Monday, 11 December 2017
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-AVVENT (2016-17) KRISTU HU AHBAR TAJBA GHALIK PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 December 2016

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd ta' l-Avvent ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 john_send_disiples_to_christ.jpg

 

Min jistenna lill-Mulej, jistenna ħwejjeġ kbar fil-Ħajja tiegħu.  Il-Mulej ma jagħtix bit-tqanċiċ donnu qed jitqanżaħ biex ilaħħaq mat-talbiet tagħna.  Anzi, San Pawl jiftaħar f’Isem il-Mulej għax hu ġarrab il-ġenerożità tiegħU u jgħid: “Imma bħalma hu miktub, ‘dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet,’ u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”  (1 Kor. 2, 9).  Isaija, sekli qabel, kien qal: “Mulej, inti tagħmel għeġubijiet li ma konniex nistennew, u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!”  (Is. 64, 2-3). 

 

Il-Mulej hu dak li jissorprendi.  Hu jagħtina l-Ispirtu tiegħu ġewwa fina biex jitlob Hu għalina bit-thannin tiegħu li ma jistax jitfisser bil-kliem.  Hu jitlob lill-Missier biex jagħtina dak li jiswa verament, dak li hu teżor tassew, dak li għandna bżonn tassew, għax aħna lanqas biss nafu nitolbu kif imiss.  Dan hu kliem, mill-ġdid, ta’ San Pawl.  (ara Rum. 8, 26).

 

 

U x’inhu l-akbar rigal li jista’ jagħtina l-Missier?  X’inhi dik il-ħaġa li tant hi kbira li m’għandniex ħila narawha, nobsruha, nimmaġinawha, u għalhekk rari jew qatt ma nitolbuha?  Għal x’hiex jithannen l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina?  Liema hi t-Talba Waħdanija li l-Missier ma jistax ma jilqagħhiex, ma jistax ma jagħtihiex għax Hu ntrabat b’garanżija, b’Kelma ta’ Alla li jagħtiha?  Ara x’jgħid Ġesù nnifsu:  “Jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”  (Lq. 11, 13). 

 

Dan hu l-ikbar rigal ta’ Alla.  Dan l-ispirtu qaddis, l-ispirtu tal-qdusija, iġib miegħu mill-ewwel għarfien tal-Misteru ta’ Kristu.  Min hu Kristu għalik?  Kristu huwa l-Misteru tal-Għid.  Il-Misteru tal-Għid huwa l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien glorjuż tal-Mulej Ġesù.  L-ikbar Sorpriża, l-ikbar rigal tal-Missier hu li, wara li jisma’ ħierġa minn qalbek talba ħerqana għalih, Hu jagħti li tagħraf li Kristu bata, miet u qam mill-mewt propju għalik.  Dan hu faċli tgħidu bil-kliem.  Hu miraklu li qalb il-bniedem tirċieva fiha dan il-Misteru glorjuż tal-Imħabba ta’ Alla.  Meta int tagħraf u temmen fi Kristu maqtul u mqajjem minħabba fik, int titwieled mill-ġdid.  Mhux il-Lhud qatlu lil Kristu imma kont int u kont jien li meddejna jdejna fuqU u Hu triegħed quddiem it-theddid, id-dagha, ir-rabja, id-dnub tagħna, għax kien jaf x’toqol, x’mewt konna se niswewlu.  Imma għalkemm konna għedewwa, jgħid San Pawl, Hu miet biex il-merti li hu kiseb jinvestihom mhux favur tiegħU imma favur tagħna li sallabnih.  Aħna salvati bil-merti tal-ubbidjenza ta’ Kristu sal-punt li radd ruħu.  Meta wieħed jidħol f’din il-meravilja, bi grazzja, hu jibqa’ mistagħġeb dwar kemm talab ċuċati mingħand Alla fl-imgħoddi.  Kemm ħmerijiet tad-dinja tlabna, u meta l-Mulej baqa’ trux, ħadniha kontrih bħal tfal imħajmin u ribellużi.

 

Għax sikwit ingergru li Alla ma jismax talbna.  Meta nimmaturaw bħala Nsara nintebħu b’mistħija kemm kellu raġun il-Mulej.  Hu jrid jagħtina teżor, u aħna nitkarrbu għal ftit ċenteżmi;  Hu jrid jurina l-Imħabba enormi tiegħu murija f’Ibnu, u aħna nitbellħu għall-affetti tan-nies jew xi mħabba oħra u nsiru tlalab, bil-ferħ u s-sliem tagħna jiddependu minn ħaddieħor;  Hu jrid jagħtina l-Ħajja li ma tispiċċax u aħna kuntenti li ngħaddu ftit snin bla nkwiet hawn fejn kollox qed imut.  Hu dan li jqanqal l-għira ta’ Alla.  Mhux għax hu għandu bżonna u jgħir għall-idoli li jirbħu il-qima tagħna.  Imma hu għajjur għall-ferħ tagħna; għajjur għall-Ħajja bla tmiem li hi l-wirt tagħna; Hu għajjur għad-Demm ta’ Ibnu li xtered sa fuq l-art tal-Golgotha.  Hu ma jridx jarana narmu dan kollu biex nakkwistaw ġugarelli li jsaddu u jiqdiemu u qatt ma jistgħu jimlew il-qalb ta’ ħadd. 

 

Darba, bid-dmugħ f’għajnejh, Ġesù ħares lejn il-belt għażiża ta’ Ġerusalemm minn fuq għolja biswitha u tniehed u qal: “Ġerusalemm!  Ġerusalemm!  Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!  Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!”  (Lq. 13, 34-35). 

 

Imma dan hu Ħadd il-Ferħ.  Ejjew naqbdu l-palm f’idejna u ngħajtu Hosanna, għax il-Mulej ġej.  Alla bagħtu biex jiltaqa’ magħna u aħna niltaqgħu miegħu.  Kbira hi l-aljenazzjoni tad-dinja imma Hu jħenn għalina u jagħtina l-qawwa li nitolbuh dak li tassew jiswa; nitolbuh lil Ibnu Ġesù Kristu nnifsu!

 

L-Ewwel Qari

 

Ilkoll kemm aħna nidhru fid-dinja bil-bniedem il-qadim, wirt tal-waqgħa ta’ Adam u Eva, jgħammar fina.  Ilkoll nitwieldu bin-natura umana li nirċievu mingħand ta’ qabilna bħad-demm li għandna jiġri fil-vini tagħna.  Dan il-bniedem il-qadim Kristu jrid joqtlu bin-nifs ta’ xofftejh li huwa l-Kelma setagħna tiegħu. Ma nistgħux nidħlu fis-Saltna b’dan il-bniedem, b’din in-natura tiddominana.  Lil Nikodmenu, li kien bniedem li kellu ħafna ntenzjonijiet tajba, Kristu qallu li ried jitwieled mill-ġdid, anke jekk kien qatta’ ħajtu jistudja t-Torah, il-Kelma ta’ Alla.  Huwa l-Bniedem il-Ġdid biss li jista’ jiret dak li hu ta’ Kristu, l-aktar il-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja li l-mewt ma tistax tegħlibha, bħalma l-Anġlu tal-mewt qabeż il-bibien li kienu mċappsa bid-demm tal-Ħaruf fl-Esodu. 

 

Isaija jitkellem fuq l-Art Imqaddsa li kienet twaħħxek meta l-Lhud kienu ġew lura mill-Eżilju ta’ Babilonja.  Sebgħin sena ta’ telqa; sebgħin sena ta’ saħta.  Din hi  xbiha tal-bniedem il-qadim tagħna, miġbud lejn id-dnub u mbiegħed minn Alla.  Dan il-bniedem huwa art maħruqa li ma tafx x’inhi xita u biż-żmien saret xagħrija.  Dan hu l-bniedem mitluq u li quddiem il-kriżi jitriegħdu irkopptejh.  Huwa l-bniedem li, billi jiddubita ħafna li Alla hu Missieru u li qed imexxilu l-Istorja, jibża’ quddiem x’jista’ jiġri.  Huwa l-bniedem għama li ma jarax l-Imħabba ta’ Alla.  Jista’ jkun li dan il-bniedem sema’ ħafna fuq Kristu u jaf ħafna dwaru, imma din l-istorja tal-Iben ta’ Alla ma jħossx li għandha x’taqsam mal-problemi prattiċi tiegħu ta’ kuljum.  Huwa mbikkem, ma jistax ifaħħar lil Alla.  Jemmen ħafna fix-xorti: min hu xortih tajba u min mhux.  Għalih hawn nies li tiġihom ħażin ħajjithom u qishom dawk in-nemus ta’ mal-ħajt li xi ħadd b’sebgħu jgħaffiġhom.  Hu bniedem fundamentalment negattiv u bil-fors egoist għax jemmen li jekk ma jaħsibx għal rasu, jekk ma jiddefendix ruħu, jlaqqatha.  Huwa bniedem solitarju bla kapaċità li jgħaddi għal għand l-ieħor, anke jekk irid.

 

Il-missjoni ta’ Kristu hi li hu jaqla’ minn ġo dan il-bniedem din il-gidba primordjali, il-gidba dwar Alla li daħlet l-ewwel darba fil-bniedem meta daħlet f’Eva fil-Ġnien.  Kristu għandu l-missjoni, li Hu biss jista’ jwettaq, li Alla ma jibqax jidher bħala rival tal-bniedem imma bħala Missier ħanin.  Dan swielu prezz immens.  Kristu kellu jagħti ħajtu għal kull bniedem.  Hu tgħabba b’dak kollu li hu tal-bniedem il-qadim, bid-dnubiet kollha tiegħu, bid-dagħa, bir-rabja, bis-suspetti, bin-nonfidi... u dawn il-ġrieħi dehru fuq ġisem Kristu fuq is-salib.  Kristu miet u miegħu kien qed imut il-bniedem tal-gidba, il-bniedem il-qadim li nitwieldu bih.  Imma fil-prattika, dan il-misteru jseħħ fik u fija meta nemmnu tassew, u ħadd ma jista’ jemmen jekk mhux bi grazzja, b’rigal gratis tal-Missier.  Ir-riżultat ikun rivoluzjonarju.

 

Isaija jitkellem fuq il-bidla li tiġi minn din il-konverżjoni.  L-art nixfa u maħruqa tinfaqa’ bl-ilmijiet kotrana tal-Imħabba ta’ Alla.  Hi tithenna u twarrad b’kotra ta’ ranġis.  Il-bniedem li jiskopri l-verità u jara kollox ‘ġdid’ jaqbeż bil-ferħ għax f’daqqa waħda għajnejh jaqgħu fuq is-sbuħija tal-Lebanon u mhux iktar fuq art misħuta.  Alla jsir ‘ġmiel’, Missier, maħbub.  L-idejn mitluqa quddiem l-isfidi tal-Ħajja, jissaħħu u l-bniedem jimtela b’entużjażmu ġdid.  Ġew maħlula, issa, l-irbit tiegħu u tħallsu d-djun tiegħu.  Jisma’ leħen li jgħidlu: “Agħmel il-ħila, ibni, la tibżax; arani jiena miegħek għal dejjem.  L-ebda mewt mhi se tmissek!”  Huwa bniedem li issa għandu għajnejn li waqgħulhom il-qxur u jistgħu jaraw dak li qabel hu ma kienx jemmen, waqt li widnejh infetħu beraħ u kull kelma li jisma’ tkellmu fuq Alla.  Iħares madwaru u kollox donnu qed jgħanni l-Imħabba ta’ Alla.

 

Possibbli dan?  Possibli dan li aħna jkollna esperjenza tiegħu?  Ninsabu fl-Avvent, fl-istennija.  Riesqa lejna s-Sorpriża ta’ Alla tagħna.  Dan għandu jkun l-Avvent għalina u mhux sempliċi presepji, siġar tal-Milied, xi rigal żgħir, għanjiet ħelwien eċċ.  Ħafna iktar minn hekk għandna nistennew: ħolqien ġdid, twelid ġdid.  Għall-Mulej kollox jista’ jkun.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  35, 1-6a, 10

 

Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;

ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,

ħa jwarrad bħar-ranġis.

Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.

 

Sebħ il-Libanu jingħata lilha,

il-ġmiel tal-Karmel u ta' Saron.

Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,

il-ġmiel ta' Alla tagħna.

 

Qawwu l-idejn mitruħa;

saħħu l-irkubbtejn imriegħda.

Għidu lil dawk b'qalbhom imbeżżgħa:

"Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!

Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;

il-ħlas ta' Alla wasal;

Hu stess ġej biex isalvakom.

 

Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,

jinfetħu widnejn it-torox.

Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela

u lsien l-imbikkma jinħall  bil-ferħ.

 

Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,

u jidħlu f'Sijon jgħajjtu bil-ferħ,

b'ferħ ta' dejjem fuq rashom.

Il-ferħ u l-hena jiksbu,

u jgħibu swied il-qalb u l-krib. 

 

Salm Responsorjali

 

Din is-silta minn Salm 146 tiftaħ bil-kliem :  « Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem. »  (v. 6).  Il-Wegħda ta’ twelid ġdid u ta’ salvazzjoni ħarġet fil-Ġnien tal-Għeden fejn fil-bniedem daħlet id-duda tal-mewt u tat-taħsir.  Iż-żmien jgħaddi.  Għall-bniedem iż-żmien hu mportanti u kultant jaqtagħlu nifsu.  Iż-żmien hu mportanti għax ninsabu taħt il-kundanna tal-mewt fiżika. Iż-żmien mhux mifdi għalina għax il-mewt għadha mhix mifdija.  Solvi l-ikbar problema, u l-problemi ż-żgħar l-oħra jissolvew waħedhom.  Imma għal Alla ż-żmien ma jgħodd xejn għax hu jinsab fl-eternità fejn m’hemmx żmien għax m’hemmx mewt.  Iż-żmien lil Alla ma jgħidlu xejn, waqt li lilna l-ħin kollu jfakkarna li qiegħed jiqsar. 

 

Il-bniedem jaqta’ qalbu mill-wegħda ta’ Alla minħabba ż-żmien.  Dgħajfa hi l-Fidi tagħna ħafna drabi.  Imma dan is-Salm jgħid li l-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem.  Jekk wiegħed twelid ġdid, dan iseħħ, issa jew imbagħad, għal dak li jixxennaq għalih.  GħaliH, jum wieħed hu bħal elf sena u elf sena hu bħal jum wieħed, jgħid San Pietru.  (ara 2 Pt. 3, 8).  Għalhekk kuraġġ, għax dak li ħabbar Isaija b’mod poetiku għal kull bniedem li jemmen fil-Miġja ta’ Bin il-Bniedem, dan iseħħ. 

 

Dan is-Salm jagħmel eku dak li qal il-profeta fl-ewwel qari.  L-Avvent huwa żmien meta min jishar għall-Mulej is-sena kollha, jħoss tikber fih it-tensjoni.  Minn qalbu toħroġ dik l-għajta li l-Knisja minn dejjem għajtet sa mill-ewwel żminijiet tagħha : « Maran atha !  Ejja, Mulej Ġesù ! »  Hemm bżonn li niġu ttrenjati naħsbu b’dan il-mod fuq l-Avvent.  Gej il-Mulej, imma mhux bħala tarbija b’dawk l-istejjer u l-ħolm u t-tradizzjonijiet li kull pajjiż sawwar, sbieħ kemm huma sbieħ.  Gej il-Mulej b’xi ħaġa eternament isbaħ, bil-bosta iktar ta’ siwi.  Għax l-għada tal-Milied dejjem ħallieni mdejjaq jien !  It-tiżjin tad-dar u ta’ barra jibda jidher midbiel, barra minn żmienu.  Għadda Milied ieħor, u allura ? 

 

Imma l-Mulej adult, il-Mulej tar-rebħa tal-Għid irid jiġi biex jagħmilna ġodda b’tagħrif ġdid, b’Dawl ġdid.  Mhux niċċelebraw il-passat imma ngħixu dehra ġdida.  Huwa aħna li għandna bżonn nitwieldu ġo maxtura.  Huwa aħna li għandna bżonn twelid ġdid.  Huwa aħna li għandna bżonn li l-bniedem il-qadim miżżewweġ lill-mewt jinbidel fi bniedem ġdid, bi grazzja ; bniedem li jkun kapaċi jgħix il-Kelma, kapaċi jħobb, jagħder.  Il-Milied tad-dinja jgħaddi u ma jagħti xejn ħlief nostalġija għal meta konna żgħar, żmien li ma tistax iġġibu lura.  Imma l-Milied qaddis tassew huwa twelid mill-ġdid tagħna nfusna, u dan ikun il-ferħ veru.

 

Ritornell : Ejja, Mulej, ħa ssalvana.

 

Salm 146

 

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,

jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin.

 

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa' lill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin.

 

Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

 Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 

It-Tieni Qari

 

Ġakbu għandu kliem ħelu ta’ missier għall-aħwa tal-komunità tiegħu li lilha kiteb l-Ittra tiegħu.  Jitkellem fuq is-sabar li n-Nisrani jrid ikollu biex jishar u jistenna l-Mulej bis-serjetà.  Dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent il-Knisja bħal donnha tieqaf minn mixja, tieqaf biex tistrieħ fl-istennija tagħha, tieqaf biex tagħmel festa u tiċċelebra l-fatt li dak li ilha tistenna issa qorob.  Ġakbu jgħid: “Il-Mulej qiegħed hawn, quddiem il-bieb.”  Il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott tal-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra.  (v. 7).  Ħa niftakru li ħwejjeġ kbar qed nistennew mingħand il-Mulej u ħwejjeġ kbar wegħedna!  San Pawl jitkellem b’mod ċar fuq il-qagħda li fiha twelidna aħna, u fuq dik li l-Mulej jixtieq jagħtina minflokha.  Pawlu jgħid: “Il-bnedmin kollha jmutu f’Adam, imma lkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.”  (1 Kor. 15, 22).  Immutu f’Adam għax in-natura li writtna u twelidna biha hi natura miktuba għall-mewt, iddominata mill-mewt u mill-biża’ tat-tmiem.  Kulma jista’ jagħmel il-bniedem quddiem din ir-rejaltà hi li ma jaħsibx, jaljena ruħu, jisker bil-pjanijiet tal-art u jheda b’dak li jqatta’ ż-żmien bih.  Imma din mhix soluzzjoni.  “Ilkoll immutu f’Adam!”  F’ħin jew ieħor ikollok tistenbaħ mis-sakra u iktar kemm tkun aljenajt ruħek, iktar kbir ikun ix-xokk.  “Imma lkoll niksbu l-ħajja fi Kristu!”  Hemm bidla li Alla joffri fl-eżistenza ta’ kull bniedem, hemm twelid ġdid, natura ġdida.  Ara, kif il-Milied tal-Mulej kapaċi jsir il-Milied tagħna! 

 

Għalhekk, Ġakbu, li bħall-Insara adulti kollha għadda minn din it-trasformazzjoni, din il-metamorfosi li n-natura stess turina bħal, per eżempju, l-mod kif id-dudu tal-ħarir jorqod, donnu jmut, u jitwieled mill-ġdid bi ġwienaħ li jagħmluh farfett ħieles li jtir u jimraħ kull fejn irid... minħabba dan li Ġakbu jħeġġiġna biex ma ngħejjewx nistennew l-għeġubijiet.  Hu jeħodha ma’ dawk li jgergru u jhedew fil-ġudizzju kontra l-proxxmu.  Dawn mhumiex jistennew; qatgħu qalbhom jistennew.  Għax, ngħiduha kif inhi, li tistenna l-Miġja tal-Mulej matul ħajtek u mhux għal erba’ ġimgħat fis-sena, mhix xi ħaġa faċli.  Fiha nfisha din li wieħed jistenna hi grazzja, rigal li ġej mingħand Alla wkoll.  Għalhekk hu vitali li wieħed iżomm kuntatt ma’ Dak li ġej għandu, kuntatt bit-talb, talb il-ħin kollu, tgħidilna l-Iskrittura.  Il-Knisja tal-Lvant tipproponi soluzzjoni għal din il-mistoqsija: kif nista’ nitlob jien il-ħin kollu?  Hi toffri t-Talba famuża tal-Qalb.  Kull x’ħin tiftakar, irrepeti f’qalbek: “Mulej Ġesù, ħenn għalija għax jien midneb!”  Tkun fejn tkun, irrepetiha, mijiet ta’ drabi kuljum, jekk jista’ jkun.  Kull x’ħin tiftakar, erġa’ aqbadha.  Tkun bħal sigriet bejnek u l-Mulej.  “Mulej Ġesù, ħenn għalija għax jien midneb!”  Hija Talba meħuda mill-Vanġelu: it-Talba tal-pubblikan li tela’ jitlob fit-Tempju u ġibed fuqu l-ġustifikazzjoni tal-Mulej, u hija wkoll it-Talba tal-għama ta’ Ġeriko li waqqfet lil Kristu fil-mixi tiegħu, ġagħlitu jdur lura u jagħti d-dawl lil dak l-imsejken.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.  5, 7-10

 

Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b'sabar kbir jistenna l-frott għażiż ta' l-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra.  Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.  Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb!  Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu  l-profeti li tkellmu f'isem il-Mulej.

 

Evanġelju

 

Il-kriżi hi parti mill-istennija, u dan jgħidulek kull min dam jistenna xi ħaġa.  Jiġu mumenti meta jibda jidħol id-dubju u jgħaddilek minn moħħok li qed thewden, li ttamajt fil-vojt, li t-tama tiegħek hi biss immaġinazzjoni.  Imma huwa f’dawn il-mumenti xejn sbieħ li tissawwar il-Fidi soda.  Huwa fil-prova li l-Fidi, li tidher se tinbaram, fil-fatt tgħaddi minn esperjenza li ssaħħaħha.  Il-Vanġelu tal-lum, hekk kif qed noqorbu lejn il-Festa l-kbira, ipoġġi quddiemna lil Ġwanni, l-Prekursur tal-Mulej, il-bniedem tal-istennija per eċċellenza.  Il-figura tiegħu timmarka l-Liturġija tal-Kelma matul l-Avvent ta’ kull sena, u dan bir-raġun għax hu ġie mibgħut biex ikun il-Ħabbar tal-Mogħdija l-Kbira ta’ Alla mill-ħajja ta’ Iżrael.

 

Imma, issa se narawh fil-punt meta l-missjoni tiegħu kienet intemmet u jiemu donnhom kienu saru bla sens u vojta.  Kien marbut ġo ċella mudlama fil-ħabs ta’ Maċeronte li Erodi kien bena ħdejn il-Baħar il-Mejjet.  U bdew ġejjin id-dubji.  Fil-Mixja ta’ Fidi, id-dubji, mhumiex negattivi.  Il-qaddisin kollha għaddew minnhom.  Kristu nnifsu kien imdwwar mid-dlam u ċ-ċpar fil-Ġetsemani u anke fuq is-salib meta minn qalbu ħarġet l-għajta: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”  Dan huwa dak li San Ġwann tas-Salib, duttur kbir Spanjol, isejjaħlu: “Il-lejl mudlam tar-ruħ”.  Huwa min jgħaddi minn dan li jkun tassew adult fil-Fidi.  Min jirbaħ din il-prova, xejn ma jista’ jgħelbu wara.

 

Id-dalma ta’ Ġwanni kienet jekk dak li fih hu kien tefa’ t-tama kollha tiegħu, kienx tassew il-Messija li hu ħabbar, jew kien biss profeta ieħor, bniedem ġust ieħor, imma mhux il-Kbir imwiegħed.  Għax Ġwanni kien ħabbar il-Messija bil-midra f’idu u minflok, Kristu kien qed iderri b’mod ħafna differenti.  Kien imur ifittex in-nagħġa l-mitlufa flok jheddida bl-għajat; kien jiekol mal-midinbin; kellu xi ħaġa li tiġbed lil dawk li dejjem tmejlu bil-ħwejjeġ qaddisa.  Kien donnu bħal nesa, Ġwanni, li kien hu wkoll li ħabbar il-Messija bħal Ħaruf innoċenti li kellu jbati u jieħu fuqu d-dnub tad-dinja.  Kien hu l-ewwel wieħed li kien ħabbar il-Misteru tal-Għid tal-Messija, il-Ħaruf li kellu jagħti demmu biex jiċċapsu l-biben ta’ min jemmen.  Kristu kien jaf minn liema taqbida kien għaddej Ġwanni fis-solitudni taċ-ċella tiegħu u kien jaf li kien qed jitqabad ta’ raġel kbir li kien.  Għalhekk imur ifaħħru bħalma qatt ma faħħar bniedem ieħor.  Ġwanni kien temm xogħolu.  Kien ħoloq stennija.  Kien bena tensjoni fil-poplu.  Lill-appostli, darba Kristu qalilhom li huma kien se jaħsdu dak li huma ma batewx għalih għax kien ħaddieħor li żera qabilhom.  Dawn kienu l-profeti u l-aktar Ġwanni.  Huwa hu l-missier tal-istennija Nisranija.  Huwa jipponta subgħajh biex juri l-unika soluzzjoni għall-problemi tal-bniedem: Kristu l-Mulej, l-uniku li rebaħ il-mewt.  Ġwanni jieħu r-ruħ bir-risposta ta’ Kristu.  Il-kriżi tgħaddi u hu jmur għall-mewt rebbieħ u b’Fidi ferm aktar ċerta.

 

Versett: Hallelujah.  L-Ispirtu tal-Mulej fuqi: bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  11, 2-11

 

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama' bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?"  Ġesù wieġeb u qalilhom: "Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta' dak li qegħdin tisimgħu u taraw:  l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.  Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!"  Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: "Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ ?  Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub,

 

 ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar

   tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

 

Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b'danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. 

 

 
< Prev   Next >