Friday, 22 September 2017
           
Home
L-EWWEL TAS-SENA 2017 IT-THEOTOKOS: IL-VERGNI MARIJA OMM ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 01 January 2017

Din hija il- Liturgija  ta' L-Ewwel tas-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

rghajja_jaduraw_lil_gesu_1.jpg

 

Għall-Knisja, l-Ewwel tas-Sena huwa l-Ewwel Ħadd tal-Avvent.  Hu dak in-nhar li tibda sena ġdida għall-poplu ta’ Alla, jekk xejn, almenu fis-sens liturġiku.  Xorta waħda l-Knisja tati mportanza lill-kalendarju ‘ċivili’ biex ngħidulu hekk: ‘ċivili’ sa ċertu punt għax il-kalendarju li tuża tista’ tgħid id-dinja kollha ġie ntrodott minn Papa Girgor XIII fl-1582 u għalhekk jissejjaħ il-Kalendarju Gregorjan.  Qabel kien hemm kalendarju differenti li kien ġie mdaħħal minn Ġulju Ċesri li miegħu għadha tmexxi s-sena liturġika tagħha l-Knisja Ortodossa.

 

Il-Knisja tiftaħ is-Sena tal-Kalendarju b’festa mportanti ħafna liturġikament: Is-Solennita` tal-Beata Verġni Marija Omm Alla, titlu li bil-Grieg insibuh bħala it-Theotokos.  Dan hu l-ogħla titlu li l-Knisja tati lill-Verġni Marija.  Il-fatt misterjuż li hi nisslet lill-Iben ta’ Alla bħala bniedem, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu waqt li hi baqgħet Verġni, huwa l-ġrajja li tpoġġi lill-Madonna ’l fuq minn kull ħlejqa oħra.  Tkompli tkabbar il-figura ta’ Marija l-“Iva” tagħha lill-Anġlu għax mingħajr din l-“Iva” totali tagħha, l-Inkarnazzjoni kienet issib ostaklu serju... fil-konkret: mingħajr Marija ma kienx ikollna lil Ġesù.  Din l-“Iva” tagħha u l-konċepiment uniku, u mhux skont in-natura, li seħħ fiha immedjatament wara, għolliha fil-qima ta’ kull ġenerazzjoni lil din iċ-ċkejkna qaddejja ta’ Alla, kif hi stess tiddiskrivi lilha nnifisha fil-Magnficat.  Għall-poplu hemm festi Marjani oħrajn li huma iktar popolari, imma l-Festa tat-Theotokos, ta’ Marija Omm Alla hi l-ikbar waħda li għandha Marija.

 

Minħabba dan il-fatt, l-Akathistos, Innu antik tal-Knisja tal-Lvant li qed isir popolari wkoll fil-Knisja Kattolika, isejjaħ lill-Verġni Marija: il-Kewkba li tħabbar sebħ ix-Xemx; il-Ġuf li fih tlaħħam Alla nnifsu;  il-bidu tal-mirakli ta’ Kristu;  is-Sellum li bih niżel Alla fostna;  il-flaġell tax-xitan u l-biża’ tiegħu;  l-Għalqa li tagħti frott ta’ grazzji kbar;  Int ftaħt il-bieb tal-Ġenna;  Int tas-sajjieda timla x-xbiek;  minnek joħroġ id-Dawl li jqaddes;  minnek ix-xmara mimlija ġid;  Int il-kalċi fejn jitħawwar l-Inbid tal-ferħ;  Int it-Tabernaklu ħaj ta’ Alla.  U l-ħin kollu l-Innu jsejħilha biex tifraħ, dejjem tifraħ, għax Hi ġabitilna l-ikbar ġid li qatt seħħ lill-bniedem, li hu Kristu l-Mulej.

 

Il-Knisja kienet tassew ispirata mill-Ispirtu s-Santu meta ddedikat dan l-ewwel jum tas-sena lill-Verġni Marija għax bħal dan iż-żmien kulħadd jittama li jkollna sena tajba, sena mimlija risq; sena ta’ Barka.  Il-Barka vera, bil-Lhud “Berakah”, tiġi mingħand Alla u mingħandu biss.  Marija hi dik li tqalet bil-Barka u nisslitha bħala bniedem għax il-Barka hija Kristu Ġesù.  Allura dan l-ewwel jum tas-sena jippreżentalna lill-Marija tqila bil-Barka, titħabat bħall-Mara tal-Apokalissi biex tiled il-Barka ħalli aħna lkoll, bla taħbit, ingawdu minnha.  Ekku, li fil-bieb ta’ sena ġdida, tidher il-Mara Tqila b’ġufha mimli b’Dak li hu l-Barka li tbellah u tissorprendi lill-bniedem.

 

Din ix-xbiha tal-Madonna tqila ma tantx hi parti mill-kultura Nisranija tagħna, għalkemm f’kulturi Kattoliċi oħra, bħal dik tal-Amerika t’Isfel, iva, għax il-Madonna ta’ Gwadalupe dehret bħala Mara Tqila b’Binha għadu f’ġufha.  Hu ħafna mportanti li nibdew nirriflettu fuq din ix-xbieha tal-Madonna li għad trid tiled, għax hi xbiha eżatta tal-bniedem li għadu mhux Nisrani adult imma qiegħed fi proċess ta’ konverżjoni, f’mixja, daħla lejn Fidi li biha jkun jista’ jwelled lil Kristu fil-madwar, fl-ambjent tiegħu, permezz tal-opri qaddisa li jagħmel bla sforz għax imbuttat mill-Ispirtu ta’ Kristu li jgħammar fih.  Kemm hu mportanti dan!

 

Illum il-Knisja qegħda tinduna, bil-mod il-mod u b’ħafna uġigħ, li għadda ż-żmien li ġo parroċċa, ġo belt jew raħal, kulħadd hu Nisrani veru b’Fidi adulta.  F’ħafna postijiet in-nies għadha tmur il-Knisja l-Ħadd, imma f’daqshekk ieħor, in-nies inqatgħet.  F’Malta n-nies li jiffrekkwentaw il-Quddiesa tal-Ħadd huma n-nofs.  Il-maġġoranza taż-żgħażagħ m’għadhomx jagħtu kas.  Anzi, għandhom karikatura negattiva tal-Knisja u l-valuri Nsara. Dalwaqt inkunu f’minoranża!  Għalhekk tqum waħedha l-għajta għall-Evanġelizzazzjoni għall-imbegħdin.  Din hija l-missjoni vera ta’ kull parroċċa fiż-żmien tal-lum.

 

Dawn l-affarijiet huma sinjali li Alla qiegħed jibgħat lill-Knisja biex tibdel il-pastorali tagħha.  Il-Knisja għandha l-unika salvazzjoni possibbli għall-bniedem, imma trid tkun taf kif twassal din is-salvazzjoni skont iż-żminijiet.  F’elfejn sena, l-Knisja dejjem riedet twassal l-istess Aħbar ta’ Kristu, imma b’modi differenti għax id-dinja l-ħin kollu tinbidel.  F’dawn iż-żminijiet, lilna l-Mulej bagħatna hawn biex nassistu għall-iktar żmien diffiċli tal-Knisja s’issa, għax qatt daqs illum ma d-dinja nbidlet b’veloċita` hekk kbira.  U għada iktar mil-lum.  Imma ma bagħtniex hawn biex noqogħdu nħarsu.  Hemm bżonn li nkunu ta’ spalla għall-Knisja. Kif?  L-ewwel nett billi nħossu l-bżonn li nikkonvertu aħna l-ewwel, li nikbru fil-Fidi aħna l-ewwel, li ngħarfu min hu Ġesù aħna l-ewwel.  Dan mhu faċli xejn, għax ilkoll naħsbu li fuq Kristu, kulma hemm x’wieħed jagħraf, diġa għarafnih, għax aħna tal-Knisja!  Il-fatt li taħseb li int diġa wsalt, anke jekk tkun Presbiteru, Kappillan, Isqof, Papa... dan ifisser li fuq Kristu għandek ħafna tagħlim u nformazzjoni, imma laqgħa ħajja miegħu xejn.  Għandek xi esperjenza qawwija x’tirrakkonta ta’ Kristu f’ħajtek?  Mhux x’għamel meta kien hawn, jew fil-ħajja ta’ ħaddieħor, imma f’tiegħek.  Jeżistu  ħafna dubji kemm ħafna affarijiet kulturali marbutin maż-żminijiet liturġiċi tal-Knisja, l-aktar mal-Milied u mal-Ġimgħa Mqaddsa, qegħdin tassew iżidu l-Fidi fin-nies.  Ħafna drabi jidhru ta’ aljenazzjoni; enerġija enormi moħlija f’affarijiet li jibnuna u huma ta’ valur soċjali kbir, imma fejn tidħol il-Fidi...

 

Għandna bżonn inkun Marija, iċ-ċkejkna Marija, tqila bi Kristu.  Ma tafx kif seħħ dan, imma hi tqila tassew; qegħda tħoss it-tarbija tikber fiha.  Għandna bżonn inkunu nies li, fil-moħbi, bla pretenzjonijiet, qegħdin nikbru fil-Fidi u għandna għatx kbir li dan il-fetus ġewwa fina jsir tarbija li meta jasal żmienha titwieled u n-nies jaraw l-opri tassew qaddisa tagħna u jinġibdu lejn Kristu, bħalma kienu jinġibdu lejH meta kien jimxi fi triqatna.

 

L-Ewwel Qari

 

Meta t-tarbija kienet qegħda tikber fil-ġuf tal-Omm ta’ Alla, tat-Theotokos, fil-Mara kienet qed tikber il-Barka ta’ Alla għax dak li kienet qegħda ġġorr fi ħdanha kien Alla nnifsu.  Dan hu mportanti li nitkellmu fuqu għax il-Liturġija tal-Ewwel tas-Sena tkellimna ħafna fuq il-Barka ta’ Alla, din il-Berakah qaddisa tiegħu.

 

Dan wieħed ma jridx wisq biex jimmaġinah.  Fejn hemm Alla hemm il-Barka, imma meta nħarsu lejn l-Istorja konkreta ta’ Marija, tan-Nisrani veru, nibdew nitħassbu jekk aħniex nifhmu sewwa dak li qed jiġri.  Għax ilkoll għandna ħjiel ta’ x’inhu l-ferħ, x’inhu s-sliem, x’inhi l-Barka.  U f’Marija naraw dik li batiet.  Hi batiet minħabba Binha mit-tnissil perikoluż f’ġuf ta’ xebba mhix miżżewġa, sal-ħlas umiljanti ġo stalla, sad-dieqa tal-ħarba bħala refuġjati ’l bogħod minn pajjiżhom, sal-firda minnu meta kiber, sal-oppożizzjoni li qanqal l-aktar fost nies li hi kienet tirrispetta: n-nies tat-Tempju; sal-biża’, l-inkwiet u l-agħa tal-Passjoni; u sal-mument meta qalbha nqasmet taħt is-salib.  Dik Barka, aħna ngħidu f’qalbna!  Min iridha?

 

U l-istess in-Nisrani li jrid jimxi wara Kristu.  Irid jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajH u fejn ikun Hu irid ikun id-dixxiplu miegħU, anke meta jitla’ fuq il-Kalvarju.  Min jagħti ħajtu għall-Imgħallem isibha, qal; min jibża’ għal ħajtu jitilifha.  Dan kollu hu diffiċli li wieħed jifhmu, u jifhmu biss fl-esperjenza, għax il-bqija paroli.  Marija kienet il-Mara Imbierka u fil-Kantiku tagħha qalet li kull ġenerazzjoni ta’ bnedmin kellha tħares lejha u ssejħilha “Hienja” jew “Imbierka” għax l-istess ifissru.  Hienja, ferħana!  Taħt is-Salib?  Dan hu l-Misteru ta’ xi jfisser tkun Nisrani.  Hemm bżonn niskopru li fis-Salib m’hemmx is-saħta imma l-Barka; m’hemmx il-mewt imma l-Qawmien; m’hemmx il-falliment li tant jimpressjona n-nies li jkunu jħarsu, imma l-Glorja.  Kull min iltaqa’ mal-ferħ, mas-sliem, mal-Glorja, mas-sbuħija ta’ Kristu, dan għamlu fil-forġa tat-tbatija, fil-qalba tas-Salib.  Hemm, fejn oħrajn raw il-mewt, hu esperjenzja l-Ħajja u l-Ħajja ta’ Dejjem li ma tispiċċax u li ħadd ma jista’ jeħodhielu.

 

Imma din l-esperjenza tbeżżagħna.  Aħna għandna ideja oħra ta’ Barka u nippreferu l-ideja tagħna, il-viżjoni tagħna ta’ x’inhu l-ferħ minn dik ta’ Alla.  Għalhekk hu veru li jekk wieħed jikkonverti, dan ikun miraklu li jwettaq Alla biss.  Il-konverżjoni vera u mill-fond mhix kwistjoni li wieħed imur iqerr biex illejla jitqarben għax l-ewwel tas-sena, jew għax hu l-Milied.  Il-konverżjoni hi Miraklu Morali, li l-Mulej qed iwettaq il-ħin kollu f’tant nies.

 

Il-qari li ġej jistedinna nitolbu l-ikbar grazzja li teżisti.  Għax it-tbatija hi parti mid-dinja, mill-Ħajja, mill-Istorja, u ħadd mhu se jeħles minnha anke jekk jgħid għoxrin rużarju kuljum biex Alla jifrankalu kollox.  Il-grazzja l-kbira li l-Mulej irid jagħtina hi li fit-tbatija jkollna l-Barka tiegħu, niltaqgħu mal-Barka tiegħu.  It-tbatija tiġi għal kulħadd, min jemmen u min ma jemminx, imma l-qari se jgħid li Hu jħarsek bħalma ħares lil dawk it-tliet żgħażagħ fil-forn tan-nar ta’ żmien Danjel. 

 

Ħeġġeġ in-nar madwarhom u Alla ma tfiehx, imma bejnhom u n-nirien kien hemm iż-żiffa ħelwa tal-Ispirtu s-Santu li ħarsithom.  Din dejjem kienet l-esperjenza tal-Knisja, tant li fl-ewwel sekli meta l-Insara kienu projbiti li jpinġu xbihat jew jagħmlu statwi, fil-katakombi bdew jidhru l-ewwel pitturi, u dawn dejjem kien ta’ dawn it-tliet żgħażagħ ifaħħru lil Alla u mmeraviljati bil-Barka tiegħu waqt li kienu mdawrin bin-nar.  Dan ġarrbitu Marija, ġarrbitu l-Knisja, qed iġarrbuh l-Insara tal-Lvant Nofsani, inġarrbuh aħna jekk inħalluH iħares lejna b’imħabba u jagħtina s-sliem.

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri.  6, 22-27

 

 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: Kellem lil Aron u  'l uliedu u għidilhom: 'Meta tbierku 'l ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom:  Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta' wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena!  Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!' Hekk huma jsejjħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena nberikhom.”

 

Salm Responsorjali

 

Salm 67 jagħmel eku tal-Kelma mill-Ktieb tan-Numru li għadna kif smajna. Lil din il-Barka ta’ Alla li lilna, mad-daqqa t’għajn, ma togħġobniex, is-Salmista jsejħilha: is-salvazzjoni tal-bniedem.  Għax tassew... kemm se ndumu nitolbu grazzji materjali meta fl-aħħar mill-aħħar ilkoll irridu mmutu u nitilqu minn hawn?  Kemm se ndumu nitolbu fejqan għal ġisimna u ħelsien mit-taħbit tad-dinja, anke jekk dan it-talb Alla jridu u hu tajjeb?  Fl-aħħar mill-aħħar inkunu qed nitolbu għal ħajja li qegħda tinħaraq kuljum bħal sufarell tal-festa.  Inutli titlob biex is-sufarell ma jispiċċax; malajr jispiċċa, u kif!  Dan skoprewh il-qaddisin kollha, anżi l-Insara adulti kollha. 

 

Alla jifhem li min-natura tagħna, bla ma rridu niggranfaw ma’ din il-Ħajja, u l-bniedem għandu biża’ mill-baħħ ta’ wara l-mewt.  Imma dan il-baħħ, dan il-biża’, jintrebaħ minn Fidi li tikber u tikber tant li twaħħad lill-bniedem mal-Qawmien ta’ Kristu.  Ġa minn hawn int tibda tħoss li l-Qawmien ta’ Kristu huwa l-Qawmien tiegħek.  Kristu jsir il-garanzija, il-kapparra tal-Ħajja ta’ Dejjem.  “Mhux jien ngħix imma Kristu jgħix fija!”  qal San Pawl, u dan mhux San Pawl biss imm anke nies normalissimi li sabu lil Kristu.  Hemm irridu naslu.  Din hi t-Talba tassew serja, tassew konkreta, tassew li tiswa, li għandna nitolbu.

 

Ritornell:  Iħenn għalina Alla, u jberikna.

 

Salm 67

 

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

 

L-art tat il-frott tagħha;

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża' minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

 

It-Tieni Qari

 

Fil-qari li se nisimgħu minn San Pawl terġa’ tidher il-Mara tal-Apokalissi, il-Mara Omm Alla, ix-Xebba ta’ Nazaret.  L-Iskrittura tħobb tinqeda bil-frażi: “meta waslet il-milja taż-żminijiet”.  Insibuha ’l hawn u ’l hemm fil-kitbiet qaddisa.  Hija frażi mportanti.  Għax il-Bibbja hija Storja; l-Istorja tas-Salvazzjoni.  Hemm proċess fiha li xi wħud li jikkritikawha ma jistgħux jifhmuh.  Alla rrevela, wera lilu nnifsu lill-bniedem bil-mod il-mod, skont il-qjies li l-bniedem seta’ jaċċetta f’moħħu.  Lil Mose` Alla ma qallux “Ħobb lill-għedewwa; dawwar ħaddejk lil min isawtek,” eċċ.  Il-bniedem kien għadu ma jiflaħx għal dan, bħalma ħafna minna għadna ma nifilħux għalih dan il-kliem, lanqas!  Hemm proċess li kien riesaq il-ħin kollu lejn “il-milja taż-żminijiet”, il-mument meta l-Missier kellu jġib fi tmiem, kellu jwassal fil-komplet il-wirja tiegħu.  U dan għamlu meta bagħat lil Ibnu.  Ma għad baqa’ xejn dwar Alla li moħħna u l-Fidi tagħna jistgħu iħaddnu li ma ġiex muri lilna fi Kristu.  Fi Kristu l-Missier tana kollox u wriena kollox.  Min isib lil Kristu jsib lil Alla fil-qjies li jista’ jinstab fuq din l-art.

 

Alla bagħat lil Ibnu biex biH aħna ninbidlu: minn ilsiera nsiru ulied adottati mis-Sultan il-Kbir tal-Univers.  Sakemm m’għandniex Fidi, aħna lsiera.  Sakemm għandna Fidi, imma żgħira, li tasal biss li tipprova ma tidnibx għax tibża’ mill-infern, mill-kastig, mill-fatt li Alla ma jgħinekx... għadna lsiera.  Jekk għandna Fidi li titlob biss affarijiet materjali għax għad hemm rabta kbira mal-ħwejjeġ ta’ din l-art... għadna lsiera.

 

Huwa l-iben biss li mhux ilsir.  Min hu iben Alla?  Dak li għandu n-natura ta’ Alla.  Ġeru għandu n-natura ta’ kelb għax missieru kelb.  In-Nisrani adult għandu n-natura ta’ Alla għax Missieru huwa Alla.  Għalhekk Kristu jgħid, u jirrepeti, li hemm bżonn li lkoll nitwieldu mill-ġdid.  Jgħidu li n-Nisrani jitwieled darbtejn:  darba b’mod fiżiku mill-ġenituri tiegħu għal ħajja li tintemm għax kull ħaġa fiżika trid tmut; u darb’oħra minn Alla, permezz tal-ilma u l-Ispirtu, għal Ħajja li ma tintemm qatt.  Din il-Ħajja ma tintemm qatt għax hi minn Alla li jissupera l-mewt.

 

San Benedettu jgħid li Kristu twieled minn mara b’ġisem bħal tagħna u mhux bħal dak li kellu Adam qabel ma dineb.  Jiġifieri l-ġisem li tgħabba bih Kristu kien ġisem midjun lid-dnub bħal tagħna u mhux bħal dak li kellu Adam qabel ma sar jaf x’inhu d-dnub.  Daqshekk tbaxxa Alla biex jiltaqa’ magħna.  Għalhekk il-qari jgħid twieled taħt il-Liġi; sar f’kollox bħalna għax aħna li għadna midjunin mad-dnub għandna bżonn il-Liġi li tgħidilna x’inhu t-tajjeb u l-ħażin.  Imma dawk li jitwieldu minn Alla tmexxihom l-Imħabba.  M’għandhomx bżonn il-Liġi.  Kristu twieled biex jifdi lil dawk li huma taħt il-Liġi, jiġifieri dawk li jobdu għax bil-fors, u jgħaddihom għall-Imħabba, għall-adozzjoni tal-Missier.

 

U kif se nkunu nafu li aħna m’għadniex ilsiera imma sirna ulied Alla.  Faċli tkun taf: insiru ulied meta nkunu nistgħu ngħajtu minn qiegħ qalbna: “Abba!  Pa!  Missier!”  Meta?  Meta kollox miexi sew?  Le.  L-ulied jgħajtu “Abba!” wkoll meta l-affarijiet fil-Ħajja sejrin ħażin, meta ma nifhmux l-Istorja, meta kollox jidher falliment madwarna, meta nkunu mtaqqlin b’xi aħbar ħażina, fis-siegħa tad-diżappunt, tal-mard, tax-xjuħija li tibda turi snienha. Fuq kollox l-ulied jgħajtu: “Abba! Pa!” fl-aħħar mument tal-ħajja hawn fuq l-art, meta jew tiggranfa mal-Missier jew titħawwad waħda kbira.  Imma dawk li għandhom l-Ispirtu ta’ Ġesù  ma jsibuhiex bi tqila jgħajtu din l-għajta fl-aktar mument importanti tal-ħajja, għax jafu li resqin għal wirt kbir.  L-Apostlu jgħid: “U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.”  (v. 7).

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.  4, 4-7

 

Ħuti: meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara, mwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna  l-adozzjoni ta' wlied.  U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta' Ibnu f'qalbna jgħajjat: Abbà! Missier!   U hekk m'intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta' Alla.

 

Evanġelju

 

Is-suġġett tal-Vanġelu huwa iktar ir-ragħajja milli Marija, anke jekk il-Festa hi tagħha.  Dawn in-nies messithom Barka kbira.  Meta l-lejl kien fl-aqwa tiegħu u « d-dlamijiet kienu jiksu l-art » (Eż. 10, 22), dawl qawwi feġġ għalihom.  Seħħ bl-eżatt dak li kien ħabbar Isaija : « Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir ; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawl idda fuqhom. » (Is. 9, 2).  Dawn ir-ragħajja kienu fid-dlam mhux tort tagħhom, bħalma mhux tort tagħna li nitwieldu mdallmin bid-dnub ta’ Adam.  Imma d-Dawl ġie jiltaqa’ magħhom u huma ferħu u stagħġbu.  Ir-rakkont tagħhom, l-esperjenza taghom hi, forsi, l-isbaħ fir-rakkont kollha tal-Milied.  Meta raw, xandru dak li raw.  Hekk jagħmel min ikun milqut bis-serjeta` minn xi ħaġa li jkun għadda minnha.  « U kull min semagħhom, baqa’ mistagħġeb b’dak li qalu r-ragħajja. »  (v.17).  Impressjonaw lil kull min semagħhom għax kienet esperjenza ħajja din tagħhom, xi ħaġa li għexu huma, ħaġa ta’ barra minn hawn.  Impressjonaw anke lil Marija li ma riditx tinsa x-xhieda tar-ragħajja u għalhekk żammitha f’qalbha u għarblitha, qagħdet taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.  Saħħewha fil-Fidi lil Marija, dawn ir-ragħajja sempliċi u mdallma bħall-kumplament tal-poplu.  Il-Fidi tagħha dwar Ġesù Binha kienet mibnija fl-esperjenza li kellha tal-anġlu.  U l-esperjenza tal-anġlu li kellhom ir-ragħajja ikkonfermat dik li kellha hi.  Għalhekk hi tant importanti l-Knisja.  Għax ħutek fil-Fidi jikkonfermawlek il-Fidi li jkollok int.  Ma tibqax waħdek, imma tkun wieħed minn sħaba ta’ xhieda.  Din hi l-Knisja.

 

Versett : Hallelujah.  Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna modi permezz tal-profeti.  Issa, f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  2, 16-21

 

F’dak iż-żmien : Ir-ragħajja marru  jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura.  Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb b'dak li qalulhom ir-rgħajja.  Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.  Ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

 

 Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu  ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

 

 
< Prev   Next >