Monday, 26 June 2017
           
Home
IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2016-17) JAQBLILNA NIEHDU S-SALVAZZJONI BIS-SERJETA` PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 02 December 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd ta' l-Avvent ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

360px-stjohnxewkija.jpg

 

L-ikbar għadu għas-salvazzjoni eterna tal-bniedem hija l-aljenazzjoni.  L-aljenazzjoni hija periku mmens l-ewwenett għax ħadd ma jeħodha bħala dnub u għax għandha l-qawwa li tberred ir-ruħ tal-aktar wieħed imħeġġeġ.  Ix-Xema’, it-talba Lhudija li tiġbor fiha l-kmandamenti kollha u li hija s-sigurta` u ċ-ċertezza ta’ ħajja ġusta, tgħid: “Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bis-saħħa tiegħek kollha!”  U Kristu jkompli li min iħobb lil ommu jew lil missieru jew lil martu jew lil ħajtu stess iktar minnU ma jistħoqqlux li jkun tiegħU.  Kristu jippretendi li jekk jien Nistani ta’ veru u mhux nisrani qed jixjieħ u għadu liebes il-libsa tal-Magħmudija, inpoġġi lilU, lil Alla, fl-ewwel post, qabel kollox. 

 

Ħafna jaħsbuha faċli din.  Jgħidulek: “Ma tafx li npoġġi lil Alla fl-ewwel post!  X’int tgħid?”  Dawn huma nies ingannati li għadhom ma jafux huma min huma; għadhom ma għarfux ir-rejalta` tagħhom.  Hu mmensament diffiċli tpoġġi lil Alla qabel l-‘allat’ l-oħra, u dan wieħed jinduna waqt il-prova jekk għandu għajnejn biex jara.  Ħafna jaħsbu li Alla qiegħed fl-ewwel post jekk ‘jagħtuH’ tliet kwarti quddiesa nhar ta’ Ħadd.  Allaħares Alla jitolbok tagħmel xi ħaġa li tikklaxxjalek max-xogħol, mal-passatemp, ma’ xi ħaġa tal-familja, ma’ xi divertita... ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.  “Ma jistax ikun, hux!”  Ijwa, ma jistax ikun, kif qed tgħid int...

 

 

Dan iż-żmien tal-Avvent, żmien tant għażiż għal dawk li jħobbu lil Kristu, dan iz-zmien ta’ qabel in-Novena tal-Milied, jiġi biex jaħsadna b’mod qawwi.  Ilkoll għandna bżonn salvazzjoni!  Li ma kienx hekk x’kellu jiġi jagħmel l-Iben ta’ Alla u jidħol għal siegħa bħal dik li kienet il-Passjoni u l-Mewt tiegħu?  Aħna għamilna mill-ħajja ġirja għal pożizzjoni aħjar għall-familja, iktar kumdita` ta’ ħajja, suċċess għal uliedna fl-edukazzjoni u fil-qasam tax-xogħol, u xogħol, xogħol, xogħol.  Mingħajr ma ndunajna, waqajna lsiera tas-sistema ekonomika... għax tassew ma tistax tgħix fid-dinja tal-lum jekk ma taħdimx kemm tiflaħ, anke l-mara li, miskina, wara ġurnata xogħol tiġi d-dar u ssib ġurnata xogħol oħra tistennieha.  Illum kapaċi nixtru ħafna affarijiet, imma m’aħniex iktar ferħana minn ta’ qabilna.  Dan jien nemmnu b’qalbi kollha.  Ġejna merdugħin għal ġo ċirku li jdur u jagħqad u ma nistgħux noħorġu minnu.  Uliedna jridu jgħalqu 25 sena biex jibdew jaħdmu għax illum kulħadd għall-universita` għax jgħidulek li m’int xejn mingħajr edukazzjoni terzjarja.  Issa qed jiskopru li biex tlaħħaq ma’ dak li jirrikjedi xogħol tajjeb, trid tistudja għall-‘Masters’ għax anke mingħajr ‘Masters’, issa, m’inti xejn!!!  U t-tellieqa tkompli, u żżid fl-ispeed, u ma nafux fejn sejra d-dinja.  Ħaġa nafu: n-nies qed tiġġennen!

 

Hemm bżonn inkunu nafu fejn sejrin!  In-Nisrani huwa profeta.  Suppost li jaqra s-sinjali taż-żminijiet u kappilan mhux fuq il-festa għandu jinkwieta imma fuq jekk għandux dixxerniment mill-Ispirtu s-Santu biex jaqra s-sinjali taż-żminijiet u hekk ikun jista’ jgħin il-merħla fdata lilu.  Waqajna f’jasar fejn għal satana saret ħaġa faċli ħafna jaljenana mis-salvazzjoni vera tagħna.  Illum ġejna ‘brainwashed’ li ħajja waħda hemm, din t’hawn.  Hija l-ħajja t’hawn l-uniku suġġett għal diskussjoni nteressanti.  Kif sejra l-ekonomija, x’qed jiġri fil-politika, xi twissijiet ġodda dehru dwar kif nieħdu ħsieb saħħitna, x’dieta ġdida hawn biex nidhru iktar puliti, għax importanti ħafna li nidhru ta’ nies kull fejn immorru!

 

Ħafna m’għadhomx jemmnu fis-salvazzjoni.  Dan ma jgħiduhx bil-kliem imma jgħixuh bil-fatti.  Ġwanni l-Battista kien fost ta’ quddiem li kien jiġġieled kontra l-aljenazzjoni.  X’inhi l-iktar ħaġa li tkeċċilek l-aljenazzjoni?  Li int tagħraf id-dnub tiegħek u tibża mir-riperkussjonijiet li jista’ dan iġib fuqek.  Għax gwaj għalik li jasal il-jum meta tara lil martek u lil uliedek deħlin fis-Saltna u int maqful barra, bla tama!  Ġwanni kien jgħinhom lin-nies jiskopru d-dnub moħbi tagħhom, u kif!  Ma kien jibża’ minn ħadd u kien jgħid il-verita` lil kulħadd.  Kien jibgħat in-nies ħosbiena lejn darhom, u dan hu pożittiv immens għax hu l-ewwel pass għal konverżjoni sinċiera. 

 

Jista’ jkun li Ġwanni l-Battista hu l-iktar figura li d-dinja tal-lum għandha bżonn biex tiskopri t-Teżor li hu Kristu.  Jista’ jkun li hu l-iktar Qaddis attwali.  Ma kellux ‘political correctness’ il-Prekursur ta’ Kristu!!  La kien jibża’ għal wiċċu u lanqas kien jibża għal wiċċek, biex ma jħammarulekx.  Ma kienx jemmen f’ħafna mill-ħmerijiet li jemmnu fihom il-psikoloġisti.  Kien jaqta’ fil-laħam il-ħaj u la jdur mal-lewża u lanqas irambal il-Kelma ġoz-zokkor biex ma tkunx tant morra!  Ma kienx jemmen bil-kelma ‘forsi’.  Jew iva jew le. 

 

Hu kien wieħed mill-fdal ta’ Iżrael.  Iżrael kien bħalna, moħħu mtajjar.  Kien jemmen f’din il-ħajja biss.  Il-politika kienet alla tiegħu.  L-indipendenza mir-Rumani kienet is-sigriet tal-ferħ.  Alla ħasbu mod ieħor il-ferħ.  Bagħatilhom profeta, lil bin Żakkarija, biex jurihom min kien il-“Ħaruf t’Alla”.  Imma Iżrael mhux ħaruf ried iżda ljun għall-ġlied.  Huma qatlu lil Ġesù u għażlu lil Barabba.  Kienet l-għazla idejali għalihom u għad-dinja tal-lum.  Qatt ma ħabat ma’ moħħok li int u jien għamilniha kemm-il darba din l-għażla.  Jekk toqgħod taħseb ftit Barabba jagħmel ħafna sens.  Kien  patrijott li lilu kienet tinteressaħ biss din il-ħajja u l-ħelsien ta’ pajjiżu hawn.  Kristu, dan ma kien jimpurtah xejn li xejn!  Min se jifhem lil Kristu jekk mhux dak li jemmen li din il-ħajja hi traba ħdejn l-eternita` li riesqa?

 

L-Ewwel Qari

 

Din il-profezija ta’ Isaija ħarġet minn fomm il-profeta qabel il-qerda tas-Saltna ta’ Ġuda u l-itturrufnar tal-poplu f’Babilonja fejn dam eżiljat sebgħin sena.  Il-biċċa l-kbira tal-familja ta’ David, li kienet ilha taħkem mijiet ta’ snin, sfat meqruda.  Iz-zokk ta’ Ġessi ġie għalhekk imqaċċat bil-friegħi b’kollox.  Imma fil-qalba ta’ dan id-diżastru u l-hemm kollu, il-profeta jilmaħ fergħa ħierġa miz-zokk meqrud ta’ David, fergħa qaddisa mhux bħall-kumplament taz-zokk li kien warrab lill-Mulej.  Mill-mewt, Alla jaf jislet il-Ħajja; mid-dlam joħroġ id-dawl; mill-hemm u s-saħta Hu jaf joħloq żfin tal-festa u jibdel il-vistu f’hena.  Il-Mulej hu l-Għid.

 

Din il-fergħa li għelbet il-mewt tista’ tfisser il-fdal ta’ Iżrael li permezz tat-tribulazzjoni ġie mdaddaf u msoffi.  Dan il-fdal jibda jistenna l-Messija mhux biex jagħtih glorja materjali imma għarfien dejjem aktar ċar ta’ Alla li minnU u minnU biss tnixxi l-Ħajja vera.  Imma fuq kollox din il-fergħa minn zokk Ġessi, li kien misser David, hija l-Messija nnifsu, Kristu Ġesù l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla u li fuqu kellu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej. 

 

F’din il-poeżija meraviljuża, il-poeta-profeta jsawwar quddiemna l-missjoni tal-Qaddej, tal-Midluk tal-Mulej.  Hu ġie mibgħut mill-Missier mhux biex jindaħal fil-politika tal-mexxejja tad-dinja, imma biex jagħmel il-politika vera, dik li tassew tfejjaq qlub il-bnedmin biex hekk ikun hawn paċi, u paċi vera.  Mhux paċi għax il-pajjiżi jiffirmaw xi ftehim għax hekk jaqblilhom għalissa, imma paċi għax qlub il-bnedmin jinbidlu.  Kristu ġie biex ineħħi l-egoiżmu minn qalb il-bniedem billi jurih kemm tassew hu maħbub mill-Missier.  L-Imħabba ta’ Alla biss tista’ tibdel qalb il-bniedem u dan, il-profeta jurih b’lingwaġġ poetiku mill-isbaħ meta jgħid li “l-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien il-għoġol u l-ferħ tal-ljun, tfajjel żagħżugħ isuqhom.”  (v. 6). 

 

Meta l-bniedem jikkonvinċi ruħu li Alla jeżisti tassew u li dan Alla hu l-Pa, l-Missier tiegħu li se jaħsiblu għal kollox u se jħarsu għal ħajja li ma tispiċċa qatt, qalbu tibda tafda, ma tiġbidx lejha, tinagħta, tħobb.  Hu għalhekk li baqra ma tibżax mill-ors, anzi jieklu flimkien waqt li l-frieħ tagħhom joqomsu u jitliegħebu ma’ xulxin.  Huwa l-Ispirtu ta’ Ġesù biss, biss li kapaċi jġib integrazzjoni bejn id-differenzi tant li l-iljun jibda jiekol it-tiben mal-gendus u mhux jattakkah biex jiekollu laħmu. 

 

Hija l-għaqda u l-imħabba, il-vera integrazzjoni li Ġesù jġib fostna jekk nagħtuh ċans, li tagħmel li t-tarbija tal-ħalib titqalleb u tidħaq fil-ħofra tas-serp mingħajr periklu ta’ xejn.  Meta l-art, jiġifieri l-bnedmin, timtela bl-għarfien tal-Mulej u tal-Imħabba tiegħu, ħadd aktar ma jerfa’ idu biex jiddefendi ruħu għax kulħadd jgħix f’sigurta` u bla biża’.  Dan hu li qed ifittxu l-ġnus kollha tal-art.  Dan hu li jien u int qed infittxu.  Żgur mija fil-mija li l-biċċa l-kbira ta’ ħajjitna din il-Ġenna li tibda minn hawn fittixniha fejn ma kinitx teżisti... fid-dnub, fl-idoli tad-dinja, għand dawk li gidbulna.  Infaqna l-flus biex forsi nersqu lejha, ittallabna l-affetti u l-imħabbiet.  Il-fatt li bqajna b’xiber imnieħer u sikwit trawmatiżżati bil-falliment u d-diżappunt, webbsilna qalbna.  Għandna wisq ġrieħi li nġorru moħbija ġewwa fina!  Triq waħda hemm:  Kristu miet biex jikkonvinċik li hemm wieħed li tassew iħoss għalik.  Jekk issibU, salvat int!

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  11, 1-10

 

  Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta' Ġesse,

  għad tinbet rimja minn għeruqu:

fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,

l-ispirtu ta' l-għerf u  d-dehen,

l-ispirtu ta' l-għaqal u l-qawwa,

l-ispirtu ta' l-għerf u l-biża' tal-Mulej,

u l-għaxqa tiegħu fil-biża' tal-Mulej.

 

Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn,

u ma jagħtix sentenza skond ma jisma',

iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja,

u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta' l-art.

 

Isawwat il-kiefra bix-xettru ta' fommu,

u b'nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.

Il-ħżiem ta' ġenbejh tkun il-ġustizzja,

u l-fedeltà l-ħżiem ta' qaddu.

Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,

il-leopard mal-gidi,

u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,

daqsxejn ta' tfajjel isuqhom.

 

Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,

u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.

L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben.

It-tarbija tal-ħalib

titliegħeb fil-ħofra tas-serp;

u t-tifel miftum

idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.

 

Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara

fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,

għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej

bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.

 

Mbagħad jiġri f'dak il-jum

li l-għerq ta' Ġesse jieqaf

bħala sinjal  għall-popli.

Lilu jfittxu l-ġnus,

u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 72 bħal donnu jkompli fl-istess muża tal-profeta Isaija meta jitkellem fuq dan il-Persunaġġ, il-Messija tant mistenni mill-ibgħad żminijiet.  Iżrael il-veru, mhux dak li kkopja l-pajjiżi ġirien għax f’qalbu qal li dawk kienu mxew u għamlu progress iktar minnu u allura dak li jaħsbu u jemmnu huma bil-fors hu aħjar minn dak li naħseb u nemmen jien… dan Iżrael il-veru kien beda jitfa’ t-tama kollha tiegħu f’Dan il-Mibgħut.  It-Tempju bil-liturġija u s-sagrifiċċji ma rnexxilux jibdel qalb il-bniedem ;  il-festi u l-użanzi tagħhom lanqas u, fuq kollox, lanqas il-Liġi li Alla nnifsu kien ta lil Mose`. 

 

Is-Salmista l-awtur ta’ dan is-Salm, jipprofetiżża li fi żmien il-Messija se jħaddru l-ġustizzja u s-sliem fil-qlub ta’ bosta.  Huma dawk li jemmnu fiH biss li jkollhom din l-esperjenza ta’ twelid ġdid.  Dawn se jkunu l-fqar l-aktar, għax Hu kien se jeħlishom u jagħtihom dak li qalbhom dejjem ixxenqet għalih.  Hu kien se jkun barka għall-ġnus kollha tal-art għax l-Aħbar tiegħu kienet se tinxtered sal-ibgħad ibħra.

 

Ritornell : Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.

 

Salm 72

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

 

Ismu jibqa' jissemma għal dejjem;

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art;

il-popli kollha jsejjħulu hieni.

 

It-Tieni Qari

 

Illum id-dinja m’għadhiex tisma’ iktar; tilfet is-smigħ.  In-nies xebgħet tisma’ priedki, reklami, avviżi eċċ.  Tant il-bniedem tal-lum huwa mtambar minn elf mezz ta’ xandir, li ttarrax.  Hu jaf li r-reklami mhumiex veri; huwa jaf li l-aħbarijiet li jisma’ fuq il-mezzi tax-xandir jiddependu minn min qiegħed jagħtihomlu għax kulħadd għandu l-aġenda tiegħu moħbija.  Hu għejja jisma’ priedki moralisti li jgħidulu x’għandu jagħmel u x’ma għandux jagħmel.  Għalih, il-Vanġelu hu mpossibbli li tgħixu u jgħidlek, “Mela jien Kristu!” u jiskuża ruħu b’dan il-mod.  Xi traġedja: dawwarna l-Aħbar it-Tajba tal-Għid tal-Mulej fi kmandament, Liġi li hi mpossibbli għall-bniedem li jobdiha.  Ħafna jħossuhom traduti, ibaxxu rashom, u jfendu waħedhom qalb il-problemi tal-ħajja, meta fil-fatt huma għandhom sejħa biex jiskopru li huma Ulied is-Sultan u werrieta ta’ kollox li hu ta’ Kristu!

 

Kif se jemmnu fi Kristu dawn in-nies?  Tistedinhom għal xi laqgħa, jgħidulek li se jiġu, u ma jiġux.  Ma jridux jisimgħu iktar.  Dawn iridu jaraw biex jemmnu.  Hu minħabba dan li Alla poġġa l-Knisja fid-dinja.  Min hi l-Knisja?  Il-Knisja hi n-nies li emmnu f’Ġesù, li emmnu f’dak li għamel għalihom il-Messija fil-Misteru tal-Għid; emmnu li Kristu miet minħabba fihom, u minflokhom; u din il-Fidi bidlitilhom qalbhom għax fihom ġie jgħammar l-Ispirtu rebbieħ fuq il-mewt ta’ Kristu.  Skoprew li t-tajjeb li qabel kien impossibli għalihom li jagħmlu, issa, ara, kienu kapaċi jagħmluh.

 

Liema hu dan it-tajjeb li min għandu l-Ispirtu ta’ Ġesù biss jista’ jagħmel u ħadd iżjed, jgħidu x’jgħidu?  Dan it-tajjeb hu żewġ affarijiet: l-Għaqda bejn l-aħwa Insara u l-Imħabba saħansitra lejn l-għadu.  Meta d-dinja tara dawn iż-żewġ affarijiet iseħħu bis-serjeta` waqt il-prova, hi temmen f’Ġesù għax dawn hi ma tarahom imkien ieħor.  Id-dinja għandha tant għatx għall-għaqda u l-imħabba li jekk tarahom bħala frott ta’ Kristu hi temmen fiH.

 

Hu dan li San Pawl se jisħaq fuq l-aħwa ta’ Ruma.  Hu jħeġġiġhom biex iħallu l-Ispirtu jmexxihom Hu biex id-dinja tagħraf li Kristu hu tassew il-Mibgħut u hekk tikkonverti.  Dawn huma ż-żewġ sinjali li hemm bżonn joħorġu bħal dawl qawwi mill-Knisja.  M’hemmx għalfejn Knisja kbira; m’hemmx għalfejn ninkwetaw għall-Knisja għax qed jonqsu l-Insara fil-knejjes tagħna.  Knisja mċekkna imma li minnha joħroġ dawl qawwi, kapaċi ddawwal id-dinja.  Kristu sar il-qaddej tagħna biex aħna nsiru Dawl, servizz għad-dinja biex kull min jiddawwal ftit isalva. 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  15, 4-9

 

Ħuti: Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex is-sabar u bil-faraġ li tagħtina  l-Iskrittura, aħna jkollna tama. Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b'fomm wieħed u b'qalb waħda tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.

  

Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa' lilkom, għall-glorja ta' Alla. Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej  tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta' Alla, biex iseħħu l-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki, u biex il-pagani wkoll ifaħħru lil Alla minħabba l-ħniena tiegħu bħalma hu miktub:

 

     "Għalhekk  jien  nfaħħrek  fost  il-ġnus  u  ngħanni   tifħir

      ismek. "

 

Evanġelju

 

L-ilbies ta’ Ġwanni l-Battista huma ndikazzjoni li hawn kien hawn bniedem li kien rebaħ id-dinja u l-ġibdiet u l-bżonnijiet tagħha.  Hawn kien hawn bniedem li kien tassew ’indipendenti’ mill-influwenzi kollha.  Hu ma kellu bżonn xejn minn tad-dinja jew mingħand il-bnedmin.  Għalih Alla waħdu kien biżżejjed, u għalhekk seta’ jitkellem ta’ profeta.  Kien il-bniedem li ma kienx jaf x’inhu biża’ u rispetti umani għax ma kien midjun lejn ħadd ħlief lejn Alla u l-missjoni li Alla lluminah biex iwettaq.

 

Bniedem bħal dan jew ibeżża’ l-midinbin, jew jiġbidhom lejh bħan-naħal lejn l-għasel, għax jaraw fih sinċerita` u trasparenza li jixtiequ li kieku huma kellhom.  Kien jinkwieta l-aktar li dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax kienu jissuspettaw li kien jaqrahom bħal donnhom kienu ktieb miftuħ; ma tistax tinħeba quddiemu!  Dan u ħafna iktar kien dan il-bniedem ta’ Alla.  Kemm għandna bżonnu llum... fil-parlament, fil-pjazez, fuq il-mezzi tax-xandir, fil-ħwienet tax-xorb, fil-megastores, fil-banek... u anke fil-Knisja!

 

Dan il-karattru li jidher ġej minn ġod-deżert, iġegħelna nirriflettu fuq is-serjeta` tal-ħajja, is-serjeta` tas-salvazzjoni.  Għax jista’ jkun li għad jasal jum terribbli li b’ħanqa fuqna għad ngħid:  ”Oh kemm kien ikun aħjar li ma twelidna xejn; li qatt ma rajna x-xemx, il-baħar u lil dawk għeżież għalina!”  Possibbli dan?  Anke Kristu qalha din... ”Kien ikun aħjar għalih li jorbot mażra ma’ għonqu u jintefa’ l-baħar...”  Ġwanni jkellem lilna u jgħidilna li l-mannara lesta ma għerq is-siġra;  il-midra waslet biex idderri l-qiegħa... il-qamħ għall-ġabra, il-karfa għan-nar!  U d-dinja tidħaq... imbagħad titwerwer għax tara lil tal-Isis ġejjin!  Kemm kien qed jitkellem fuq ħwejjeġ aktar serji Ġwanni l-Battista...

 

Ritornell: Hallelujah.  Hejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogġdijiet tiegħu: u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  3, 1-12

 

F'dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: "Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

 

                            ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

                             Ħejju t-triq tal-Mulej,

                             iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

 

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom. 

 

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: "Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta' l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, 'Għandna b'missier lil Abraham,' għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista' jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma' għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex."

 

 
< Prev   Next >