Monday, 26 June 2017
           
Home
L-ERBGHA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) ULIED IS-SULTAN! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 November 2016

Din hija il- Liturgija  ta' l-Erbgha u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

good-thief.jpg

 

Il-Festa ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu għandha tkun, b’mod partikulari, festa ta’ radd il-ħajr lil Alla li reġa’ tana Sena Liturġika oħra mimlija b’rigali li ħafna drabi lanqas biss ninnutawhom.  Ninsabu fl-aħħar Ħadd tas-sena u tmint ijiem oħra tibda sena oħra, Sena Liturġika ġdida, sena oħra ta’ indħil u nterventi mimlija Mħabba minn Alla lejna. 

 

Il-Lhud għandhom proverbju nteressanti: “Il-ħuta, l-aħħar ħaġa li tinnota fid-dinja tagħha huwa l-ilma!”  Jekk tistaqsiha dwar l-ilma, tgħidlek: “Ilma?  X’ilma hu?”  Għax hi mdawra bih ħajjitha kollha; tieħdu ‘for granted’; hu parti minnha.  Bħalma aħna ninnotaw kollox, imma min se jinduna bl-arja li l-ħin kollu żżommna ngħixu?  L-arja, dieħla u ħierġa minna, hi parti minna.  Hekk l-Imħabba ta’ Alla.  Aħna ngħumu fiha ħajjitna kollha, u kemm ftit, jaħasra, nirrikonoxxuha!

 

Kristu huwa s-Sultan ta’ kollox għax huwa l-Kelma li biha nħalaq kollox.  Barra minn hekk, Huwa s-Sultan ta’ kollox għax Hu rebaħ il-mewt fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Huwa rebaħ dik il-ħaġa li hi l-għadu ta’ kollox, li teqred kollox.  Il-ħolqien qiegħed jispiċċa u jitmermer bil-mod il-mod għax fih hemm id-duda tal-mewt... anke fl-aktar blat żonqri.  Imma Kristu, dgħajjef, fallut, iġġudikat mill-bnedmin, mitluq saħansitra minn Alla, qam mill-mewt, giddibha u fetħilna orizzont ġdid ta’ Ħajja għal dejjem li fuqha l-mewt m’għandhiex setgħa.  Hu ġie fid-dinja u libes ġisem bid-duda tal-mewt fih, imma dan il-ġisem, Missieru igglorifikah billi qajmu mill-mewt għax ma jistax ikun li l-Imħabba tiġi maqtula mill-ħażen.  Li kien hekk m’hemmx tama.  Kristu huwa s-Sultan għax ta Tama lill-ħolqien kollu.  L-Imħabba hi l-aqwa potenża, l-ikbar setgħa, l-ogħla qawwa li teżisti u xejn ma jista’ joqtolha.  U l-Imħabba hi Kristu.  L-Imħabba lejn l-għadu.  L-Imħabba fil-qjies tas-salib, li tħobb lil dak li saħansitra jsallbek. 

 

Kristu huwa l-‘Ġdid’ li fih m’hemmx id-duda tal-mewt.  Imma dan lili x’jinteressani?  Kristu ma jmutx aktar, imma jien se mmut u ma nafx meta.  Le!  Kull min hu imwaħħad miegħU, kull min hu ngastat fih, imlaqqam fih, kull min isir parti minnu bil-Fidi fiH, dan isir parti minn Ġisem rebbieħ fuq il-mewt u l-Ispirtu tiegħU jinvadi lilek u jagħmel anke lilek rebbieħ fuq il-mewt!  Din hi l-Wegħda Nisranija.  Dan hu l-ottimiżmu enormi tan-Nisrani.  Ma jistax ikun li jkollok Nisrani mdejjaq, bil-geddum, jew li jmarmar kemm hi tqila l-Ħajja Nisranija.  Għadu ma fehem xejn, dan!  San Ġwann jgħid ħaġa tal-għaġeb... għax ma naħsbux fuqha, għax ma nippridkawx fuqha?  Hu jgħid: “Aħna diġa għaddejna mill-mewt għall-Ħajja!”  Frażi sempliċi, imma kemm tfisser!  In-Nisrani hu ħaj għal dejjem!  Din il-ħaġa mhux titgħallimha trid.  Mhix kwistjoni ta’ katekiżmi.  Din tħossha fik bil-Fidi.  Din tkunlek ċertezza, ikollok garanzija, kapparra, mhux minnek imma mogħtija lilek minn Alla. Bħal meta inti għandek biċċa karta fil-but, karta speċjali li jgħidulha ċekk.  Fuqha għandek miktuba somma ta’ flus u int taf b’ċertezza li jekk tmur il-bank, tagħtihielhom u huma jagħtuk flokha s-somma miktuba.  Din hi l-Fidi fil-Ħajja ta’ Dejjem!  Dan Alla jista’ u jrid iwettqu fina: jagħtina Fidi li tegħeleb lill-mewt u hekk insiru Ulied Alla, Ulied is-Sultan.

 

Din, li aħna Wlied is-Sultan, tagħti dimensjoni, qjies ġdid lil din il-Festa li ttemm is-Sena Liturġika.  Aħna Ulied is-Sultan bil-Magħmudija.  Iktar kemm tikber fina l-Magħmudija bil-Fidi, iktar nirrejaliżżaw dan il-misteru tal-għaġeb.  Imma r-rejaltà hi li aħna, li aħna Wlied is-Sultan, ngħixu fil-kantina mudlama tal-palazz, fejn jgħammru l-qaddejja u l-ilsira, u nifirħu bil-loqom, meta postna hu fuq, fis-swali fejn jgħammar Missierna!  Jekk Alla hu Missieri, x’jista’ jonqosni?  Jekk Alla hu Missieri min min għandi nibża’?  Jekk Alla hu Missieri u jħobbni, kif jista’ jkun li jħallini mmut u nintemm u nisparixxi qiesni qatt ma kont?  Lanqas il-bniedem, meta jħobb kelb jew għasfur, ma jrid li dan jiġri, aħseb u ara Alla li hu l-Imħabba nnifisha u li bagħatilna lil Ibnu biex biH il-bnedmin ikunu salvi...

 

L-Ewwel Qari

 

Lil Ġesù kienu jsejħulu “Bin David”, titlu Messjaniku, titlu ta’ mportanza kbira.  Imma lil Kristu kienu jsejħulu ħafna affarijiet u din ta’ “Bin David”, skont l-istudjużi tal-Bibbja, ma tantx kien idoqqlu.  Kien jippreferi “Bin il-bniedem” u sikwit jirreferi għaliH innifsu b’dan it-titlu fil-Vanġeli. 

 

“Bin David” hija frażi li kienet tqanqal ħafna emozzjonijiet fil-Lhud.  Kienet frażi politika u kien għalhekk li Kristu kien jaħrabha.  Jekk David kien Sultan, is-Sultan il-Kbir tal-Istorja ta’ Iżrael, allura “Bin is-Sultan” huwa l-eredi tas-Sultan u se jkun Sultan dalwaqt.  Il-maġġoranza tal-Lhud kienu jifhmu l-profezija tal-Messija li kellu jiġi, bħala wegħda politika daqskemm kienet reliġjuża.  Għalihom il-Messija kellu jkun l-ikbar Sultan li qatt deher fuq wiċċ l-art, Sultan li kellu jeħles lil Iżrael mill-ħakkiema barranin, jagħmel minnu Imperu kbir li jdum għal dejjem, iġib is-sliem u jnaddaf il-poplu mill-ħażen tiegħu.  Dan is-Sultan imwiegħed kellu jkun mir-razza tas-Slaten Lhud, mir-razza ta’ David, razza li sa żmien Ġesù kienet kważi għebet għal kollox.

 

Kristu kellu tassew ikun l-ikbar Sultan imma mhux mil-lat politiku.  U lanqas kellu jiġi għal Iżrael biss.  Fil-figura tal-Messija naraw kemm tassew il-pjanijiet ta’ Alla m’humiex il-pjanijiet tagħna, il-fehmiet tiegħu m’humiex tagħna.  Sikwit hemm baħar jaqsam!  Alla bagħat lil Ibnu biex jirbaħ billi jfalli, jirrenja billi jmut, jiġbed id-dinja lejh billi bħal ħaruf mans ma jirreżistix għall-ħażen li l-istess dinja kellha tagħmillu.  Is-Sultan mistenni kellu jkun “Imħabba għall-għadu” u mhux gwerra u tixrid ta’ dmija bħalma dejjem kien hemm. 

 

Il-Bibbja hi mimlija bi xbihat tal-Misteru tal-Għid, mill-bidu sal-aħħar.  Ġesù qatt ma jissemma b’ismu fit-Testment l-Antik, naturalment, imma Kristu jgħid li l-Iskrittura kollha titkellem fuqu, għax l-Iskrittura kollha titkellem fuq l-Għid.  X’inhu l-Għid?  Huwa daħla fit-tbatija, żmien ta’ kriżi li jieħu lejn mewt (tista’ tkun fiżika, imma ħafna drabi hi xi nkwiet kbir) imma fl-aħħar iżernaq il-jum tal-qawmien, ir-rebħa fuq dik is-sitwazzjoni ta’ mewt li tkun immarkat “il-ġimgħa” tat-tbatija.  Ħadd ma jiftakar it-tbatija wara li tkun inbidlet fil-ferħ tar-rebħa.  Il-Bibbja mimlija b’dan u l-Għid huwa Kristu.  Hu ġie mhux biex ipoġġi komdu fuq tron tal-bnedmin.  Hu ġie għal ħwejjeġ ferm ikbar, ferm aqwa mill-politika miskina tal-bnedmin.  Se naqraw li lil David għamluh Sultan.  David baqa’ jissemma mhux għax sar Sultan ta’ pajjiż ċkejken u ta’ mportanza minuri fid-dinja ta’ żmienu, imma għax tassew ġara li mir-razza tiegħu tnissel Dak li kellu jkun is-Sultan veru tal-Univers.

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel.  5, 1-3

 

F’dak iż-żmien: It-tribujiet kollha ta' Iżrael ġew għand David f'Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna!  Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: 'Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael.’ ”  U x-xjuħ kollha ta' Iżrael ġew għand is-Sultan f'Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f'Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

 

Salm Responsorjali

 

Jekk is-Sultan huwa figura mportanti ħafna fil-pajjiż, importanti wkoll hija l-Belt tiegħu, il-Belt fejn hu jgħammar, il-Belt prinċipali tal-pajjiż fejn ikun hemm il-Palazz irjali li jixhed li hemm tinsab il-Preżenza tas-Sultan il-kbir.

 

Ġerusalemm kienet il-belt kapitali tas-Saltna ta’ David.  Kien David li rebaħha minn idejn il-ġnus li kienu jgħammru fl-Art Imwiegħda u taha l-isem “il-Belt ta’ David”.  Minn dak il-punt ’il quddiem, Ġerusalemm saret il-mimmi tal-għajn għal-Lhud kollha ta’ kull żmien, saż-żmien tal-lum.  Fiha ġie mtella t-Tempju għas-Sultan il-veru, Jahweh, il-Mulej.  Fit-Tempju kien hemm il-post fejn ħadd ma seta’ jidħol għax qaddis wisq, fejn kien jgħammar Alla.  Meta Lhudi li jkun riesaq lejn Ġerusalemm wara pellegrinaġġ twil, kien jilmaħ il-Belt mill-bogħod, kien jintefa’ fl-art iqimha għax kien jaf li f’nofsha kien jgħammar il-Mulej.

 

Ġerusalemm il-Ġdida hija l-Belt tas-Sultan il-Ġdid, is-Sultan il-Kbir tassew.  Ġerusalemm tal-ġebel li ġeografikament tinsab f’Iżrael, hi biss xbiha ta’ Belt ferm ikbar, ferm eqdes, ferm iktar għażiża għall-Missier u għal Ibnu l-Waħdieni.  Il-Knisja hi Ġerusalemm tas-sema.  Il-Knisja hija l-Belt ta’ Alla.  Bħal Ġerusalemm tal-art hi tgħaddi minn żminijiet sbieħ u oħrajn koroh fejn donnu li kollox ikun spiċċa u li fl-aħħar l-għedewwa jidhru li ħelsu minnha.  Imma hi terġa’ tqum mill-ġdid.  Minn ġon-nirien tat-telfa, hi tqum iktar żagħżugħa minn qabel, għax fiha jgħammar Dak li rebaħ il-mewt.  Anzi, iktar minn hekk, il-Knisja, Ġerusalemm il-Ġdida, hija l-ġisem innifsu, il-ġisem mistiku jsejħulu, ta’ Dak li hu ħaj għal dejjem.

 

Għalhekk, f’Salm 122, is-Salm tal-pellegrin riesaq lejn il-Belt ta’ Alla, jifraħ meta jgħidulu, “Sieħbi, imxi magħna għax aħna sejrin għand Alla fil-Belt tiegħu!”  Ilkoll ninsabu f’dan il-vjaġġ, f’dan il-pellegrinaġġ.  Kull purċissjoni li nagħmlu huwa xbieha ta’ dan il-pellegrinaġġ li jieħu ħajjitna kollha.  Aħna parti minn din il-Belt glorjuża tal-Mulej.  Imma għad nagħmlu parti mhux mill-Belt li dejjem fit-taqbid u li fuq is-swar tagħha dejjem hemm l-inkwiet, imma nkunu parti mill-Belt trijunfanti, il-Belt rebbieħa fis-sema.

 

Ritornell:  Sejrin f’dar il-Mulej.

 

Salm 122

 

Fraħt meta qaluli:

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm!

 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej.

 

Biex, skond il-liġi ta' Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

It-Tieni Qari

 

San Iljun il-Kbir kien wieħed mill-ewwel Papiet tal-Knisja.  Hu magħruf bħala Duttur kbir minħabba l-ħafna kitbiet li ħallielna li huma ta’ għajnuna kbira għalina biex ngħarfu dejjem iktar it-Teżor li hu Ġesù.  F’mument minnhom, mimli entużjażmu u ferħ, imur jgħajjat: “O Nisrani, agħraf kemm inti kbir!”  U veru!  Qisu qed jgħid lili u lilek: “Kif ma tistgħux tindunaw bil-kobor tagħkom quddiem Alla?  Kif ma tistgħux tindunaw bil-wirt li għandkom jgħajjat quddiem il-Missier!” 

 

Dan il-Papa qaddis kien għaraf tajjeb li hu u l-Insara veri kollha kellhom bħala Missier lis-Sultan tas-Slaten u għalhekk huma kienu prinċpijiet u l-wirt tagħhom huwa kbir tassew.  Kbir tassew huwa l-wirt tagħna!  Ma nqisux ħaġa ta’ xejn il-Magħmudija tagħna!  Inkunu qed nagħmlu dnub kbir u nkunu tassew ingrati ma’ Alla.  Il-wirt li hu dritt tagħna huwa l-Ħajja għal Dejjem miegħu fis-sema.  Għaliex għandna dritt għalih?  Minħabba xi opri jew tjubija tagħna?  Le.  Id-dritt tagħna ġej minn Kristu.  Il-merti tiegħU huma l-merti tagħna.  L-ubbidjenza tiegħu sa fuq is-salib hija l-ubbidjenza tagħna.  Huwa obda lill-Missier minn flokna u għalina.  Jekk nemmnu li l-Missier ħabbna tant f’Ibnu Ġesù, allura ħadd u ħadd ma jista’ jisirqilna dan il-wirt.  Huwa awtomatiku.  Hu tagħna.

 

San Pawl se jistedinna biex inroddu ħajr minn qiegħ qalbna lil Alla għal dan kollu.  Għax aħna li qatt ma nistgħu inkunu denji tal-Ħajja mal-Missier, Kristu ndaħal biex bi tbatijietu jagħmilna denji li nissieħbu mal-qaddisin fil-familja ta’ Alla fis-sema.  Fi Kristu u bi Kristu u minħabba Kristu, dnubietna huma maħfura.  Hu ħallas id-dejn tagħna kollu, kollu, u b’demmu għamilna ħbieb ta’ Alla, minn ta’ ġewwa miegħU, paċi miegħU.

 

Din is-silta mill-Ittra lill-Kolossin hi ppakkjata bl-Aħbar it-Tajba.  Jekk trid tkun taf x’inhu l-Kristjaneżmu, x’inhu l-Evanġelju ta’ Kristu, dawn il-ftit versi jgħidulna kollox.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appopstlu lill-Kolossin.  1, 12-20

 

Ħuti: Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.  Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta' Ibnu l-maħbub,  li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta' Alla li ma jidhirx,

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx, 

Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq,

hu li hu qabel kollox, 

u kollox fih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.

Hu li hu l-bidu, 

il-kbir li qam  mill-imwiet, 

sabiex ikun hu l-ewwel f'kollox.

 

Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; [Kol:1:20] bih Alla għoġbu jerġa' jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, mxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

Evanġelju

 

Lil Kristu, d-dinja ma fehmitux u lanqas tista’ tifhmu.  L-unika salvazzjoni li d-dinja, u dawk li għandhom l-ispirtu tagħha, jifhmu hija salvazzjoni għal hawn, biex inkunu komdi iktar hawn, biex ma jkollniex problemi, saram u slaleb hawn.  Ilkoll għandna minnu dan il-bniedem tad-dinja, le?  Din hija n-natura tagħna u l-Mulej ma jlumniex.  Għalhekk il-Fidi hija don ta’ Alla għax il-Fidi tmur kontra n-natura mwaqqa’ tagħna. 

 

Skont in-natura, aħna nemmnu dak li naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna.  Ħwejjeġ sopranaturali, li jmorru lil hemm u ’il fuq min-natura huma taboo għaliha, ma taċċettahomx.  Ikkundizzjonati minn dan kollu, aħna, mingħajr ma rridu, b’istint naturali, nfittxu li naħarbu l-inkwiet u t-tbatija għax għall-bniedem il-qadim tagħna, din il-ħajja hi l-unika ħajja li tassew għandna u l-bniedem lest li jbigħ kollox għaliha, ħafna drabi anke ruħu.

 

Għalhekk, ma setax ikun li Kristu ma jispiċċax imsallab.  Ma setax ikun li n-nies jifhmuh meta kien jgħid li għandna nħobbu lill-għadu, li m’għandniex nirreżistu l-inġustizzji li jsirulna, li min jisraqna ma niqfulux, li jekk nitilfu ħajjitna, nsibuha...  Mur għidilna li dan kollu mhux liġi li wieħed irid iwettaqha bi sforz, imma dan kollu huwa l-frott tal-Imħabba li tiġi biss mingħand Alla bħala rigal.  Fuq is-salib, Kristu kien qed ibati għalina u jiġbor merti għalina meta aħna konna qegħdin ngħidulu li lilu ma nifhmuhx, li qed jesaġera, li qed jitlob wisq, li dejjem irid, li m’għandu xejn x’jagħtina ħlief slaleb u penitenzi. 

 

Fil-fond, ħadd minnha ma jemmen tassew li mit-tbatija tinbet il-glorja u mill-Ġimgħa l-Kbira jitnissel l-Għid u l-Qawmien.  Anżi, malli tidher il-“Ġimgħa  l-Kbira” f’ħajjitna, f’forma ta’ xi tbatija, kuntrarju, kriżi, nkwiet, mard, dwejjaq, ħsara, eċċ, mill-ewwel, almenu dawk li huma reliġjużi, nduru lejn il-Mulej biex ineħħielna dan kollu, u nagħmlu sewwa.  Hu min m’għandux fiduċja fil-Mulej li  ma jitlobx. 

 

Imma ta’ min jieqaf ftit u jirrifletti, li l-“Ġimgħa l-Kbira”, Alla jippermettiha f’ħajjitna biex induqu l-Għid u nsiru slaten.  Mur ġibha din il-fiduċja fl-Istorja li Hu qed jibnielna!  Imma dan hu Ġesù Kristu.  Hu daħal fil-mewt bla ma talab lill-Missier biex ibiddillu xortih (u anke jekk talbu dan, fil-Ġnien, mill-ewwel ikkontrolla ruħu għax aċċetta li sseħħ ir-rieda ta’ Missieru).  Hu daħal hemm għax mill-Ġetsemani Hu ħareġ konvint li Missieru mhux monstru, imma kien se jgħaddih għall-Glorja ta’ Sultan tas-Slaten.  Kien jaf li minn fuq is-salib kien se jiġbed il-ġnus kollha lejh.  Kien jaf li l-Imħabba kienet aqwa mill-ħażen, li anke jekk l-Imħabba kellha tiġi maqtula, Alla kien iqajjimha, bħalma Abraham emmen li jekk Iżakk, l-iben tal-Wegħda kellu jmut, Alla kien kapaċi jerġa’ jagħtihulu lura.  Il-Fidi rebħet!  Kristu sar Sultan fuq is-Salib.  In-Nisrani hu mistieden isaltan minn fuq is-salib tiegħu għax Kristu ma qarraqx bih meta qallu: “Jekk trid timxi warajja, erfa’ salibek kuljum.”  Kemm għandna bżonn nitolbu għar-rigal enormi tal-Fidi li tnissel fiduċja għamja fil-Mulej.  Il-Fidi tirbaħ fuq il-maltemp kollu tal-ħajja.  Mingħajrha, mitlufin aħna.

 

Versett:  Hallelujah. Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!  Imbierka s-saltna ta’ David missierna li ġejja!  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  23, 35-43

 

F’dak iż-żmien: Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b'Ġesù u jgħidu: "Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta' Alla!"  Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: "Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!"  Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, 'Dan huwa s-sultan tal-Lhud.'

 

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: "Int m'intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna."  Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: "Anqas minn Alla int ma tibża',  int li qiegħed taħt l-istess kundanna?  Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta' kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin."  Mbagħad qal: "Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek."  U Ġesù wieġbu: "Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi."

Last Updated ( Saturday, 19 November 2016 )
 
< Prev   Next >