrani.  Hu dejjem jistenna miġja ġdida ta’ Ġesù li ddawlu dejjem iktar biex jagħraf b’mod iktar ċar il-Misteru tal-Imħabba li hemm fi Kristu għalih.  Xejn milli tagħti d-dinja ma jista’ jitqabbel mat-Teżor li hu Kristu!  Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha.  Fittex il-Ħajja u l-ferħ kull fejn trid.  Agħmel, jekk trid, l-esperjenza ta’ dak kollu li tista’ toffrilek id-dinja.  Ngħidlek li miskin int għax se tweġġa’;   imma, jekk int sinċier, wara jkollok tgħid li kollox hu frugħa, li giddieba hija d-dinja, li triq waħda hemm għall-bniedem: dik li int dejjem warrabt u waqqajt għaċ-ċajt.  J’Alla jkollok umiltà biżżejjed biex tiġi lura lejn Dar Missierek.

 

Ritornell:  Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli.

 

Salm 98

 

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta' l-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!

 

Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih,

id-dinja u kull ma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ

quddiem il-Mulej, għax ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa.

 

It-Tieni Qari

 

Id-dinja hi mimlija kontradizzjonijiet.  Hemm min jiddieħaq bil-profezija tat-Tieni Miġja tal-Mulej Ġesù, dik li l-Knisja ssejħilha bil-Grieg: il-“Parusija”.  Imma hemm ukoll min tant jeħodha bis-serjetà li jibda jimmaġina meta se tiġri u jiżbalja billi jħabbar id-data ta’ meta se jidher il-Mulej.  Kemm setet protestanti, l-aktar fl-Amerika ipprofetiżżaw il-Parusija tal-Mulej biex  imbagħad waqgħu għaċ-ċajt meta din ma seħħitx u taw xi jgħidu lil dawk li jiddieħqu b’din il-profezija! 

 

In-nies ta’ Tessalonika li kienu emmnu l-Aħbar it-Tajba li ġabilhom Pawlu, tant emmnu fil-Jum tal-Mulej, fl-Aħħar tad-Dinja, li qagħdu jistennewh minn jum għall-ieħor, tant li qalu: “Għalfejn immorru naħdmu, meta kollox se jintemm f’din il-ġimgħa jew f’ta’ wara?  Dan ir-raġunar inkwieta lil Pawlu li kitbilhom biex jikkoreġihom li dan il-Jum lanqas il-Mulej Ġesù (bħala bniedem) ma kien jaf meta se jseħħ.  Anzi l-Mulej, kif se naraw fil-Vanġelu, jwissu dwar tħabbir fuq dati ta’ Jum il-Mulej.  Pawlu jħabrek biex lit-Tessalonkin, u lilna, jħeġġiġna li jkun aħjar li ngħarfu dejjem iktar il-Misteru ta’ Kristu u l-għoli u l-fond tal-Imħabba li l-Missier għandu għalina u li wrieha f’Ibnu.  Din hi l-qdusija vera.  Il-bqija hu kollu frugħa u ħmerijiet tal-bniedem.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  3, 7-12

 

 Ħuti: Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom;  il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b'xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta' piż għal ħadd minnkom. Mxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu.  Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. 

 

Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m'humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f'isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.

 

Evanġelju

 

Kristu jitkellem fuq l-Aħħar Żminijiet f’dan il-Vanġelu.  Qed noqorbu lejn tmiem is-Sena Liturġika.  Il-Ħadd li ġej huwa l-Aħħar Ħadd, u dan hu ż-żmien li fih il-Knisja tisħaq magħna fuq kemm hi fiergħa u mhux ta’ min jorbot fuqha d-dinja u l-opinjonijiet tagħha.  Kulma naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna għandu fih id-DNA tal-mewt.  Kollox qed jitħassar u jispiċċa waqt li qegħdin nitkellmu.  Il-bniedem jitkabbar b’dak li jirnexxilu jagħmel b’idu jew jaħseb b’moħħu, imma kollox huwa frugħa tal-frugħat.

 

Dak li Kristu qed jgħidilna f’dan il-Vanġelu nistgħu faċiment napplikawh għal ħajjitna. Ninsabu fi żmien ta’ tranżizzjoni f’ħafna oqsma, inkluż dak tat-twemmin fil-Mulej.  Il-Knisja tinsab fil-qalb ta’ dan kollu.  Il-Knisja tal-lum mhix dik ta’ ħamsin sena ilu, u dik li se jkun hawn fi ftit ta’ għaxriet ta’ snin oħra se tkun għal kollox differenti minn din li għandna llum.  Huwa Kristu li qed imexxi kollox.  Illum aħna moħħna mimli bil-knejjes sbieħ li rnexxielna nibnu u narmaw, bid-drawwiet li trawwimna fihom, bi storja ta’ Kristjaneżmu li rebaħ kontinenti sħaħ għall-Knisja.  Il-Lhud kellhom l-istess bokka bit-tempju ta’ Ġerusalemm fejn kienu jemmnu li kien hemm l-uniku tabernaklu ta’ Alla fuq wiċċ l-art, il-Post tal-Qaddis tal-Qaddisin.  Kristu jgħid li kollox kellu jinqered, u kollox inqered.  Jista’ jgħid dan il-kliem għal dak li hu tant għal qalbna llum. 

 

Mhux il-knejjes mibnija bl-idejn li huma mportanti għall-Knisja; mhux id-drawwiet, għax dawn imutu u jinbtu oħrajn li jgħoddu iktar minnhom; lanqas l-imgħoddi u dak li kien tajjeb ilu.  Il-Knisja dejjem tiġġedded.  L-unika ħaġa li hi mportanti hija l-Fidi, it-twemmin fl-Iben ta’ Alla li ta ruħu għalina.  Il-bqija huwa bħala għajnuna li llum jgħinna u għada nistgħu ngħaddu mingħajru.  Il-missierijiet tal-Knisja jgħidu li s-serp taqtagħlu kemm taqtagħlu minnu ma toqtlux jekk ma tmisslux rasu.  Ir-ras hija l-Fidi f’Ġesù u l-Misteru tal-Għid tiegħu.  Lill-Knisja jistgħu jisirqulha u jeqirdulha kollox, imma jekk iżżomm ir-ras li hija l-Fidi, allura tibqa’ ħajja u terġa’ tkabbar il-parti li nqategħtilha.

 

Anzi, ż-żmien ta’ persekuzzjoni li żgur hu riesaq fuq il-Knisja fil-punent, ikun żmien ta’ xhieda kbira għal Kristu.  Żmien ta’ qdusija.  U bħas-serp... xagħra minn ras il-qaddejja tal-Mulej ma tintilifx għax ikun iggranfaw b’saħħithom kollha mal-Fidi fl-Imgħallem tagħhom.

 

Versett: Hallelujah.  Ibqa’ fidil sal-mewt, igħid il-Mulej, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  21, 5-19

 

 F’dak iż-żmien : Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b'ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom:  "Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx."

 

U huma staqsewh u qalulu: "Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x'se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?"  Qalilhom: "Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu,' u, 'Iż-żmien wasal.' Tmorrux warajhom!  Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih." 

 

Mbagħad qalilhom: "Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,  l-art titheżheż bil-kbir, f'ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża' u sinjali ta' l-għaġeb.  Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f'idejn il-mexxejja  tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f'ismi.  Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. 

 

U żommu sewwa f'moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,  għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista' jiqaflu jew imerih.  U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom,  u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi. [Lq:21:18] Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.  Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!

 
< Prev   Next >