Saturday, 27 May 2017
           
Home
IS-SITT HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-LIGI MA SSALVAX PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 February 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Sitt Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

st_paul.jpg

 

Il-bniedem naturali jifhem l-affarijiet naturali; il-bniedem spiritwali jifhem l-affarijiet spiritwali.  Il-bniedem naturali jifhem il-bżonn ta’ liġijiet u preċetti u drawwiet biex jikkontrollawh.  Dawn fihom infushom huma tajbin u jgħinu l-bniedem li għadu ċkejken fil-Fidi fil-Mulej biex ma jitbiegħedx għal  kollox minn Alla.  Alla niżel għal-livell tal-bniedem naturali meta lil Mose` tah l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja u tant u tant preċetti u modi kif jgħix.  Imma għalkemm il-Liġi ta’ Alla hi qaddisa u turina x’inhi l-Qdusija, hi mhix kapaċi ssalva lill-bniedem jew tibdillu qalbu.  Dan għaliex il-Liġi tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru u titlob mingħandu ħafna sforżi u tqanżiħ biex jobdiha.  Quddiem din il-Liġi, quddiem kwalunkwe liġi, il-bniedem jirnexxielu jobdi llum, jobdi għada, imma jasal jum meta jinduna li mhux kapaċi jgħixha dejjem.  Dan għax kull bniedem għandu natura midinba li tista’ “ġġegħelha” tobdi l-Liġi, imma ma tistax “iġġegħelu” jħobb.  U l-Imħabba hija kollox.

 

Għalhekk il-Liġi tjassar, u kull minn jittama li jsalva permezz tagħha għadu lsir li jgħix fil-kantina tas-Sultan il-Kbir.  Għadu mhux iben adottat minn Alla.  L-ilsir jipprova jagħmel it-tajjeb għax “hekk suppost” u għax jaf li min  ma jobdix liġi hemm kastig jistennih.  F’dan kollu ma tidher imkien l-Imħabba.  L-iben, imma, jħobb lill-Missier u għalhekk li Kristu jiftħilna orizzonti ġodda meta jgħidilna li hemm bżonn li nħallu lil Alla jwellidna mill-ġdid.  Hemm żewġ twelidijiet għan-Nisrani: l-ewwel twelid hu meta jitwieled mill-ġenituri tiegħu bin-natura l-qadima u midinba u t-tieni twelid meta jitwieled minn Alla b’mod misterjuż.

 

 

Il-bniedem li jitwieled minn Alla tinagħtalu natura ġdida li m’għandhiex bżonn il-Liġi li tgħidlu x’għandu jagħmel.  Għal dan il-bniedem “ġdid”, Santu Wistin jgħid: “Ħobb, u agħmel li trid.”  Għal dan il-bniedem il-ġdid jgħidu dan il-kliem Santu Wistin.  Min għad għandu n-natura l-qadima ma jistax iħobb kif titlob il-Liġi u hu għalhekk li l-Liġi ma tistax issalvah.  Turih dnubu biss u tistiednu jikkkonverti u jitwieled mill-ġdid.  Il-bniedem naturali jħobb lil min iħobbu, u biex iħobb lil min ma jħobbux u hu għadu tiegħu ikollu jisforza u jitqanżaħ u din mhix Imħabba.  Dan mhux tort tiegħu.  Ma tistax żiemel mejjet fl-art issawtu biex iqum.  Għalxejn.  Hu mejjet.  Għalhekk il-Liġi hi limitata tant.  Alla tahielna biex turina x’inhi l-Qdusija.  Fil-Liġi hemm ir-ritratt tan-Nisrani veru, tal-Qaddis li aħna lkoll imsejħa biex inħallu lill-Missier isawwarna fih.  Li wieħed jitwieled mill-ġdid mhux biċċa xogħol tiegħu.  Huwa mpossibbli għalina dan it-twelid ġdid.  Imma min jieħu l-Fidi tiegħu bis-serjeta` u jixxennaq għal natura ġdida, Alla jagħmel din l-opra enormi miegħu, opra li tissejjaħ: il-Miraklu Morali.  “Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mose` imma l-grazzja u l-verita` seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.”  (Ġw. 1, 17).

 

L-Ewwel Qari.

 

Fil-Bibbja hemm proċess, hemm mixja.  Alla juri ruħu lill-bniedem skont kemm il-bniedem kien jiflaħ jifhem.  Aktar kemm il-bniedem beda jimmatura fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla permezz tal-esperjenza tal-Ħajja u tan-nies ġusti li Alla bagħatlu, aktar il-Mulej beda jressqu lejn il-verita` sħiħa li sabet il-milja tagħha fl-Iben il-Waħdieni: Ġesù Kristu.  Lil Mose` Alla ma qallux biex jasal li jħobb lill-għadu tiegħu.  Il-bniedem primittiv kien għadu mhux lest jilqa’ dan.  Imma fi Kristu Alla wera x’inhi l-Imħabba meta l-Iben ta ruħu għall-mewt b’risq dawk stess li sallbuH.  Dan hu l-Ispirtu ta’ Alla; din hi n-natura ta’ Alla; dan hu n-Nisrani li fih jgħammar dan l-Ispirtu, tgħammar din in-natura divina.

 

Hemm proċess, mixja fl-Għerf, minn dak li se nisimgħu minn Bin Sirak u dak li jgħid San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Ma nafx x’jien nagħmel; naf li mhux dak li rrid nagħmel iżda dak li ma rridx. Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi.  Ir-rieda tajba qegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm.  M’inix nagħmel it-tajjeb li rrid imma l-ħażin li ma rridx.  Inħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin.  Imsejken bniedem li jien!  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt!  Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!”  (Rum. 7, 15w).

 

Imma San Pawl ma jiċħadx li l-bniedem huwa ħieles li jagħżel jew li jkun meħlus mill-jasar tiegħu permezz ta’ Kristu, jew li jibqa’ fil-ħama u jiċħad il-grazzja, ir-rigal li l-Missier ta lil kull bniedem fi Kristu.  Bin Sirak se jisħaq fuq il-ħelsien tal-bniedem li jagħżel jew it-tajjeb jew il-ħażin u għalhekk jgħabbi l-bniedem bir-responsabilta` tas-salvazzjoni tiegħu.  L-esperjenza twila ta’ Iżrael tgħallimna li din l-għażla mhix daqshekk sempliċi.  Illum, bl-għerf tal-psikoloġija li tana l-Mulej innifsu ngħarfu kemm hi kumplikata n-natura tal-bniedem u kemm hemm kundizzjonamenti li jibdew jaffettwaw il-ħelsien tal-għażliet li jagħmel, kundizzjonamenti li jibdew sa minn tfulitu.  Huwa għalhekk li fuq kollox tiddomina l-Ħniena u l-Mogħdrija ta’ Alla li Hu wera meta bagħat lil Ibnu biex isir offerta ta’ tpattija għall-iżbalji ta’ kull bniedem.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  15, 15-20

 

 Jekk trid tista' tħares il-kmandamenti,

u b'rieda tajba tista' tkun fidil.

Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;

liema trid minnhom, midd idek għalih.

  Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt,

u liema tixtieq qalbu lesta għalih.

 

Għax għerf il-Mulej hu bla qjies,

qawwi f'setegħtu u jara kollox.

  Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu,

u jagħraf kull ma jagħmel il-bniedem.

Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,

u lil ħadd ma rħielu jidneb.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm li ġej ikompli ma’ dak li qal Bin Sirak u jisħaq fuq l-hena u l-barka tal-bniedem li jmexxi ħajtu skont dak li tgħid il-Liġi tal-Mulej.  Huwa talba lil Alla biex jiftħilna għajnejna u jagħtina l-Għerf li jgħinna nobdu il-kmandament tiegħu li jinġabar fix-Xema` Lhudija : « Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bis-saħħa tiegħek kollha, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek. » Jekk tiffoka biss fuq Liġi bħala Liġi, bħala xi ħaġa li int mistenni u ordnat li tagħmilha, se nsibu l-Ħajja Nisranija ħafna diffiċli, anżi mpossibli, b’ċans kbir li nsiru bħall-Fariżej u niġġudikaw lil dawk li ma jbatux bħalna u ma jisfurzawx bħalna.  L-Imħabba hi kollox.  L-Imħabba hi l-Ispirtu ta’ Alla.  Mingħajr dan l-Ispirtu m’hemm xejn tajjeb u qaddis.  L-Imħabba turina t-triq.

 

Ritornell : Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

 

Salm 119

 

Henjin dawk li triqthom bla ħtija,

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,

u li jfittxuh b'qalbhom kollha.

 

Int tajt il-preċetti tiegħek,

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!

 

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

Iftaħli għajnejja,

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti  tiegħek;

jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek

u nagħmilha b'qalbi kollha.

 

It-Tieni Qari

 

Pawlu jagħmel distinzjoni bejn dawk li “huma mrawmin sewwa” u dawk li m’humiex.  Hemm Għerf li hu l-Għerf ta’ Alla u mhux tad-dinja, li Pawlu jħoss li wieħed jista’ jgħaddih biss lil “min hu mrawwem sewwa” fil-Fidi.  Is-sens legalista tal-Liġi, li tobdi r-regolamenti tal-ħajja, jafhom kulħadd.  M’hemmx għalfejn tkun “imrawwem sewwa” fil-Fidi biex tagħraf li jeżisti Alla, li għandek tweġġaħ lill-ġenituri, li m’għandekx tagħmel ħsara lill-proxxmu.  Imma l-Kristjaneżmu jmur ferm lil hemm minn dan.  Hemm Għerf li d-dinja ma tistax tifhmu jew timmaġinah.  Dan hu l-Għerf tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li jinagħta lil min jixtiequ bi grazzja.  Hu l-għarfien tal-Imħabba tal-ġenn li l-Missier għandu għal kull bniedem, midneb u mhux, liema Mħabba intweriet fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Ibnu, il-Ħaruf li nqatel biex kull midneb li jemmen isir awtomatikament “ġust” quddiem Alla.  Dan hu Misteru enormi! 

 

Dan il-Misteru jintwera lilna mill-Ispirtu.  Hu dan l-Ispirtu li jagħmilna kapaċi li ngħixu l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja, anzi d-Diskors tal-Muntanja li se nisimgħu parti minnu fil-Vanġelu tal-Lum.  Il-Liġi turina kemm aħna dgħajfin u l-veru skop tagħha hu li tagħmilna umli u nitkarrbu quddiem Alla biex jagħtina Spirtu ġdid.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  2, 6-10

 

 Aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma perfetti, imma mhux l-għerf ta' din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta' din id-dinja, li se jintemmu fix-xejn. Ngħallmu l-għerf ta' Alla moħbi f'misteru, li Alla fassal qabel iż-żmien għall-glorja tagħna. Ebda wieħed mill-mexxejja ta' din id-dinja ma għarfu; kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu l-Mulej tal-glorja. Imma, bħalma hu miktub, aħna nħabbru "dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet," u dak li qatt ma tnissel f'qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh. Alla rrivelahulna permezz ta' l-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta' Alla.

 

Evanġelju

 

Hija kuntradizzjoni enormi li dawk li sallbu lil Kristu kienu nies li għamlu minn kollox biex jobdu l-Liġi bl-isforzi tagħhom u li meta dendlu lil Alla nnifsu ma’ Salib emmnu li kienu qed jagħmlu r-rieda ta’ Alla.  Kristu ma ġiex biex ineħħi l-Liġi jew il-Profeti, bħalma ssuspettaw dawk li kienu kontrih, imma biex iġibhom għall-milja, għall-perfezzjoni.  Kristu ġie sabiex bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu ixerred nar ġdid fid-dinja, l-Ispirtu ta’ Alla li nħeles biex jidħol fil-bnedmin wara l-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu.  Kien hemm prezz għoli mmens li ebda bniedem ma seta’ jħallsu biex dan l-Ispirtu ”jinxtara”.  Dan il-prezz ġie Alla nnifsu fid-dinja biex iħallsu bit-twettiq tal-Misteru tal-Għid.

 

Jgħidu li d-Diskors tal-Muntanja li ta Kristu lid-dixxipli tiegħu (u mhux lil kulħadd) huwa erba’ darbiet itqal mill-Għaxar Kmandamenti ta’ Mose`.  Kristu seta’ jidħol ’il ġewwa iktar minn Mose` għax ma kienx qed jitkellem b’sens legalista, ma kienx qed jagħtina kmandamenti ġodda.  Kien qed jurina fejn kapaċi tasal l-Imħabba.  Mhux il-Liġi imma l-Imħabba.  Jekk wieħed jagħmel mill-qari li ġej Liġi oħra, allura nifhem l-għala tant ftit jieħdu lil Kristu bis-serjeta`.  Hawn quddiemna se tinfirex id-differenza li hemm bejn ir-reliġjożita` li kull bniedem għandu xi ftit jew wisq, u l-verita` li ġabilna Kristu.  L-ebda bniedem ma hu kapaċi jgħix id-Diskors tal-Muntanja, iżda Kristu tahulna bħala  ”ir-ritratt tan-Nisrani”.   Kif ikun dan?  Huwa l-bniedem imwieled mill-ġdid u li għandu natura ġdida li għalih jgħodd dan id-Diskors.  Fejn ħafna jgħidu: ”Tqil dan il-kliem; min jiflaħ għalih”, in-Nisrani li rċieva Spirtu ġdid jifraħ meta jisimgħu u jrodd ħajr lil Alla li bidillu l-qalb midinba tiegħu.

 

Versett:  Hallelujah.  Fehimni, Mulej, biex inżomm il-liġi tiegħek u nħarisha b’qalbi kollha.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  5, 17-37

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:

 

Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa' l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.  Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed  mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.

 

"Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

  

"Smajtu xi ntqal lin-nies ta' dari, 'La toqtolx.' Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li  l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, 'Ġifa', ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, 'Iblah', ikun ħaqqu n-nar ta' l-infern. Mela jekk tkun qiegħed ittalla' l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma' ħuk, u mbagħad ejja talla' l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu  bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f'idejn l-imħallef, u l-imħallef f'idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

 

"Smajtu xi ntqal, 'La tagħmilx adulterju.'  Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f'qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqlagħha barra u armiha 'l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern.  U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqtagħha barra u armiha 'l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

  

"Ntqal ukoll, 'Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju.' Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta' żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.

 

"Smajtu wkoll x'intqal lin-nies ta' dari, 'Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.'  Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta' Alla,  u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b'Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir.  U lanqas b'rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda.  Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, 'Iva, iva', 'Le, le'; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.

 

Last Updated ( Saturday, 11 February 2017 )
 
< Prev   Next >