Thursday, 23 March 2017
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2016-17) HA JQATTAR IS-SHAB LILL-MESSIJA ! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 16 December 2016

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd ta' l-Avvent ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 annunciation2.jpg

 

L-Ewkaristija ta’ dan l-aħħar Ħadd qabel il-Festa kbira tal-Milied, tibda b’Antifona qawwija ferm li tgħid: “Smewwiet qattru mill-għoli; o sħab ibgħat il-Qaddis; ja art, infetaħ ja art u jinbet il-Feddej!”  Huwa vers meħud minn Isaija (45, 8) u jesprimi ferm tajjeb l-ansjeta`, il-ħerqa tal-Knisja biex ikollha esperjenza dejjem akbar u aktar ċara ta’ Ġesù Kristu, l-Għarus tagħha.  Tant hu misteru kbir il-Misteru ta’ Ġesù li għalkemm ir-rivelazzjoni, il-wirja li ried jagħtina l-Missier tiegħu innifsu għalqet biH, xorta l-Knisja tkompli titħabat biex tifhem iktar l-Għarus tagħha sal-aħħar jum tal-ħolqien, meta Hu għad jerġa’ jiġi fil-Glorja u dak in-nhar il-Knisja taraH hekk kif inhu.

 

Kif għidna ħafna drabi, l-Avvent jimmarka l-Ħajja kollha tal-Knisja, tan-Nisrani.  Hu veru li bħala Żmien Liturġiku, huwa jiġi darba fis-sena biex iħejjina għall-Milied, imma l-ispirtu tal-Avvent hu l-Ħajja tal-Knisja kollha kemm hi.  L-Avvent jindika stennija, tħejjija kontinwa għax ġej xi ħadd importanti; resqin lejn miġja li tista’ tibdel ħajjitna.  Dan hu l-atteġġjament tan-Nisrani veru.  Hu diffiċli ssibu f’ħafna.  Hu diffiċli ssib ‘Insara’ li jinsabu fi proċess ta’ maturita` fil-Fidi.  Hi diżgrazzja li għal ħafna, saħansitra għal ħafna nies ‘reliġjużi’, Alla hu xi ħadd li għalih tiddedika ħin limitat matul il-jum, per eżempju quddiesa, imma mbagħad il-Ħajja tingħax skont l-istint, skont kif wieħed ifettillu.  Hemm divorzju, kien qal darba Pawlu VI, hemm divorzju f’ħafna min-nies bejn il-ħajja fil-knisja u l-ħajja barra minnha.

 

In-Nisrani li jieħu r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla bis-serjeta` jgħix Avvent is-sena kollha.  Jistenna lil Alla jgħaddi s-sena kollha għax ma tistax torbtu ma’ ċertu żmien biss.   Dan il-bniedem għandu għatx biex jifhem aktar lill-Mulej, biex jemmen aktar fiH, biex iwettaq ir-Rieda tiegħu aktar, u b’ħeġġa ikbar, u biex jibqa’ fidil miegħU anke meta donnu li Alla nsieħ.  Il-bniedem li jagħmel tiegħu l-antifona ta’ din l-Ewkaristija huwa bniedem umli.  Huwa umli għax għaraf li hu midneb bil-provi, li għandu bżonn l-għajnuna ta’ Alla għax dgħajjef wisq, u għaraf ukoll li għalkemm id-dinja toffri ħafna ħwejjeġ li jiġbduk, xejn ma jimlik ħlief Alla.  Għalhekk  huwa jgħasses għal Alla bħalma l-għassies ta’ bil-lejl jgħarrex għall-ewwel ħajta dawl li jħabbarlu s-sebħ.  Huwa jixxennaq għal Alla bħalma l-għażżiela tixxennaq għall-ilma ġieri meta qegħda tgħammar f’art maħruqa bix-xemx. (S. 42, 1).  Infatti Salm 42 jgħid: “Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.  Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-Ħaj; meta niġi u nara wiċċ Alla?”  (S. 42, 1-3).

 

Għal dan il-bniedem, għan-Nisrani, Alla mhux sett ta’ liġijiet li int trid tobdihom bil-fors jekk trid li Hu jgħinek.  Hawnhekk għandna bniedem innamrat; bniedem li skopra xi ħaġa enormi, kbira mmens f’ħajtu: l-Imħabba ta’ Alla.  Meta jiġi żmien meta din l-Imħabba ma jibqax jaraha hekk ċara... donnu l-Maħbub tbiegħed... hu jintelaq f’dieqa u fi tħannin għal dak li jkun tilef.  Is-Salmista jkompli jgħid: “Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, meta l-jum kollu kien jgħiduli: ‘Fejn hu Alla tiegħek?’”  (S. 42, 4).  Għalih, Ħajtu hi kollha kemm hi Avvent, tqanqil biex jerġa’ jiltaqa’ ma’ minn ħabbu tant.  Dan hu l-Kristjaneżmu veru.  Din hi r-relazzjoni li timla l-qalb u tati sens lill-ħajja.  Bħalma żewġ namrati jħossuhom mitluqa u mdejqa meta ma jistgħux jaraw lil xulxin, hekk in-Nisrani meta ma jħossx l-Imħabba ta’ Kristu mill-qrib.

 

Din hi relazzjoni li hi ppersegwitata, imma iktar kemm hi ppersegwitata iktar tissaħħaħ u bħal donnha twebbes rasha.  Hija ppersegwitata minn barra għax  jgħidulek li qed tiffissa jew iwaqqgħuk għaż-żeblih, u dan jiġri sikwit.  Imma ppersegwitata anke minn ġewwa.  Għax sikwit il-Ħajja tieħu liwja lejn l-inkwiet billi n-Nisrani għandu l-problemi tiegħu bħal kull maħluq.  U kif qal dan is-Salm li qed nitkellmu fuqu, mill-ewwel, dak li jkun jisma’ leħen fil-profond tiegħu, il-leħen tal-għadu li jgħidlu: “Fejn hu Alla tiegħek, issa?  Għaliex mhux jgħinek?  Kemm se jiddawwar? Jew din kollha fantasija tal-immaġinazzjoni tiegħek?”  L-għadu jiżra d-dubju, u dan hu l-ikbar uġigħ ta’ qalb għal min jixxennaq għal Kristu.  Lil Alla jgħidlu: “Għaliex tlaqtni?  Għaliex għandi ngħix imdejjaq taħt it-tgħakkis tal-għadu?”  (S. 42, 10).

 

Għax tassew it-triq tal-Imħabba mhix dejjem triq ta’ ferħ, ta’ sliem, ta’ sodisfazzjon.  L-Imħabba ddaħħlek f’mumenti ta’ dlam, ta’ dubji.  Dawn huma mumenti li jsaħħu, mhux ikissru l-Imħabba, għax huma mumenti li jkabbru l-għatx għal min tħobb, l-għatx għal Alla.  L-ilħna li jiżirgħu id-dubji u jippruvaw ikissrulek l-Imħabba u l-fiducja f’min tħobb, ikunu qishom qed ikissrulek għadmek, jgħid is-Salm.  Kif wieħed jista’ jinduna, hawn mhux qed nitkellmu iktar fuq reliġjon kif soltu nitkellmu fuq reliġjon, imma ssuperajna r-reliġjon u dħalna fil-Kristjaneżmu veru u propju.  Għax il-Kristjaneżmu hu iktar minn reliġjon: huwa relazzjoni ta’ namur, ta’ Mħabba.  Ktieb fit-Testment l-Antik li jipprofetiżża tajjeb ħafna r-relazzjoni bejn Kristu u n-Nisrani huwa l-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet li hu djalogu bejn maħbub u maħbuba.  Huwa ktieb li mal-ewwel daqqa t’għajn m’għandu x’jaqsma bl-ebda mod mar-reliġjon, iżda huwa wieħed mill-Kotba l-iktar importanti tal-Bibbja u San Ġwann tas-Salib, Duttur tal-Knisja, fuq is-sodda tal-mewt talab lil sħabu l-patrijiet biex jaqrawlu dan il-Ktieb, din il-poeżija twila ta’ Mħabba.  Għax dan hu l-Kristjaneżmu... imma ħafna drabi nispiċċaw nirreduċuh għal moraliżmu li jifni, għal impożizzjonijiet, għal x’għandek tagħmel u x’mgħandikx.  Meta tidħol ’il ġewwa r-relazzjoni tiegħek ma’ Kristu, ma jkollok bżonn lil ħadd jgħidlek x’għandek tagħmel u x’mgħandekx.  L-Imħabba turik hi.  Għalhekk Santu Wistin qal: “Ħobb u għamel li trid.”  Ħafna jikkwotawha b’intenżjoni ħażina din il-frażi. Jekk tħobb se tagħmel it-tajjeb.  Min ma jħobbx jagħmel il-ħażin u meta jagħmel xi ftit tajjeb dan jagħmlu għax bil-fors, għax ordnat, għax hu lsir.

 

Dan qed ngħiduh biex nifhmu xi ftit kif il-Ħajja tan-Nisrani hi kollha kemm hi Avvent, thejjija ta’ laqgħa mal-Maħbub, ma’ Kristu.  Għax Hu jiġi jiltaqa’ magħna biex isaħħaħ l-Imħabba tagħna.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-qari li se nisimgħu hu forsi wieħed mill-iktar familjari magħna fit-Testment l-Antik u huwa kkwotat fit-Testment il-Ġdid.  Għall-Insara huwa profezija tat-twelid tal-Messija, ta’ Kristu.  II-Profeta Isaija iwassal Kelma ta’ Alla lis-Sultan Aħaż.  Aħaż ma tantx kellu fidi fil-Mulej, anzi kellu fidi ħafna fqira.  Kien sikwit imdawwar minn inkwiet politiku u kriżijiet li waslu għal gwerer li ħarbtulu s-Saltna.  Isaija prova kemm-il darba biex jgħinu jikber fil-fidi u jistrieħ fuq il-Mulej, imma hu pprefera jafda fil-makkakkerija tal-politika tiegħu.  Għamel allejanża ma’ potenzi ta’ dak iż-żmien li setgħu jgħinuh kontra l-għedewwa tiegħu, imma li spiċċaw faqqru lilu u lis-Saltna ta’ Ġuda għax ħadd ma jagħti xejn ta’ xejn.  Fi żmienu nistgħu ngħidu li Ġuda tilfet l-indipendenza tagħha u saret kolonja tal-barranin.  Kien tassew żmien imqalleb u s-Sultan, f’mument ta’ disprament, għadda lil ibnu stess minn ġon-nar bħala sagrifiċċju lill-allat foloz biex jgħinuh!

 

F’din is-silta, l-profeta jiċċalinġja lis-Sultan biex jitlob xi ħaġa kbira mingħand Alla.  Aħaż jiżgiċċalu billi jikkwotalu l-Iskrittura nfisha li tgħid li m’għandniex nittantaw lil Alla biex joqgħod ibiddlilna l-Istorja li wara kollox hi r-Rieda tiegħU.  Imma l-profeta jinduna li Aħaż ma kienx jafda fil-Mulej u lis-Sultan imur jgħidlu li Alla kien se jagħmel waħda minn tiegħu: ix-xebba se titqal mingħajr l-intervent ta’ raġel u tnissel iben li għad isaltan għal dejjem.  Anke jekk Iżrael u s-slaten tiegħu ma kinux fidili mal-Mulej, il-Mulej kien se jżomm il-Patt tiegħu u jżur il-poplu bl-ikbar grazzja li seta’ jagħtih: lil Ibnu stess.

 

Li Kristu kellu jitwieled minn verġni huwa misteru kbir.  Jitfa’ dawl fuq il-konverżjoni ta’ kull wieħed minna.  Li jien u int nikkonvertu jfisser li jitwieled fina Kristu b'mod misterjuż u spiritwali.  Meta aħna nemmnu tassew il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù, fina jitnissel foetus ċkejken, u dan mhux bis-saħħa tagħna, jew b’xi merti tagħna, imma b’opra tal-Ispirtu s-Santu, bi grazzja.  F’Marija, tnissel il-Messija mhux bis-saħħa tagħha, jew bl-intervent uman skont in-natura, imma b’miraklu.  L-istess il-konverżjoni tagħna.  In-Nisrani jitqal bi Kristu spiritwalment bħalma Marija tqalet bih fiżikament.  Għalhekk Marija hija xbiha perfetta tan-Nisrani li jasal biex iwelled lil Kristu permezz tal-mod li bih jgħix.  Dan hu s-sinjal li Alla jrid juri lid-dinja: id-dinja tara lil Kristu fl-Insara u l-qalb pagana tagħha tirtab għal Alla.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  7, 10-14

 

F’dak iż-żmien : Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu:

"Itlob sinjal għalik

mingħand il-Mulej, Alla tiegħek,

f'qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet."

 

U Aħaż wieġeb:

"Ma nitlobx:

ma rridx nittanta  lill-Mulej."

 U l-profeta wieġeb:

"Isimgħu, mela, dar David:

m'hux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin,

biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi?

 Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess:

Araw, ix-xebba titqal u tiled iben,

u ssemmih Għimmanu-el (għax Alla magħna).

 

Salm Responsorjali

 

Salm 24 se jistaqsi : “Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej, min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?”  U r-risposta jagħtiha hu stess: “Min għandu jdejh indaf u qalbu safja.”  (vv. 3-4).  Li titla’ fuq l-għolja tal-Mulej fejn hemm it-Tempju tiegħu u tidħol fih, l-iktar post qaddis, mhix xi ħaġa li jista’ jagħmilha kulħadd.  Fit-Tempju kien hemm il-post l-aktar qaddis li kien imdawwar b’puritera ħoxna u tqila li fiha ħadd ma seta’ jidħol.  Għax kif jista’ l-midneb (u min minn minna mhux midneb?) jidħol fil-Preżenza tal-Qaddis?  Dan hu faċli nifhmuh.  Hu tqil nifhmu l-fatt li ġara li din il-purtiera, darba waħda, iċċartet min-nofs u s-Santwarju, it-Tabernaklu l-aktar qaddis infetaħ beraħ għal kulħadd!  Meta ġara dan?  Fil-waqt li Kristu mejjel rasu fuq is-salib u hekk patta għat-taħsir u d-dnubiet ta’ kulħadd.  Bit-tiċrit tal-purtiera l-Missier ried jurina li lkoll nistgħu nidħlu fil-preżenza tiegħu għax il-merti ta’ Ibnu huma kbar biżżejjed biex ineħħu d-dnubiet  li issa ġew maħsula bid-Demm qaddis tiegħu.  Dan kien il-Pjan minn dejjem tal-Missier.  Ħadd minna l-bnedmin ma jista’ jkollu jdejh indaf u qalbu safja.  Ħadd minna ma jista’ jeħles mill-frugħa tad-dinja.  Imma min jemmen li Kristu miet għalih isir ġust quddiem il-Missier għax bla ma jistħoqqlu jitlibbes bil-qdusija ta’ Kristu.

 

Ritornell:  Ħa jidħol il-Mulej: hu s-Sultan tal-Glorja.

 

Salm 24

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha,

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

 Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

  Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh;

 li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

It-Tieni Qari

                                       

Kull darba li Pawlu jitkellem fuq Kristu u fuq l-Aħbar li hu ġab lill-bniedem, hu jsib ruħu jitkellem ukoll fuq il-grazzja li tfisser rigal mogħti b’xejn bla ma hu mistħoqq.  Tant hu rigal kbir Kristu, li twieled għalina fl-għar ta’ Betlem u aktar u aktar, bata, miet u qam mill-mewt għalina, li ħadd ma jistħoqqlu li jirċevih.  Imma Kristu jinagħta bi grazzja lill-midinbin, u dawk li jilqgħuh, jinbidlu u jsiru qaddejja ta’ Alla.  Dawn huma l-fqar, imxerrdin mad-dinja kollha.  F’din is-silta Pawlu jikteb lil komunita` Nisranija li kienet tgħix f’Ruma, il-qalba tal-paganeżmu dak in-nhar.  Dawn kienu n-nies li xxennqu għall-Qaddis għax kien qishom ix-xagħri, in-nixfa bla ma ħadd jagħtihom l-ilma tal-ħajja. Kienu r-riħ, solitarji, bla ma ħadd jagħti kashom.  Kienu d-dlam bla ma ħadd imexxihom.  Kienu l-ktajjen bla ħadd ma jħollhom.  Kienu l-kesħa bla ma ħadd jgħattihom.  Kienu l-ġuħ bla ma ħadd ma jitmagħhom.  Kienu d-dmugħ bla ma ħadd jixxuttahom.  Kienu l-uġigħ bla ma ħadd jilmaħhom.  Dawn kienu n-nies li laqgħu lil Kristu u saru l-aktar nies għonja u ħielsa tad-dinja.

 

Dawn in-nies ma tnisslux skont it-tnissil tal-ġisem.  Mill-ġisem tnisslu fl-għajb, fit-taħwid, fl-inkapaċita` li jħobbu lill-ieħor hekk  kif inhu.  Imma huma ħadu twelid ġdid, mhux mill-bnedmin imma minn Alla.  Fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jgħid dwarhom: “Dawn twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u  anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.”  (Ġw. 1, 13).  Għalhekk, kull Nisrani veru jkun twieled darbtejn: darba mill-ġisem, mill-ġenituri tiegħu... twelid li għada pitgħada jwassal għall-mewt, u t-tieni darba fi Kristu permezz tal-Magħmudija.  U meta ngħidu ‘permezz tal-Magħmudija’ m’aħniex nirreferu biss għar-rit li jkun sarilna meta konna trabi, imma aktar ma tiżviluppa l-Magħmudija fina. 

 

Għax il-Magħmudija hija proċess.  Hi tikber bil-mod il-mod tul ħajjitna kollha, jew tmur lura u tmut.  Ħafna nies li għamlu isem għall-ħsara li wettqu kienu mgħammdin.  Il-Magħmudija tagħhom baqgħet bla frott.  Pawlu, hawn, mhux qed jirreferi għal dik it-tip ta’ Magħmudija, imma għall-Magħmudija li minn żerriegħa saret siġra li tat frott bla sforz.  Il-Magħmudija hija twelid ġdid għax fiha jiġi mgħarraq il-bniedem il-qadim tad-dnub u jitwieled il-bniedem il-ġdid li huwa kopja, xbiha ta’ Kristu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  1, 1-7

 

Pawlu, qaddej ta' Kristu Ġesù, msejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta' Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta' David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta' Alla b'kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna rċevejna l-grazzja ta' l-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta' ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, msejjħin biex tkunu ta' Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta' Alla li jinsabu Ruma msejjħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

 

Evanġelju

 

Virtu li qajla ninnutaw fir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù, imma li għandha mpatt qawwi ħafna fin-nisġa ta’ dan ir-rakkont, hija l-virtu tas-skiet.  Is-Skiet qaddis li jitwieled mis-Sabar li, min-naħa tiegħu, jitnissel mill-Fidi.  Min għandu l-Fidi għandu l-fiduċja fil-Missier.  Jaf li l-Missier iħobbu, jaħsiblu għal kollox, jieħu ħsiebu u, fuq kollox, jekk, fl-Għerf infinit tiegħu, jara li l-bniedem għandu bżonn jgħaddi minn żmien ta’ taħbit u kumbattimeti, Hu jħalli li dawn iseħħu, imma qatt ma jitlaq lil ibnu l-maħbub għall-mewt.  Din hi l-Fidi.  Din hi l-fiduċja li l-bniedem tal-Fidi jgawdi minnha fil-mumenti tal-prova meta n-nirien tal-Istorja jduru madwaru.  Jekk jitlef il-Fidi u jippanikkja, huwa jispiċċa maħruq.  Kemm-il darba kellna aħna din l-esperjenza, aħna li aħna nies ta’ Fidi żgħira!  Imma min jemmen li Alla hu Sid l-Istorja tiegħu, jistabar.  Ekku s-Sabar. 

 

U, kif għidna, s-Sabar iġib is-Skiet.  Is-Skiet quddiem l-Istorja.  Il-pagan jidgħi quddiem l-Istorja.  Ir-‘reliġjuż’ jiskandaliżża ruħu quddiem l-Istorja.  Kristu qal: “Hieni l-bniedem li ma jiskandaliżżax ruħu bija!”  (Mt. 11, 6).  Fir-rakkont tat-tnissil u t-twelid ta’ Kristu niltaqgħu mas-Skiet ta’ Ġużeppi u Marija.  Ġużeppi jirċievi l-aħbar li Marija hija tqila.  Hu ma jitkellimx.  Qalbu tinqasam, imma hu ma jitkellimx.  Ma jakkużax.  Ma jirrapurtax.  Li kellu jirraporta lill-awtoritajiet reliġjużi, test terribbli kien hemm lest għal Marija.  Il-Ktieb tan-Numri kien, minn żmien Mose`, jikkundanna lill-mara li jkun hemm suspett li nqabdet tqila mhux minn żewġha, għal prova biex jinstab jekk is-suspett kienx minnu jew le.  Kienet tinġieb fil-pubbliku u hemm iġagħluha tixrob ilma morr ħafna mħallat bit-trab tal-art.  Jekk tkun tassew tqila dak l-ilma morr kien iġagħlha titlef it-tqala tagħha u hi ssir saħta fost il-poplu u tiġi mħaġġra.  Din ma kinitx drawwa Lhudija biss imma komuni fost il-ġnus tal-lvant bil-għan li tiġi mħarsa l-familja u l-fedelta`. 

 

Aktarx li sa żmien Kristu ftit li xejn kienet tiġi attwata din il-Liġi tal-ilma morr, għalkemm dwar it-tħaġġir kien għad hemm dibattitu għaddej kif naraw mill-Vanġelu ta’ Kristu u l-adultera.  Dan kollu jagħtina ħjiel ta’ kemm serja kienet il-qagħda ta’ Marija li kieku Ġużeppi kiser is-Skiet tiegħu.  Marija min-naħa tagħha ma ddefendietx ruħha.  Baqgħet siekta quddiem l-Istorja li qajla kienet qed tifhem.  Ħaġa waħda fehmet.  Alla kien magħha.  Mill-bqija, ma tgħabbiet bl-ebda responsabilta` li tirranġa l-affarijiet jew tiċċarahom.  Kienet taf li ħadd ma kien se jemminha jekk issemmi l-anġlu li deherilha.

 

Imma fis-skiet tagħha, din il-koppja rat lil Alla jaħdem.  Fl-istorbju tad-dinja, Alla wkoll jaħdem imma kważi ħadd ma jinduna.  Dejjem ikollna mistoqsija: “Dan Alla wettqu jew il-bniedem bil-ħila tiegħu” u nibqgħu b’Fidi ċkejkna li ma tikbirx għax ma tarax sinjali.  Nisimgħu ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù skont San Mattew.

 

Versett:  Hallelujah.  Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemuh Għimmanu-El, Alla-magħna.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  1, 18-24

 

It-tnissil ta' Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma' Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta' l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: "Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom." Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:

 

             'Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,

                  u jsemmuh Għimmanu-El’,

 

li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

 

 
< Prev   Next >