Monday, 26 June 2017
           
Home
L-EWWEL HADD TAL-AVVENT (2016-17) GHANDNA BZONN DAWL GDID PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 November 2016

Din hija il- Liturgija  ta' l-Ewwel Hadd ta' l-Avvent ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

noe.jpg

Għal darb’oħra l-Mulej qed jislifna sena oħra ġdida, Sena Liturġika oħra, rigal ieħor.  Dan, bħal meta l-Mulej jagħtina talent biex nużawh.  Bħal meta bniedem ikollu bżonn il-flus bħala kapital biex jiftaħ negozju u jsib lil min jisilfu bla imgħax.  Hekk qed jagħmel magħna l-Mulej.  Qed jislifna sena oħra biex inħaddmu dan iż-żmien prezzjuż, għax min minna jista’ jaħlef li bħal-lum sena se jerġa’ jkun hawn żgur?  Anzi, għal ħafna minna ż-żmien qsar u wasal iż-żmien li nqumu min-ngħas.  Għalhekk il-Mulej qed jibagħtilna dan iż-żmien qasir tal-Avvent, biex inħejju għall-Miġja tiegħu, għax Hu ġej żgur u ma  jiddawwarx.

 

Il-Knisja titkellem fuq tliet miġjiet:  waħda storika għax ġrat diġa fl-għar ta’ Betlehem; oħra għad tiġri fi tmiem iż-żmien; u oħra lilna tinteressana personalment iktar mill-qrib:  l-indħil ta’ Kristu fl-Istorja tagħna.  Kristu jgħaddi, u jgħaddi żgur mill-ħajja ta’  kull wieħed minna.  Hu jgħaddi biex iġorrna miegħU lejn konverżjoni serja, lejn fidi adulta, lejn is-sens veru tal-ħajja.  Huwa jaqlagħna minn tant aljenazzjonijiet, tant ossessjonijiet, tant ħolm, tant ġiri wara r-riħ, tant dnubiet... biex jurina fejn tassew jinsab dak li lkoll qegħdin infittxu.  Ilkoll qed infittxu l-ferħ u kemm ftit ifittxuh fil-post fejn jinsab tassew! 

 

 

 

Kristu jgħaddi b’ħafna modi.  Hu dejjem oriġinali.  Tista’ tisma’ jew taqra kelma li tolqtok, li tħossha profetika għax tkellmek fuq ħajtek u għallhekk iċċaqilqek.  Tista’ faċilment issib dahrek mal-ħajt f’xi problema li ma tistax issolvi u li ħadd ma jista’ jgħinek fiha u minħabba f’hekk, għall-ewwel darba f’min jaf kemm-il sena, inti ddur bis-serjeta` lejn il-Mulej u tgħidlu: “Jekk teżisti, għinni Int, għax jekk ma tgħinnix Int, mitluf jien, anke jekk ma  jistħoqqlix!”  U jkun f’dak il-waqt li int ikollok esperjenza ta’ Alla li qatt ma tajt kasu, li dejjem ġejt taqa’ u tqum minnU... fil-qosor: qatt m’emmint bih, anke jekk jista’ jkun li kont tmur il-quddies il-Ħadd. 

 

Ikun il-mument meta int tesperjenzja Alla kollu sabar, Alla li ma ħax għalik, Alla li ħabbek hekk kif int, Alla li tak il-Grazzja li xtaqt anke jekk int taf li ma kienx jistħoqqlok.  Dan ikun mument li int biss tgħixu.  Tista’ tiddiskrivih kemm trid, imma l-kliem ma jfissirx biżżejjed dak li tkun għaddejt minnu.  U jekk xi ħadd jistaqsik għaliex temmen f’Alla, int ma tirrispondix bil-kliem tas-soltu, imma tirrakkonta din l-esperjenza.  Għax int tkun ‘rajt’ lil Alla f’dak li għaddejt minnu.

 

Dawn l-affarijiet  jiġru tassew, u jiġru lil ħafna nies.  Il-Fidi tinbena fuq dawn il-passaġġi tal-Mulej mill-ħajja tan-nies.  Infatti l-Bibbja  hija ktieb mimli ismijiet ta’ nies konkreti, bħalna.  Stejjer.  Esperjenzi.  Alla li jgħaddi.  Il-Knisja tibagħtilna l-Avvent biex iqajjimna u jistedinna nistennew għax min jaf hux it-‘turn’ tiegħek, issa, li ‘tara’, mhux bl-għajnejn tal-ġisem, lil Alla li ħalqek.

 

L-Ewwel Qari

 

Kull min qed ifittex lill-Mulej Ġesù biex permezz tiegħu ikollu Ħajja Ġdida, Twelid Ġdid ġa minn hawn, biex permezz tiegħu jiskopri Mħabba li qatt ma kien jemmen li teżisti, dan il-bniedem għandu tensjoni ġewwa fih li timbuttah is-sena kollha.  Għalih Ġesù Kristu mhux sett ta’ liġijiet, preċetti, li jgħidulek x’messek tagħmel u x’messek ma tagħmilx.  Hu ferm ’il fuq minn dan,  għal dan il-bniedem.  Għalih  Kristu hu kwistjoni ta’ Ħajja jew mewt:  jekk isibu jkun sab il-Ħajja, jekk ma jsibux ikun sab il-mewt.  Hu veru li Ġesù jgħidilna x’messna nagħmlu u x’messna naħarbu biex ma nitilfux il-ħajja, il-ferħ, il-paċi li jaf jagħti Hu biss, iżda min daq kemm hu tajjeb il-Mulej daq ukoll kemm ħabbu gratis Alla.  Nagħmlu x’nagħmlu, qatt m’aħna se naslu biex ikun jistħoqqilna mħabba bħal din.  Kristu dejjem ħabbna hekk kif aħna.  Hu tela’ fuq is-salib u ħalla lil min jisraqlu ħajtu għax int, (u jien!), bnejna dejn li qatt ma konna se naslu biex inħallsu.  Ħallasulek Kristu meta int kont għadek għadu tiegħU għax qatt m’għamilt ir-Rieda tiegħu iżda dak li, mingħalik, kien jaqbillek. 

 

Lil dan Kristu għandna bżonn niskopru, miegħu għandna bżonn niltaqgħu.  Hu ġej!  Din il-laqgħa misterjuża hi possibbli f’ħajjitna.  Imma rridu nkunu mqajmin mhux rieqda jew fis-sakra.  Hu għalhekk li l-Knisja tagħtina l-Avvent biex nistenbħu u niftakru li aħna nies li qed nistennew, poplu ta’ stennija, dejjem nistennew wirja iktar ċara fil-ħajja personali tagħna.  Wirja iktar meraviljuża ta’ Kristu. 

 

Il-ħajja tan-Nisrani veru hi kollha kemm hi Avvent.  Hu dejjem jistenna.  Għalhekk in-Nisrani jgħix ħajja ferm interessanti, ferm avveturuża, bla monotonija, dejjem oriġinali.  Tiġrilu xi ħaġa, sabiħa jew kerha, u mill-ewwel l-ispirtu tiegħu jgħidlu: “Xi jrid jgħid Alla biha din; għax dan hu Alla li jinsab għaddej.”  Mhux faċli tgħix hekk.  Santu Wistin kellu ħafna problemi bħala Isqof fi żmien meta l-Knisja fl-Afrika ta’ Fuq kienet għaddejja minn inkwiet politiku kbir u l-liberta` tal-Knisja kienet mhedda serjament għax l-Imperu Ruman li kien jiddefendiha kien wasal fl-aħħar tiegħu.  Meta staqsewh min jaf kemm kellu nkwiet u tħassib, huwa wieġeb: “Jien biża’ wieħed biss għandi: li jgħaddi Ġesù Kristu minn quddiemi u ma nintebaħx biH.  U min jaf jerġax jgħaddi?”  Dan huwa n-Nisrani f’tensjoni għax illum, illum mhux għada, jista’ jgħaddi l-Mulej b’xi Grazzja kbira għalija. 

 

Iżrael kien poplu li Alla kien iżommu f’tensjoni u ma jħallihx jorqod billi kien jibagħtlu l-profeti.  Lil dawn kien jagħtihom Kelma taqta’ bħal xabla b’żewġt ixfar u għalkemm kienu jgħaddu minn ħafna diżappunti u fallimenti, fil-fatt irnexxielhom iżommu l-poplu t’Alla fi stennija ta’ miġja misterjuża ta’ Alla fosthom.  Isaija kien wieħed mill-ikbar messaġġiera li bagħat il-Mulej.  Jekk il-poplu kien jaħbat se jaqta’ qalbu, se  jgħejja jistenna, se jorqod u jinsa kollox, hu kien jagħmillu l-kuraġġ għax Alla kien jagħtih Aħbar Tajba xi jwasslilhom. 

 

Isaija kien il-profeta tal-Aħbar it-Tajba.  Kien jerfa’ ras il-poplu u jistiednu jħares lejn il-kwiekeb u mhux lejn it-trab tal-art.  Hu jgħid lill-poplu li d-dinja kollha, il-ġnus kollha tal-art għad jiġu u jaqbdu Lhudi mill-keffa ta’ ħwejġu għax jafu li hu jista’ jwassalhom għand Alla.  Il-popli kollha għad jiġu u jterrqu lejn Ġerusalemm għax skoprew li f’nofs Iżrael jgħammar il-Mulej u minn Ġerusalemm se tgelgel is-salvazzjoni. 

 

Lill-poplu għejjien bil-gwerer u b’għajdut ta’ gwerer, Isaija jgħidlu li għad jasal żmien ta’ sliem li qatt ma deher bħalu li fih il-popli jiftiehmu biex jibdlu l-armi tal-gwerra f’għodod tar-raba’ biex flok il-mewt jiżirgħu il-ħajja.  Din il-paċi kellu jġibha biss il-Midluk tal-Mulej, l-Imwiegħed mill-ibgħad żminijiet, il-Messija, l-Iben ta’ Alla.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  2, 1-5

 

 Il-kelma li ġiet f'dehra lil Isaija bin Amos,

dwar Ġuda u Ġerusalemm.

Għad jiġri fl-aħħar jiem

li l-għolja tad-dar tal-Mulej

togħla 'l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,

u tintrefa 'l fuq  mill-għoljiet,

lejha għad jiġru l-ġnus kollha.

Kotra ta' popli għad jiġu u jgħidu:

"Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,

lejn id-dar ta' Alla ta' Ġakobb,

biex jgħallimna triqatu,

u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.

Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim,

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm."

 

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,

u jaqta' s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor,

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Ejja, dar Ġakobb,

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

 

Salm Responsorjali

 

Il-popli kollha  jinsabu f’mixja lejn is-sliem, lejn il-ferħ, lejn il-kuntentizza, lejn ħajja mimlija sens u sodisfazzjon.  Kollha hekk jgħidu, u jsemmulek il-progressi li l-bniedem tasssew wettaq f’ħafna oqsma.  Imma l-fdal, il-ftit li huma mdawlin, ftit jinteressahom dak li jgħidu l-politiċi, dak li jgħidu dawk li jinqalgħu għall-propoganda, dak li jgħidu dawk li jivvintaw ir-reklami biex jikkonvinċu lin-nies.  Huma mdawlin għax sabu t-triq.  Għandhom dieqa f’qalbhom għax iħarsu madwarhom u jaraw tant li huma determinati li jkomplu jfittxu l-Ħajja ta’ Dejjem fejn hemm il-mewt.

 

Il-bniedem li ltaqa’ ma’ Ġesù jifraħ għax jinsab fit-triq li twasslu għand dak li dejjem ħabb u li fiH dejjem emmen.  “Fraħt meta qaluli sejrin f’dar il-Mulej” jgħid dan is-Salm.  Huwa Salm tal-pellegrini resqin lejn Ġerusalemm; “is-Salmi tat-Telgħat” isejħulhom il-Lhud, għax Ġerusalemm kienet fuq għolja.  Minn għolja għal għolja dejjem resqin lejn fejn hemm il-Mulej.  Ġerusalemm il-ġdida hija l-Knisja li hi l-Ġisem ta’ Kristu.  F’dan il-Ġisem hemm ir-rebħa fuq il-mewt.  Fil-Knisja biss hemm ir-rebħa fuq il-mewt għax il-Knisja hi l-Ġisem ta’ Dak li ġie lura miċ-ċimiterju.  Kollox isolvi l-bniedem imma l-mewt ma jsolviha qatt bil-ħila tiegħu.  X’ħasra!  Il-problema tal-mewt hi ġa solvuta u l-biċċa l-kbira tal-bnedmin dan ma jemmnuhx.  Ifittxu l-eternita` billi jinsew li se jmutu u hekk jgħaddu ħajjithom jidħku bihom infushom.

 

Iżda l-bniedem li jemmen għandu risposta quddiem il-mewt: Kristu daħal fil-mewt u kien għaliha l-velenu li qatilha.  Hi kilitU imma Hu sar fiha t-tosku qerriedi u kixfilha l-gidba tagħha.  Min jemmen fi Kristu ma jibżax mill-mewt, tgħid l-Iskrittura.  Altru li mhux veru li Kristu hu biss kmandamenti li jtaqqlu l-ħajja.  Hu biss huwa l-Ħajja vera.

 

Ritornell: Fraħt meta qaluli: “Immorru f’dar il-Mulej!”

 

Salm 122

 

Fraħt meta qaluli:

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm!

 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

 

Minħabba ħuti u ħbiebi,

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna,

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 

It-Tieni Qari

 

Bħal Isaija, San Pawl, profeta prim tat-Testment il-Ġdid, iniggeż, jgħajjat f’widnejn l-aħwa, iħeġġiġhom biex iqajjimhom min-ngħas li aktarx li kien qabadhom.  Hu faċli li wieħed jaqbdu n-ngħas jistenna.  Ftakru fl-għaxar xebbiet li kienu qed jistenew l-Għarus ġej.  Imma, anke jekk jeħodna n-ngħas, l-importanti hu li fil-kwies ikollna ż-żejt, iż-żejt tal-fidi, biex malli l-profeta, l-appostlu, il-katekista, il-qassis, iqajjimna bil-predikazzjoni, nqumu mill-ewwel u nqabbdu d-dawl bil-fidi tagħna.  Dawk li ma jistennew xejn mingħand Alla imma l-istennija tagħhom hija għall-idoli tad-dinja, dawn jibqgħu reqdin, jew jekk iqumu jiskopru li m’għandhomx fidi u jgħidu: “Dan l-istorbju kollu għalfejn?  Ħalluna bi kwietna, tridux!”  U l-bieb tal-festa ta’ dejjem jinagħlaq u ma jinfetaħx anke jekk jindunaw li, x’waħda din, kienu żbaljaw kollox.

 

San Pawl jgħidilna li s-salvazzjoni hi dejjem eqreb.  Iktar kemm nikbru iktar toqrob is-salvazzjoni.  J’Alla naslu fil-punt fejn nibdew nixxenqu li nitilqu minn hawn.  Dan Alla biss jista’ jagħtihulna u din tkun grazzja kbira tassew!  Jekk nixxenqu għall-Ġenna, għal pajjiżna, għall-post fejn niltaqgħu ma’ Ġesù li jgħajtilna b’isimna, hemm fejn il-qaddisin jifirħulna u ħbiebna u qrabatna jċapċpulna, jekk nixxenqu għal dan, ifisser li l-mewt tilfet saħħitha fuqna, indunajna li hi giddieba, li dejjem beżżegħtna bil-gideb u t-twerwir finta tagħha.  Dan nistgħu niksbuh biss bi Kristu, ir-rebbieħ fuq il-mewt.  Ejjew nilbsu lil Kristu u ħallina mill-għana tad-dinja li jgħaddi.  Il-ġisem, bix-xewqat tiegħu kollha, qed imut, imma fi Kristu ngħixu għal dejjem.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  13, 11-14

 

Ħuti: Intom tafu f'liema żmien qegħdin. Waslet  is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal f'binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u  l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom   mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.

 

Evanġelju

 

Kristu jiftaħ l-Avvent billi jgħidilna, anzi jwiddibna, biex inqumu fuq tagħna u nishru għax f’daqqa waħda tasal is-siegħa tant importanti li mqabbla magħha l-ħajja kollha tagħna qisha mhi xejn.  Il-Vanġelu jgħid li Kristu ġie għal siegħa waħda, u, jekk toqgħod taħseb ftit, anke aħna, anke l-bnedmin kollha għal siegħa waħda ġew... l-aħħar siegħa.  Minn dik is-siegħa jiddependi kollox.  L-akbar imperaturi, l-aqwa ġenerali, l-aktar nies li għamlu suċċess, dawk li kinsu l-ġid u ġabru munzelli minnu, l-oħrajn li ħajjithom kollha kienu fl-aħbarijiet... dawn ġew għal siegħa waħda.  Is-snin twal li għexu ma jfissru xejn ħdejn din is-siegħa.  Kollox ħallew warajhom u f’din is-siegħa kull bniedem ikun bla saħħa, bla kliem, bla pretensjoni.  Kulħadd isir zero, kulħadd jinżel f’livell wieħed, is-sultan ħdejn dak il-maħmuġ jittallab il-karita` u jorqod barra fuq il-kartun.

 

Differenza waħda biss tgħodd.  Mhux l-istess tkun fid-Dawl u tkun fid-dlam.  Mhux l-istess tkun bin Alla bil-fidi u tkun barrani għal Alla għax qatt ma tajt kasu.  Mhux l-istess li dejjem fittixt il-ħajja fi Kristu u dejjem fittixtha fid-dinja.  F’dik is-siegħa wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla.  Wieħed isalva għal dejjem u l-ieħor jintilef għal dejjem.  Wieħed  jgħid irriskjajt għax naf f’min emmint u l-ieħor jgħid lagħabt ħajti u tliftha.  Fl-ewwel jiem tal-Avvent il-Knisja tpoġġina quddiem din ir-rejalta` għax hija Omm li qalbha tħoss għalina, titqanqal għalina għax taf li fl-aħħar mill-aħħar aħna  lkoll midinbin, imsejkna li niżbaljaw u għandna tant bżonn ta’ Dawl għax madwarna hawn dlam taqtgħu b’sikkina.

 

Versett: Hallelujah. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek agħtina. Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta' Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta' qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b'xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta' Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f'liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu  l-ħitan ta' daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

 

Last Updated ( Saturday, 26 November 2016 )
 
< Prev   Next >