Din
hija il- Liturgija ta t-Tieni Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ġesù
Kristu ma ġiex fid-dinja biex iwaqqaf reliġjon oħra. Il-bniedem minn dejjem fettex lil Alla u ta’
dan għandna provi fil-fdalijiet li ħallewlna, kitbiet u tempji. Kull ġens u razza għamlet li setgħet biex
tilmaħ xi ftit mill-verita` għax kull bniedem kien imdawwar bil-perikli u kull
bniedem kien iġorr ġewwa fih ir-rejalta` dgħajfa tiegħu. Il-bżonn li jħares ’il fuq għall-għajnuna ġagħlet
lill-bniedem jimmaġina, għax ma kien jara xejn ħlief dlam. Għalhekk kull ġens kellu r-reliġjon tiegħu u
l-immaġinazzjoni tal-bniedem, li dejjem kienet fertili, ġarritu magħha u f’isem
il-qima tiegħu lejn Alla, ivvinta ħafna allat, ħafna ħmerijiet u anke ħafna
qżiżijiet. Moħqrijiet u vjolenżi kbar
wettaq il-bniedem fil-ħerqa tiegħu li jogħġob lil allatu biex dawn jgħinuh
fil-għotja ta’ frott ir-raba’, fil-mard li ma kienx jifhem, fil-gwerer kontinwi
tiegħu u fil-ħarsien mill-vjolenzi u t-traġedji tan-natura bħal għarar,
terremoti u l-bqija.
Fi
Kristu, Alla niżel jimxi fit-toroq tagħna biex juri lill-bniedem il-verita` li
dejjem fettex u li hu ma setax isib.
Il-bniedem għamel progressi enormi f’kull qasam minn żmien it-tempji
megalitiċi ’l hawn, imma lil Alla qatt ma kellu ċans jiskoprih li kieku ma
kienx Hu li ġie jfittxu u jdawlu. L-għan
ta’ Kristu, nerġa’ ngħid, ma kienx li jwaqqaf ‘reliġjon’ oħra. Mad-dehra tiegħu żmien ir-reliġjonijiet
spiċċa għax, għalkemm il-bniedem baqa’ ggranfat magħhom (u wara Kristu ivvinta
oħrajn, bħall-Islam), it-tfittxija tal-bniedem għal Alla ġiet fi tmiemha, għax
Alla sab lill-bniedem u wrieh lilu nnifsu.
Hu veru li għadna ma fhimniex il-Misteru sħiħ ta’ Kristu, u nkomplu
nikkontemplawh u ngħarbluh u nikbru fih sal-aħħar taż-żmien, imma dak kollu li
l-Missier kellu x’jurina fuqu nnifsu, urihulna f’Ibnu.
U lil
Ibnu urihulna Ġwanni l-Prekursur tiegħU.
L-aħħar fost il-profeti ġabar il-Misteru tal-Miġja ta’ Alla fid-dinja bi
frażi waħda li baqgħet famuża: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub
tad-dinja.” (Ġw. 1, 29). Ilkoll kemm aħna, min ftit, min wisq, naħsbu
dwar min hu Alla. Alla hu Mħabba,
tgħidilna l-Iskrittura (Ġw. 4, 16), imma
dan hemm bżonn li ngħixuh, li jkollna esperjenza tiegħu. Fuq l-Imħabba kulħadd iparla kemm irid, imma
l-qalb li hemm f’sider il-bniedem temmen biss jekk hi ‘tara’, tħoss, tgħix din
l-Imħabba. L-Imħabba, jew tesperjenzjaha
jew ma titwemminx. Ilaqqat wisq fuq
wiċċu l-bniedem matul ħajtu, u l-esperjenza tad-dinja hi katekeżi li l-ħin
kollu tgħidlu li jekk ma jaħsibx hu għalih innifsu ħadd ma jaħseb għalih. Jiġu mumenti meta kull maħluq iħossu għal
kollox waħdu, u donnu li anke Alla staħba wara s-sħab u telqu. Huwa għalhekk li l-egoiżmu huwa fenomenu
mill-aktar naturali fil-bniedem.
L-egożimu hu magħġun fina, jiġri fil-vini tagħna, jitħallat mad-demm li
hu ħajjitna. Il-bniedem kapaċi
jiddixxiplina lilu nnifsu, jikkontrolla lilu nnifsu, jimmansa lilu nnifsu, imma
issa jew imbagħad, l-egoiżmu tiegħu (is-‘survival instinct’ tiegħu) se
jiddominah u jġagħlu jwettaq il-ħmerijiet, l-aktar meta jħossu mhedded.
Il-missjoni
ta’ Kristu huwa li jaqla’ minn ġo qalb il-bniedem dan id-dlam, dan l-istint
sikwit vjolenti, dan id-dubju, din l-“anti-mħabba”, dan id-dnub, u minflok
iħawwel il-Fidi li Alla hu Missieru, li jħobbu ħafna, ħafna, li kollox se
jispiċċa tajjeb, li m’għandux għalfejn jerfa’ l-ponnijiet biex jiddefendu ruħu
għax hu se jgħix għal dejjem. Ġwanni ra
xi ħaġa tal-għaġeb li tinteressa mmens lil kull wieħed minna. Fi Kristu ma rax profeta, ma rax predikatur,
ma rax wieħed li jagħmel il-mirakli, ma rax sempliċi bniedem ġust, imma ra
l-Ħaruf ta’ Alla li għal kull Lhudi kien ifisser xi ħaġa kbira u enormi. Alla li hu iljun b’saħħtu dejjem rebbieħ,
isir Ħaruf dgħajjef biex il-bniedem ikollu biex iħallas il-prezz
tal-Ħajja. L-Iljun sar Ħaruf, Alla sar
bniedem mogħti f’idejn min jaħqru, biex il-bniedem jużaH bħala offerta ta’
tpattija u jsib is-sliem miegħu nnifsu, mal-oħrajn u ma’ Alla.
L-Ewwel
Qari
Fl-ewwel
qari li għandna, niltaqgħu mat-Tieni Għanja tal-Qaddej li ħallielna
Isaija. L-erba’ Għanjiet tal-Qaddej li
tana dan il-Profeta huma profeżija u
dawl fuq liema kienet il-missjoni ta’ Alla magħmul bniedem fi Kristu. Alla ġie biex jaqdi lill-bniedem u jfejjaqlu
l-ġrieħi l-aktar profondi li għandu, prinċipalment il-biża’ tal-mewt. Dan il-biża’ kellu jitneħħa minn qalb
il-bniedem b’mod wieħed: b’manifestazzjoni tal-għaġeb li l-mewt ġiet mirbuħa
darba għal dejjem. Dan l-Iljun li sar
Ħaruf, intreħa f’idejn sidt il-bniedem li hi l-mewt, u ħaliha tibilgħu, imma
sar għaliha l-velenu li qatilha, u dan il-velenu kien il-Qawmien tiegħu.
L-Għanjiet
tal-Qaddej iħabbru minn qabel il-falliment tal-Messija fejn jidħol is-suċċess
uman. Hu ma ġiex biex jinqeda imma biex
jaqdi. Ma ġiex biex jilgħab
bl-affarijiet li jgħaxxqu lill-bnedmin, imma biex jidħol fl-għar mudlam fejn
jgħammar il-monstru li jbeżżgħu. Hu ma
ġiex biex isolvi l-bżonnijiet materjali ta’ Iżrael, imma biex juri li l-għadu
ta’ kull ġens hu gidba u hekk isir Dawl, mhux għal Iżrael biss imma
għall-ħolqien kollu. Imma din li l-mewt
hi gidba u li hu mhux vera li jmut, anke jekk ġismu jitmermer, il-bniedem ma
jemminhiex hekk... tassew li mhux faċli li titwemmen. Biex jemmen, il-bniedem irid ‘jara’, mhux
bil-fors bl-għajnejn tal-ġisem.
Il-bniedem ‘jilmaħ’ din ir-rebħa fuq il-mewt, u l-ingann li dejjem
seraqlu l-ferħ tal-Ħajja, bl-għajnejn tal-Fidi, li hi rigal enormi li jinagħta
minħabba l-merti ta’ Kristu. Meta
l-Missier qajjem lil Kristu u għamlu rebbieħ fuq id-dlam tal-bniedem, għamlu,
fuq kollox, Spirtu li jinagħta. Għall-ewwel
darba il-bniedem beda jirċievi Spirtu qawwi ġewwa fih li jikkonvinċih li hu
maħbub u li l-wirja ta’ din l-Imħabba hi l-Ħajja għal Dejjem, li hu se jgħix
għal dejjem.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 49, 3. 5-6
Il-Mulej qalli:
"Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar."
Issa tkellem il-Mulej,
li minn ġuf ommi għamilni
qaddej tiegħu,
biex għandu nraġġa' lura 'l Ġakobb,
u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,
għax jien kont imfaħħar f'għajnejn il-Mulej,
u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.
Hu qalli:
"Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
biex
tqajjem it-tribù ta' Ġakobb,
u traġġa' lura l-fdal ta' Iżrael.
Jien
nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex."
Salm Responsorjali
Salm 40 huwa Salm importanti ħafna għalina l-Insara. Jitkellem b’qawwa fuq it-Tama u l-Fiduċja
tas-Salmista li kellu esperjenza u kien jaf xi tfisser il-frażi “bir waħxi” li
huwa juża għal sitwazzjoni tal-biża’ li għadda minnha. Imma f’mument minnhom hu jgħid xi ħaġa
kbira. Aħna naħsbu li hi responsabilta`
tagħna li nagħmlu li nistgħu biex bit-tajjeb tagħna nippruvaw nimpressjonaw
lill-Mulej u nrattbulu qalbu, u bħal speċi ngħinuh iħobbna u jħares lejna bi
ħniena. Li l-bniedem irid jagħmel xi
ħaġa hi magħġuna fil-psikoloġija tiegħu.
Għall-ħwejjeġ tad-dinja dan jgħodd, imma għal Alla le! Fejn jidħol Alla irridu nidħlu f’raġunar
ieħor li mhux naturali għalina. Mhux
l-offerti tagħna, it-tqanżiħ tagħna, is-sagrfiċċji tagħna, il-ħajja morali
tajba tagħna li jikkonvinċu lil Alla biex iħobbna. Alla m’għandux dawn il-provi biex
iħobbna. Alla jkun ġa ħabbna qabel ma
bdejna noffrulu l-affarijiet aħna. Anzi,
ħafna drabi l-offerti tagħna, anke jekk jiswewlna ħafna, jidhru tant banali,
tat-tfal. L-Imħabba ta’ Alla għalina hi
‘gratis’, b’xejn. Alla jħobb għax iħobb
u mhux għax il-bniedem ikun tajjeb. Anzi
Hu jħobb kemm lit-tajjeb u kemm lill-ħażin.
Il-ħalliel li salva fuq is-salib ma kienx aħjar mill-ieħor, ma kellux
opri tajba x’juri u lanqas bagalji mimlijin biex jurihom lil Alla meta jmur
quddiemU. Ma kellu xejn. U mar il-Ġenna! X’ġara?
Hu nduna, u l-ieħor le, li fi Kristu li kien qed imut miegħu, Alla ħabbu
hekk kif inhu. Dan hu misteru! Imma dal-misteru jsir ċar f’moħħna
bil-Grazzja! Il-ħalliel “it-tajjeb” tbellah
quddiem is-Sorpriża li hu kien maħbub. Ħadd ma ħabbu f’ħajtu, imma fl-aħħar skopra li hu kien minn dejjem maħbub
minn Alla, anke jekk qatt ma offra xejn.
Dan hu li hemm bżonn niskopru.
Dan hu t-Teżor moħbi. Għal dan
twieled fostna l-Messija. Is-Salm jgħid:
“Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti; imma widnejja inti ftaħtli; ma
tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.”
(v. 7). Jgħid li Alla fetaħlu widnejh
biex ikun jista’ jisma’ l-Aħbar it-Tajba li quddiem Alla mgħandux xi
jpatti. Kellu dejn kbir veru, bħal kull
bniedem. Imma ma kellux xi jħallas għax
Xi Ħadd ieħor ħallaslu dejnu kollu.
Kristu sar Ħaruf biex iħallsilna kollox.
Aħna ġusti quddiem Alla! Mhux
bl-offerti tagħna imma bil-Fidi tagħna fid-Demm glorjuż ta’ Kristu. Kemm aħna sinjuri! X’waħda din, kemm aħna għonja! Fil-bank ta’ Alla hemm id-Demm ta’ Kristu
investit f’isimna!! X’ma jgħidx
in-Nisrani: “Hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek!” Hija l-Aħbar it-Tajba biss li tbiddel qalb
il-bniedem. Lilek, Alla jħobbok
hekk kif int. Jekk temmen dan, qalbek tinbidel u tiskopri
li fi Kristu hu faċli tħobb, hu faċli tkun ferħan, hu faċli tgħix ħajja morali
tixbah lil ta’ Kristu.
Ritornel: Hawn jien, Mulej, ġej
nagħmel ir-rieda tiegħek.
Salm 40
Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama' l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.
Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej.
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."
Xandart il-ġustizzja f'ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu.
It-Tieni Qari
Il-qari minn San Pawlu hu qasir. Hu l-introduzzjoni tal-Ewwel Ittra tiegħu
lill-Korintin. Lil Pawlu, kien Alla li
sejjaħlu. Mhux hu għażel lil Kristu imma
Kristu għażel lilu. Dan hu
mportanti. Kull Qaddis, mhux hu li
għamel lilu nnifsu Qaddis imma kien Alla li, bil-grazzja li tah, għamlu
Qaddis. Alla jistenna l-“Iva!” tagħna,
veru, anżi jistenna “Iva!” qawwija u ħierġa minn qalb konvinta li f’Alla biss
hemm il-Ħajja. Ma jridx risposti ta’
“Iva” u “Le”. Ma jridx kalkoli. Lil Alla jgħidlu “Iva!” qawwija u sħiħa dak
biss li ‘ra’ l-Imħabba gratis li Alla għandu għalih. Ħadd ma jħobbok ‘gratis’, hekk kif int
bid-difetti b’kollox: la l-mara, la r-raġel, la uliedek, lanqas il-ġenituri
tiegħek. Hemm limitu, ‘line’, safejn
tista’ tasal l-imħabba umana.
Lilek Alla jħobbok hekk kif int u hija din l-iskoperta li tagħmilna
kapaċi nagħmlu ħwejjeġ kbar għaliH. Jekk
ma nkunux ċerti dwar dan, nibqgħu “nies tal-Knisja” kemm trid, imma dejjem
nitqanżħu, dejjem irridu ngħoġbu, dejjem nagħmlu ħwejjeġ għax iridu jsiru, xi
trid tagħmel.
Għal Pawlu, l-Insara ta’ Korintu kienu “dawk li
tqaddsu fi Kristu Ġesù” (v. 2). Ma tqaddsux fl-għemejjel tagħhom, imma kienu
jagħmlu għemejjel qaddisa għax tqaddsu fi Kristu. Tqaddsu għax emmnu li Kristu, l-Iljun biex
jirbaħ sar Ħaruf biex ibati ħalli ma jbatux huma; biex iħallas ħalli ma
jħallsux huma; biex imut ħalli ma jmutux huma.
L-Ispirtu ta’ Kristu dawwalhom b’tali mod li dan kollu sar ċar u ċert
għalihom. Għalhekk l-Insara huma dawk li
“f’kull pajjiż isejħu l-Isem ta’ Ġesù Kristu is-Sid tagħhom.” (v. 2).
Ma jistriħux fuq l-opri tagħhom, fuq il-ftaħir tagħhom, fuq l-enerġija
‘reliġjuża’ tagħhom, imma fuq il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, fuq il-merti ta’
Kristu jistrieħu. Hi din il-Fidi li
taqlagħlna “grazzja u sliem” (v. 3).
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Korintin. 1, 1-3
Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta'
Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja
ta' Alla li qiegħda f'Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, msejjħa biex
ikunu qaddisin flimkien ma' dawk kollha li f'kull pajjiż isejjħu l-isem ta'
Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna: grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u
l-Mulej Ġesù Kristu.
Evanġelju
Ġwanni jgħid: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġw. 1, 29).
Mhux igħid. Mhux qal. Iktar naħseb li pproklama b’leħen għoli. Nimmaġina lil Ġwanni jimtela b’tensjoni u
żelu waqt li jagħti xhieda qawwija ta’ dak li dawwlu bih l-Ispirtu
s-Santu. Hi esperjenza tal-għaġeb tkun
imdawwal mill-Ispirtu s-Santu! Ġwanni
joħroġ driegħu, itawwal driegħu, u lil sħabu jurihom b’saħħtu kollha
l-Messija. Huwa kien mimli bl-Ispirtu
ta’ Elija li kien profeta mimli ħeġġa u għajjur għal Isem il-Mulej.
Il-Prekursur kien messaġġier ta’ qawwa.
Żgur li dawk li semgħuh ma kinux jibqgħu qishom semgħu xi priedka oħra,
imma, bħalu, kien jimtlew bil-ħeġġa u jsiru Nar jaqbad! Iżrael kollu kien fuq ix-xwiek minħabba
l-predikazzjoni qawwija ta’ Ġwanni.
Kulħadd kien qed iħoss li ż-żmien kien wasal, li l-milja taż-żmien
kienet waslet, u l-Messija kien se juri ruħu.
Mhux ta’ b’xejn li fil-festa tal-Epifanija li għadna kif iċċelebrajna,
l-Knisja tfakkar mhux biss fiż-żjara tal-Maġi, imma wkoll fil-Magħmudija ta’
Kristu minn Ġwanni u fit-Tieġ ta Kana, għax f’dawn it-tliet okkażjonijiet
imbierka, l-Mulej were ruħU, were min Hu, irrivela ruħu lil Iżrael li kien ilu
tant jistennih.
Meta Ġwanni jgħid “Araw il-Ħaruf ta’ Alla!” kien qed igħid xi ħaġa tassew
ispirata u l-kontra ta’ dak li kien jaħseb il-poplu u l-mexxejja tiegħu dwar
il-Messija li kellu jiġi. Ġwanni kien
imdawwal minn Alla għax it-tagħlim tiegħu meta għalmuh it-Torah, meta missieru
beda jħarrġu fil-Fidi, dan kollu kien ippuntat lejn it-tama ta’ Iżrael
f’Messija li kellu jkun Sultan rebbieħ f’din l-art fuq l-għedewwa reali tal-pajjiż
u li kellu jwaqqaf is-Saltna tiegħu għal dejjem. Imma malli semma l-frażi: “Il-Ħaruf ta’ Alla”
Ġwanni mill-ewwel ipponta sebgħu għall-Qaddej ta’ Jahweh li dwaru smajna
fl-ewwel qari.
Il-Lhud kien jafu xi jfisser
“il-Ħaruf ta’ Alla”. Il-Ħaruf kien
ċentrali fl-esperjenza li kellhom tal-Għid meta ħarġu mill-Eġittu. Il-ħaruf kien l-annimal innoċenti li ġie
maqtul fl-Eġittu, hawn il-lejl qabel il-ħruġ mill-jasar. Id-demm tal-ħaruf kien jaħti li Iżrael ma
ntmessx mill-epidemija qerrieda li messet id-djar kollha fl-Eġittu barra dawk
li kellhom bwiebhom imċappas bid-demm tal-Ħaruf. L-Anġlu tal-Mewt beża’ mid-demm
imċappas. Qegħdin naraw x’intuwizzjoni
kellu Ġwanni fuq il-Messija? Huwa nduna
li dak li ġara fl-aħħar lejl tal-poplu fl-Eġittu kien biss xbiha minn qabel
tal-missjoni vera tal-Messija. Hu mhux
biex jarma armata u jirbaħ il-gwerer kien ġie imma biex imut għall-poplu, biex
id-Demm tiegħu isalva lil dawk kollha li jemmnu mill-mewt ta’ dejjem. In-Nisrani jemmen fi Kristu u għalhekk għandu
xofftejh imċappsin bid-Demm tiegħu u l-mewt tibża’ minnu!
Ġwanni xehed ukoll li Ġesù kellu jgħammed bl-Ispirtu. Dan għammlu wara l-Qawmien tiegħu
mill-mewt. Kollox frott tal-Misteru
tal-Għid. L-Ispirtu ma nagħtax qabel ma
Kristu rebaħ il-mewt. Mal-Qawmien, Hu
ġie magħmul Spirtu li jinagħta lil dawk li jemmnu fih. Huma jeħilsu mill-mewt għaliex id-Demm ta’
Kristu, li aħna nirċievu flimkien ma’ Ġismu fl-Ewkaristija, huwa l-garanzija
għall-Ħajja dejjiema.
Versett: Hallelujah.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’; inti għandek
il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. 1, 29-34
L-għada Ġwanni ra
lil Ġesù riesaq lejh, u qal: "Araw il-Ħaruf ta' Alla, li jneħħi d-dnub
tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom,
'Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.' Anqas
jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun
mgħarraf lil Iżrael."
U Ġwanni xehed
għalih u qal: "Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod
fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu;
imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, 'Fuq min tara l-Ispirtu jinżel
u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.' Dan rajtu b'għajnejja, u
għalhekk xhedt, 'Dan hu l-Iben ta' Alla.' "
|