Saturday, 18 November 2017
           
Home
IS-SEBA’ HADD MATUL IS-SENA (2017) L-IMHABBA HI KOLLOX; MINGHAJRHA XEJN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 February 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Seba' Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

bloch-sermononthemount.jpg

 

Kull wieħed minna huwa kapolavur ta’ Alla; kull wieħed u waħda minna huwa oriġinali.  Tant billjuni li qatt għexu fuq din il-pjaneta, u xorta ma ssibx li kien hemm wieħed kopja eżatta tal-ieħor... minn barra u minn ġewwa!  Dan l-għaġeb Alla biss jista’ jagħmlu.  L-istess għall-Istorja ta’ kull bniedem li qatt għex: m’hemmx waħda bħall-oħra.  Aħna lkoll uniċi u għal kull wieħed u waħda minna Alla ħaseb Pjan meraviljuż sa minn qabel ma ħalaq kollox mix-xejn.  Nistgħu ngħidu li aħna lkoll konna minn dejjem f’moħħ Alla u se nibqgħu għal dejjem ukoll.

 

Quddiem din il-verita`, kull wieħed u waħda minna huwa, hija, mportanti mmens quddiem Alla.  Ħafna minna ma jirrispettawx lilhom infushom, imma Alla jirrispettana.  Ħafna minna ma jirrispettawx lill-oħrajn, imma Alla jirrispettahom.  Il-Pjan li Alla għandu għal kull maħluq huwa li bil-mod il-mod imexxina lejn il-Qdusija, għax Hu qaddis.  Fejn hemm il-Qdusija hemm l-għaqda u hemm l-imħabba.  Dawn huma żewġ sinjali li huma kalamita għad-dinja.  Jekk ħafna mid-dinja m’għadhiex temmen, dan hu għax dawn is-sinjali ddgħajfu.  Il-Pjan ta’ Alla għal  kull bniedem jista’ jintilef għax dan il-Pjan hu Pjan ta’ Mħabba u m’hemmx Imħabba vera imposta b’Liġi.  L-Imħabba, jew mill-qalb jew mhi Mħabba xejn.  Ħafna jirrifjutaw dan il-Patt tal-iskoperta tal-Imħabba ta’ Alla għalihom, mhux għax huma ħżiena, iżda għax ikkundizzjonati miċ-ċirkostanzi li sabu ruħhom fihom, jew mill-ġrajja li għaddew minnha, jew mill-feriti li sofrew u li għadhom iġorru f’qalbhom, jew inkella għax huma sempliċement nies għal kollox aljenati mill-idoli tad-dinja.

 

 

Alla ma jaqtax jiesu minn ħadd minna.  Jibqa’ jsejħilna għall-Qdusija għax Qaddis huwa Hu.  Il-Qdusija hija l-Ħajja vera, il-Ħajja dejjem, il-Ħajja għal dejjem.  Fejn hemm il-Qdusija hemm il-ħelsien, hemm il-fejqan minn ġewwa, b’tali mod li nistgħu ninħelsu mill-egoiżmu tagħna, ma nħossux il-bżonn li niġbdu lejna nfusna l-ewwel, u minflok ninagħtaw għal ħaddieħor.  Din hija l-Imħabba.  Dan il-miraklu Alla biss kapaċi jwettqu f’qalb il-bniedem għax Hu biss għandu s-setgħa jfejjaq lil qalbna bil-balżmu ta’ Mħabbtu.

 

Huwa inutli li tordna lill-bniedem biex iħobb mingħajr ma tbiddillu qalbu.  Ma tistax tkun kmandament il-Kelma tal-Ħajja li tistiednek tħobb saħansitra lill-għadu tiegħek li qed isallbek.  Dawn l-affarijiet ma jseħħux għax hekk jgħid xi kmandament jew xi liġi.  Aħna lkoll nafu xi tkun ir-rejazzjoni tagħna quddiem il-Liġi: “Mela jien Ġesù Kristu biex tippretendi dan mingħandi!” 

 

Għalhekk il-Qdusija hija l-frott ta’ fejqan minn ġewwa, tal-iskoperta tal-Imħabba miġnuna li Alla għandu għalik, midneb hekk kif int, u din is-sorpriża tant tqanqlek li tibda proċess fik ta’ bidla profonda.  Int tkun tista’ tħobb lill-proxxmu tiegħek biss jekk tkun qabel xejn skoprejt li Alla jħobbok anke meta int għadu tiegħU.  Din il-Fidi biss twassal lill-bniedem biex iħobb fil-qjies tas-salib, jiġifieri jħobb u jiskuża saħansitra lil min qed isallbu.  U ma noqogħdux nilagħbu bil-kliem: hawn irid iwassalna l-Mulej.  Ma jrid jeħdilna xejn, imma jrid jagħtina l-ferħ veru, is-sliem veru, il-Ħajja vera.  Kollox jiddependi mill-“Iva!” tagħna.

 

L-Ewwel Qari

 

Aħna dejjem għidna li r-rivelazzjoni li Alla għamel tiegħu innifsu quddiem il-bniedem, il-wirja tiegħu li biha Hu wera min hu, dejjem kienet proċess, mixja twila li Hu għamel, b’mod partikulari ma’ ġens li Hu għażel: Iżrael.  Hu beda juri lilu nnifsu fit-Testment il-Qadim, imma matul dan il-perijodu kollu kien għadu ma weriex kollox lill-bniedem.  Kien fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret li Alla wera ruħu kompletament fil-qjies li jista’ jifhem u jħaddan il-bniedem.  Wara Kristu, Alla m’għad baqagħlu xejn x’jgħidilna iktar fuqu nnifsu.  Mhux għax uriena kollox kollox.  Uriena dak kollu li nistgħu nilqgħu sakemm għadna hawn f’din id-dinja.  Il-kumplament jiġi muri lilna meta narawH hekk kif inhu, fis-Sema.

 

Imma sa mill-bidu nett il-Mulej beda din il-mixja twila mal-bniedem.  Beda minn Abraham biex jiżra’ l-Fidi fuq l-art.  Imbagħad b’Mose` wera x’inhi l-Qdusija.  Fil-qari li se nisimgħu, mill-Levitiku, għandna s-sejħa għal din il-Qdusija, l-aktar fejn għandha x’taqsam ir-relazzjoni mal-proxxmu.  Hu jgħidilna: “Kunu Qaddisin għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.”  (v. 2).  M’hemmx Qdusija fejn hemm ir-rabja u l-vjolenza.  “Tbejjidx lil ħuk f’qalbek!” (v. 3), iwissi l-Mulej.  Għax jekk il-Qdusija tfisser sliem u mistrieħ tal-kuxjenza, ir-rabja tqanqal il-passjonijiet u fejn hemm il-passjonijiet imqanqla m’hemmx sliem.    Il-kliem li se nisimgħu hu konkret immens.  Hu kliem favur u mhux kontra tiegħek.  Il-Kelma tiġi tiltaqa’ miegħek biex tgħinek, u anke jekk tixlik, dan tagħmlu għax tħobbok u tixtieqlek il-ġid.  Ftakar: li min iħobbok jgħidlek il-verita` anke jekk jitlef wiċċu miegħek meta jgħidilek.

 

Qari mill-Ktieb tal-Levitiku.  19, 1-2,  17-18

 

U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

 

Għid lill-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael: Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.  La tbejjitx lil ħuk f'qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa' wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.La titħallasx b'idejk, u la żżommx f'qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Il-Mulej iwissi l-bniedem għax hu “ħanin u ta’ qalb tajba” (v. 8).  Is-Salmista skopra li kienet il-Kelma ta’ Alla li salvatu u tatu Ħajja ġdida.  Hu veru li ħafna Salmi jitkarrbu quddiem il-Mulej, imma ħafna oħrajn huma mimlijin gratitudni u radd il-ħajr għall-ġid kollu li l-Mulej jagħmel mal-bnedmin.  (v. 2). 

 

Kif ġa għidna, il-bniedem jasal biex iħobb lil sieħbu biss jekk hu jkun esperimenta minn qabel l-Imħabba fejjieda ta’ Alla.  Dan is-Salm jgħid: “Hu li jaħfer dnubietek kollha, li jfejjaq il-mard tiegħek kollu, li jifdi lil ħajtek mill-ħofra, li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.”  (v. 3-4).  Araw kif jiddiskrivi l-opra ta’ Alla fil-bniedem!  Ineħħilu minn fuq spallejh it-toqol tal-madmad tad-dnub, inaddfu mis-sens ta’ ħtija, ifejqu mill-mard, u ma rridux ninsew li l-agħar mard huwa dak spiritwali, u jifdih mill-ħofra ta’ xi problema enormi li minnha ma setax joħroġ.  Is-Salmi kollha jitkellmu fuq fatti konkreti, ħwejjeġ li jiġrulna minn jum għal jum.

 

Hija l-maħfra ta’ Alla li tfejjaq il-bniedem b’tali mod li jista’ hu jaħfer lill-għadu.  Jekk fil-psikoloġija tiegħu l-bniedem ma jemminx li Alla ħafirlu, lanqas hu ma jaħfer.  Din mhix kwistjoni li wieħed imur iqerr għax il-lejla għandu tieġ jew funeral u jrid jitqarben.  Li wieħed jidħol tassew fil-Maħfra ta’ Alla li tfejjaq hu l-frott ta’ għarfien veru tad-dnub, mibegħda għall-qagħda mjassra tiegħu, u talba ħerqana lil Alla biex iħenn għalih, jgħadru u jaħfirlu t-toqol tiegħu.  Qrara serja!  Meta l-bniedem jinħeles, il-gratitudni tiegħu lejn Alla tkun tant kbira li l-inġustizzji li hu qala’ mingħand xi ħadd jiċkienu f’għajnejh, u l-maħfra hi possibli.  Għax wara li l-Mulej ikun ħafirlek tant u ħelsek minn tant toqol, kif tista’ int ma taħafirx id-dnub ta’ għajrek?

 

Alla hu Missier li l-għaxqa tiegħu hi li jaħfer kull dnub, ikun xi jkun, lil dak li jitlob il-maħfra.  Lil min ma jemminx li hu midneb, li jċekken dnubu u ma jridx jammetti s-serjeta` tan-nuqqas tiegħu, li jiġġudika lil ħaddieħor u jqis lilu nnifsu dejjem aħjar... kif jista’ Alla jagħtih il-Maħfra jekk ma jridhiex u ma jaċċettahiex fis-suppervja tiegħu?  Mhux ’il bogħod minna dan il-bniedem.  Min ma jridx jaħfer lill-proxxmu, dan ifissser li hu supperv wisq biex jittallab mingħand Alla maħfra għan-nuqqasijiet tiegħu.  Fejn m’hemmx maħfra għall-proxxmu, lanqas m’hemm maħfra ta’ Alla.

 

Ritornell: Ħanin u ta qalb tajba l-Mulej.

 

Salm 103

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.

 

Daqs kemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża' tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Minħabba l-insigurta` tiegħu, id-dgħufija tiegħu, il-fatt li hu jħossu sikwit waħdu u bla difiża quddiem il-problemi li kapaċi theddu bihom il-ħajja, il-bniedem, b’mod naturali, jħobb jibni klan, ir-razza tiegħu madwaru, biex ikollu min jiddefendih.  Dan kien mill-bidu tal-istorja.  Il-bniedem iħossu aktar f’tiegħu meta hu parti minn grupp li jaqbel miegħu, parti minn ġens, minn partit.  Waħdek dejjem waħdek, imma ġo folla li taqbel miegħek tħossok aktar qawwi, aktar ċert minnek innifsek.  Qasba waħedha kulħadd jaqsamha għax dgħajfa, imma ħafna qasab marbutin flimkien ma taqsamhomx.

 

Minn hawn ġejja l-manija umana għall-partiti li jġagħluh jifred lill-proxxmu f’dawk li “huma magħna” u dawk li “huma kontrina”.  Biex ifittex is-sigurta` tiegħu fin-numru, l-bniedem jispiċċa joħloq il-firdiet.  Dan kien qed jhedded anke l-ewwel komunita` Nisranija li dehret f’Korintu.  Fejn hemm il-firda m’hemmx Kristu!  Kull min jemmen tassew fi Kristu u twieled mill-ġdid fiH isir ġisem wieħed ma’ dawk kollha li bħalu neżgħu il-bniedem il-qadim imwerwer mill-insigurta` tal-mewt u libsu l-bniedem il-ġdid li hu Kristu.  Fi Kristu m’hemmx “dawk u aħna” iżda ġisem wieħed li minnu joħorġu żewġ sinjali li d-dinja m’għandhiex, u li diġa  semmejnihom: il-Għaqda ta’ bejn l-aħwa u l-Imħabba fil-qjies tas-Salib.

 

Pawlu jċanfar bl-aħrax lill-Korintin li kien hu li kkonvertihom għal Kristu.  Kien jaf bil-periklu tal-firdiet.  Kien jaf li d-dawl jgħammex ta’ Kristu li għandu joħroġ mill-komunita` Nisranija u jdawwal lill-oħrajn, jintefa’ għal kollox bil-firda.  Imma fil-Knisja dejjem jidħlu tant ħmerijiet u ereżiji!  Jien niftakar lil xi ħadd jgħid, ilu, li l-pika u l-firda jagħmlu tajjeb għax in-nies jagħtu aktar flus għall-opri fil-knisja biex jimpikaw mal-oħrajn!!!  Fi Knisja bħal din ma jeżistix Kristu!  Lanqas biss jagħrafha li hi tiegħU.  Fl-aħħar Jum, nies bħal dawn li jrewħu l-firda u l-pika u n-nuqqas ta’ Mħabba u saħansitra l-mibegħda, għad jisimgħu l-kliem terribli: “Morru minn quddiemi; lilkom ma nafkomx!”  Pawlu lanqas hu mans meta jgħid: “Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu!”  (v. 16).  U t-tempju veru ta’ Alla hija l-komunita` Nisranija, il-Knisja.

 

Il-Knisja hi l-ġemgħa ta’ nies li saru għorrief, mhux bl-għerf tal-universitajiet u l-iskejjel imma bl-Għerf ta’ Alla.  L-għerf tal-ewwel għandna bżonnu wkoll illum biex naqilgħu x’nieklu, imma l-Għerf ta’ Alla hu l-Għerf tal-Ħajja, l-Għarfien tal-Pjan meraviljuż li l-Missier għandu għalik u għalija fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Għax kif qal Sant Injazju ta’ Loyola lil Franġisku Saverju, avukat li d-dinja kienet tfaħħru għall-għerf tiegħu: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha, biex imbagħad jitlef ruħu għal dejjem?”  Franġisku kellu barka għax intlaqat mis-sens ta’ din il-kelma u kkonverta.  Ħafna nies, imma, jidħku bl-Għerf ta’ Alla u jintefħu bl-għerf miskin tagħhom.  Il-midja hija mimlija b’nies bħal dawn, nies li jfittxu lilhom infushom u jinqdew bil-boloh biex jistagħnew u jikbru fl-istima.  Nagħaġ imsemmna għall-qatla.

 

San Pawl jgħid lilek u lili: “Min miet għalik jekk mhux Kristu, u Kristu waħdu?”    L-oħrajn jerdgħu minn fuqna.  Mhux bin-nies għandna niftaħru imma bi Kristu li tana kollox.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  3, 16-23

 

Ma tafux li intom tempju ta' Alla, u li l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta' Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta' Alla, li huwa intom.

           

Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f'din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref.  Għax l-għerf ta' din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub:

 

     “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”;

        u terġa':

     “Il-Mulej jaf fiergħa huma l-ħsibijiet ta’ l-għorrief.”

 

Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt sew jekk iż-żmien ta' issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta' Kristu, u Kristu ta' Alla.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu li se nisimgħu jitkellem waħdu u inqas kemm nikkummentaw fuqu aħjar.  Ħafna pruvaw irattbuh u jagħmlu bħall-iblah li nbid prezzjuż iħalltu bl-ilma għax qawwi wisq għalih.  Li se nisimgħu hu kliem qawwi tassew, imma niżbaljaw bil-kbir jekk naħsbu li hawn Kristu qed iżid xi kmandamenti ma’ dawk ta’ Mose`.  Dan il-Kliem mid-Diskors tal-Muntanja ma nistgħux neħduh bi spirtu legali... jew tagħmel hekk jew inkella tagħmel dnub... 

 

Hawnhekk Kristu qed jagħtina ritratt ċar ta’ min hu n-Nisrani.  Hu ma jrid jidħaq b’ħadd.  Trid tkun int dan il-bniedem li jaħfer lill-għadu, li ma jpattix għall-inġustizzji veri li jkun ġarrab, li jekk jaqla’ daqqa fuq ħaddejh (umiljazzjoni iktar milli weġgħa) ma jirvillax imma jħalli lil min ikompli jumiljah?  Trid int tkun il-bniedem li qatt u qatt ma jagħmel użu mill-Qorti anke meta hu ovvju li għandu raġun?  Trid tkun int il-bniedem perfett bħalma hu perfett il-Missier li hu fis-smewwiet?  Hija kwistjoni ta’ għażla, ta’ ”Iva!” jew ”Le!”

 

Jekk din il-Kelma ġġibna f’sensina u turina kemm ngħidu ħmerijiet meta ngħajtu li aħna ma’ Kristu u li Kristu hu l-ewwel wieħed f’ħajjitna, tkun għamlet xogħolha.  Miskin int jekk tidħaq b’din il-Kelma!  In-nies li huma tassew ”nies tad-dinja” jidħku b’din il-Kelma.  Oħrajn li huma reliġjużi u ma jridux jidħku biha, xorta jippruvaw irattbuha u jibdluha u jgħidu: ”Imma taf x’ried jgħid Kristu hawn...” u jivvintaw Vanġelu għalihom.

 

Imma hemm oħrajn, imberkin mill-Ispirtu s-Santu, li għandhom istint ġewwa fihom, istint misterjuż u divin, li jġegħelhom jissuspettaw li Kristu qiegħed jitkellem fuq il-bniedem li waħdu hu Ħaj, li waħdu hu Għani, li waħdu hu Għaref, li waħdu hu Ħieles, li waħdu għandu Ħajja li ħadd ma jista’ jmisshielu.  Dawn it-talin iffortunati, jabbandunaw ir-raġuni u jintelqu f’dak li jgħidlhom dan l-istint moħbi fihom u jaraw dak li ħaddieħor ma jarax.  Jaraw f’dan il-bniedem xi ħadd li ma twilidx mill-ġibda tal-laħam imma mill-Ispirtu s-Santu.  Għax ngħiduha kif inhi: Min, bis-saħħa tiegħu, kapaċi jgħix id-Diskors tal-Muntanja?  Kristu jafu tajjeb dan.  Jaf min aħna.  Hu miet għalina għax aħna dgħajfa!  Kristu qed jitkellem fuq il-bniedem il-ġdid, il-bniedem li twieled għat-tieni darba, mhux minn missieru u ommu din id-darba imma minn Alla.  Dan jista’ jkun int!  Għandek ġewwa fik dan l-istint li jgħidlek: ”Tgiddibx lil Kristu; taħsibx ħażin fih; twarrbux bl-għerra minn quddiemek”?  Jekk jeżisti dan il-leħen ċkejken ġewwa fik, allura m’intix ’il bogħod milli tiskopri t-Teżor tal-Ħajja u l-kliem ta’ dan il-Vanġelu mhux xe jheddek imma jimlik bit-Tama.

 

Versett: Hallelujah.  Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-saltna. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  5, 38-38

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Smajtu x'intqal, 'Għajn b'għajn u sinna b'sinna.'  Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta' ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll;  u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar.  U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.  Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

 

"Smajtu x'intqal, 'Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.'  Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla' x-xemx tiegħu sew fuq   il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m'huwiex.  Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M'hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?  U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M'hux il-pagani wkoll jagħmluh dan?  Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet."

 

 
< Prev   Next >