Sunday, 25 June 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TIENI HADD TAR-RANDAN (2017) IT-TWEGIBA TA ALLA HI KRISTU
IT-TIENI HADD TAR-RANDAN (2017) IT-TWEGIBA TA ALLA HI KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 March 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd tar-Randan ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

giovanni_gerolamo_savoldo_005-1.jpg

FIL-Liturġija tal-Kelma li kellna fl-Ewwel Ħadd tar-Randan rajna l-waqgħa progressiva tal-bniedem, mill-innoċenza u t-twaħħid ma’ Alla għall-abbiss tal-korruzzjoni u tbegħid mill-għajn li minnha ħareġ.  Mid-dnub ta’ Adam u Eva tnisslet il-ħruxija tad-dnub ta’ Kajjin li qatel lil ħuh, u wara ħafna vjolenzi oħra naslu għall-firdiet dejjiema li twieldu ħdejn it-Torri ta’ Babel.  Imma Sid l-Istorja huwa Alla.  Din hi l-Fidi tagħna.  Mhux li Alla tilef il-kontroll ta’ kollox, bħalma xi wħud jinsinwaw x’ħin jaraw l-inġustizzji, il-ħażen u d-deni li l-bniedem qed jagħmel lil din il-pjaneta li qegħda ssofri miegħu il-konsegwenzi tad-dubju tal-ewwel ġenituri.  Alla hu Mħabba u għalhekk ma setax ma jħallix lill-bniedem li Huwa jħobb ħieles li jagħżel jew it-tajjeb jew il-ħażin.  Imma Hu għandu s-setgħa li jdawwar kollox għall-ġid.  Din hija r-rebħa tal-Imħabba għax l-Imħabba hi akbar minn kollox.  Għalhekk Alla hu dejjem Aħbar Tajba fil-qalba tat-twegħir li bih hu mdawwar il-bniedem.

 

Ir-risposta tal-Missier għal dan it-taħwid kollu hu Ibnu Ġesù Kristu.  Huwa wegħdu Salvatur lill-bniedem, immedjatament wara l-ewwel waqgħa, u mexxa l-Istorja tas-Salvazzjoni bil-mod il-mod lejn il-milja tagħha meta seħħet l-Inkarnazzjoni.  Fl-Inkarnazzjoni,  Alla jilbes ġisem bħal tagħna biex jiġi jgħammar fostna u jitgħabba b’dak kollu li tgħabba bih il-bniedem konsegwenza tal-għażla ħielsa imma ħażina tiegħu.  Kulma ġara qabel il-miġja ta’ Kristu kien jitkellem fuqu, kien xbieha tiegħu, kien juri lilu.  Il-Misteru ta’ Dak li kellu jiġi kien moħbi f’ħobb il-Missier, imma kollox kien jurih, jindikah minn qabel.

 

 

Kien hemm dawk li kienu jgħidu li n-Nisrani m’għandux x’jambi t-Testment il-Qadim li jidher tant differenti mit-Testment il-Ġdid.  Mhu veru xejn.  It-Testment il-Qadim jitkellem il-ħin kollu fuq il-“Mistenni”, Dak li kellu jiġi u wieħed ma jistax jifhem lil Kristu jekk ma jkunx jaf tajjeb it-Testment il-Qadim.  Kristu huwa siġra tal-Ħajja li twarrad u tferrex il-friegħi tagħha fit-Testment il-Ġdid iżda li għandha għeruqha fil-Qadim.  Is-Salmi jitkellmu fuq Kristu; il-Profeti jitkellmu fuq Kristu; l-Istorja ta’ Iżrael titkellem fuq Kristu; il-Liturġija tat-Tempju ta’ Iżrael titkellem fuq Kristu; saħansitra l-Liturġija primittiva tad-deżert wara l-ħruġ mill-Eġittu titkellem fuq Kristu: l-offerta safja li tinqatel biex il-poplu ma jmutx minħabba dnubietu; il-bodbod innoċenti li fuq rasu l-qassis jitfa’ dnub il-ġens kollu u jitilquh jiġġerra fid-deżert fejn imut hu u jmut miegħu dnub ħaddieħor.

 

Il-problema hi li aħna ma  nafuhiex l-Iskrittura u San Ġirolmu għandu kliem iebes għall-Knisja meta jgħid li dawk li ma jafux l-Iskrittura ma jafux lil Kristu.  Il-Konċilju ħeġġeġ għall-qari tal-Kotba Mqaddsa, iżda mill-kliem għall-fatti hemm baħar jikkumbatti.  Hi l-opinjoni tiegħi li l-Knisja m’għamlitx biżżejjed f’dawn l-aħħar ħamsin sena biex tbiddel il-mentalita` u l-kultura tan-nies u bil-mod il-mod iddakkarhom bl-għożża tal-Bibbja.

 

L-Ewwel Qari

 

Abraham huwa Missier il-Fidi.  Il-Fidi vera f’Alla l-veru titwieled bih.  Jekk trid tkun taf x’inhi l-Fidi, kun af li hija hi “Abraham”.  Aqra u mmeditata l-Istorja tiegħu u tkun taf x’inhi l-Fidi li l-Missier jixtieq iħawwel fina.  L-ewwel ħdax-il kapitlu tal-Ġenesi mhuma xejn ħlief introduzzjoni għal dan il-bniedem xih u fallut li lejn l-aħħar ta’ ħajtu nduna li għex għal xejn u mingħalih li kien għadda mill-eżistenza, bħalma għasfur li jidħol ġo kamra mingħajr ħadd ma jaf mnejn ġie, idur ħames dawriet u jerġa’ jsib min fejn daħal u jitlaq lejn ħadd ma jaf fejn.  Kemm nies jidhru fuq din il-pjaneta, jgħixu ftit għaxriet ta’ snin u jitilqu qishom qatt ma ġew hawn!  X’miżerja l-bniedem!

 

Imma l-Ħajja hi misteru u ikbar minna lkoll, u Abraham, bla ma kien jaf, anke jekk kien xjieħ u mingħalih li qorob lejn il-ħofra, kien għad irid jesperjenzja li l-kbir kien għadu ġej.  X’ħaġa tal-għaġeb: ħamest elef sena wara li għex, għadna sal-lum nitkellmu fuq dan ix-xwejjaħ li għalih ħajtu kienet bla sens.

 

Il-problema ta’ Abraham mhux għax kien fil-bżonn ta’ affarijiet materjali.  Kien sinjur u għamel kemxa mill-imrieħel, iġmla, qaddejja, ilsiera u tant affarijiet li kellu.  Imma hu kien qisu m’għandu xejn għax l-iktar ħaġa li xtaq ma kellux.  Eva kellha l-Ġnien kollu imma dik is-siġra fixlitha.  Fixlitha sigra waħda!  Eva hi aħna. Abraham hu aħna.  Kemm grazzji; kemm providenza; kemm rigali mhux mistħoqqa aħna mdawrin bihom.  Imma hemm salib.  Hemm salib fil-Ħajja ta’ kull bniedem.  Hemm siġra li ma nistgħux immissuha.  Hemm xewqa projbita.  Kollox jiċċajpar minħabba fiha.  Ma nibqgħu naraw xejn. 

 

Xi xtaq Abraham?  Iben.  Martu kienet sterili u issa hu kien xjieħ; kellu mal-75 sena.  Minn fejn se jġibu t-tifel issa?  Kien jistenna l-mewt u ma jħalli lil ħadd warajh li jiftakar fih.  Ġidu jiħduh il-barranin li jitmejlu minnu.  Ħajtu kienet saħta mhux barka.   Kien politeista, jemmen f’ħafna allat bħall ġensu kollu.  Ma kienx jaf minhu Alla.  Ħadd ma kellmu fuqU.  Ħadd ma kien jaf biH.  Abraham karab u talab l-idoli ta’ kull post li minnu kien jgħaddi.  Kien nomadu jiġġerra ’l hemm u ’l hawn bil-merħliet u n-nies li kienu jaħdmu miegħu.  L-ebda alla qatt ma semgħu! 

 

Kollox kien ippjanat minn Alla. Kien Alla li għabbih dan is-salib, bħalma hu Alla li għabba lilna bis-salib.  Għaliex?  Għax kull salib hu glorjuż!  Dan ma naċċettawhx.  Għalina s-salib hu saħta bħalma kien għal Abraham.  Imma s-salib hu glorjuż għax fih niltaqgħu ma’ Alla u mkien iktar.  L-Antifona tal-Ewkaristija tal-lum tgħid: ‘“Ejja”, għidt f’qalbi, “fittex lil wiċċu.”  Jiena wiċċek infittex, Mulej; la taħbix wiċċek minni.”’ (S. 26, 8-9).  Imma l-ebda bniedem ma jfittex wiċċ Alla jekk ma jkunx imniggeż mis-salib.  Nippreferu ngħixu ħajja ċkejkna imma bla taħbit żejjed u nkwiet.  Għandna manija li nċekknu kollox.  Alla jitqażżeż minn dan!  Iniggiżna biex niskopru l-ferħ veru, l-Ħajja vera, il-Ħajja ta’ Dejjem.  Li ma kienx għas-salib ħadd ma jsalva.  Li ma kienx għas-salib, ħadd ma kien ikun jaf b’Abraham.  Is-salib ma ħalliex lil dan ir-raġel imut fix-xejn imma għamlu missier ta’ ħafna popli!  Tal-għaġeb!  Għalhekk it-Testment il-Qadim hu għażiż għan-Nisrani għax fih hemm l-Istorja tiegħu, l-Istorja tiegħi u tiegħek, miktuba.  Abraham huwa jien, huwa int.

 

Alla jindaħal f’Ħajtu.  Ikellmu fil-profond tiegħu.  Jagħtih wegħda.  Mhux tifel imma ġnus.  Abraham jemmen.  Jemmen lil Alla.  Anke jekk ma kienx jaf min hu Alla, jemmnu u b’hekk jagħtiH Glorja.  Jekk temmen li Alla kapaċi jagħmel l-impossibbli f’Ħajtek, tkun qed tagħtih Glorja.  Abraham jobdi lil Alla f’kollox u spiċċa biex ra l-Jum ta’ Kristu.  Liema hu l-Jum ta’ Kristu?  Hu Jum il-Għid; mill-mewt toħroġ il-Ħajja; mill-ġuf mejjet ta’ Sarah jitwieled Iżakk.  Jagħtuh lil Abraham f’idejh meta twieled u x-xiħ jidħaq, u jidħaq, u jidħaq!  Minn qatt kellu jgħidlu...  Jekk jidher is-salib f’ħajjitna, sinjal li Alla jrid jagħmel ħwejjeġ kbar magħna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  12, 1-4a

 

U l-Mulej qal lil Abram: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.  U jien nagħmlek ġens kbir, nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.  Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħt lil min jisħtek.  U jitbierku bik it-tribujiet kollha ta' l-art.” U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 33 jgħid li « Għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu, biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom. » (v. 18).  Min se jibża’ mill-Mulej, jew min se jittama fiH, jekk mhux dak li hu mġarrab, li hu mgħobbi bil-madmad, li għandu n-nigieża tas-salib li jġagħlu jaħseb fih il-jum kollu ?  Il-biża’ tal-Mulej mhux il-biża’ li se tlaqqat xi daqqa oħra, imma l-biża’ li tista’ titlef l-għajnuna tiegħu, il-qawwa tiegħu li kapaċi twettaq kollox.  Min  jibża’ mill-Mulej jaf li jew Hu jew ħadd ma jista’ jgħinu.  Abraham obda lill-Mulej u telaq minn artu, minn ġensu, minn dawk li kienu ħbiebu, lejn art li ma kienx jaf biha.  Għax għamlu dan ?  Għax emmen li s-sigriet tal-Ħajja kien midfun f’Alla u ma riedx jitlef il-Wegħda li kien qed iġorr.

 

Għalhekk is-salib tiegħi u s-salib tiegħek huwa t-Taliżman, il-ħaġra prezzjuża, il-mutur li jinbuttana biex niskopru lil Alla.  Għad ngħidu li allaħares ma kienx is-salib għax kieku konna nibqgħu qisna boloh, narmu l-Ħajja, nilagħbu biż-żmien, biex imbagħad niddispraw meta nħossu t-tmiem riesaq.

 

Ritornell : Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej.

 

Salm 33

 

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

  Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

  Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta' qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl jinkoraġġina biex nafdaw fil-qawwa ta’ Alla, jiġifieri li nemmnu li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun.  Nafdaw bħalma tifel jafda f’missieru.  Mhux faċli għall-bniedem li jafda.  Biex tafda jrid ikollok il-Fidi, Fidi li tgħinek tinduna li s-salib mhux saħta.  Ħafna tilfu l-Fidi minħabba s-salib.  Oħrajn sabu lil Alla minħabba fih.  Għal Abraham, is-salib li kellu kien sejħa qaddisa u San Pawl jgħidilna li aħna msejħin b’sejħa qaddisa biex niskopru l-Imħabba li tiżgurana li aħna ma mmutux imma diġa qegħdin f’Ħajja għal dejjem, f’Ħajja li ma tispiċċa qatt għax l-Imħabba ma tispiċċa qatt.  Hu jgħid li Kristu Ġesù kien ġa mogħti lill-bniedem qabel ma l-bniedem kien maħluq, sa mill-eternita`. 

 

Ir-risposta tal-Missier għall-mewt tal-bniedem, kif diġa għidna, hija Ġesù Ibnu.  Fi Kristu l-mewt tagħna hi meqruda.  Dan hu misteru.  Il-Missier idawwalulek jekk titolbu.  L-ebda tagħlim ma jkellem lil qalbek, imma l-Ispirtu s-Santu, f’teptipa tal-għajn, kapaċi jagħtik Dawl fil-profond ta’ qalbek li jgħaġġbek.  Qalb Abraham iddawlet u ttama u emmen.  X’meravilja!  L-Ispirtu s-Santu jkellem lill-ispirtu tiegħek u jagħtik ċertezza li int m’intix se tmut.  Pawlu jgħid: “Kristu Ġesù qered il-mewt u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.”  (v. 10).  Il-Ħajja bla tmiem hija s-suġġett tal-missjoni ta’ Kristu.  Sakemm għad għandna l-biża’ mill-mewt dan ifisser li l-Ispirtu s-Santu għadu ma messniex.  Nitolbu, nitolbu, nitolbu biex il-Mulej ikollu ħniena minna u jagħtina din l-“Assurance”, din iċ-ċertezza ta’ rebħa fuq il-mewt.  Imbagħad altru li s-salib ma jfarrakniex.  Anzi xejn ma jista’ jfarrakna iktar.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.  1, 8b-10

 

Għażiż: Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta' Alla, li salvana u sejjħilna b'sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien ta' l-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz ta' l-Evanġelju.

 

Evanġelju

 

L-affarijiet li jidhru huma għal ftit żmien u jispiċċaw; l-affarijiet li ma jidhrux huma għal dejjem.  Nerġa’ ngħid: il-Ħajja ta’ kull wieħed minna hi misteru, hi ferm ikbar minna.  Aħna nippruvaw inċekknuha u nirreduċuha għal ftit kumdita` u sigurta`.  Aħna mdawrin bi Storja li tissuperana.  Abraham kien jiġġennen kieku kellu jkun jaf għal xhiex ħalqu Alla, għal liema għeġubijiet, għal liema grazzji. 

 

Fuq it-Tabor, Kristu ried jgħin lill-Appostli jafdaw fiH.  Anke lilna jixtieq jgħinna nafdaw fiH.  Jekk ma nafdawx fiH nitilfu l-għeġubijiet li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh.  Aħna ħielsa ngħażlu x’tip ta’ Ħajja jkollna: dik li tispiċċa fil-mewt jew dik li titwal għal dejjem u bla tmiem.  Naturalment, l-għażla mhix daqshekk sempliċi.  Għandna bżonn esperjenza ta’ Kristu, laqgħa ħajja miegħu, skont il-qjies li għandna bżonn biex nikbru tassew fil-Fidi.  Pietru, Ġakbu u Ġwanni kellhom esperjenza kbira tal-Misteru moħbi ta’ Kristu.  Raw b’għajnejhom tad-demm u l-laħam il-ħwejjeġ moħbija tal-Ispirtu, dawk li jibqgħu għal dejjem. 

 

Il-Fidi adulta tiddependi ħafna minn esperjenza bħal din.  Importanti li jkollok Memorjal ta’ Alla: ġrajja li fiha iltqajt ma’ ntervent tal-Mulej f’ħajtek; mument meta int kont b’daħrek mal-ħajt, meta ma kellek l-ebda tama ta’ ħruġ minn sitwazzjoni serjissima... u balleċ!  Alla tawwal idU u int esperjenzjajt l-Għid!  U jekk xi ħadd jgħidlek għaliex temmen f’Alla int tkun tista’ tgħid li temmen f’Alla għax darba ltqajt miegħU u tirrakkonta dak li għaddejt minnu.  Alla tassew li jiġi jiltaqa’ magħna fl-Istorja, hemm fejn iż-żewġ dirgħajn tas-salib jiltaqgħu.  Fil-“crossroads”. 

 

Għall-Appostli kien riesaq l-iskandlu tas-salib ta’ Kristu.  Min se jieqaf kontra d-dlam tal-prova jekk ma jkollux ġrajja f’ħajtu li tidħollu fil-memorja tiegħu, ġrajja li tgħidlu: “Int taf li Alla jeżisti għax darba ġarrabtu.  Mela kuraġġ. Kollox jgħaddi.  Kollox jispiċċa tajjeb.  Afda.  Kif qalgħek mill-qiegħ darba, jerġa’ jagħmel l-istess darb’oħra.”  Min jemmen f’Alla meta l-prova hija iebsa, ikun qed jagħti Glorja lill-Missier u l-Fidi tiġġustifikah, tagħmlu ġust.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek Kristu!  Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Mulej instama’: Dan hu ibni l-għażiż; isimgħu lilu.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u 'l Ġakbu u 'l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: "Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella' hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija." Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu." Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża'.  Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: "Qumu. La tibżgħux."  Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

 

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: "Tgħidu lil ħadd b'din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet."

 
< Prev   Next >