Monday, 24 April 2017
           
Home
IL-HAMES HADD MATUL IS-SENA X’INHI L-KNISJA ? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 February 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 gesu_melh.jpg

Il-Knisja hi ffurmata minn ġemgħa ta’ nies li temmen li « Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. » (Ġw. 3, 16).  Ma nafx kif wieħed jista’ jsib diskrizzjoni tan-Nisrani aħjar minn dan il-vers mill-Evanġelju ta’ Ġwanni, vers li hu l-iktar ikkwotat mill-Iskrittura kollha.  Li temmen fi Kristu ma jfissirx biss li temmen li kien bniedem ġust, li kien profeta, li kien jagħmel ħwejjeġ li bniedem normali ma jagħmilhomx, jew li għallem ħwejjeġ profondi dwar Alla.  Dawn l-affarijiet jemmnuhom anke dawk li m’humiex Insara. 

 

Li temmen fi Kristu jfisser temmen fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Temmen li, kif iddiskrivih il-Prekursur, Huwa hu l-Ħaruf ta’ Alla li ġie ssagrifikat fuq il-Kalvarju bi tpattija għad-dnubiet tad-dinja kolllha.  Kristu huwa l-Imħabba eterna tal-Missier ippersonifikata f’laħam ta’ bniedem bħalna.  Din l-Imħabba inagħtat għal kull bniedem maħluq biex jekk dan jemmen, anke jekk ikun wettaq ħafna dnubiet, isir “ġust” f’għajnejn il-Missier... ikun iġġustifikat, mhux bl-opri tajba tiegħu iżda bl-opra kbira ta’ Kristu. 

 

 

 

Imma fuq kollox, din l-Imħabba li ġiet maqtula mid-“Dnub” tad-dinja ma baqgħetx midfuna fiċ-ċimiterju.  Li kien hekk kien ifisser li d-“Dnub” tad-dinja rebaħ, kien aqwa mill-Imħabba li l-Missier għandu.  Din l-Imħabba ġiet imqajma mill-mewt biex hekk jintwera li hi tmur lil hemm mill-ħtija tad-dinja u hija akbar minnha.

 

Dan hu ta’ faraġ immens għal kull midneb għax dan ifisser li kbir kemm hu kbir id-dnub tagħna, l-Imħabba u l-Ħniena tal-Missier dejjem imorru lil hemm minnu.  Ir-reliġjonijiet kollha tad-dinja huma msejsa fuq liġijiet morali.  Anke n-Nisrani għandu l-gwidi morali tiegħu u ma jistax jemmen fi Kristu mingħajr ma din il-Fidi tidher fit-tip ta’ ħajja morali tiegħu.  Imma l-Kristjaneżmu mhux Liġi; ma jistriehx fuq Liġi.  Il-Kristjaneżmu huwa din l-Aħbar Tajba li għadna kif semmejna.  Hija l-fiduċja li fejn ma jistax jasal il-bniedem, tasal l-Imħabba li hi Alla.

 

Kristu ried li dawk kollha li jemmnu fil-fidwa li ġab Hu, jissieħbu flimkien f’ġemgħa, komunita`, Knisja, b’ġerarkija ta’ tmexxija għall-qadi tagħha.  Mhux il-ġerarkija (Papa, Isqof, Presbiteru...) hija l-Knisja.  Il-ġerarkija hi parti mill-Knisja u qegħda hemm biex tgħin il-Knisja, taħdem għall-Knisja, tħares l-għaqda fil-Knisja.

 

Lanqas ma ħaseb Kristu li fil-Knisja jidħlu l-bnedmin kollha tad-dinja, anke jekk Hu ried li d-dixxipli tiegħu ixerrdu l-Aħbar sat-trufijiet tal-art.  Hu ried li l-Knisja tkun għall-qadi tad-dinja, b’risq id-dinja, biex anke dawk li mhumiex membri tagħha, bis-saħħa tagħha jsalvaw.  Kristu darba ddiskriva l-Knisja bħala “l-melħ tal-art, id-dawl tad-dinja, il-ftit ħmira li ttella’ l-għaġna.”  (ara Mt. 5, 13.14).  Dawn is-sinjali ma jindikawx kwantita` enormi ta’ nies, imma nies b’fidi tant qawwija li jdawlu lil dawk li m’għandhomx din il-fidi tagħhom u jgħinuhom isibu t-triq tal-Ħajja.  L-Insara huma l-melħ tal-art.  F’borma ftit melħ titfa’, imma jkun qawwi biżżejjed biex jagħtiha togħma.  Hekk il-Knisja twettaq il-missjoni tagħha li ddawwal it-triq u tagħti togħma lid-dinja li tilfet it-togħma tajba tagħha bid-dnub.

 

L-Ewwel Qari

 

Meta bniedem tinagħtalu l-Fidi li tiġi “minn fuq” u li dejjem hi rigal ta’ Alla, qalbu tinbidel.  Hu jitwieled mill-ġdid.  In-natura ta’ qabel, dik li San Pawl jiddiskriviha bħala “il-bniedem il-qadim”  tinqered, u minflok jitwieled il-“Bniedem il-Ġdid” imburġat bl-Ispirtu ta’ Ġesù, b’natura differenti minn dik li kellu qabel.  Ma jibqax iktar egoista, imma l-għaxqa tiegħu tkun li jaħseb f’ħaddieħor l-ewwel.  Din tkun opra ta’ Alla u mhux tiegħu. 

 

Fit-Testment il-Qadim, Iżrael, il-poplu magħżul tal-Mulej, il-poplu kkonsagrat, il-poplu ta’ saċerdoti, kien iffissa f’moħħu li l-qima liturġika fit-Tempju, is-sagrifiċċji tal-annimali, ir-riti li kienu jiċċelebraw, kienu biżżejjed għall-qdusija tiegħu.  Ħelu ħelu kienu draw jagħmlu dak kollu li kellu x’jaqsam mat-Tempju b’reqqa kbira, imma bla ma ndunaw kienu dawru r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla fi ħwejjeġ li jidhru minn barra.   Minn ġewwa, qalbhom kienet iebsa għall-proxxmu; kellhom natura egoista bħall-ġnus l-oħra u l-qima tat-Tempju ma kienet qed tbiddilhom xejn. 

 

Il-Profeti ndunaw bid-divorzju li kien hemm bejn liturġija u ħajja, bejn il-qima fit-Tempju u l-mod kif il-poplu kien jgħix malli joħroġ barra.  Il-profeti kollha attakkaw dan u Ġeremija kien wasal biex jgħid: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Tejbu l-imġieba tagħkom.  Isserħux raskom bi kliem qarrieq, u tgħidu: hawn hu t-Tempju tal-Mulej, it-Tempju tal-Mulej, it-Tempju tal-Mulej.  Intom isserħu raskom bi kliem qarrieq u bla fejda; tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żina... u mbagħad tiġu u tieqfu quddiemi f’din id-dar u tgħidu: ‘Aħna salvi’, mhux ħlief biex tissuktaw f’dawn l-għemejjel mistkerrħa kollha.”  (Ġer. 7, 3w).  U meta l-appostli ftaħru ma’ Ġesù bit-Tempju sabiħ tagħhom, ħabbar li ma kinitx se tibqa’ ġebla fuq oħra minnu, għax kien wasal iż-żmien li jitgħolla Tempju ġdid li kien Hu nnifsu u miegħU kull Nisrani veru. 

 

Kull Nisrani jrid joqgħod attent dwar dan id-divorzju bejn l-attendenza għal-liturġija fil-knisja u l-ħajja morali tajba li turi l-Fidi li għandu.  L-għadu hu makakk u għandu manija kif jinganna lil kull bniedem u jgħidlu f’widnejn qalbu li hu tajjeb għax dejjem il-knisja, biex imbagħad iraqqadlu l-kuxjenza dwar id-dnubiet tiegħu.   Fil-qari li ġej, Isaija jisħaq fuq li l-Fidi trid tidher fl-għemil.  Fidi mingħajr għemil hija Fidi mejta.  U l-għemil tal-Fidi dejjem jagħmel il-ġid lill-proxxmu tiegħu, jgħadru, jħenn għalih, jgħinu, jfarrġu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  58, 7-10

 

Dan jgħid il-Mulej:

Aqsam ħobżok ma' min hu bil-ġuħ,

u daħħal f'darek lill-imsejken bla saqaf.

Libbes lil min tara għarwien,

u n-nies ta' darek ma tinsihomx.

Mbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,

u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.

Quddiemek timxi  l-ġustizzja tiegħek,

u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;

jekk tgħajjatlu, jgħidlek 'Hawn jien'.

 

Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,

ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni b'ilsienek,

jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,

u xxabba' qalb l-imnikket,

mbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,

 u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 112 ixandar, minn qabel ma xandar Kristu nnifsu, li l-bniedem ġust, in-Nisrani, huwa dawl fid-dlam ta’ madwaru.  Huwa dawl għax jemmen u jħobb lil Alla, imma din l-Imħabba tissarraf f’Imħabba għall-proxxmu.  Ix-Xema` li hi l-ġabra tal-Fidi ta’ Iżrael, tgħid: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bis-saħħa tiegħek kollha” (Dewt. 6, 5), u wara żdiet magħha “u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” għax ma tistax tħobb lil Alla u ma tħobbx lill-proxxmu.  Dan is-Salm jgħid li hieni huwa dan il-bniedem għax hu qatt ma jintemm imma jgħix għal dejjem quddiem Alla.  Hu ma jibża’ minn xejn għax il-fiduċja tiegħu fil-Mulej Missieru.

 

Ritornell: Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin.

 

Salm 112

 

Dawl fid-dlam ifeġġ il-ġust għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

 

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa' t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża' minn aħbar ħażina;

qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej.

 

Qalbu qawwija, m'għandux mniex jibża',

sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu.

Iqassam u jagħti lill-foqra;

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu;

rasu merfugħa bil-ġieħ.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Fidi tiġi minn Alla u hi rigal kbir li hu jagħti lill-bnedmin li jagħżel Hu b’mod misterjuż.  Alla jagħżel li jaħdem ma’ ċerti nies mhux għax huma aħjar mill-oħrajn,  (it-tjieba tagħhom minnU tiġi), imma għax hekk irid.  Hu jagħżilhom mhux għalihom infushom, imma biex ikunu ta’ servizz għall-oħrajn.  Jagħtihom Fidi kbira biex ikun dawl u melħ għall-ambjent ta’ madwarhom, għax Alla jrid li kulħadd isalva u hekk min għandu Fidi kbira jgħin biex dawk li mhumiex imbierka b’Fidi bħal tagħhom “jiddawlu” u “jitmellħu” minnhom u jsibu s-salvazzjoni tagħhom fi Kristu.

 

Ħafna drabi, n-nies li Alla jagħzel biex ikun “dawl” u “melħ” għall-oħrajn, biex ikunu “Knisja” għad-dinja, dawn in-nies ikunu dgħajfa biex id-dinja tagħraf li Alla jeżisti u jagħmel għeġubijiet mal-bnedmin.  Pawlu kellu d-dgħufijat tiegħu li kienu jżommuh umli u mimli gratitudni lejn Alla u lejn Kristu, il-Waħdieni li lilu salvah.  Hu kien imur jikkatekiżża u jxandar il-Kerigma (L-Aħbar it-Tajba), imriegħed u beżgħan.  Dawn huma rogħda u biża’ qaddisin li Alla nnifsu jixħet fuq il-mibgħutin tiegħu biex iżommhom iggranfati miegħU u ma jimlewx rashom li saru xi ħaġa għax in-nies tismagħhom.  L-agħar ħaġa li tista’ tiġri lil xi predikatur hi li jaħseb li huwa hu li qed jiġbed in-nies u huwa hu li qed jikkonvinċihom.  Din hi diżgrazzja, għax għalkemm ħafna jiskopru lil Kristu permezz tal-Kelma li jwasslilhom, hu jintilef għax isir supperv u jieħu għalih il-Glorja li hi ta’ Alla waħdu.  Tant, li S. Injazju ta’ Loyola wasal biex qal: “L-infern huwa mimli predikaturi!”  U anke l-Vanġelu jgħid li f’Jum il-Ħaqq ħafna se jgħidu: “Mulej, Mulej, mhux f’ismek xandarna aħna?”  U Hu jgħidilhom “Ma nafkomx!”

 

Pawlu kien jaf li l-konverżjoni hi miraklu.  Hu miraklu li bniedem isir dawl u melħ.  Hu xogħol Alla u xogħolU biss.  Ħadd m’għandu l-qawwa li jikkonvinċi lil ħaddieħor b’dan il-mod.  Wara kollox, Pawlu, u l-Knisja, jxandru Salvatur Imsallab.  Min se jsib it-Tama tiegħu f’Salvatur Imsallab jekk ma jmissux is-sebgħa ta’ Alla li hu l-Ispirtu s-Santu?  Għalhekk l-Aħbar li l-Knisja għandha għal kull bniedem mhix xi għerf jew intelliġenża, mhix xi filosofija jew teorija għolja.  Hija l-qawwa ta’ Alla li tasal għand l-oħrajn permezz ta’ nies dgħajfa.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  2, 1-5

 

Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta' Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u 'l dan imsallab.  U jiena ġejt għandkom dgħajjef, mbażża' u mriegħed;  il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi ta' l-għerf, imma bil-wiri ta' l-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta' Alla.

 

Evanġelju

 

Jista’ l-melħ jaqta’?  U ngħid li jista’!  Għal xhiex ikun tajjeb meta jaqta’?  ”Għal xejn iżjed ma hu tajjeb ħlief biex jintrema’ barra u  jintrifes min-nies.”  (Mt. 5, 13).  Jista’ Nisrani jdur lura lejn il-bruda, l-imħabba tad-dinja, l-egoiżmu li kellu qabel.  U ngħid li jista’!  Sal-aħħar jum aħna ttentati u mġarrbin.  Miskin il-bniedem li ma jiggranfax ma’ Kristu.  J’Alla meta joqrob għalina tmiem il-ħajja fuq din l-art, insibu l-Fidi tistennienha biex tqawwina u terfagħlna ħarsitna lejn il-Ġenna li riesqa,  u mhux taħrab minna... infittxuha u ma  nsibuhiex... 

 

Kristu għandu twiddiba serja għan-Nisrani li jieħu l-Fidi tiegħu ”for granted” u jaħseb li l-għadu ma jistax għalih.  Għax in-Nisrani li jitlaq lil Kristu wara li jkun daq kemm hu tajjeb il-Mulej, lanqas għad-dinja ma jibqa’ jgħodd.  Lanqas għad-dinja ma jibqa’ jaqbel.  Jibda jiġri ’l hawn u ’l hinn ifittex il-gost falz li kellu qabel ma kkonverta... u ma jsib xejn.  Id-dinja stess tidħaq bih.  Hu jaf issa fejn hi l-verita` u li fid-dinja kollox frugħa.  Miskin!

 

Jekk in-Nisrani huwa dawl, dan irid idawwal.  X’sens fih id-dawl li jinħeba?  Il-kultura dominanti li qegħda taħkem id-dinja fi żmienna, qegħda tagħmilha diffiċli biex wieħed jixhed għal Kristu.  Għada aktar mil-lum.  Ir-reliġjon, il-Fidi fi Kristu, saret biss attendenza fil-Knisja, u daqshekk.  Mingħajr xhieda m’hemmx Fidi, u din ix-xhieda ħafna drabi trid tkun bil-kliem... ma’ wliedna li huma nfluwenzati tant mill-midja, ma sħabna fuq ix-xogħol...  Dawl taħt il-mod huwa kontradizzjoni.  Taħbi d-dawl biex ma jdawwalx!  Jista’ xi ħadd jaħbi ċ-Ċittadella, belt fuq għolja, biex din ma tkunx tista’ tidher? 

 

Mhux li kien il-Mulej jagħtina sehem mill-Ispirtu kuraġġuż tiegħu, rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt, biex inkunu nistgħu nixhdu alenija li aħna salvati minn Kristu u minn Kristu biss u li barra minn Kristu kollox hu sekondarju.  Ma’ Santa Tereża ta’ Avila nkunu nistgħu ngħidu:   ”Tibża’ minn xejn; kollox jgħaddi; Alla biss jibqa’;  Alla waħdu hu biżżejjed!”

 

Versett:  Hallelujah.  Musbieħ għal riġlejja kelmtek, u dawl għall-mogħdija tiegħi.  Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal  lid-dixxipli tiegħu: ”Intom il-melħ ta' l-art. Imma jekk il-melħ jaqta', biex jerġa' jieħu t-togħma? Ma jibqa' tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

 

"Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.  Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem   il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

 

Last Updated ( Saturday, 04 February 2017 )
 
< Prev   Next >