Sunday, 19 November 2017
           
Home
IT-TMIEN HADD MATUL IS-SENA AFDA F’ALLA U TINKWIETA B’XEJN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 February 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tmien Hadd Matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

isaiah_who_was_ready_c-580.jpg

 

Ħafna jgħidu li jemmnu b’qalbhom kollha f’dak kollu li tgħid il-Knisja u li nsibu fil-Kotba Mqaddsa, imma sikwit, forsi mingħajr intenzjoni ħażina, ma nkunux nafu x’qegħdin ngħidu.  Il-Fidi vera, il-Fidi ħajja, mhix kultura jew drawwiet jew kulur ta’ partit jew team tal-football.  Il-Fidi hi fatti; fatti li jidhru fil-Ħajja.  Il-Fidi hi konkreta mmens.  Jekk taffettwa l-mod kif tgħix u taħseb, hi vera;  jekk tgħid ħaġa imma ssib ruħek twettaq ħaġa differenti hi biss fantasija tal-moħħ.  Dan qed  ngħidu għalija, l-ewwel wieħed.

 

Il-Fidi hi rigal ta’ Alla.  Jew għandek jew m’għandekx.  Alla jagħti l-milja tal-Fidi lil min irid Hu.  Hi dejjem rigal li ma jistħoqqulniex.  Rigal gratis.  Grazzja.  Il-Fidi ma tinagħtax għax tagħmel xi opri tajba minħabba l-karattru tajjeb tiegħek.  Il-Fidi hi dejjem rigal b’xejn bla ma hu mistħoqq.  Imma mill-Fidi joħorġu l-għemejjel tal-Ħajja ta’ Dejjem li l-bniedem ma jistax iwettaqhom bis-saħħa tiegħu anke jekk għandu karattru tajjeb.  Jekk ma jidhrux dawn l-għemejjel, il-Fidi hi mejta u fittizja.  Dawn l-għemejjel jissarfu f’illi dak li jkun ipoġġi fl-ewwel post, qabel kollox lil Alla u r-rieda tiegħu, waqt li jħobb b’saħħtu kollha lill-proxxmu tiegħu.  Mhux iħobb lill-proxxmu li jħobbu, imma saħansitra lill dak li jdejqu, li hu differenti minnu... lill-għadu.  Dawn l-affarijiet ħadd ma jista’ jagħmilhom minnu nifsu.  Imma fejn hemm il-Fidi adulta fi Kristu Ġesù, dawn jitwettqu b’mod naturali għax il-Fidi f’Ġesù tbiddillek in-natura qadima u midinba f’waħda ġdida... natura divina... natura ta’ wlied Alla.

 

 

Sinjal importanti li jidher f’min għandu l-Fidi hu li ma jinkwetax wisq fuq xejn.  Hu jafda f’Alla għax jaf li mhux biss Alla jeżisti imma hu Missieru, il-Pa tiegħu.  Huwa Hu li hu Sid l-Istorja tal-bniedem u din l-Istorja hu ma jistax jaħseb ħażin fiha għax hi kiktuba minn seba’ Missieru li jridlu l-ġid u qed imexxih lejn Ħajja bla tmiem fil-preżenza tiegħu.  Dan il-bniedem mhux se jinkwetalek fuq x’se jilbes jew x’se jiekol għada, jew x’se jiġri minnu jew minn uliedu.  Hu jintelaq bħal tarbija miftuma f’ħoġor ommha.  Dan hu s-sliem li jwiegħed Alla.  Alla ma jwiegħedx li dawk li jemmnu fiH ma jkollhomx salib jew tbatija.  Dan hu dejjem minn ewl id-dinja.  M’aħniex ngħixu f’dinja tat-tajjar, anke jekk nippruvaw kemm nifilħu nagħmluha hekk.  Naħarbu kemm naħarbu minnu, is-salib dejjem jiġi.  Imma Alla jwiegħed serħan il-moħħ u fiduċja lil min jemmen fiH u f’Ibnu.  Kristu rebaħ il-mewt u qasamha fi tnejn u giddibha, u dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħU għandhom il-mewt mirbuħa u l-biża’ tagħħa ma jagħfasx madwar qalbhom qisu id kiesħa.

 

L-Ewwel Qari

 

Id-dnub ta’ Eva nibet fiha meta semgħet il-katekeżi tax-xitan li webbilha li għandu mnejn Alla kien rival tagħha u mhux Missierha li ħalaqha u jħobbha.  Inqeda bil-Kelma tal-Ħajja li taha dwar is-siġra f’nofs il-ġnien biex ixewwixha li Alla ried jillimitaha, jikkontrollaha, ixekkilha, jeħdilha l-ħelsien tagħha.  “Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.”  (Ġen. 3, 5).  Dan hu vers terribli fl-Iskrittura.  Ġab il-waqa’ tal-bniedem, ta’ kull bniedem.  Minn dak il-ħin ’il quddiem daħal fis-subkonxju tal-bniedem dubju dwar Alla.  Dan hu l-effett tad-dnub oriġinali.  Dan id-dubju jinqeda bl-Istorja li sikwit ma togħġobniex u jikber fina, jnissel u jdewwed f’moħħna.  Minħabba f’hekk il-bniedem tgħabba bir-responsabilta`, li Alla qatt ma ried li jkollu, li jaħseb għal ħajtu, jippjana ħajtu, jinkwieta fuq ħajtu; u mhux fuq tiegħu biss imma fuq ta’ wliedu wkoll, ta’ ħbiebu, tal-klan tiegħu, tal-pajjiż.  Għalhekk il-bniedem jixjieħ fl-inkwiet għax minħabba d-dubju li wiret malli tnissel f’ġuf ommu, hu ma jafdax.  Ma jafdax f’Alla’.  Anke jekk irid u jipprova, isib ruħu jibża’, jinkwieta, jitħasseb fuq x’jista’ jiġri.  Din hija l-marka tad-dnub fina.

 

Iżrael kien poplu prattiku ħafna; ma kienx jiddelitta b’teoriji u filosofiji imma bil-fatti.  Kien jara l-għadu ġej u jiddubita kemm Alla kien tassew Missieru.  Ir-raba’ jitqaxqax minħabba sena, sentejn bi ftit li xejn xita, u jgħid li Alla nesa, Alla  nsieħ, Alla raqad, ma jeżistix.  U allura kien idur lejn l-allat ivvintati tal-ġnus ġirien.  “Għandhom mnejn dawn jgħinuni”,  kien jgħid. 

 

Iżrael kien jitbandal minn kriżi ta’ Fidi għal oħra.  Fi żmien li nkitbet din is-silta li se naqraw, kienet ġratlu waħda tinkiteb.  Għall-edukazzjoni tiegħu fil-Fidi, (għax il-Fidi tinagħta mhux biss bis-smigħ tal-Kelma imma wkoll bl-esperjenza tal-Ħajja), Alla ppermetta li Iżrael jitlef gwerra kbira mas-Sultan Nabukkodonosor tal-Babilonja, u ħafna mill-poplu, l-aktar nies importanti u dawk li jaħdmu fil-ħadid, ġew imkaxkra lejn l-eżilju f’Babilonja. 

 

Mill-ewwel, ir-reazjoni tal-poplu kienet li Alla kien insihom.  Min jagħtihom tort?  Bħal donnu li l-allat ta’ Babilonja kienu għelbu li Jahweh, Alla ta’ Iżrael!  Fejn kien Alla meta lil Ġerusalemm, il-belt għażiża, ġarrfuha sa mis-sisien tagħha?  Fejn kien Alla meta t-Tempju stess, il-post qaddis fejn suppost li Hu kien preżenti, ġie maħruq u d-dehbijiet tiegħu inħallu fis-sħana tan-nirien u niżlu jgelglu mat-toroq tal-belt?  Aħna ngħidu: fejn hu Alla fl-Istorja tiegħi, f’dawn il-fallimenti, f’din it-tbatija, f’dan il-mard, f’din l-aħbar ħażina?  Hija mistoqsija naturali.  Ix-xitan jagħmel festa bina.  Hu tqil tafda f’Dak li int ma tistax tifhmu, li t-toroq tiegħU huma kważi dejjem differenti minn tieg]ek, li jara ’l bogħod ferm aktar minnek.

 

Ikollna nammettu li aħna qed ngħixu Storja misterjuża li hi akbar minna.  Il-bniedem jippjana ħafna kieku, imma l-Istorja tiegħu hi qaddisa, hi xogħol Alla u hi ikbar minnu.  Kieku nemmnu dan, kieku ninkwetaw ħafna inqas u niddiżappuntaw ruħna ħafna inqas.  Id-differenza bejn bniedem normali u ieħor  qaddis hija li dan tal-aħħar ftit iħabbel rasu u qatt mhu diżappuntat, għax jaf li Ħajtu hi ta’ Alla l-ewwelnett u li hu m’għandu l-ebda kontroll fuqha.  Allura jafda u ma jipprovax ifassalha hu.

 

Fl-eżilju ta’ Babilonja, Iżrael issaffa.  Tilef it-Tempju imma skopra s-Sinagoga fejn kien jistudja l-Kelma ta’ Alla.  Kiber fil-Fidi.  Kien riesaq żmien il-Messija u Alla kien jaf x’inhu jagħmel.  Minn fdal imsoffi u miżbur, spunta Dak li kien ilu mwiegħed sa miż-żernieq tal-ħolqien.  Huwa għalhekk li lil kull wieħed minna li ma nifhmux x’ikun qed “iħawwad” Alla, Hu jweġibna: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ħdanha?  Ukoll jekk din tinsa, jien lilek ma ninsiek qatt.”  (Is. 49, 15).

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  49, 14-15

 

   U Sijon kienet tgħid:

'Ħallieni l-Mulej ,'

u: 'Sidi nsieni.'

Tista' mara tinsa t-tarbija tagħha,

u ma tħennx għal bin ġufha?

Mqar jekk din tinsa,

jien ma ninsiek qatt!

 

Salm Responsorjali

 

Hija l-esperjenza tal-Ħajja li timmatura l-bniedem, li minn tfal tagħmlu bniedem magħmul fl-aqwa tiegħu.  Bit-tagħlim u l-paroli biss ma nagħmlu xejn.  Fil-prova kollox.  L-esperjenza tal-Ħajja hija l-forġa fejn il-ħadid jirtab u jiġi ffurmat f’dak li jrid sidu.  Is-Salmista għadda minn dan kollu.  Bħal Ġob seta’ jgħid : « Qabel kont smajt fuqek, imma issa għaraftek għax rajtek ! »  (Ġob 42, 5).  L-esperjenza tal-Ħajja ixxandar verita` waħda : li Alla hu Mħabba.  Għalhekk Salm 62 jgħid li Alla hu l-mistrieħ tar-ruħ, il-blata, is-salvazzjoni, il-ġieh tal-bniedem, il-kenn tiegħu.  Dawn l-affarijiet kollha mhumiex paroli imma frott ġrajja li fiha l-bniedem jinduna li fiergħa huma l-idoli li toffri d-dinja.  Is-sigurta tal-moħħ jinstab biss f’li wieħed jafda f’Alla.

 

Ritornell :  F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi.

 

Salm 62

 

F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi:

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

 

F'Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi,

hu l-blata qawwija tiegħi,  u l-kenn tiegħi f'Alla.

Ittama fih f'kull żmien, o poplu;

iftħu qalbkom quddiemu.

 

It-Tieni Qari

 

Il-qari li ġej, magħżul mill-Ewwel Ittra lill-Korintin, bħal donnu ma jaqbilx mas-suġġett tal-lum.  Imma l-mod li bih Pawlu jkellem lill-Katekumeni tiegħu jindika bniedem li ma jħabbel moħħu fuq xejn, la fuq dak li jista’ jiġrilu u lanqas fuq dak li jaħsbu n-nies u li jistgħu jiġġudikaw.  Għalih l-unika ħaġa mportanti kienet li Alla kien Missieru, li bagħatlu lil Ibnu sabiex bih ikun salv, u li kien qed imexxilu l-Istorja tiegħu.  Konvint minn dan kollu, hu kien jista’ jgħid il-verita` lil kulħadd bla ma jibża’ għal wiċċu għax kien jaf li dak li seta’ jiġrilu kien jiġrilu għax hekk kien irid Dak li  kien iħobbu bħal ibnu l-għażiż.  Hu kien jaf li ġo fih kien hemm l-Ispirtu Qaddis li jimbuttaħ biex lil Alla jsejjaħlu “Abba! Pa! Missier!”  Min se jħabbel moħħu meta għandu dan kollu?!

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  4, 1-5

 

In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta' Kristu u amministraturi tal-misteri ta' Alla. Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili.  Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi.  Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b'daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani.  Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.

 

Evanġelju

 

Il-Bibbja tpoġġi quddiemna kejl klassiku biex nindunaw kemm nafdaw f’Alla, kemm tassew nemmnu fih.  Lil min nafdaw l-aktar aħna, lil Alla jew lill-flus li nkunu ġemmajna u qegħdin għall-kenn f’xi bank jistennew li nużawhom f’xi bżonn speċjali?  Il-flus huma deskritti fil-Bibbja minn Alla nnifsu bħala l-idolu per eċċellenza li toffri d-dinja lill-bniedem.  Illum l-allat foloz m’għadhomx statwi, ħafna drabi koroh u li jbeżżgħu, li kellhom il-ġnus fl-antik.  Illum dawn l-allat saru ħafna iktar soffistikati u kapaċi jirbħu moħħ il-bniedem.  Meta jindubja fuq Alla, il-bniedem idur lejn dawn l-allat għax ma jistax jgħix mingħajr ma jagħti qima lil xi alla.  Il-bniedem huwa annimal reliġjuż u din ir-reliġjożita naturali li qegħda f’kull bniedem timbuttah jew li jfittex lill-Alla veru, jew jintelaq fil-qima ta’ oġġett materjali li jserraħlu moħħu, mingħalih.  Il-problema hija li jkun qed ifittex il-Ħajja fejn hemm il-mewt.

 

L-Evanġelju tal-lum hu ħafna, ħafna mportanti; u sikwit ma nagħtux kasu.  Huwa parti mid-Diskors qawwi tal-Muntanja li qegħdin naqraw f’dawn l-aħħar Ħdud.  Fih, il-Mulej jurina fejn tinsab il-Ħajja vera, Ħajja minlija sliem u mgħixha “to the full” kif jgħidu l-Ingliżi.  Il-Kelma-ċavetta tal-Ħajja hija “il-Fiduċja”.  Fiduċja f’Alla Missier li tiġi mill-Fidi. 

 

Imma d-dinja din il-ħaġa tiċħadha.  M’għandhiex Fiduċja f’Alla u għalhekk taħseb għal rasha.  Il-bniedem li għandu dubju dwar Alla, ma jafdahx, u għalhekk hu solitarju, jħossu waħdu.  Malli jħossu waħdu, mill-ewwel, b’mod naturali, jsir egoista, jiġbed lejh, jaħseb għal rasu għax konvint li ħadd mhu se jaħseb għalih.  Iħossu mhedded mill-Istorja, minn dak li jista’ jiġri fil-futur, u għalhekk għandu bżonn palpabbli ta’ sigurta`, sigurta` u dejjem iktar sigurta`.  X’toffri id-dinja għal dan l-għatx ta’ sigurta’?  Il-flus.  Bil-flus tofroq il-baħar ta’ kull problema, jgħidulek.  L-gwerer kollha jiġu miġġielda minħabba l-flus.  Id-droga, il-prostituzzjoni, il-pornografija, kull tip ta’ korruzzjoni, l-inġustizzji kollha... dawn kollha ssib il-kilba għall-flus warajhom. 

 

Minħabba n-nuqqas ta’ sigurta` għax mgħandux fiduċja f’Alla, l-bniedem isir idolatra.  U dan mhux imbiegħed minna lkoll, tafux.  Dan hu aħna.  Din l-idolatrija tal-flus ħafna drabi tissejjaħ “għaqal”. 

 

Hawn Ġesù ma jgħidx li ma tistax taqdi lil Alla u liż-żina fl-istess ħin.  Lanqas ma jgħid ma tistax taqdi lil Alla u l-għira, il-mibegħda eċċ.  Kollha huma għedewwa kbar tiegħU.  Imma Hu jgħid: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” (v. 25).  Il-flus, Kristu jpoġġihom bħala eżempju prim tal-idoli tad-dinja.  L-akbar għadu ta Alla.  Għax min hu rgħib, min għandu ħeġġa għat-tkattir tal-għana, dan jagħmlu għax fil-flus isib il-kenn, is-saħħa, is-serħan tal-moħħ.  Il-flus huma alla għalih u fejn hemm huma alla, ma jersaqx alla ieħor; ma jersaqx Alla.  Il-problema hi li l-flus, bħal kull ħaġa oħra materjali, ma jsolvux il-problema primarja tal-bniedem li hi l-biża’ tal-mewt.  Tgħid x’tgħid id-dinja.  Għall-kuntrarju l-flus idaħħlu lill-bniedem f’ħafna beżgħat u nkwiet u tħassib... altru li jneħħulu l-biża’. 

 

Darba kien hemm wieħed li kien ibigħ il-hamburgers... kien jieħu gost b’xogħolu u wara ġurnata xogħol kien imur kuntent lejn daru.  Tela’ fil-lotterija!  Sar sinjur!  Martu bdiet tixtri l-kowtijiet tal-fur. Bena villa babaw.  Beda jixtri u jonfoq, għax ma riedx jidher ta’ baħnan quddiem in-nies.  Bil-mod il-mod beda jinduna li s-somma li rebaħ bdiet nieżla, nieżla, nieżla.  Kien għad baqagħlu ħafna eluf, ħafna iktar milli qatt ħolom li seta’ jkollu qabel, imma issa beda jiġġennen.  Iġġieled mal-mara għax akkużaha li kienet qed tberbaqlu ġidu, u ħallietu... uliedu ma baqgħux jgħarfuh iktar... Darba, fil-club fejn kien imur, kienu qed jiċċelebraw xi anniversarju u stennew mingħandu xi rigal kbir, enormi... sinjur bħal dak...!  Nefqilhom somma li għalih dehret kbira, imma huma bdew jgħajruh li kien xħiħ, tant li lanqas baqa’ jmur hemm... beda jiddejjaq joħroġ għax kulħadd kien qed jgħid bih.  Induna li kien tilef il-paċi li kellu qabel.  Il-flus ma solvewlux il-problemi imma żiduhomlu.  Qabel kien kuntent bil-ftit li kellu, imma issa...

 

Alla jridna ngħixu l-Ħajja bla nkwiet u bla tħassib billi nafdaw fih.  Imma jekk nagħtu daqqa ta’ għajn lil mod kif ngħixu minn jum għall-ieħor nindunaw li anke jekk immorru l-knisja kuljum, aħna mehdijin biex nassiguraw ruħna kontra dak kollu li jista’ jinqala... bħall-pagani.  Għandna bżonn nikbru fil-Fidi.

 

Versett: Hallelujah.  Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama.  Hallelujah. 

 

"Ħadd ma jista' jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

  

"Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x'se tieklu jew x'tixorbu, anqas għal ġisimkom x'se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m'hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?  U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b'jum wieħed biss?  U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il- ġilji ta' l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu.  Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.  Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta' fidi ċkejkna!  Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, "X'se nieklu?' jew 'X'se nixorbu?' jew 'X'se nilbsu?', għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.  Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta' Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.  Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta' għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata."

 

 
< Prev   Next >