Saturday, 27 May 2017
           
Home
L-EPIFANIJA TAL-MULEJ (2017) MIN IFITTEX LILL-MULEJ, ISIBU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 January 2017

Din hija il- Liturgija  ta'  L-Epifanija tal-Mulej ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

epifanija.jpg

 

Il-fatt tremend li seħħ fl-ewwel Milied kienet l-Inkarnazzjoni: Alla sar bniedem, Alla libes il-laħam ta’ bniedem, ħa fuqu ġisem il-bniedem bil-ġibdiet kollha tiegħu, bl-egoiżmi kollha tiegħu, bit-tentazzjonijiet kollha li bihom ibati l-bniedem... u dan għal skop wieħed: biex iġorr dan il-ġisem marid u mjassar tal-umanita` lejn il-forka biex hemm jinqered u minfloku jqum ġisem ġdid, il-ġisem li kellu Adam, anżi iktar glorjuż, iktar setgħan.  Din it-trasformazzjoni tan-natura tagħna tant impressjonat lill-Missirijiet tal-Knisja li l-Papa Ljuni l-Kbir, fl-ewwel sekli tal-Knisja, mar igħid f’Omelija, li tassew in-Nisrani hu kbir għax hu qiegħed fi proċess li jiġi magħmul Alla!  Din il-ħaġa qatt ma naħsbu fuqha u ftit titwemmen, imma dan hu t-tagħlim tal-Knisja mibni fuq dak li tgħid l-Iskrittura.  Mhux il-bniedem jagħmel lilu nnifsu Alla, imma jiġi magħmul Alla, jinagħta n-natura ta’ Alla nnifsu.  Adam tilef l-innoċenza tiegħu meta emmen li seta’ jsir Alla billi jiġġieled ma’ Alla u ma jobdihx.  Spiċċa lsir, maħqur, itturrufnat.  Fi Kristu, aħna nerġgħu niksbu l-innoċenża tal-bidu, u aktar minn hekk insiru parti minn Alla bl-istess natura tiegħu.

 

Imma kif diġa għidt, ftit iħossu din il-Wegħda.  Ftit jemmnuha.  Aħna iktar ħsiebna fuq dak li qed jiġrilna f’dawn il-ftit snin hawn f’did-dinja u t-talb tagħna juri dan għax il-ħin kollu nitolbu l-grazzji żgħar u qatt ma nitolbu l-Grazzja l-Kbira.  Aħna lkoll morda b’cancer spiritwali li jeqridna kuljum u mmorru quddiem il-professur u ngħidulu jagħtina xi ħaġa, jekk jogħġbu, biex ifejqilna subgħajna ż-żgħir ta’ saqajna għax ilqatnih ma’ ġebla.  Mhux din il-problema vera tagħna.  Aħna morda serjament u iktar kemm ngħarfu dan malajr, iktar nersqu quddiem it-Tabib il-Kbir u nitolbuh il-Miraklu Morali li għandna bżonn.

 

 

Din il-Grazzja kbira li l-Missier jixtieq jagħtina mhux lakemm wieħed jagħfas buttuna.  Xi ħadd irid iħallas prezz kbir biex din il-Grazzja jinfetħilha l-bieb u tinagħta.  Anzi, Xi Ħadd diġa ħallas prezz kbir.  Kristu, Alla-bniedem, xtara din it-trasformazzjoni tagħna bil-prezz għoli ta’ Demmu; Demmu kollu!  Alla ħa l-ġisem uman biex l-uman ikun jista’ jħallas il-prezz tal-akkwist lura ta’ dak li ġie jaqa’ u jqum minnu Adam.  Fi Kristu, il-bniedem ħallas il-prezz kollu.  Għalkemm Kristu kien minn dejjem Alla, id-divinita` tiegħu ġiet moħbija f’ġisem imsejken ta’ bniedem biex dan il-ġisem jiġi ssagrifikat bħala tpattija għad-dnub.  B’hekk, il-bniedem patta, imma mhux hu iżda Kristu, l-innoċenti.  Dan kien l-għan tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla fil-ġuf tal-Verġni.   Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja tal-Lvant, fl-ikona tal-Milied, tpoġġi lit-tarbija Ġesù f’maxtura forma ta’ qabar.  Għax il-qabar kien is-sens tremend tal-miġja tiegħu.  Il-qabar kellu jilqa’ l-ġisem li ħallas id-dejn ta’ kulħadd, u l-istess qabar kellu jara l-Glorja tal-Missier meta qajjem din l-Imħabba li tat ruħha għall-mewt biex juri li l-Imħabba hi akbar mid-dnub, li l-Imħabba tmur lil hemm mill-oċejan ta’ ħtija.  Fi Kristu mqajjem kollox ġie maħfur u l-ħolqien kollu ġġedded.  Imma dan irridu narawh bl-għajnejn tal-Fidi. 

 

Biex nemmnu, Alla nnifsu jrid juri ruħu lilna.  Kif se temmen int f’xi ħadd li qatt ma smajt bih, qatt ma rajtu u li ma tafux?  Għalhekk, propjament, fl-antik, il-festa prinċipali ta’ dawn iż-żminijiet ma kinitx il-Milied iżda l-Epifanija.  Għax, wara kollox, il-Milied huwa Epifanija, kelma Griega li tfisser ‘Wirja’, ‘Esibizjoni’, ‘Rivelazzjon’, ‘Għarfien’.  Alla, li minn dejjem kien moħbi, fl-aħħar wera ruħu fi Kristu.  Għalina dan hu l-importanti, wara kollox: li Alla juri ruħu.  Għax seta jitwieled u ħadd ma jinduna min hu: tarbija oħra fost tant li jitwieldu kuljum.  Għandna bżonn Epifanija f’ħajjitna: esperjenza vera u ħajja ta’ Alla li ġie jiltaqa’ magħna.  It-tagħlim, il-priedki, il-qari, it-talb... dan kollu hu biss tħejjija għall-Wirja li hemm bżonn li Alla jwettaq fuq livell personali ma’ kull wieħed minna. 

 

Din hi li tagħti l-ħajja lil dak kollu li nkunu smajna u tgħallimna.  Aħna ġbarna ħafna zkuk, ħoxnin u tajbin għan-nar u biex jagħtu s-sħana, u dawn iż-żkuk huma l-informazzjonijiet kollha, it-tagħrif kollu li rċivejna bi grazzja.  Imma dawn iż-żkuk, din l-informazzjoni, hemm bżonn li tieħu n-nar.  Hemm bżonn li xi ħadd iqabbbad xrara li tinfirex maz-zkuk kollha u jsiru Ħuġġieġa Qaddisa li ssaħħan, li ddawwal, li tgħaġġeb bis-sbuħija tagħha.  Ħuġġieġa Ħajja li jaf jagħtiha biss l-Ispirtu s-Santu.  Din tkun Epifanija tassew!

 

L-Ewwel Qari

 

Isaija huwa l-Profeta tal-Aħbar it-Tajba u l-Knisja tinqeda bih biex toħroġ it-tifsira ta’ din il-Festa kbira.  L-Epifanija hija Dawl.  Hija festa tad-Dawl.  Id-Dawl, fl-aħħar, xegħel id-dinja u mil-lum ’il quddiem jibqgħu fid-dlam dawk li jippreferu d-dlam mid-dawl, kif qal Kristu nnifsu.  Kemm hu sabiħ tkun imdawwal fuq dak li jiġri lilek u li qed jiġri fid-dinja.  Id-dinja hi, minnha nnifisha, post id-dlamijiet.  Hija dar id-dlamijiet.  Ħafna jippridkaw għall-paċi u jitolbu għall-paċi, imma d-dinja qatt mhi se tkun taf x’inhi l-Kelma ‘paċi’ għax hija dar id-dlamijiet.  Kull ġenerazzjoni li għammret fuq din l-art rat il-gwerra, l-inġustizzja, l-egoiżmu, is-setgħan jagħmilha ta’ “bully” fuq id-dgħajjef... f’kelma waħda d-dinja hija post id-dnub.  U la hija post id-dnub hija wkoll post il-mewt għax l-egoiżmi u d-dnub iġibu t-taħsir u l-mewt.  Huwa għalhekk li fid-dinja jgħammar il-biża’ tal-mewt, mhux biss il-biża’ mill-mewt fiżika, imma wkoll, u iktar rejali, il-biża’ mill-mewt ontika, jiġifieri dik il-mewt fuq livell psikoloġiku li niltaqgħu magħha kuljum: it-tensjoni, ir-rabja għax xi ħadd qallek kelma żejda, ir-rejazzjoni għal aħbar ħażina, l-inkwiet eċċ.  Dawn huma kollha mwiet li kuljum jisirqulna l-Ħajja.  Ħafna jaslu fi tmiem ħajjithom u jindunaw li qatt ma għexu, li xi ħadd serqilhom kull ġurnata ta’ Ħajjithom.  Kemm hu msejken il-bniedem!

 

Imma f’dan id-dlam deher Dawl.  Għalhekk il-Knisja hi l-unika li għandha fi ħdanha is-soluzzjoni għall-problemi tad-dinja, għax hi ġġorr l-Evanġelju ta’ Kristu li huwa d-Dawl li deħer, id-Dawl li tiegħu id-dinja rat Epifanija, Wirja.  Jinbidlu l-gvernijiet; jitilgħu mexxejja ġodda mimlijin entużjażmu li se jirranġaw l-inkwiet tal-poplu; jgħaddi ftit żmien u jisparixxu bħal ta’ qabilhom u jħallu n-nies fid-dlam kif sabuhom.  Mhux tort tagħhom.  M’għandhomx id-Dawl li għandha l-Knisja.  Għalhekk il-Knisja għandha tant missjoni serja u responsabilta`.  Hi trid tkun missjunarja u xxerred id-Dawl fost dawk li ħlief dlam m’għandhomx f’Ħajjithom.  Mhux faċli dan!  Mhux kwistjoni li tagħmel “time-table” tal-quddies ta’ kuljum u min irid jiġi u min ma jridx affarih.  Il-missjoni li tagħmel Epifanija tal-Mulej fost dawk li qatt ma rawH hi ħafna iktar serja u diffiċli.  Il-ħin kollu għaddejja diskussjoni dwar kif għandha taħdem il-Knisja, imma l-ewwel u l-iktar ħaġa mportanti hi li hi stess temmen li għandha d-Dawl; hi u ħadd iżjed.  Il-Knisja trid temmen li fi Kristu tassew li hemm salvazzjoni għal kulħadd u li barra minnu hemm biss dlam u frugħa, modi u ħmerijiet li jagħmlu żmienhom u jgħibu. 

 

Ħafna ħasbu li l-Komuniżmu kellu jkun is-soluzzjoni u jġib il-ġustizzja.  Ma kienx id-Dawl.  Fejn hu llum?  Oħrajn isemmulek il-kapitaliżmu u llum qed naraw li dan qed jagħmel jasar mill-ħajja ta’ tant nies li m’huma xejn ħlief skorfini fil-magna kiefra tal-ekonomija.  Qabel kellna sistemi oħra.  Anke d-demokrazija għad isibulha tarfha, jew teqred hi stess lilha nnifisha, kif qed iħabbru. 

 

Imma għal dawk li qegħdin ifittxu d-Dawl tal-Ħajja fi Kristu, l-profeta jgħajjat f’widnejhom: “Qum! Ħa jiddi wiċċek!  Id-dawl tiegħek wasal!  Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!  Ara, d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek!”  (v. 1-2).  Jifraħ il-bniedem li jkun ilu jistenna li jisbaħ, li jkun ilu jistenna l-faraġ tal-Mulej.  Għax il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja u bi Kristu jaraw kuluri fil-Ħajja li qabel ma kinux jarawhom.  L-għama jara li kollox hu sew fil-ġrajja tiegħu, li mhux veru li kollox hu dlam.  Id-Dawl juriħ li mhux biss kollox hu sew, kollox se jkun sew u li l-Istorja miexja lejn il-Glorja, l-Istorja tiegħu li hu tant seħet.  Għax Alla hu Missieru, u qatt mhu se jħallih jintilef u jmut għal dejjem.  Il-mewt ġiet mirbuħa; ġiet solvuta; u għeb il-biża’ li jagħmilna egoisti.  Jinduna, u din hi ħaġa tal-għaġeb, li tassew hi possibbli l-Imħabba, l-Imħabba lejn l-ieħor hekk kif inhu.  Isaija jgħid: “Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek!”  (v. 5). 

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  60, 1-6

 

  Qum! Ħa jiddi wiċċek!

  Id-dawl tiegħek wasal!

  Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

Ara d-dlamijiet jiksu l-art,

u sħab iswed il-popli:

iżda fuqek jiddi l-Mulej,

u sebħu jfiġġ fuqek.

 

Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,

u s-slaten fid-dija ta' sbiħek.

Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:

lkoll miġbura ġejjin għandek.

Uliedek ġejjin mill-bogħod,

u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

 

Mbagħad tħares u wiċċek jiddi,

u tħabbat u timtela qalbek,

għax fuqek taqa' l-kotra tal-ġid ta' l-ibħra,

u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

Mrieħel ta' iġmla għad jgħattuk,

l-iġmla żgħar ta' Midjan u Għefa;

lkoll minn Seba jiġu,

mgħobbija bid-deheb u l-inċens,

u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 72 huwa glorifikazzjoni u profezija dwar is-Sultan-Messija li kellu jiġi.  Iżrael kien jgħix bit-Tama li sseħħ il-Wegħda l-Kbira li kien iġorr.  Kbar kienu l-provi ta’ dan il-poplu, imma fid-dlamijiet li għadda minnhom dejjem kellu d-Dawl tal-Wegħda: Alla kellu jibagħtilhom Sultan li bħalu qatt ma kien deher ħadd.  Anke meta tilfu lil pajjiżhom u kellhom iterrqu, refuġjati, lejn pajjiż barrani; anke meta raw lil Ġerusalemm imfarrka u t-Tempju maħruq; anke meta tteħdilhom kollox u l-għedewwa serqulhom dak kollu li kien l-għaxqa t’għajnejhom… ħadd ma rnexxilu jisirqilhom dak li kelllhom f’qalbhom: it-Tama tal-Messija li kellu jiġi.

 

Kienu jiggranfaw ma’ dak li kien qal Isaija: “Għax tweldilna tifel, inagħtalna Iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: “Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-Sliem u kbira tkun setegħtu.” (Is. 9, 5-6).  Kienu jtennu u jerġgħu jtennu fil-laqgħat tagħhom il-Kliem qaddis tal-Profeta Żakkarija: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!  Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara.”  (Żak. 9, 9).  U tant profeziji oħra. 

 

Iżrael kien żgħir u umli, mdawwar b’imperi-ġganti.  Kienet it-Tama fil-Messija li żammet ħaj lil dan il-poplu.  L-imperi waqgħu u nbidlu minn imperi ġodda li waqgħu huma wkoll, imma l-poplu ta’ Alla baqa’ jittama u baqa’ ħaj!  Din Kelma għalina.  Min jittama fil-Mulej jirbaħ il-mewt.  Lanqas xagħra waħda ma tintiliflu min jistenna d-dehra tad-Dawl ta’ Kristu.

 

Ritornell: Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.

 

  O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

  Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

 

It-Tieni Qari

 

Il-konverżjoni hi proċess, mixja; hi vjaġġ avventuruż li jgħaddik minn toroq li ma tafhomx u li jwasslek f’post li għalkemm smajt li hu tal-għaġeb għax il-mewt hi mirbuħa fih u ma teżistix hemm, u lanqas jeżisti ż-żmien; post fejn jgħammru n-nies li ġew mibdula f’Alla u tlibbsu bin-natura tiegħu... xorta waħda dan il-post għadna ma nafuhx.  Biex wieħed jimxi din il-mixja wara l-Mulej, irid jafda fiH.  Jimxi warajh mingħajr ma jaf fejn se jieħdu, imma din il-mixja jaqbadha wieħed li jemmen il-Wegħda.  Bħalma għamlu l-Maġi.

 

Pawlu kien wieħed mil-kotra bla għadd li f’kull ġenerazzjoni qabdu din il-Mixja wara l-Mulej. Anke lilu, bħall-Maġi u bħal kull Nisrani, l-Mulej għaddih minn toroq li ma kienx jaf bihom biex wasslu f’post li meta lemħu mill-bogħod, esklama b’għaġeb kbir:  “għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet x’lesta Alla għal dawk li jħobbuH!”  (   ). 

 

Hu li kien Lhudi ferventi, sab ruħu jisssejjaħ mhux l-Appostlu tal-Lhud izda l-Appostlu tal-pagani.  Hu diffiċli għalina biex nifhmu kemm kien tqil u ta’ ostaklu għal reliġjuż Lhudi li jaċċetta li s-salvazzjoni ta’ Jahweh kienet mifruxa fuq il-popli kollha u mhux fuq Iżrael biss.  Għal-Lhudi tajjeb, il-barrani, il-pagan, kienu l-klieb, l-imniġġsa, dawk li lanqas biss m’għandek tirfes l-għatba ta’ djarhom għax titniġġeż.   Meta Pawlu daħal fil-profond tal-Misteru ta’ Kristu, huwa fehem li il-ġnus kollha kienu mistieda jgawdu mill-fidwa, mis-salvazzjoni li ġabilna l-Mulej Ġesù.  Dan għalina hu normali.  Għall-Knisja tal-bidu ma kienx u fl-ewwel Konċilju li qatt sar, li kien dak ta’ Ġerusalemm, din kienet kwistjoni taħraq immens.  Pawlu ħambaq kemm felaħ li mhux il-Ġudajiżmu kien li jsalva l-bniedem, lanqas il-kmandamenti ta’ Mose`, lanqas id-drawwiet u l-preċetti Lhud, iżda d-Demm li xerred għalih Kristu.  Min jemmen f’dan isalva u dan jista’ jkun Lhudi, jew Grieg, jew Ruman, jew ilsir, jew ħieles,  jew mara, jew raġel.  L-importanti kien li l-bniedem jemmen li għandu bżonn urġenti ta’ salvazzjoni; li hu mhux kapaċi jsalva lilu nnifsu; u li l-Missier bagħat lil Ibnu biex kull min jemmen fih u fil-merti tiegħu isalva, jista’ jkun l-ikbar kriminal li qatt rat id-dinja.

 

Il-Knisja għarfet li din kienet ir-rieda ta’ Alla.  Din ir-rieda ta’ Alla tant kienet stramba li Pawlu jsejħilha Misteru li qabel kien moħbi lill-bnedmin.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  3, 2-6

 

Ħuti: Jekk, kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta' rivelazzjoni għarrafni l-misteru, bħalma ġa ktibtilkom  fil-qosor. Minn dak li qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalb tal-misteru ta' Kristu. Dan hu l-misteru li  fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri ta' l-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz ta' l-Evanġelju.

 

Evanġelju

 

Min ifittex u jistaqsi jsib.  Bis-Solennita` tal-Epifanija, l-Knisja trid tikkonċentra mhux biss fuq li Kristu ġie għall-ġnus kollha (il-maġi kienu l-ewwel pagani li l-Mulej sejħilhom bi grazzja biex jiskopru lill-Ibnu), iżda wkoll fuq il-bżonn li jkollna xewqa, ħerqa li nfittxu lil Kristu, nistaqsu għalih, nisimgħu liema toroq għandna naqbdu.  L-Epifanija hija wkoll il-festa ta’ dawn in-nies li huma umli għax malajr jammettu li jafu kemm jafu ma jafu xejn.  Huma umli biżżejjed biex jistennew, jistennew u jistennew.  Jimxu, jum wara jum… il-Ħajja kollha jekk hemm bżonn, bl-istess ħerqa u taħbit il-qalb ta’ omm li tfittex lil binha bla ma tista’ ssibu ; bl-istess enerġija ta’ Mħabba tal-Għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet li ħarġet tfittex il-Maħbub tagħha bla ma setgħet issibu.  Hi tgħid : « Jiena fittixt lill-Maħbub ta’ qalbi ; fittixtu mingħajr ma sibtu.  Imma mbagħad jien sibtu lill-Maħbub ta’ qalbi ; għannaqtu miegħi u ma nitilqu qatt ! »  (   )

 

Dan hu l-ispirtu ta’ dawk li jimxu bin-nhar u bil-lejl sakemm jarawH riesaq lejhom.  Kemm inżul u tlajja.  Kemm tħeġġiġ ta’ Fidi u kriżijiet ta’ Fidi.  Kemm widien, kemm għoljiet.  Kemm tamiet.  Kemm qtigħ il-qalb.  Ġeremija jgħid lill-Mulej : « Isseduċejtni, Mulej !  U jien ħallejtek tisseduċini ! »  (   ).  Madre Tereża ta’ Kalkutta titkellem b’għafsa ta’ qalb fuq kemm snin għaddiet bi spirtu mitluq, b’ruħha qisha deżert li qatt ma ra ilma, għax Dak li ħabbet kien donnu ħarbilha, ma kellimhiex akar.  Hu żmien dan, li fih ix-xitla tal-Fidi, flok ma tikber u ssir siġra setagħna, tibqa’ tidher dgħajfa għall-għajnejn, imma bla ma ħadd jinduna tkun qed isseħħ ħaġa tal-għaġeb : tkun qed tniżżel l-għeruq dejjem iktar ’l isfel, ’l isfel fejn issib l-ilma moħbi taħt l-art.  Imbagħad jiġi żmien meta tistagħna fuq l-art u ssir siġra li l-ebda riefnu ma jista’ għaliha u n-nies tistagħġeb b’saħħitha. 

Dan kollu ġarrbuh il-Maġi fil-vjaġġ tagħhom.  Tilfu l-kewkba ; reġgħu sabuha. Iltaqgħu ma’ nies li għenuhom.  Iltaqgħu ma’ nies li ħawduhom.  Tħeġġu għax ħassew li qed joqorbu.  Qatgħu qalbhom għax ma kinux jafu liema triq se jaqbdu.  Imma fl-aħħar sabuħ lil Dak li qalbhom ħabbet u fettxet u ma’ Xmun, ix-xwejjaħ tat-Tempju, setgħu jgħidu : « Issa Missier, tista’ tħalli l-qaddejja tiegħek jitilqu fis-sliem skont kelmtek għax għajnejna raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha…  (   ).  Hajjithom sabet sens fi Kristu.

 

Versett : Hallelujah. Rajna l-kewkba tiegħu fil-Lvant, u ġejna nqimu l-Mulej.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  2, 1-12

 

Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh." Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

 

                'U int, Betlehem, art ta' Ġuda,

                 le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda

                 għax minnek joħroġ mexxej

                 li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'

 

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu." Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 
< Prev   Next >