Sunday, 22 October 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2017) GHAL XHIEX GIE KRISTU FID-DINJA?
L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2017) GHAL XHIEX GIE KRISTU FID-DINJA? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 March 2017

Din hija il- Liturgija  ta' l-ewwel Hadd tar-Randan ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

temptation_of_christ.jpg

 

Il-bniedem huwa fundamentalment esseri, ħlejqa, aljenata.  Fiż-żminijiet tal-lum iktar minn qatt qabel.  Il-bniedem huwa wkoll l-esseri bl-iktar moħħ intelliġenti u għalhekk għandu l-intuwizzjoni li hu ħlejqa li għaliha ż-żmien hu mportanti għax ġismu qiegħed imut.  Ma tantx jaħseb fuq dan għax il-ħin kollu jipprova jaljena ruħu billi għandu l-biża’ tal-mewt jgħammar f’moħħu.  Huwa għaref, l-egħref ħlejqa, imma fl-istess ħin, (u din hi kuntradizzjoni kbira!), hu jgħix il-bluha, il-gidba.  Jilgħab bil-ħajja!  Jaħraq iż-żmien, waqt li jidħol f’tensjoni għax jarah għaddej mgħaġġel. Kemm nies, wara għexieren ta’ snin indunaw li qatt ma għexu tassew, qatt ma ħabbew tassew u l-Ħajja ħarbitilhom bħal ponn ramel minn bejn subgħajhom.

 

Dijoġene, filosofu Grieg tal-antik, bniedem għaref ħafna, kien kuljum f’nofsinhar joħroġ idur ma’ Ateni b’fanal mixgħul f’idejh.  In-nies kienu jidħku bih u kienu jgħidu: “Fl-aħħar tilef moħħu Dijoġene!”  U meta staqsewh x’kien qed jagħmel b’dak il-fanal jgħarrex f’nofs ta’ nhar, qalilhom: “Qed infittex bniedem!”  Kien qed ifittex bniedem mhux aljenat, bniedem li qed jgħix tassew, bniedem li jaf x’inhu jagħmel u mhux imkaxkar mal-kurrent tan-nies ta’ madwaru.  Hu tal-għaġeb li jekk tirkeb fuq tal-linja u tistaqsi lil xi ħadd fejn sejjer, kulħadd jaf iwieġbek, imma jekk tistaqsi: “Għalfejn qed tgħix?” kulħadd jitħawwad!

 

 

Ir-Randan jiġi biex, lil min jieħdu bis-serjeta`, jimbuttah jistaqsi l-mistoqsijiet fundamentali tal-Ħajja, li ħafna qatt ma jistaqsu:  Min hu Alla?  Għaliex temmen li jeżisti?  Għalfejn qed tgħix int?  X’ġie jagħmel hawn Ġesù Kristu?  Dawn huma mistoqsijiet li jtajjru l-aljenazzjoni tal-bniedem.  Ħafna jgħollu spallejhom  u jgħidu: “Xi thewdin!” u jibqgħu għaddejjin jilagħbu bil-Ħajja.  In-Nisrani ma jistax jaffordja li jagħmel dan.

 

L-ewwel mistoqsijiet li qed jagħmlilna dan ir-Randan huma dwar Ġesù Kristu: “Għaliex Alla bagħat lil Ibnu?  Fejn tidħol int f’din l-Istorja?  Għax kellu jbati għalik?  F’liema qagħda tinsab biex Kristu ħass li kien vallapena li jgħaddi minn dak kollu li għadda minħabba fik?”  Ara taħseb li dawn huma mistoqsijiet ħfief... Meta Pietru wieġbu tajjeb għall-mistoqsija “Int min tgħid li jien?” Kristu aċċertah li din ma kinitx minn moħħu imma ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu!  U hekk kif kien imbierek Pietru għax kien imdawwal mill-Ispirtu s-Santu, bl-istess mod hu mbierek il-bniedem li jaf jagħti tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.

 

Kristu ma ġiex biex jgħallem l-iktar, anke jekk għallem ħafna; ma ġiex biex isolvi l-problemi tal-bniedem bil-mirakli, anke jekk għamel ħafna mirakli.  Hu ġie biex imut u jqum mill-mewt għalik, għalija u għal kull bniedem.  Imma għandna bżonn id-Dawl tal-Ispirtu s-Santu biex dan nagħrfuh u mhux nispiċċaw nirrepetu affarijiet ta’ bl-amment.

 

Ħadd u ħadd ma jista’ jidħol f’dan il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu jekk, qabel xejn, ma jagħrafx dnubu.  Anke din hi Grazzja!  Il-Knisja qegħda tagħtina ż-żmien tar-Randan biex inħejju ruħna għall-Ġimgħa Mqaddsa li magħha hemm marbuta mewt jew Ħajja għalina!  U tħejjija serja tibda bl-għarfien, almenu fil-qjies li nistgħu ngħarfu, tad-dnub tagħna.  Għaliex?  Għax kien id-dnub tiegħi u tiegħek li niżżel lil Kristu mis-sema!  Kien id-dnub tiegħek u tiegħi li welled lill-Messija fl-għar ta’ Betlehem.  Kien id-dnub tiegħek u tiegħi li ġiegħel lil Alla nnifsu jterraq għal tliet snin mingħajr ma jkollu fejn jistkenn lanqas daqs il-volpijiet u l-għasafar tas-sema.  (ara Mt. 8, 20).  Kien id-dnub tiegħek u tiegħi li tella’ l-Kelma ta’ Alla li ħalqet l-univers fuq il-Kalvarju u dendilha ma’ salib sakemm Dak li minnu tnisslet il-Ħajja, spiċċa bla Ħajja!

 

Minn dan kollu wieħed jista’ jinduna li hu mperattiv, ta’ bil-fors, li mhux inħabbtu fuq sidirna u ngħidu li aħna midinbin bi drawwa u bl-amment, imma li nindunaw bil-għoli u l-fond tal-ħtija tagħna u jisgħob bina tassew.  Min jidħol fid-dieqa tal-indiema jista’ jidħol ukoll fil-ferħ tal-maħfra tal-Għid.

 

L-Ewwel Qari

 

L-istorja tagħna bdiet fil-Ġnien tal-Għeden.  F’Adam u Eva kien hemm aħna wkoll.  Doqna l-Ġenna sakemm ma kellna l-ebda ħjiel ta’ dubju dwar l-Imħabba tal-Mulej.  Id-dinja kienet innoċenti, bla kapaċita` li taħseb il-ħażin.  Ma kienx jeżisti l-ħażin.  Imma f’Eva emminna l-kelma insinwanti tal-għadu.  Imma tgħid veru li Alla jrid jikkontrollana, jillimitana jxekkilna?  Għaliex ma jistax ikollna kollox, kollox?  Għaliex dik is-siġra fin-nofs li f’daqqa waħda tfiet tant siġar oħra li Hu tana?  Imma għaliex?  Għaliex Hu Alla u aħna limitati, ma nistgħux nagħmlu li rridu?  Għaliex l-Istorja tiegħi hi differenti minn dak li nixtieqha tkun? 

 

Is-suspett f’Alla hu dak li qatagħna minn miegħU.  Is-suspett, li twieled mis-suppervja, hu d-dnub tal-bidu li minnu ħareġ il-ħażen kollu.  Eva tawlet idha għax kienet ġa nqatgħet minn Alla, kienet ġa fid-dnub.  L-ażżjoni tad-dnub dejjem isseħħ għax ikun ġa faqqas f’moħħna d-dnub.  F’Adam u Eva aħna ddubitajna minn Alla u dnibna.  Lkoll kemm aħna!  Issuppervjajna u għidna: “U dan Alla wkoll...!”

 

Sirna orfni.  Doqna l-mewt.  Daħal il-biża’.  L-insigurta` kebbitna.  Sirna egoisti.  L-ieħor sar l-infern għalina kif qal Sartre.  L-ieħor hu dejjem rival li jheddek.  Tlifna l-kapaċita` li nħobbu lill-ieħor hekk kif inhu.  L-ieħor jiskomodani, jheddidni.  Kif nista’ nħobbu?  Għalxejn tagħmilli Liġi għax, anke jekk irrid nobdiha, anke jekk naf li hemm qegħda l-verita`, m’għandix saħħa għaliha.  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-Mewt?  (Rum. 7, 24).  Il-Ħellies tiegħi huwa s-Salvatur imwiegħed fil-Ġnien stess fejn waqa’ l-bniedem.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  2, 7-9.  3, 1-7

 

Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta' l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja,  u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.

 

U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar.  U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f'nofs il-ġnien u s-siġra ta' tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.

 

U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara:  “Tassew li Alla qalilkom: 'La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien'?”  U l-mara wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f'nofs il-ġnien,  Alla qalilna: 'La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.’ ”  U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux.  Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.”  U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġħa, li kien magħha, u kiel.  U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma.

 

Salm Responsorjali

 

David kien bniedem skont il-qalb ta’ Alla, imma xorta waħda kien midneb kbir.  Dan lilna jħawwadna.  Ninsew li ħdejn l-Imħabba ta’ Alla għall-bniedem, id-dnub mhu xejn.  Mhux għax id-dnub mhux serju!  Tant hu serju li joqtolna, litteralment.  Imma l-Imħabba ta’ Alla hi ferm ikbar.  Għal Alla, ħafna drabi aħna nies mejta mhux ħajja; neżistu mhux ngħixu. 

 

David daq il-mewt minħabba d-dnub.  Ħaseb li jekk jagħmel l-adulterju (jaqta’ mis-siġra miċħuda lilu minn Alla bħal Adam u Eva), se jsib il-Ħajja, l-eliżir, il-milja ta’ dak kollu li dejjem xtaq.  Imma l-adulterju wasslu għall-qtil, u l-qtil wassal għall-mewt ta’ ibnu.  Id-dnub huwa katina.  Il-bniedem igerfex u jimmultiplika s-saħta fuq l-art.  M’hemmx dnub wieħed, lanqas wieħed, li ma jħallix konsegwenza fuq kulħadd... anke jekk dan id-dnub ikun fis-sigriet u donnu li ma jikkonċerna lil ħadd ħliefek.  Kull dnub joqtol ftit ieħor lis-soċjeta` tal-bnedmin.

 

Mela għaliex David kien skont il-qalb ta’ Alla?  Għax ma kienx aljenat.  Għaraf mill-ewwel il-kobor ta’ dnubu.  Kien jaf hu min hu.  Bagħad id-dnub tiegħu u nidem bil-kbir.  Jiġifieri, kien umli.  Dan is-Salm li ġej, li minnu se naqraw biss ftit, ikkomponih fil-qalba tal-indiema tiegħu meta kien f’din is-sitwazzjoni.  Hu Salm meraviljuż, wieħed mill-iktar magħrufa.  Nistedinkom taqrawh kollu biex  tagħrfu x’inhi l-indiema vera.  Ir-Randan jiġi biex ninagħtaw imqar ftit minn dan l-ispirtu ta’ ndiema u mibegħda qaddisa għad-dnub.

 

Ritornell:  Ħenn għalina, Mulej, għaliex dnibna.

 

Salm 51

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

It-Tieni Qari

 

Fil-bidu staqsejna: X’ġie jagħmel Kristu fid-dinja?  Ir-risposta jagħtihielna San Pawl f’dan il-qari.  Permezz ta’ bniedem wieħed daħal id-dnub fil-bniedem, u mad-dnub l-isfrattu, il-korruzzjoni u l-mewt; hekk ukoll kien hemm bżonn li bi bniedem wieħed jitħassar id-dnub u tintrebaħ il-korruzzjoni u l-mewt.  Dak li wettaq Adam, ħassru Kristu bis-“siegħa” tiegħu, bil-Misteru tal-Għid.  Dan il-Misteru tal-Għid ma jfissirx biss il-qawmien tiegħu, imma l-Ġimgħa Mqaddsa kollha kemm hi, jiġifieri d-daħla tiegħu fit-tensjoni, it-tbatija ħarxa tal-Passjoni, it-telqa f’dirgħajn il-mewt u r-rebħa f’isem il-bniedem bil-qawmien tiegħu mill-qiegħ tal-qabar.

 

Kristu ġie għalija biex jien ikolli Tama li tiġi mill-Fidi.  Jekk ngħid li nemmen fi Kristu, dan ifisser li jien nemmen li l-Iben Waħdieni ta’ Alla libes laħam bħal tiegħi u għex il-Misteru tal-Għid f’ismi u minfloki.  L-Għid huwa l-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja.  Huwa Kristu u Kristu waħdu li jaqsam għalija l-mewt li minnha jitnissel il-biża’ u d-dnub.  Huwa Kristu u Kristu biss li lili jagħmilni ġust u l-ebda ħaġa li nista’ nagħmel jien.  Huwa Kristu u Kristu biss li lili joqtolli n-natura marida għall-mewt, li ma tistax ma tidnibx, u li writtha mingħand missirijieti, u minflokha jagħtini natura tixbah lil tiegħU.

 

Ħwejjeġ enormi u bla qjies rebaħ għalina Kristu!  Dan għamlu fuq is-salib u bil-qawmien tiegħu.  L-Għid ta’ Kristu huwa l-Għid tagħna!  Il-merti ta’ Kristu huma l-merti tagħna!  Huwa hawn li hemm bżonn jaħdem magħna l-Ispirtu s-Santu għax il-kliem tal-bniedem hu fqir wisq biex jiddiskrivi l-Opra ta’ Kristu b’risq tagħna.  Huwa l-Ispirtu li għandu s-setgħa jmiss il-qalb tagħna u jdawwalha, u aħna “naraw” dak li għajn qatt ma “rat” u “nisimgħu” dak li widna qatt ma “semgħet”.  Min se jifhem dak li għamel Kristu bl-intelliġenza umana waħedha?  Iżda bosta kienu dawk li ġew imdaħħla f’dan il-Misteru Kbir u bil-Magħmudija li rċivejna aħna lkoll għandna dritt nakkwistaw din il-Grazzja.  Kulma jrid mingħandna l-Missier hija x-xewqa li ngħarfu lil Ġesù dejjem iżjed u ma nkunu kuntenti qatt b’dak li naħsbu li nafu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  5, 12-19

 

 Bħalma kien permezz ta' bniedem          

 wieħed li fid-dinja daħal id-dnub,

 u permezz tad-dnub il-mewt,

 u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha,  għax kollha

 dinbu...

    

 Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien

 ġa fid-dinja:

 imma d-dnub ma kienx magħdud,

 ladarba Liġi ma kienx hemm.

 Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa  

 Mosè, mqar fuq  dawk li ma  waqgħux fid-dnub  li  fih kien 

 waqa' Adam, li kien xbieha ta' dak li kellu jiġi.

 

 Imma d-don m'huwiex bħall-ħtija.

 Għax jekk permezz ta' ħtija waħda mietet il-kotra,

 aktar u aktar issa l-grazzja ta' Alla u

 d-don mogħti bil-grazzja ta' bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu,

 xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

 

 U d-don  anqas ma  hu  bħall-frott  ta' dak  il-wieħed li dineb;

 għax tassew,il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed

 wassal sal-kundanna,

 iżda  d-don  mogħti  wara  ħafna  dnubiet  iwassal  għall-ġustifikazzjoni.

 

 Għax jekk minħabba fil-ħtija ta' wieħed waħdu

 saltnet il-mewt, permezz ta' dak il-wieħed,

 aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja

 għad isaltnu fil-ħajja permezz ta' wieħed li hu Ġesù Kristu.  

 

 Mela kif bil-ħtija ta' wieħed  waħdu  waslet  il-    

 kundanna fuq il-bnedmin kollha,

 hekk  ukoll bl-opra  tal-ġustizzja ta'  wieħed  waslet   lill-bnedmin kollha

 l-ġustifikazzjoni   tal-ħajja.  

 

Għax   kif    bid-diżubbidjenza ta' bniedem     wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta' wieħed il-ħafna jsiru ġusti.

 

Evanġelju

 

Hu tqil għalina nirriflettu kif Ġesù ma kienx biss Alla imma bniedem ukoll.  Anzi, fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben ta’ Alla kellu d-divinita` tiegħu bħal mgħottija mill-umanita` tiegħu.  Meta kien żgħir kellu bżonn jikber fil-għerf u l-maturita` (ara Lq. 2, 52).  Kien ibati u kien jifraħ b’dak kollu li jġiegħel bniedem ibati u jifraħ.  U biex tassew jimmatura u jissaħħaħ fir-Rieda tal-Missier (dejjem bħala bniedem) kellu bżonn jirbaħ it-tentazzjoni, għax Hu ġie ttentat bit-tentazzjonijiet kollha, kollha, li bihom huma ttentati l-bnedmin.

 

Dawn it-tentazzjonijiet tal-bniedem nistgħu niġbruhom fi tlieta. 1. “It-Tentazzjoni tal-Ħobż”:  wara l-ħobż hemm il-flus li “jsolvulek” it-tbatija u jagħtuk sigurta`.  Għaliex għandek tbati?   2.  “It-Tentazzjoni tal-Istorja”: għax ma jbiddillix l-Istorja Alla, jekk lili jħobbni?  Għax ma jaqlagħlix kulma nitolbu, jagħmel miraklu.  Kristu kien jaf li dieħel għal Storja diffiċli.  Għaliex għandu jkun hekk?  Min se jemmn li Hu, bin mastrudaxxa, kien il-Messija imwiegħed?  Miraklu, u neħilsu!  In-nies jarawk nieżel minn fuq it-Tempju bla ma jiġrilek xejn.  Il-problemi kollha solvuti.  Fama.  Għaliex ma jagħmilx hekk magħna l-Missier?  X’taħwid hu dan?   3.  “It-Tentazzjoni tal-allat foloz”:  adurani u d-dinja tkun tiegħek.  Il-ħajra għas-suċċess.  Din il-ħajja biss teżisti.  M’hemm xejn lil hemm mill-mewt.  Qatt ġie xi ħadd lura miċ-ċimiterju?  Akkwista d-dinja u tkun ferħan.  Dik ħajja!  Itfa’ kulma għandek fis-snin li se tqatta’ hawn, għax dawk huma tiegħek u xejn aktar... u jkollok nisa kemm trid, flus, popolarita`, setgħa...

 

Kristu ġie mdawwar minn dan kollu bis-serjeta`.  Wara erbgħin jum sawm kien bniedem dgħajjef, donnu miġnun waħdu qalb il-blat tax-xagħri.  Kienet togħma tal-esperjenza tal-Misteru tal-Għid.  Rebaħ u niżlu l-anġli jaqduh.  Hekk jiġri lilna kull darba li fid-dlam tal-prova negħlbu saħansitra r-raġuni tagħna.  Waħedna dan qatt ma naslu għalih, iżda bil-qawwa ta’ Dak li rebaħ qabilna, iva.

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek, Kristu!  Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.  Glorja u tifħir lilek, Kristu.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  4, 1-11

 

Mbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa' sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: "Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż."  Iżda Ġesù wieġbu: "Hemm miktub,

 

               ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix

               iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ "

 

Mbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li,

 

               ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’u li

                ‘Fuq idejhom jerfgħuk,

                Ħalli ma taħbatx riġlejk ma’ xi ġebla.’ ”

 

                Qallu Ġesù: "Hemm miktub ukoll,

 

                ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ 

 

Għal darb'oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: "Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani." Mbagħad qallu Ġesù: "Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub,

 

                    ‘Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura,

                  u lilu biss taqdi.’ ”

 
< Prev   Next >