Friday, 22 September 2017
           
Home
IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2017) META ALLA JZUR LILL-BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 January 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 gesu_jghazel_l-appostli.jpg

 

Il-bniedem ma jissaportix il-vojt ġewwa fih.  In-nies toqtol ruħha b’idejha jekk ma tara xejn li jinteressaha fil-Ħajja.  Jien u int nifilħu nġarrbu ħafna affarijiet: tant nies għaddew minn traġedji enormi, minn aħbarijiet li jwaħħxu, mard terminali, uġigħ, il-mewt ta’ xi ħadd li kien jimla l-Ħajja.  Kollox jissaporti l-bniedem, għax Dak li ħalqu żera’ fih qawwa enormi, istint li jgħinu jiggranfa mal-Ħajja, jiddefendiha b’kulma għandu.  Imma meta l-Ħajja titlef kull interess, meta xejn ma jibqa’ jogħġbok, meta pruvajt kollox, jew almenu ħafna affarijiet li għall-ewwel għoġbuk, u wara sibt li kollox hu duħħan u ġiri wara r-riħ... dan hu l-mument tad-dlam u l-bniedem ma jibqax jiddefendi iżjed lil Ħajtu għax saret xejn għalih; anzi l-mewt tidher iktar attrajenti!  Fil-mewt jibda jara dik li ssolvilu l-waħx ta’ ġo fih.  Dan l-imsejken jinduna li l-infern tassew jeżisti u jibda minn hawn.

 

Għalhekk, għall-bniedem hu tant importanti li, jew jaljena ruħu, jew isib il-verita` tal-Ħajja li timburġah bis-sens tal-eżistenza.  Importanti li tgħaddi ż-żmien, jgħidulek.  Tqatta’ ż-żmien.  Tqattgħu: litteralment teqirdu, għax iż-żmien kapaċi jeqred lilek.  Kif tgħid l-Iskrittura: il-bniedem imsejken x’ħin jisbaħ jgħid meta se jidlam, u x’ħin jidlam jgħid meta se jisbaħ.  Ħafna jiskunġraw iż-żmien billi jivvintaw idoli, allat foloz, u jiddedikaw għalihom ħinhom u l-enerġija kollha tagħhom.  Dawn l-idoli jistgħu ikunu l-flus, is-suċċess, il-poter, is-saħħa fiżika, iż-żina u s-sess bla kontroll, l-ambizjoni, eċċ.  Imma billi kulma toffri d-dinja għandu s-susa tal-mewt fih, jasal żmien meta l-bniedem jiskopri li ħela Ħajtu.  Dan jista’ jkun mumenti għal kollox negattiv u ikrah, jew inkella mument fejn wieħed jista’ jbiddel ir-rotta ta’ tiegħu.

 

 

Imbierek u hieni l-bniedem li fil-kriżi ta’ Ħajtu jiskopri t-Teżor li hu Kristu!!  Alla hu sid l-Istorja u huwa Hu li jibgħat il-kriżijiet fil-Ħajja biex fihom jiġi u jiltaqa’ mal-bniedem.  “Mill-Eġittu sejjaħt lil Ibni!”  (Mt. 2, 15).  L-Eġittu tagħna huwa l-waqt tal-jasar, tad-dieqa, ta’ meta tħossok magħluq ġo gaġġa u m’għandekx ħila toħroġ u ttir u tgħix il-Ħajja sabiħa li kellu f’moħħu għalik Alla.  L-Eġittu hu ż-żmien tad-dlamijiet, tal-falliment, tad-dippressjoni.  Kemm nies ħataf il-Mulej minn ġol-qalba tal-Eġittu u tahom ħelsien ġdid, Ħajja ġdida, sens ġdid ta’ kollox, aptit u ħeġġa biex wieħed jerġa’ jgħix!  Kemm hu sabiħ Alla!  Kemm hu tal-għaġeb dak il-mument meta wieħed jinduna li hu maħbub b’imħabba totali u eterna, għal dejjem, minn Alla li ħalqu.  Għal dan il-bniedem  kollox isir ‘ġdid’, kollox jieħu l-kulur.  Għalhekk l-antifona tal-Ewkaristija tal-lum tgħid: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida; għannu lill-Mulej fl-art kollha!  Ġmiel u sebħ huma quddiemu, qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.”  (S. 95, 1.6). 

 

Din hi l-isbaħ esperjenza li jista’ jkollu l-bniedem.  Dan hu Twelid Ġdid.  Jgħib għal kollox is-sħab iswed tad-dippressjoni u jinduna li x-xemx tal-imħabba ta’ Alla kienet dejjem hemm għalih imma moħbija wara s-sħab.  Kif skopra li l-infern jibda minn hawn, issa jesperjenzja l-Ġenna minn hawn ukoll.  Dan iseħħ fil-bniedem meta jiġi Alla.  Mhux aħna nsibu lilU imma Hu jsib lilna. Jinżel ifittixna u jixxotta d-dmugħ tagħna kollu.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla ġie jżur lill-bniedem fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret, li iktar tard beda jissejjaħ “il-Kristu”, jiġifieri “il-Midluk” tal-Mulej, Dak li d-dinja kienet qed tistenna bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas.  U anke aħna ninsabu fl-uġigħ tal-ħlas waqt li qed nistennew li ngħarfu dejjem iktar dan il-Misteru li l-Missier jixtieq jurihulna, jiġifieri s-salvazzjoni li hemm lesta għalina fi Kristu Ġesù.  Min huma dawk li huma msejħin mill-Missier  biex jiġu mmarkati minn Kristu, biex iħollu l-faxex li hemm jaħbu dan it-Teżor tal-għaġeb u jidħlu fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn?  Huma dawk li bħall-art ta’ Żabulon u Naftali jafu x’inhi l-umiljazzjoni tal-falliment, ġarrbu l-uġigħ li jkunu mwarrba, għaddew mill-forġa tad-dieqa jew jinsabu issa stess imdawrin bid-dlamijiet ta’ qalb maqsuma.  Dawk li huma mxaħxħin fuq l-imtieraħ rotob tas-suċċess, tal-għana, tal-poter, tal-fama, tal-pjaċiri bla rażan... dawn ma jinteressahomx Kristu.  Jaħsbu li sabu kollox. Lil Kristu jħalluh għal dawk li għalihom huma dgħajfa, bla siwi u li jħarsu lejhom qishom dubbien.

 

Imma Alla jrid jagħmel l-għeġubijiet bid-dgħajfin biex iġib fix-xejn lil dawk li jaħsbu li huma xi ħaġa.  Jekk inti tħossok vojt; jekk fittixt il-Ħajja, il-milja tal-Ħajja, il-ferħ, u bqajt b’xiber imnieħer, agħmel kuraġġ u kun af li d-dieqa tiegħek ġejja minn ħaġa waħda: int miktub biex issib lil Kristu imma għadek ma sibtux.  Dan hu d-dwejjaq tal-bniedem.  Aħna naħsbu li x-xorti ħażina tagħna hi li m’għandniex flus biżżejjed biex nixtru li rridu, jew li m’għandix tfajla, jew li ż-żwieġ tiegħi mhux sejjer kif irridu jien, jew li jien marid, qed nixjieh... Id-dieqa vera tiegħek hi li inti mmarkat biex tiskopri l-ħelsien fi Kristu, biex tiġi mgħarraq fl-Imħabba tal-Missier murija fi Kristu, u dan kollu għadu misteru għalik, paroli, teorija sabiħa... u xejn aktar.  Dan hu l-veru luttu tal-bniedem.

 

Imma jiena ngħidlek li għad jasal mument, u forsi hu qrib, fejn int se tiġi mdawwal b’rigal mogħti lilek b’xejn u jseħħu fik il-kelmiet li se nisimgħu minn Isaija: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl kbir idda fuqhom.  Int kattart il-hena u kabbart il-ferħ tagħhom!”  (v. 2).  Dakinhar int tinduna kemm kont iblah li pruvajt taqta’ l-għatx tiegħek bil-perżut.  Dur lejn Kristu!  Itolbu jidħol f’Ħajtek!  Inżel għarkupptejk, kun umli u ammetti li fittixt fejn fittixt, il-ferħ ma sibtux u qalbek għadha vojta.  Il-vojt tiegħek qiegħed jistenna lil Dak li waħdu kapaċi jimlieh.  U tara kif Hu jkisser il-madmad (hu x’inhu) li għandek fuq spallejk u li qed itaqqallek il-Ħajja.  Kristu jaqsam fi tnejn il-ħatar li bih int imsawwat.  Huwa jwerwer ix-xjaten li, x’ħin jiġi l-waqt tagħhom, huma bla ħniena u jsawtuk bi ħsibijiet qerrieda: “Int ma tiswa għal xejn!  Ara dak sieħbek, kollox jiġih tajjeb!  Lilek ħadd ma jħobbok!  Int se tibqa’ ħajtek kollha fuq wara, mwarrab!”  Kristu jsawwat lil dawn l-għedewwa tiegħek u jurik li int tiswa mmens, int tiswa d-Demm tiegħu li Hu ta għalik!  Int għażiż quddiem il-Missier li jrid jagħmlek ferħan u ħieles.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  9, 1-3

 

Il-poplu li kien miexi fid-dlam

ra dawl kbir;

in-nies li joqogħdu f'art id-dlam

dawl idda fuqhom.

 

Int kattart il-ġens,

kabbart l-hena;

huma ferħu quddiemek,

bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,

bħalma jifirħu fi qsim il-priża.

 

Għax il-madmad li kien itaqqlu,

u l-ħatar ta' fuq spallejh,

u l-bastun ta' l-argużin,

int kissirthom bħal f'jum Midjan. 

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmista skopra xi ħaġa tal-għaġeb : li l-Imħabba ta’ Alla tant hi kbira, tant hi rejali, li tkeċċi ’l barra l-biża’.  B’Alla magħna min hu kontra tagħna ?  Jekk Alla hu Missieri, l-Abba, il-Pa tiegħi, minn min għandi nibża’ jien ?  Quddiem min għandi nitwerwer ?  Kif qatt tista’ d-dippressjoni u l-qtigħ il-qalb jersqu lejja meta favur tiegħu u nnamrat miegħi għandi lil Dak li hu l-għajn tal-Ħajja u ta’ ferħ il-bniedem ?  Ħaġa waħda jitlob il-Mulej mingħandna : li niftħu għajnejna u nindunaw li m’hemm xejn fil-Ħajja iktar importanti minnU.  Inqegħdu lilU fl-ewwel post għax minnu jiddependi kollox.  Fittex lilU l-ewwel u qabel kollox, mhux biex tagħtiH xi ħaġa, għax minn tiegħek m’għandu bżonn xejn, imma biex int tirċievi mingħandu dak li hu kollox.  Il-ħlewwa tiegħU tisboq il-ħlewwiet kollha li bihom ħolmot qalbek.  Jekk bdejt tinduna li tasssew Hu biss jista’ jimla lil qalbek, hieni int.  Qrib tiegħek qegħda s-salvazzjoni li tibda minn hawn stess.

 

  Ritornell : Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

 

Salm 27

 

  Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;                                           

minn min għandi nibża'?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer?

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f'dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta' ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej

                                                              f'art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej.

 

It-Tieni Qari

 

Min tassew jiskopri l-Imħabba b’xejn ta’ Alla għalih; min jiddawwal fuq dak li Kristu għamel għalih biex ħallaslu dejnu u ħafirlu ħtijietu bl-offerta tiegħu fuq il-Kalvarju, dan il-bniedem isir umli u jġorr f’sidru qalb maqsuma bl-indiema għax lil Alla swewlu tant l-iżbalji tiegħu.  Dan il-bniedem, li hu Nisrani veru, ma jiftaħar b’xejn għax jaf li kulma għandu jafu lil Alla li ta saħansitra lil Ibnu l-Waħdieni biex hu jkun jista’ jirbaħ il-mewt u jgħix għal dejjem.  Min jiskopri lil Kristu ma jistax jibqa’ marbut mal-ħmerijiet tad-dinja, mal-bluha tal-partiti parrokkjali jew politiċi, mal-passjonijiet tal-piki u l-firda.  Dawn kollha huma frott suppervja stupida li tgħammar f’dawk li għadhom trabi u ma jafux A minn B dwar Kristu.

 

Fi żmien Pawlu kien jeżistu dawn il-ħmerjiet tal-piki!  L-immaturita` spiritwali kienet hemm ukoll u kienet tnikket lil qalb l-appostlu.  Huwa jċanfar lilna jekk naqgħu fil-ftaħir u naħsbu, bħall-boloh tad-dinja, li aħna aħjar minn xi ħadd.  Dawn huma ħwejjeġ tal-art.  Kristu qed jistedinna li nkunu bnedmin “ċelesti”, tas-sema, jekk tassew skoprejna xi ftit il-qawwa tal-Magħmudija tagħna.  Aħna ġejna meħlusa bi prezz għoli!  Mhux suppost għandna moħħ il-ħmerijiet tad-dinja li tehda timpika, tiddandan u tirbaħ lill-ieħor.  Dawn inħalluhom għall-pagani.  Min ġie jżuru Alla skopra dak li l-pagani lanqas biss jissuspettaw li jeżisti.  Għalhekk il-mentalita` tan-Nisrani hi dejjem differenti minn tal-bqija u lilu ħadd ma jifhmu.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  1 Kor 1, 10-13. 17

 

 Nitlobkom, ħuti, f'isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u      ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.  Ħuti, in-nies ta' Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim:  irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid, "Jiena ta' Pawlu," "U jiena ta' Apollo,"   "U jiena ta' Kefa," "U jiena ta' Kristu."  Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f'isem Pawlu tgħammidtu?

 

Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta' Kristu.

 

Evanġelju

 

Żabulon u Naftali, l-artijiet li semmejna fil-bidu, jinsabu fil-parti tal-Art Imqaddsa li tissejjaħ il-Galilija. Kienet art id-dlam għax kienet l-ewwel li sofriet l-Eżilju u ġew jgħammru fiha nies barranin u pagani.  Imma fejn kotor id-dlam, kotor fuq li kotor id-Dawl għax Alla jħobb jinqeda bid-dgħajjef u l-imwarrab u b’dak li l-oħrajn ma jqisuhx, biex juri l-Glorja tiegħu.  Mill-qalba ta’ din l-art ”lura” feġġ il-Messija misenni.  Kien hawn li Alla qabbad in-nar tal-Kristjaneżmu, tal-Evanġelju.  Alla żar il-poplu tiegħu l-ewwel propju f’dawn l-inħawi li dwarhom l-bqija tal-pajjiż kienet tgħid:   ”U x’qatt ħareġ tajjeb minn hemm!”  Tal-għaġeb kif jaħdem Alla!

 

U n-nies li Kristu fettex ma kinux l-istudjużi tal-Iskrittura jew dawk li kienu jmexxu l-liturġija qaddisa fit-Tempju fejn kienet tgħammar ix-Xekinah, il-Preżenza ta’ Alla.  Kienu sajjieda li aktarx kienu wkoll jabbandunaw is-sinagoga jekk it-temp kien jurihom li kien hemm ċans tajjeb ta’ qabda ħut gwappa.  L-għażla ta’ Alla hi dejjem ”gratis”.  Hu jħobb jagħti b’xejn, bla mistħoqq, bla merti. 

 

Lilna jgħaġġibna l-mod xott kif il-Vanġelu jiddiskrivi d-deċiżjoni f’daqqa tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù li jabbandunaw kollox, jabbandunaw lil missierhom u jitilqu wara dan Ġesù. Aktarx li diġa kienu ġew influwenzati mill-predikazzjoni ta’ Ġwanni, l-Prekursur ta’ Kristu, imma l-qari irid jenfasiżża kemm qawwa għandu l-Ispirtu s-Santu fuq qalb il-bniedem. 

 

Din id-deċiżjoni tal-appostli ma kinitx xi ħaġa mbuttata mill-ġenerożita` tagħhom, mill-qalb tajba tagħhom: ”Ara kemm kienu nies twajba, kienu lesti li jissagrifikaw kollox biex jobdu lil Alla!”  Le!  Kien Alla li messilhom qalbhom, bidlilhom qalbhom, u meta Alla jmisslek qalbek, int tara kollox b’mod differenti.  Dawn in-nies kienu ġew immarkati għall-Għażla saħansitra minn qabel ma nħalqet id-dinja.  Dak li għal ħaddieħor jidher li hu att erojku, għall-bniedem milqut mill-Ispirtu hu naturali.  Id-dixxipli ma setgħux ma jmorrux wara Kristu, anke jekk il-bniedem hu dejjem ħieles li jirreżisti l-Grazzja. 

 

Hu mportanti li aħna nifhmu xi ftit kemm qawwija hi l-Grazzja ta’ Alla.  Għax anke aħna l-Mulej qiegħed jaħdem magħna biex bil-mod il-mod iqarribna lejn l-iskoperta tat-Teżor veru tal-Ħajja li hu Kristu Ġesù.  Min jasal għal dan ibigħ  kulma għandu biex jixtri l-aktar ġawhra prezzjuża li teżisti fl-univers; isibha faċli li jtajjar minn fuqu dak kollu li jtaqqlu u jiġri għal wara Kristu.

 

Dak li kiteb dan il-Vanġelu li se nisimgħu kien jaf tajjeb xi jfisser dan li qed ngħidu.  Mattew kien pubblikan, jiġbor it-taxxi u jisraq lin-nies.  Qalbu kienet xrafet għax kien jemmen li bil-flus tixtri kollox.  Il-flus kienu l-Alla ta’ Mattew il-pubblikan!  Jgħaddi Kristu u jgħidlu kelma waħda.  Hu jqum minn fuq il-mejda u jħalli kollox warajh.  Lil Pietru u lil Indri, Kristu qalilhom li flok ħut kienu se jibdew jaqbdu bnedmin.  Ma fehmu xejn, imma qamu u telqu warajH!  L-Ispirtu s-Santu messilhom qalbhom u bidilhielhom. 

 

Ma temminx li dan hu possibbli?  X’temmen mela, li se ssib lil Kristu int, bil-ħila u l-isforzi tiegħek?  Hu għalhekk li Mattew juża ftit kliem biex jiddiskrivi s-Sejħa tal-ewwel dixxipli. Kien jaf li hawn kienet qed taħdem il-Grazzja u quddiem il-Grazzja kollox iċedi u x-xjaten jaħarbu.

 

Versett: Hallelujah. Ġesù xandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna u fejjaq kull xorta ta’ mard fil-poplu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  4, 12-

 

Meta Ġesù sama' li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta' Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

 

                        'Art ta' Żebulun, u art ta' Naftali,

                        It-triq tal-baħar, art ‘il hemm

                        mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!

                        Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam

                        ra dawl kbir;

                        dawk li kienu f’art u dell il-mewt

                        idda dawl għalihom.’

 

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: "Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet. »   Huwa u jdur ma' xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kien  u sajjieda.  U qalilhom: "Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin."  U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

 

 Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta' Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma' missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejjħilhom.  Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.

  

 U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta' mard u dgħufija fost  il-poplu.

 

Last Updated ( Saturday, 21 January 2017 )
 
< Prev   Next >