Din
hija il- Liturgija tat-Twelid ta' Sidna Gesu Kristu ( 2016 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
It-twemmin
f’Alla ħafna drabi jaqa’ vittma ta’ organizzazzjoni żejda min-naħħa tal-bniedem
li tikkomplika kollox u tgeżwer il-Fidi f’ħafna veli li jċajpru dak li hu
bażiku u mportanti. It-twemmin f’Alla hu
sempliċi: Alla hu Aħbar Tajba għalik. Hi
x’inhi il-qagħda tiegħek, is-sitwazzjoni li minnha tinsab għaddej jew
għaddejja, intix f’xi kriżi jew inkwiet, jew inkella għaddej minn żmien ta’
barka, Alla huwa dejjem Aħbar Tajba għalik.
Hija Aħbar Tajba għall-bniedem li huwa mhuwiex waħda f’dan l-univers
infinit, mitluf fis-solitudni tiegħu.
Hija Aħbar Tajba li kollox hu maħluq b’sens u kollox hu maħluq frott
Imħabba liema bħalha. Hija Aħbar Tajba
li tgħidlu li min ħalqu hu Xi Ħadd b’qalb kbira mmens, ikbar mill-istess
univers maħluq minnu, u li din il-qalb tħabbat bi Mħabba totali u tant kbira
għalih li hu diffiċli biex tifhimha jew temminha. Hi Aħbar Tajba għall-bniedem li l-Istorja li
hu qiegħed jgħix hi ddominata, mmexxija, b’risq tiegħu, minn din l-Imħabba li
ħalqitu.
Dan
it-twmmin f’Alla/Mħabba hu l-ħin kollu ċċalinġjat, imħabbat u assedjat
mit-tbatija li timmarka l-Ħajja fuq din il-pjaneta. Għall-bniedem hu ferm diffiċli jirrikonċilja
l-istraġi li jara madwaru, kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell
personali tiegħu innifsu, ma’ din l-Aħbar li tgħidlu li hu maħbub, li hu għażiż
u li, fi kliem qaddisa antika Ngliża, Ġuljana ta Norwich: “Kollox għad jispiċċa
tajjeb u kollox għad jispiċċa tajjeb u kull ħaġa għad tispiċċa tajjeb. ‘All shall be well, and all shall be well,
and all manner of things shall be well!”
It-tbatija,
li fil-lingwaġġ Nisrani tisssejjaħ “is-Salib”, hija t-territorju fejn tiġi
miġġielda l-gwerra għall-Ħajja, għas-Salvażżjoni, għad-destin ta’ kull
bniedem. Ħafna, ħafna tilfu l-Fidi għax
ġew skandaliżżati minn dik li tidher impotenza ta’ Alla quddiem l-inġustizzja,
il-moħqrija esaġerata tal-ħażin kontra t-tajjeb, is-sikrana li ma tinqered
qatt, il-mewt li qatt mhi solvuta.
Saħansitra n-natura, li tidher tant sabiħa u tal-għaġeb, tħobb
tittradixxi u taħsad ’l-bniedem bil-mard tagħha, bl-epidemiji u t-traġedji kbar
li jwebbsu qalb il-bniedem, jgħalquh f’inkubu ta’ egoiżmu u ‘survival instinct’
fejn l-aħħar ħaġa li taħbat ma’ moħħu hu li jinagħta għall-ieħor, iħobb
lill-ieħor, jinsa lilu nnifsu u jissagrifika ruħu għall-ieħor. Il-bniedem skandalizzat b’Alla u ddiżappuntat
biH, ma jemminx li Alla hu Aħbar Tajba u jgħid f’qalbu li ma jistax ikun li
Alla jippermetti dan il-ġenn kollu u jistkenn fil-ħsieb li Alla ma
jeżistix. Maż-żmien il-bniedem beda
jitlef il-‘Memorja’ ta’ Alla, il-preżenza qawwija tiegħu f’Ħajtu, u beda jagħti
qima lit-teknoloġija, ix-xjenza u l-mediċina, u qal f’qalbu: “Dawn huma l-allat
li jsalvawni.” Din hija t-taqbida vera
għal ruħ il-bniedem, mhux kemm se jkollu paga jew pensjoni.
L-għaġeb
kbir hu kif ħafna oħrajn iltaqgħu ma’ Alla u sabu l-Fidi appuntu fil-forġa
tat-tbatija! Għax hu faċli, anzi m’hemmx
bżonn ta’ Fidi, biex taċċetta li Alla hu Mħabba meta kollox jiġik tajjeb u
l-Ħajja hi biss kwistjoni ta’ ‘tagħfas buttuna’ u jseħħ dak li trid int.
Imma ma tridx tkun xi ħassieb kbir biex tissuspetta li l-Ħajja tkun
monotona u bla kulur, bla togħma li kieku fiha biss jiġri dak li jidher tajjeb
u sabiħ għal għajnejna. Anzi din tkun
riċetta żgura għat-taħsir u l-korruzzjoni ta’ kollox. Jekk noqogħdu naħsbu ftit, it-tbatija,
is-Salib huwa l-melħ li jagħti togħma lill-Istorja, lill-Ħajja. Hija t-tbatija li tħejjina biex nifirħu u
niggustaw anke l-iktar affarijiet ċkejkna.
Li kieku mhemmx il-lejl min se japprezza s-sbuħija taż-żernieq filgħodu,
u kif jista’ jkun hemm gost fil-bnazzi jekk ma jiġix qablu l-maltemp? X’inhu t-tħajjir tal-ikel bnin mingħajr
il-ġuħ li jiżvojta l-istonku, u kif jista’ jitnissel frott ir-raba’ mingħajr
il-mewt tal-ħabba tal-qamħ taħt il-ħamrija?
L-ideja
li wieħed jemmen f’Alla għax dan Alla dejjem jaqlagħlu l-grazzji, hi ideja
marida u egoista... anzi huwa twemmin korrott.
Mhux veru li Alla huwa l-qaddej u li kulma nitolbuhulu jagħtihulna. B’dan il-mod insiru aħna allat flokU. Biex il-bniedem jemmen tassew li Alla huwa
Mħabba u li kollox huwa frott ta’ din l-Imħabba, dan il-bniedem irid ikun milqut
minn Dawl li jaħbat miegħu minn barra minnu.
Il-Fidi hi Grazzja! Hi rigal. Santa Rosa ta’ Lima waslet biex qalet: “Li
kieku l-bnedmin jindunaw kemm ġid joħroġ mit-tbatija u x’għana kbir jinħażen
minn min jgħixha b’umilta`, kieku kulħadd jibda jitlob għat-tbatija u mhux biex
titneħħa!” Dan id-Dawl mhux ilkoll kemm
aħna għandna minnu, imma l-Mulej ħerqan biex jgħinna ‘naraw’ u nemmnu, bħal San
Tumas, li hemm fejn naħsbu li hemm prova li Alla nsiena, jew li ma jeżistix,
hemm huwa l-post fejn Hu juri ruħu.
Dan
qed ngħidu għax l-Aħbar it-Tajba tgħidilna li Alla ġie fid-dinja u ma neħħiex
it-tbatija imma dawwalha; ma neħħiex l-uġigħ ta’ qalb imma xxotta d-dmugħ
mill-uċuħ; ma neħħiex l-inġustizzji u d-dnubiet tal-bniedem imma ħafer u ħafer
u ħafer. Fuq kollox ma neħħiex il-mewt
imma rebaħha, għelibha, neħħielha l-biża’ għal dawk li jemmnu fiH. Mingħajr it-tbatija ma kienx ikollna għalfejn
inkunu salvati u hija t-tbatija li laqqgħet lill-bniedem ma’ Kristu
Salvatur. Bil-mod il-mod nibdew nindunaw
li kollox hu għall-ġid tagħna, li kollox hu Aħbar Tajba, li kollox se jispiċċa
tajjeb. Mhux li jkollna biżżejjed
umilta` biex nammettu li qed ngħixu Ħajja li tissuperana, hi akbar minna, hi
frott l-Għerf li ma nistgħu qatt nifhmuh jew nilħqu tarfu. Il-bniedem ta’ dari kien iktar preparat għal
dan, kien iktar ċkejken, umli, kien iktar faċli għalih jgħid: “Alla jaf; jien
ma naf xejn.”
Fil-qalba
ta’ dan kollu, il-Milied huwa l-Aħbar it-Tajba per eċċellenza. Il- bniedem fettex lil Alla u ma setax
isibu; għalhekk niżel Alla jfittxu u
tant iċċeken li l-bniedem ma lemħux. San
Ġwann l-Evanġelista jgħid: “Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja
ma għarfitux.” (Ġw. 1, 10). Wieħed jasal biex jifhem li ma setax ikun mod ieħor. Alla sar dudu tal-art u għammar fost id-dud
tal-art u d-dinja ma lemħitux sal-ġurnata tal-lum. Il-bnedmin jistagħġbu quddiem il-muntanji,
imma Alla sar żrara u ħadd ma ta kasu.
Sid
il-lukanda ma ndunax b’Alla għaddej minn quddiem biebu u ma krilux rokna
mid-dar li Alla stess provdielu. Ilkoll
għexniha din l-esperjenza meta tbellaħna quddiem il-bnedmin li jmutu bħalna, u
ġejna naqgħu u nqumu minn min għandu l-univers f’idejH għax ma lmaħniHx. Bħalma jgħid il-profeta: “I-gendus jagħraf
lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu; imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu
tiegħi ma jifhimx.” (Is. 1, 3).
L-Ewwel
Qari
Il-Profeti
kollha ħabbru Aħbar Tajba anke jekk sikwit kienu jheddu biex iċaqilqu l-bniedem
mir-raqda tiegħu u jidħol fil-festa tat-tieġ tad-dejjem. Kull messaġġier li bagħat Alla ħabbar Aħbar
Tajba għall-bniedem mitluf u mħawwad.
Isaija kien il-perċimes li farraġ il-poplu billi dejjem ra x-xemx tiżreġ
minn wara s-sħab. Din hi l-kariżma
tal-profeta: li jara x-xemx waqt li l-kotra tara s-sħab. Dan hu s-sens tas-salib u tat-tbatija. Din hija l-kariżma wkoll tan-Nisrani li
għandu l-fidi tiegħu adulta. Il-poplu li
ġie lura mill-eżilju ta’ Babel jasal quddiem Ġerusalemm u jara s-swar tagħha
borġ laqx; daħlu fit-toroq tagħha u lemħu kull palazz tagħha mibdul f’gorboġ
minn fejn kienu jittawlu annimali selvaġġi.
Imbagħad ħarsu ’l fuq u l-għolja tat-Tempju kienet għerja għax it-Tempju
ma kienx iktar. Inxteħtu fl-art iħabbtu
fuq sidirhom u ma ridux jisimgħu b’faraġ.
Imma
l-Profeta jgħajjat: “Ma rridx niskot minħabba Ġerusalemm! Bħal dija għad tiddi u bħal torċa taqbad
quddiem il-ġnus. Kulħadd għad iħares
lejha u jistagħġeb biha. Is-sebħ tagħha għad jitbellhu bih is-slaten. Isem ġdid għad ikollha u jasal żmien meta ma
jgħidulhiex aktar “il-miltuqa” jew “l-imħarbta” imma hi tkun l-Għarusa s-sabiħa
tal-Mulej li għad jitgħaxxaq b’Għarustu!”
(ara Is. 62, 1-5). Jgħajjat il-Profeta,
u n-nies iħarsu lejh u jgħidu: “X’qed iħarref dan il-miġnun?” Imma l-kelma tal-Profeta mhix tiegħu imma ta’
Alla u dak li jgħid Alla jseħħ. Il-belt,
li ma kienet xejn ħlief laqx imxerred ’l hawn u ’l hinn, issir iċ-ċentru
tal-univers għax fiha jseħħ il-Misteru tal-Għid tal-Mulej li bih kull bniedem
ikun salv. Miljunu fuq miljuni ta’ nies
iterrqu lejha għax jafu li hemm seħħ il-misteru li ġeddidhom u tahom Ħajja
Ġdida.
“Il-poplu
li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawk
kbir idda fuqhom.” (v. 2). Jekk għalik
is-sema hi miksija bis-sħab u nsejt x’inhi x-xemx, emmen li l-Imħabba teżisti u
dak kollu li tinsab għaddej minnu għandu sens u għad jinbidel f’għeġubijiet
f’Ħajtek. Min se jfaħħar lil Alla jekk
mhux dak li jaf x’inhu l-lejl, x’inhu d-dlam, x’inhu l-bard, x’inhi l-qalb
maqsuma? Min hu dak li se jaqbeż
bil-ferħ jekk mhux min kellu madmad itaqqlu u ħatar isawtu? Din hi l-glorja tat-tbatija. Hemm tmiem għal kull sfortuna; ir-riħ
tal-Ispirtu jonfoħ u s-sħab jgħaġġel jitlaq u tiddi x-xemx u kbir ikun il-ferħ
u r-radd ta’ ħajr. “Għax tweldilna
tifel” jgħid il-Profeta (Is. 9, 5).
Nifirħu għax “inagħtalna iben” (Is. 9, 5).
Ġo
għar f’Betlehem ta’ Ġuda instemgħet l-ewwel twerżieqa ta’ tarbija. Min se joqgħod jaħseb fuq x’għad isir dan
it-tifel? Min se jemmen li propju f’dan
il-post l-istorja tal-umanita` kollha daret
il-kantuniera u Alla niżel jgħammar mal-bnedmin? Kemm iħobb, Alla, jkun anonimu. Kif għidna fil-bidu, ħafna jaħsbu li l-ħin
kollu qed jitlef it-taqtigħa mal-ħażin.
Imma r-rebħa hi tiegħu, Halleluja!
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 9, 2-7
Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir;
in-nies li joqogħdu f'art id-dlam
dawl idda fuqhom.
Int kattart il-ġens,
kabbart l-hena;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta' fuq spallejh,
u l-bastun ta' l-argużin,
int kissirthom bħal f'jum Midjan.
Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa,
kull mantell mgħargħar fid-demm
jispiċċa għall-ħruq,
biex jieklu n-nar.
Għax tweldilna tifel,
ngħatalna iben;
is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:
"Kunsillier ta' l-għaġeb, Alla setgħan,
Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem."
Kbira tkun setegħtu,
u s-sliem bla qjies
fuq it-tron ta' David u s-saltna tiegħu.
Hu jwettaqha u jsaħħaħha
bil-ħaqq u s-sewwa,
minn issa u għal dejjem.
Il-ħeġġa tal-Mulej ta' l-eżerċti tagħmel dan.
Salm Responsorjali
Ħafna jitmeżmżu meta ssirilhom stedina biex ifittxu l-Mulej. Dejjem għandhom suspett li Alla se jeħdilhom
xi ħaġa. Fil-fond jaħsbu li Alla hu
għajjur għall-ferħ tagħhom u għalhekk hu rival li jekk ma jindaħalx f’ħajjithom ikun aħjar. Jien ċert li l-Mulej hu l-iktar wieħed li
fuqu n-nies hi mħawda. Hemm min jemmen
li Hu jridna nħobbu lil xulxin u hemm
min jemmen li Hu jridna noqtlu lil xulxin u bl-għajta ta’ « Alla hu
l-akbar » jaqbdu trakk u jidħlu ġo folla nies għaliH ! Kemm ġenn fiha d-dinja ! Kemm miġnun hu l-bniedem !
Hieni l-bniedem li jiskopri tassew il-veru Alla. Hu jinduna li Alla m’għandu bżonn xejn minn
tiegħu imma lest li jagħti, jagħti u dejjem jagħti. Fi Kristu, Alla ried iduq il-mewt, ried
jinagħta għall-mewt għalija u għalik. Ħa
niftakru f’dan meta jitla’ s-sħab u l-Ħajja tiswied. Hu tant iħobbni li niżel f’ġisem ta’ bniedem
biex ikun jista’ jmut għalija ! Dan
hu li Alla jridna nxandru dwaru : il-bqija hu kollu sekondarju. Meta l-Aħbar li Alla għandu għalina
titwemmen, imbagħad jagħmel sens is-Salm li se nisimgħu , Salm 96, li hu Salm
ta’ eżultanza.
« Għannu ! », jħeġġiġna dan is-Salm ;
« Ħabbru ! » ; « Xandru ! » ; « Ħa
jifirħu s-smewwiet, ħa jħabbat il-baħar, ħa jifraħ ir-raba’, ħa jgħajtu
bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk ! » Donnu hawn, is-Salmista qed
jimpika miegħu nnifsu u jipprova jivvinta kliem u jgħaqqad sentenzi biex
jesprimi l-ferħ li qed iħoss f’Alla… u ma jirnexxilux. Għax min jista’ jesprimi fi kliem l-eżultanza
tal-qalb, il-ferħ veru ? U għaliex dan il-ferħ kollu ? Għax ġej il-Mulej. Ġej il-Qaddis biex jidħol f’Ħajtek u jagħtik
id-Dawl tiegħU u int tkun tista’ tara kollox ġdid, kollox b’mod differenti.
Ritornell : Illum tweldilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.
Salm 96
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu!
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost
il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost
il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.
Ħa jifirħu
s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih.
Ħa jifraħ ir-raba' u kull ma fih,
u jgħannu
bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk
quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej
biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel
ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u
mill-popli bis-sewwa tiegħu.
It-Tieni
Qari
Kristu hu rigal mogħti lilna, igħid San Pawl. Kristu huwa Grazzja, jiġifieri
rigal bla prezz li hu mogħti bla ma hu mistħoqq. Xejn minn dak li nistgħu nagħtu lil Alla ma
jista’ jlaħħaq mal-prezz ta’ Kristu, li b’xejn ma jista’ jinxtara. Min jista’ jixtri l-Ħajja, il-Ħajja
vera? Min jista’ jixtri Ħajja għal
Dejjem. Anke San Pawl, li ħaraq Ħajtu
fil-qadi ta’ Kristu, kien jaf li Kristu hu Grazzja għalih... ma kienx
jistħoqqlu li jagħraf il-meravilja li hemm fi Kristu. Li kieku Kristu inagħtalu għax ħadem ħafna
għalih, għax stinka għalih għax fettxu b’qalbu kollha, allura Kristu ma kienx
jibqa’ iktar Grazzja, rigal b’xejn, imma ħlas bħall-paga ta’ ħaddiem li jkun
ħadem għaliha. Il-ħaddiem qatt mhu se
jqis il-paga tiegħu bħala rigal, imma bħala ħlas li hu kellu dritt għalih għax
ħadem għalih.
Mhux hekk Kristu. Huwa twieled għalina fl-Għar ta’ Betlehem
biex ikun jista’ jsir il-Ħaruf li jiġi meħud għall-qatla minfloki biex jien ma
jkolli xejn xi nħallas quddiem il-Missier f’dak il-Jum Kbir tal-Ħaqq. Meta bniedem ikkundannat jiġu għalih ma’
tlugħ ix-xemx biex jeħduh għall-forka, imma minflok jgħidulu li hu ħieles u
jista’ jitlaq għax kien hemm ieħor li offra ruħu biex jieħu l-mewt minfloku...
biex se jħallas, dan? Biex se jpatti,
dan?
Meta l-bniedem jagħraf dan li għamel Kristu
għalih; meta din l-Aħbar tinżel fil-fond ta’ qalbu bis-saħħa tal-Ispirtu
s-Santu, allura hu jsir l-aktar bniedem għani tad-dinja! Meta jiskopri lil Kristu u l-Misteru tal-Għid
tiegħu, hu jibda jġorr fih għana li ħadd ma jista’ jmissulu. Jista’ dak il-ħabsi jinsa għal mument wieħed
dak li xi ħadd għamel għalih? Jista’
n-Nisrani, għal mument wieħed, jaljena ruħu mill-għotja ta’ Kristu għalih fuq
is-Salib? Il-kmandamenti huma tqal u
qishom madmad għal min għadha ma messitux l-Aħbar ta’ Kristu b’dan il-mod. Imma għal min qalbu ntmesset, isiru
ħfief. Issa hu għani biżżejjed biex
jaffordja jarmi minnu dak li qabel kien għana għalih.
San Pawl jitkellem fuq l-iskoperta tar-rigal
enormi li hu Kristu, b’dan il-mod: “Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien
għaddejtu bħala telf minħabba Kristu.
Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf
lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala
knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninstab fih.” (Fil. 3, 7-9). Għal bniedem bħal dan, dak li jidher
sagrifiċċju f’għajnejn in-nies, mhu xejn għalih. L-Imħabba tirbaħ kollox. Kristu sar dgħajjef għalina fl-Għar ġo
maxtura biex jgħinna nindunaw b’dak li hu tant moħbi u mċajpar għal għajnejna.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lil Titu. 2, 11-14
Għażiż: Dehret
il-grazzja ta' Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u
l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f'dan
iż-żmien, u nistennew
it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù
Kristu. Hu li ta lilu nnifsu
għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul
għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.
Evanġelju
Il-Kristjaneżmu mhux teorija, ħsieb
sabiħ ħafna, xi mod ta’ kif wieħed jgħix, xi filosofija. Lanqas huwa, biex ngħidu hekk, xi reliġjon
tal-Ktieb bħalma huwa l-Islam li hu msejjes madwar il-Koran. Il-Kristjaneżmu huwa fatt li ġara, fatt
storiku, u dan hu mportanti ħafna; anżi ta’ mportanza kbira. F’mument tal-Istorja tal-bniedem ġara fatt,
ġrat xi ħaġa kbira. Dan jisħaq fuqu
Luqa. Qabel ma jgħaddi biex jirrakkonta
l-Inkarnazzjoni ta’ Alla li sar bniedem, hu jniżżel bir-reqqa s-sitwazzjoni
politiku u storika ta’ dak il-mument, biex juri li hu se jitkellem fuq fatt
storiku li seħħ f’data fissa. Hu jgħid:
“f’dak iż-żmien Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir iċ-ċensiment tad-dinja
kollha. Dan
iċ-ċensiment sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja.” (v. 1).
Jiġifieri, fi żmien li sar
iċ-ċensiment ta’ Awgustu, l-ewwel wieħed, eżatt meta Kirinu kien gvernatur
fis-Sirja, il-bniedem salva għax Alla nnifsu sar sieħbu. Aħna salvi mhux għax nobdu xi ktieb, anke
jekk f’dan il-kas l-Iskrittura hi ta’ għajnuna hekk enormi biex ngħarfu lil
Kristu... mhux minħabba f’hekk, imma, aħna salvi. Aħna salvi għax, fil-milja taż-żmien, li seħħ
fi żmien Awgustu, l-ewwel imperatur ta’ Ruma, Alla wettaq ħaġa, fatt li bih
il-bniedem ġie ġġustifikat quddiemu. Din
il-ħaġa, dan il-fatt storiku kien it-twelid, il-Ħajja, il-mewt u l-Qawmien
mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dan
il-fatt storiku jagħmilha awtomatika għall-bniedem li jsalva... imma
b’kundizzjoni waħda: hu jrid jemmen f’dan il-fatt storiku li seħħ b’risq
tiegħu. Jekk tabib ikollu l-mediċina li
tfejjaqlek il-marda qerrieda li għandek, u jgħidulek bih imma int ma temminx li
jista’ jkun li teżisti mediċina bħal din għalik, u tibqa’ ma tersaqx lejh, ikun
kollu għalxejn. Jista’ jkun li
saħansitra t-tabib jiġi jfittxek, għax ħbiebek qalulu bik, u jħajrek timmedika
ruħek, imma jekk int tibqa’ taħseb li dan kollu hu ħmerija u mgħodija
taż-żmien, ħadd ma jista’ jiftaħlek ħalqek bil-fors biex tibla’
l-mediċina. Dan jiġri l-ħin kollu f’ħafna
nies. Id-dinja tfittex il-Ħajja għand
l-allat foloz tagħha u tmut. Tant nies
imutu bla ma jiskopru lil Kristu!!
L-għaġeb tal-presepju, illum isejħulu
l-Mistagħġeb għax qed jindunaw li aktarx li kien l-ewwel teologu Nisrani (!),
kellu għalfejn jitbellah quddiem dik it-tarbija. Tassew li mhux għaġeb kien imma
Mistagħġeb. Mistagħġeb kien San Pawl u
kull min ‘ra’ bl-għajnejn tal-Ispirtu dak li l-Missier għamel għalih meta
bagħat lil Ibnu f’ġisem dgħajjef ta’
tarbija mhix milqugħa, mimduda qalb l-annimali.
Ħa tkun it-Talba ħerqana tagħna, it-Talba dejjiema tagħna, it-Talba ta’
kuljum tagħna, li aħna ninagħtaw lil Kristu, ninagħtaw li ngħarfu l-Grazzja li
hemm fiH għalina, is-Salvazzjoni tiegħu, il-Misteru li l-Missier iridna
ngħarfu. Dan ikun Milied bomba għalina,
kieku! Il-Milied li fih Kristu Ġesù,
l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, twieled ġo maxtura ġewwa qalbna. Ħadd ma jista’ jixtiqilna u jawguralna ħaġa
isbaħ minn din! Inżommu dan m’moħħna:
lil Kristu nsibuH fejn l-anqas li nistennew li nsibuH...
Versett: Hallelujah.
Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir: illum twildilna Salvatur, Kristu
l-Mulej! Hallelujah.
F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment
fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li
sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull
wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala'
l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u
l-familja ta' David - biex jinkiteb flimkien ma' Marija l-għarusa tiegħu, li
kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u
wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma kienx hemm
post għalihom fil-lukanda.
F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla
tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet
madwarhom, u qabadhom biża' kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux, għax
araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum,
fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala
sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f'maxtura." F'daqqa
waħda ngħaqdu ma' l-anġlu għadd kbir ta' qtajja' tas-sema, ifaħħru lil Alla u
jgħidu:
"Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!"
|