Thursday, 23 March 2017
           
Home
IR-RABA’ HADD TA’ MATUL IS-SENA (2017) IL-FOQRA TAL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 January 2017

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus-teaches-the-sermon-on-the-mount-600x300.jpg

 

Għad-dinja Alla huwa stramb.  Ma tifhmux. Triqatu mhumiex triqatha.  Pjanijietu mhumiex pjanijietha.  Dak li hu dawl għaliH, għaliha huwa dlam.  Dak li hu ta’ valur għaliH, għaliha hu ta’ min jistmerru.  Ma jisax ikun hemm kompromess bejn l-Ispirtu ta’ Alla u l-ispirtu tad-dinja, bejn l-ispiritwali u l-materjali.  Għad-dixxipli tiegħu Kristu talab hekk: “Jiena tajthom il-Kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.”  (Ġw. 17, 14).  Kristu ċaħad l-ispirtu tad-dinja fil-bidu tal-ministeru tiegħu meta fit-taqbida kontra x-xitan fid-deżert ġie ttentat serjament biex  jinġibed mit-tlellix tagħha, l-istess kif kull bniedem jiġi ttentat.  Għalhekk, in-Nisrani huwa dak li, bħal Kristu, ċaħad il-fehmiet tad-dinja, il-mod kif taħseb, dak kollu li jiġbidha, dak kollu li hu mportanti għaliha.  Hu jpoġġi qalbu band’ oħra.  Għad-dinja anke hu, huwa stramb.

 

Tant m’hemmx kompromessi bejn il-materjaliżmu tad-dinja u s-Saltna tas-Smewwiet, illi l-membri ta’ din is-Saltna huma msejħa biex ikunu magħżula, huma l-Fdal tad-dinja, huma ċ-ċkejknin li huma dejjem imgerrxin mill-agħa u l-ambizzjonijiet tagħha.  Huma l-Fdal li l-Mulej isejjaħ u jiġbor mill-ġnus.  Mhux għax huma aħjar minn ħaddieħor.  Huma msejħa biex jiġu magħmula aħjar.  Hemm differenza.  Mhux huma li huma aħjar, imma hu Alla li jagħmilhom aħjar mill-oħrajn.  Għalhekk l-Antifona tal-lum titlob bil-ħerqa lil Alla fil-bidu tal-Ewkaristija: “Salvana, Mulej, Alla tagħna, u iġmagħna minn fost il-ġnus, biex irroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek u niftaħru bit-tifħir tiegħek.” (minn S. 105).

 

 

Dawn li huma miġbura huma l-fqar tad-dinja.  Min huma dawn il-fqar?  Huma l-umli.  X’inhi, fil-fatt, l-umilta`.  L-umilta` mhux li wieħed iħabbat fuq sidru, jew jimxi fit-triq rasu baxxuta, jew jgħid li ma hu kapaċi għal xejn, jew iwarrab fil-ġenb għall-kwiet.  L-umilta` hi l-verita`.  Liema verita`?  Il-verita` fuqek innifsek.  L-umli huwa dak li ċċekken għax għaraf il-verita` fuqu nnifsu. U x’inhi l-verita` fuq kull bniedem, Papa, Isqof, Presbiteru, lajk, miżżewweġ u mhux, sinjur jew fqir, xiħ jew żagħżugħ?  Il-verita` hi li lkoll aħna midinbin.  Bis-serjeta`.  Għandna natura mwaqqa’ li hi naturali għaliha li tagħmel il-ħażen u trid titqanżaħ ħafna biex tagħmel ir-rieda ta’ Alla.  Mhux kulħadd hu sinċier u jammetti li hu hekk. 

 

Aħna lkoll konna ma’ dawk li kienu fuq il-Kalvarju jgħajtu “Inżel minn hemm!” u li qabel għażilna lil Barabba għax dan ma rħihielhomx lil dawk li kienu inġusti miegħu, waqaf għad-drittijiet tiegħu u ta’ pajjiżu, spiċċa l-ħabs minħabba r-rabja “qaddisa” għall-ħżiena li kienu bħal argużini fuq niesu.  Interesanti dan Barabba!  Kapaċi jurina aħna min aħna. 

 

Il-fqar fl-ispirtu huma dawk li aċċettaw il-verita` fuqhom infushom u l-verita` ċekknithom.  Għamlithom bnedmin ta’ vera!  It-Tama tagħhom hi biss f’Alla u billi fehmu l-abbiss tal-inkapaċita` tagħhom, fehmu wkoll u emmnu bis-sħiħ il-għala Kristu kellu jbati tant għalihom.  Huma n-nies kollhom gratitudni u mħabba lejn minn ħabbhom tant.  Min jaħseb li hu xi ħaġa, kemm fl-affarijiet tad-dinja, imma wkoll f’dawk spiritwali u jasal biex jiġġudika u jikkundanna “right left and centre”, dawn li f’għajnejhom huma “b’saħħithom” isibuha ferm bi tqila jifhmu l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u, iktar u iktar, jemmnu fih.

 

Għalhekk Alla jidher tant stramb għad-dinja.  Għax hemm “reliġjożita`” li hi tad-dinja wkoll!  San Pawl se jgħid ħaġa tal-għaġeb, inkredibbli għad-dinja li tippremja lil min hu b’saħħtu u jagħmel suċċess minn ħajtu.  Hu jgħid li Alla  dejjem jagħżel id-dgħajfin, iż-żgħar għad-dinja biex bihom tidher il-Qawwa tiegħU, mhux tagħhom, u hekk tikber il-Fidi fuq l-art.  Għalhekk Kristu huwa Aħbar Tajba għaż-żgħar, għall-falluti, għal dawk li fettxew il-ferħ u ma sabuhx.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb tal-Profeta Sofonija huwa wieħed mill-iżgħar fil-Bibbja, imma żgur li huwa Profeta mportanti minħabba t-taqbida tiegħu mal-kultura dominanti ta’ żmienu.  Huwa mportanti minħabba t-taħbit tiegħu kontra l-idejat barranin li kienu qegħdin jinfiltraw qalb il-poplu ta’ Alla, idejat li kienu jrewħu l-idolatrija ta’ allat materjali; il-kuraġġ li kellu meta kien jeħodha kontra l-mexxejja tal-poplu; il-profezija tiegħu dwar it-tmiem ta’ kollox li nebbħet l-Innu Nisrani tad-“Dies Irae”. 

 

Imma fuq kollox hu mportanti minħabba t-tagħlim tiegħu dwar il-Fdal li Alla kien qed isawwar għalih minn fost il-poplu.  Għal Sofonija, mhux Iżrael kollu kien il-poplu ta’ Alla, mhux il-poplu kollu kien jifforma l-ulied ta’ Alla, imma biss dawk li kienu ċkejknin.  Għal dawn hu juża l-kelma “anawim”, l-umli, il-foqra fl-ispirtu u li fuqhom Ġesù nnifsu kellu jitkellem tant: “Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet!”  (Mt. 5, 3).  Għalhekk Sofonija jkompli t-tradizzjoni tal-Profeti u li kellha ssib il-milja fil-predikazzjoni ta’ Kristu, jiġifieri li l-qalb hi kollox.  Il-bniedem jista’ jagħmel ħafna ħwejjeġ minn barra, imma hu Alla li jafna minn ġewwa.  Daqs kemm jafna Hu ma jafna ħadd.  Hu jaf kemm kbira hi l-ipokrizija tal-bniedem u biH ma jidħaq ħadd.

 

Sofonija jiddikjara li Jahweh kien qed  jgħaddi lil Iżrael minn ġon-nar biex isaffi l-poplu tiegħu.  Fi żmien dan il-profeta, għall-ħabta tas-sena 640 qabel Kristu, il-poplu Lhudi kien tilef kull importanza u indipendenza politika.  Flok jirribella kontra l-Mulej li donnu ma kien jidher imkien, il-profeta jistieden għal ritorn lejn qima sinċiera u lejn konverżjoni tal-qalb.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija.  2, 3;   3, 12.13

 

Fittxu l-Mulej ilkoll,

intom, l-umli ta' l-art,

li tagħmlu ordnijietu;

fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà:

biex forsi f'jum il-korla tal-Mulej

ikollkom fejn tistkennu.

 

U nħalli f'nofsok poplu umli u mċekken.

U f'isem il-Mulej ifittxu l-kenn

dawk li jifdal minn Iżrael. 

 

Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b'ieħor,

u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f'fommhom,

hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu

bla ma jbeżżagħhom ħadd."

 

Salm Responsorjali

 

Kull bniedem ifittex il-ferħ, u hija ironija kbira li dawk li qegħdin fuq quddiem fit-tiġrija għall-glorja, isibu ruħhom fuq wara, u l-ferħ veru jakkwistawh dawk li huma tal-aħħar, dawk li d-dinja  ssejħilhom « imsieken » !  Din hi l-istramberija qaddisa ta’ Alla !  Miskin dak li jaħseb li hu Nisrani u fl-istess ħin jgħir għan-nies tad-dinja li jimxu ’l quddiem fl-istagħnar, fis-setgħa, fl-istima tan-nies.  Mhu Nisrani xejn.

 

Il-bniedem li Alla ċekken għaliH, li għaddieħ mill-forġa tal-Istorja u ma jista’ jagħmel xejn ħlief iħares lejH bħala l-unika Tama tiegħu, dan il-bniedem ser iħaffer għat-Teżor tal-Ħajja fl-għalqa l-vera.  Il-bqija tan-nies iħaffru f’għelieqi oħra u lil dan « iċ-ċkejken » jgħajruh « miġnun, injorant, antikwat ».  Imma l-umli li jħaffer fl-għalqa fejn hemm tassew it-Teżor, se jiskopri li « Alla jżomm kelmtu għal dejjem u jagħmel ħaqq mill-maħqurin. »  (vv. 6-7).  Hu ma jidħaq b’ħadd u dan iġiegħel lill-umli jixhed għalih u jfaħħru quddiem kulħadd.  Jekk xi ħadd jistaqsih għaliex hu daqshekk ċert li Alla jeżisti, hu ma jweġibx b’affarijiet li għalmuhomlu bl-amment, imma jirrakkonta l-esperjenza tiegħu : l-inżul ’l isfel f’kenosi li ċekknitu u umiljatu, imma hemm isfel, fejn id-dinja tibża’ tinżel, hu skopra l-Ħajja, skopra l-Ħelsien u l-Ferħ, skopra li Alla jeżisti u li jħobbu bħalma Missier iħobb lil Ibnu l-għażiż.

 

Ritornell :  Henjin il-fqar fl-ispirtu.

 

Salm 146

 

  Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem

  li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

 u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

 Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin.

 

 Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

 il-Mulej li jerfa' lill-milwijin;

 il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

 il-Mulej li jħares lill-barranin.

 

 Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

 imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

 

 Il-Mulej isaltan għal dejjem;

 Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 

 It-Tieni  Qari

 

 Dan li ġej huwa qari qawwi ħafna meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-aħwa ta’ Korintu.  Min, aktar minn San Pawl, jista’ jitkellem kif Alla jagħżel id-dgħajfin u dawk li ma huma xejn f’għajnejn id-dinja biex iwettaq bihom għeġubijiet kbar?  Qabel il-konverżjoni tiegħu, Sawlu kien xempju ta’ bniedem b’saħħtu għad-dinja, bniedem li d-dinja kienet tirrispettah.  Hu kien intelliġenti, kien studja ħafna, kien tiela s-sellum tas-setagħna, kien stmat fit-Tempju u f’Ġerusalemm fejn kien wieħed mill-aqwa studenti ta’ Gamaliel, l-aktar rabbi magħruf ta’ żmienu.  Kellu qalbu taqbad bil-ħeġġa għar-reliġjon ta’ pajjiżu fi żmien meta l-affariiet reliġjużi kienu ta’ mportanza enormi, kultant iktar mill-politika.  Ħadd ma kien ifettillu jxellef dufrejh miegħu għax kien bniedem “li jasal”!  Imma qalbu kienet mikula mid-dubji, mill-mibegħda, mill-vjolenza.  Kif seta’ jkun li bniedem li kien qiegħed ifittex lil Alla kellu qalbu hekk iebsa u ras tant stinata?  Żgur li hu nnifsu għamilhom dawn il-mistoqsijiet, għalkemm kien jiskuża ruħu li kulma kien qed jagħmel kien biex jiddefendi d-drawwiet ta’ missirijietu.  Kien ingannat bil-kbir bla ma kien jaf.  Ħafna huma l-ingannati li jaħsbu li qed jagħmlu r-rieda ta’ Alla u ma jkunu qed jagħmlu xejn ħlief ir-rieda tagħhom.

 

Huwa jikteb lill-Korintin mill-esperjenza tiegħu.  Jgħidilhom li huma l-umli, iż-żgħar fl-ispirtu, l-anawim tal-Mulej biss li Alla jħallihom jiskopruh.  Jgħidilhom biex iħarsu lejhom infushom u jiftakru kif  kienu meta Alla sejħilhom mid-dlam għad-dawl.  Kienu nies mill-aktar komuni u ħadd minnhom ma kellu biex jiftaħar.  Hu kien jaf dan xi jfisser.  Hu stess jgħid li hu l-aħħar mill-appostli għax hu kien ippersegwita lill-Knisja kemm felaħ u sal-aħħar kien għad hemm Insara li ma nsewx l-għemejjel tiegħu, anke jekk kien ikkonverta.  L-esperjenza tiegħu umiljatu u ċekknitu u nduna li dan kien xogħol il-Mulej, biex tidher il-qawwa tiegħu u mhux tal-bniedem.

 

Din l-istramberija ta’ Alla tħawwad id-dinja.  Kristu għeleb lix-xitan għal dejjem bil-falliment fuq is-salib.  Dan hu l-Misteru tal-Għid li jirrepeti u jirrepeti ruħu fil-ħajja tal-Magħżulin tiegħU.  L-ewwel l-inżul, il-falliment, li wieħed isir xejn... imbagħad l-għemil ta Alla li jerfa’ ’l fuq il-Magħżul tiegħu u jagħmel wirja minnu quddiem kulħadd biex in-nies temmen li Alla jeżisti u tagħtih qima.

 

Darba, Pawlu irrakkonta kemm bata u minn xhiex għadda fil-ħeġġa li kellu biex jaqdi lil Kristu.  Imma hu jgħid li mhux b’dan jiftaħar, imma  jiftaħar b’dak li għamel Kristu għalih meta ta Ħajtu fuq il-Kalvarju u qam mill-mewt għalih.  Dan kien il-ftaħir tiegħu.  Min isib lil Kristu jinduna li m’għandux biex jiftaħar u bħal Bin Sirak  jgħid: “Araw b’għajnejkom kemm ftit tħabatt biex sibt għalija ħafna mistrieħ.”  (Sir. 51, 27).  It-taħbit batih Kristu għalija u għalik.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  1, 26-31

 

Araw x'intom, li Alla sejjħilkom; għax m'humiex ħafna fostkom li huma għorrief skond il-qjies tad-dinja, m'humiex  ħafna  s-setgħana, m'humiex  ħafna   n-nobbli.  Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn 'il dawk li huma xi ħaġa.  Hekk ebda bniedem ma jkun jista' jiftaħar quddiem Alla.  

 

Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa,  biex bħalma hu miktub,"min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej."

 

Evanġelju

 

Kristu qatt ma ħolom bi Knisja tal-biljuni ta’ nies.  Hu ddiskriva l-Knisja bħala l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja; il-ħmira li ttella’ l-għaġna kollha.  Il-borma ftit ikun fiha melħ u ħafna, ħafna iktar affarijiet oħra.  Imma l-ftit melħ li jmut u jgħib fiha jagħti t-togħma lill-borma.  Mingħajr melħ dak li jkun jgħid:  ”Dan l-ikel mhux tajjeb” u ma jiklux.  Id-dawl li jdawwal kamra joħroġ minn musbieħ żgħir jew bozza li tieħu ftit, ftit spazju imma għalkemm ħadd ma jħares lejn il-bozza u ħadd ma jagħtiha mportanza, kieku kellha tintefa’ kulħadd jibda jgħaffeġ fuq ħaddieħor.

 

Dawn is-sinjali għal Ġesù kienu jfissru l-Knisja li ssalva d-dinja, tagħtiha togħma, ddawwalha u huma sinjali umli, bħalma umli kien Hu.  Kull meta l-Knisja ħarset lejn l-għeġubijiet li għamel il-Mulej u bdiet timmaġina li għamlithom hi, mill-ewwel bdiet tikkorrompi ruħha.  Ġesù jrid li l-Knisja tiegħu tkun umli, imma setagħna; ċkejkna, imma li kapaċi ssalva d-dinja kollha. 

 

Kemm nies għandhom spirtu li jemmen id-Diskors tal-Muntanja?  Dan id-Diskors ta’ Ġesù huwa r-ritratt tan-Nisrani adult.  Huwa l-kontra ta’ dak li temmen fih id-dinja.  Imur kontra n-natura egoista u beżagħna tal-bniedem li għadu ma twelidx mill-ġdid fi Kristu.  Tant hu hekk li meta  Ġesù qal dan id-Diskors, Hu ma qalux lil kulħadd anke jekk madwaru kien hemm massa ta’ nies, imma sejjaħ lejH id-dixxipli l-aktar midħla tiegħu, u kellem lilhom. 

 

Ġesù kompla jespandi fuq il-ħsieb ta’ Sofonija dwar iċ-ċkejknin u l-umli, dwar dawk li bħalissa jibku jew ibatu minn inġustizzja, dwar dawk li huma vittmi tal-mentalita` tad-dinja, dawk ta’ qalbhom ħelwa saħansistra ma’ min hu kontrihom, dawk li huma bil-ġuħ, dawk li sfaw mal-ġenb fl-”istampede” għall-għana u s-suċċessi tad-dinja.

 

Lil dawn Kristu jsejħilhom hienja.  Qed tara kif għad-dinja Kristu huwa stramb u tqil biex tifhmu.  GħaliH, dawn in-nies huma eqreb lejn il-verita`, lejn l-intimita` ma’ Alla milli l-bqija tal-bnedmin. Bihom huwa jimla s-Saltna tiegħu.  Lilhom juża.  Magħhom tħabbeb meta kien hawn.  Huma għarfuH, qdewH, xehdu għaliH u marru jgawduH għal dejjem.  Din hi Kelma ta’ Alla għal dawk kollha li qalbhom maqtugħa.  Kuraġġ!  Alla magħna!

 

Versett: Hallelujah. Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  5, 1-12a

 

Kif ra l-folol, Ġesù tala' fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

  

"Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

Henjin ta' qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b'wirthom l-art.

Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx  tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.

Henjin dawk li huma safja f'qalbhom, għax huma jaraw 'l Alla.

 Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta' ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.

 

 Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.

 
< Prev   Next >