Sunday, 19 November 2017
           
Home
IT-TIELET HADD TAR-RANDAN (2017) MIN SE JAQTA’ L-GHATX TAL-BNIEDEM? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 March 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd tar-Randan ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_s-samaritana.jpg

 

Id-dinja mimlija reklami.  Illum mhux l-aqwa prodott jinbigħ iżda l-prodott li għandu “marketing” tajjeb u mill-aqwa.  L-ażjendi li jipproduċu, jonfqu l-miljuni biex jippreżentaw xogħolhom mill-aħjar għax jafu li l-għajn tiekol l-ewwel u dan qatt ma kien veru daqs illum, meta d-dinja saret kosmetika, kollox jintogħġob skont kif jidher minn barra, kollox jiddependi mid-dehra.  Kemm sirna vojta, bla sens; fil-veru sens tal-kelma: “ħmir”!  B’dan il-mod wieħed jista’ jidħaq bl-ieħor kemm irid.  Għaliex ġejna f’dan l-istat?  Għaliex ħadd m’għadu jagħmel oġġett biex iservi għat-tul, imma biss biex jissodisfa l-għajn għal ftit żmien?

 

Il-bniedem għandu għatx kbir biex jimla vojt li jeżisti fil-profond tiegħu.  Tant ma jissaportix il-vojt, in-nonsens tal-ħajja, tant jibża’ mill-mument li jgħid: “X’se nagħmel?  Ma baqagħli aptit għal xejn!” li lest ibigħ ruħu lill-allat foloz tad-dinja, u hekk jagħmel.  Il-bniedem sar materjalista` għax m’għadux jemmen li fl-ispiritwali hemm is-soluzjoni għall-vojt tiegħu, imma f’li jixtri u jarmi.  Il-barunijiet il-kbar tal-multi-nazzjonali, dan fehmuh tajjeb!  Huma dejjem sejrin jipproġettaw idejat ġodda u jipproduċu ġugarelli “adulti”, mhux għat-tfal imma għall-kbar li għadhom tfal.  U l-bniedem komuni, tat-triq, iħallas u jixtri u jaħdem daqs kelb biex ikun jista’ jerġa jħallas u jixtri.  U min jivvinta joqgħod attent li jpoġġi prodotti fis-suq li għandhom ħajja qasira... li l-ħajra tagħhom malajr tgħaddi... għax diġa qed jippjana l-proġett li jaqlibha lil ta’ qablu... u Ċikku jkompli jaħdem biex jixtri u jħallas.  Din hija l-Ġenna tal-Art għall-kapitalisti u l-ekonomija tagħhom li tirrendi l-ftit biljunarji u l-kotra b’ilsienha barra, taħdem, taħdem, taħdem biex tħallas u tixtri.  U l-vojt jibqa’ hemm, il-għatx ma jinqata’ qatt.  Wara ftit ikollok terġa’ tmur timla mill-bir l-ilma li min jixorbu jerġa’ jagħtih l-għatx malajr, u jgħidulek li allaħares mhux hekk għax inkella l-ekonomija tmur lura, jonqos ix-xogħol, jintilfu l-imjiegi...  Jasar!

 

B’dan il-mod qegħdin nindotrinaw lil uliedna bil-mentalita borgeżi u tal-klassi tan-nofs li l-flus huma kollox għax bihom biss tista’ tixtri l-“ilma” li jaqta’ l-għatx.  Għalhekk lit-tfal inħeġġuhom il-ħin kollu biex jistudjaw, biex jistinkaw, biex iġibu riżultati tajbin biex la jikbru jserrħu rashom li jkunu jistgħu jagħmlu bħall-merħla... jixtru, jarmu, u jerġgħu jixtru.  Din ħaġa tajba, tgħiduli, u min jien biex immerikom, meta anke jien lil uliedi hekk għidtilhom.  U ma ssib lil ħadd li lil ibnu jgħidlu: “Ibni studja, imma kun af li jekk trid tgħix tassew, jekk trid ikollok sens fil-ħajja, jekk trid il-ferħ, tħabat biex tiskopri lil Ġesù Kristu għax Hu biss hu l-awtur tal-Ħajja vera!” 

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum tipproklama li Kristu hu dak li jaqta’ l-għatx tal-bniedem.  Kristu ma jwiegħedx għana materjali, anke jekk dan kapaċi jipprovdih ukoll; ma jwiegħedx suċċessi kif timmaġinahom id-dinja; ma jwiegħedx li ma jkollokx salib xi ġġorr u li qatt ma tħabbat wiċċek ma xi bawxata serja.  Imma jwegħdek il-“kollox” li kull bniedem qed ifittex ’l hawn u ’l hinn.  Iwegħdek is-sliem, il-ferħ, il-Ħajja li mhix sempliċi eżistenza jew ġirja miġnuna wara l-karrotta dejjem imdendla quddiemek minn min irid jagħmel il-flus minn fuqek.  Fuq kollox, iwegħdek l-Imħabba. 

 

Imma min jemmnu lil Kristu?  Il-kotra, bħan-nagħaġ ta’ Bendu jfittxu l-Ħajja fejn m’hemmx Ħajja u jekk jisimgħu li waħda daħlet soru, jgħidu: “Miskina!”  Bħallikieku huma sabu xi ħaġa dejjiema, it-teżor li jissodisfahom.  Bħallikieku Kristu se jeħodlok xi ħaġa meta tintelaq għal warajh.  Imma dan hu li l-kotra taħseb.  Ħafna huma kkundizzjonati minn reliġjożita` naturali li tirrikjedi ħafna sagrifiċċji, sforżi u dedikazzjoni.  Hu veru li dawn Kristu jippretendihom, imma mhux b’sens ta’ Liġi reliġjuża, imma inti tagħmilhom meta tiskopri l-Imħabba ta’ Kristu, meta inti tiltaqa’ mal-Kerigma, mal-Aħbar it-Tajba u temminha.  Dakinhar tagħtiH kollox u minn qalbek!  Imma ħafna ma jemmnux li Kristu huwa Aħbar Tajba għalihom u din hi ħasra kbira, traġedja.  Għalihom, Kristu hu xi ħadd li qiegħed hemm bħala graranzija għal ħajja oħra li jista’ jkun li teżisti.  Anke li nagħmlu Randan sura u mmorru l-Knisja bi ħġarna f’Ħamis ix-Xirka u fil-Ġimgħal l-Kbira, dan jista’ jkun li nfarfru xi ftit il-libsa reliġjiża tagħna, “għal li jista’ jkun...”

 

Dawn it-tip ta’ nies mhumiex se jiltaqgħu ma’ Kristu li jaqta’ l-għatx.  Kristu li jaqta’ l-għatx huwa xi ħadd ieħor li huma ma  jafuhx.

 

L-Ewwel Qari

 

L-għatx huwa mportanti.  Jista’ jkun l-ewwel pass lejn il-Fidi.  Alla ħareġ lil Iżrael fid-deżert, wara l-ħelsien mill-Eġittu, propju biex jaqbdu l-għatx.  Minħabba l-għatx, Iżrael ra b’għajnejh li Alla jipprovdi.   L-għatx ġagħlu jidneb ħafna; ġagħlu jgerger; ġagħlu jhedded lil Mose`; ġagħlu jiddubita minn Alla.  Imma fid-deżert Iżrael tgħallem jemmen f’Alla.  Il-Fidi hi esperjenza.  Tad-daħk dawk li jippretendu li jinagħtaw provi li Alla jeżisti!  Il-Fidi hi esperjenza personali.  Alla juri ruħu lill-bniedem fuq livel personali ħafna, fil-qalba tal-Istorja tiegħu. Kif għamel ma’ Iżrael.  Matul is-sekli, Iżrael ġarr l-esperjenza li meta kien dahru mal-ħajt, kien Alla li daħal għalih.  Dan prova jfissru bil-kliem u bir-rakkonti, imma tant hi esperjenza kbira li l-kliem mhux biżżejjed.  Ħaġa waħda hi ċerta: bniedem li ltaqa’ ma’ Alla fl-Istorja, m’għandu bżonn l-ebda prova dwar l-eżistenza ta’ Alla.  Hu ‘jaf’ li Alla hu ħaj u li hu (il-bniedem) huwa mportanti għaliH. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  17, 3-7

 

F’dak iż-żmien: il-poplu qabdu l-għatx, u gemgem kontra Mosè u qal: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu biex toqtol lilna, 'l uliedna u 'l-bhejjem tagħna bil-għatx? Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “X'se nagħmel lil dan il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni.”

 

Il-Mulej qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem il-poplu, u hu miegħek xi whud mix-xjuħ ta' Iżrael; hu f'idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara tan-Nil,  u mur. Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat f'Ħoreb; u int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu.”

 

U Mosè għamel hekk quddiem ix-xjuħ ta' Iżrael. U l-post semmewh: 'Massa u Meriba', għax hemm tlewwmu wlied Iżrael u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: “Il-Mulej fostna jew le?”

 

Salm Responsorjali

 

Għidna li l-Fidi tiġi mill-esperjenza li wieħed ikollu ta’ Alla.  Hu veru li l-Fidi titwieled mis-smigħ tal-Kelma.  Imma x’jiswa li tisma’ ħafna fuq Alla mingħajr qatt ma jkollok laqgħa ħajja miegħu, mingħajr qatt ma jkollok x’tirrakkonta fuqU.  Min-naħa tiegħu, jekk Alla jibda jibni l-Fidi fik permezz tas-smigħ, jinkariga ruħu li jimmaturaha, jkabbarha u jressaqha lejn il-perfezzjoni permezz tal-Istorja li minnha jgħaddik.  Kulma jiġrilek, kemm dak li jidher sabiħ, kif ukoll dak li jidher ikraħ, jippermettih Hu għax Hu huwa s-Sid tal-Istorja.  Hu jinqeda bil-ġrajjiet biex jimmaturana fil-Fidi, l-istess kif għamel ma’ Iżrael u ma’ kull qaddis.

 

Salm 95 jgħid: “Mhux li kien li llum tisimgħu leħnu!”  (v. 7).  Inti tisma’ leħnu jkellmek fl-Istorja tiegħek.  Quddiem xi ġrajja, in-Nisrani jistaqsi lilu nnifsu: “Xi jrid jgħidli Alla biha din?”  Għax hu jaf li jinsab il-ħin kollu f’mixja ta’ konverżjoni ma taqta’ xejn; bħall-mixja ta’ Abraham li ltqajna miegħu il-ġimgħa l-oħra, u bħall-mixja ta’ Iżrael li qed nitkellmu fuqha llum.  Anzi nistgħu ngħidu li l-Fidi hi Mixja.  Mhix ħaġa statika: tgħammidt u daqshekk; tgħallimt u daqshekk.  Le!  Il-Fidi hi xi ħaġa ħajja frott ta’ proċess li jmexxik fih Alla nnifsu.

 

Iżrael isejjaħ lil Alla: “Il-blata tas-salvazzjoni tiegħi!”  (v. 1).  Dan jagħmlu mhux b’xi devozzjoni, mhux biex jivvinta kurunelli.  Dan jgħidu għax kellu esperjenza li tassew Alla hu qawwi fit-tiġrib; qawwi daqs blata.  Barra minn dan, Iżrael kien iħobb iqis lilu nnifsu bħala “il-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.”  (v. 7).  Dan, għax hu għex il-vjaġġ twil fid-deżert meta huma ma kinux jafu fejn sejrin, imma skoprew li l-Mulej kien ir-Ragħaj li kien miexi quddiemhom sa ma wassalhom fl-Art li Wegħedhom.  Mhux biss wassalhom, imma wassalhom wara li kien edukahom fil-Fidi, mingħajr ma għaġġilhom.  Fi kliem sempliċi: kien jaf x’inhu jagħmel! 

 

Fuq dan, il-Profeta Hosegħa għandu kliem meraviljuż: “Kont jien li lil Efrajm għallimtu jimxi; erfajthom fuq dirgħajja u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha.”  (Ħos. 11, 3w).  Jiswielna li niftakru li Hu jaf x’inhu jagħmel f’Ħajjitna, meta nħossuna waħedna u ma nifhmu xejn minn dak li jkun qiegħed jiġrilna.

 

Ritornell: Illum, jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.

 

Salm 95

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

  Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

It-Tieni Qari

 

Il-bniedem hu bil-għatx għax tonqsu l-Imħabba.  Għall-Imħabba jagħmilha ta’ tallab.  Għall-Imħabba l-bniedem jagħmel ħafna affarijiet. Id-dinja mimlija “imħabbiet” li ma jaqtgħux l-għatx.  Kemm straġi nisimgħu fl-aħbarijiet!  Kemm “imħabbiet” jinbidlu f’mibegħda u vjolenża għax ma jkunux il-vera Imħabba.  L-Imħabba hija l-ilma li taqta’ l-għatx.  Anzi mhux ilma biss għandu l-Mulej għalina, imma wkoll l-inbid tal-festa, l-inbid li jferraħ il-qalb.  Min iduq il-Mulej jaf x’qiegħed ngħid. 

 

Għalhekk il-Ħajja Nisranija tibda malli l-bniedem jemmen li Alla tant ħabbu li bagħatlu lil Ibnu Ġesù biex permezz tiegħu ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem.  Għax l-Imħabba hi għal dejjem u minn għandu l-Imħabba ta’ Alla għandu wkoll il-Ħajja għal dejjem.  Min skopra li Alla jħobbu, bħala riżultat ta’ dan, iħobb lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu, Dan il-bniedem diġa għadda għall-Ħajja ta’ Dejjem u ma jsirx ħaqq minnu, jgħid San Ġwann l-Evanġelista.

 

Dan kollu hu Grazzja.  Li tħobb lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek hi Grazzja, rigal li Alla jagħtik.  Prova għamel hekk bl-isforzi tiegħek, isa, u ara jirnexxilekx!  Din hi l-vera Ħajja u mhux li jkollok il-miljuni kesħin silġ midfunin f’xi bank.  Il-qalb hi kollox.  Jew għandek l-Imħabba jew m’għandekx.  Jew int Ħaj jew le. San Pawl se jgħidilna li “Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla.  Alla wera mħabbtu lejna meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna mindinbin.”  (vv. 6, 8).  Ma mietx għalina għax konna bravi, tajbin, tal-Knisja.  Miet għalina meta konna għedewwa tiegħu, midinbin taħt is-saħta ta’ Alla u kkundannati għal mewt ta’ dejjem.  Hu miet biex iħallas dejna meta konna midnjunin b’tali mod li qatt ma stajna nifdu lilna nfusna.  Imma li wieħed “jara” dan il-misteru huwa xogħol l-Ispirtu s-Santu.  Din l-Aħbar hi l-ilma ġieri li jitnissel f’min jemmen.  Qatt iktar għatx!  Qatt iktar eżistenza bla sens!  Imma ilma dejjem ġej u jfawwar u int tħalli lil ħaddieħor li għadu mejjet bil-għatx jixrob kemm jiflah għax iktar kemm tagħti lil ħaddieħor iktar jinagħtalek.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  5, 1-2.  5-8

 

Ħuti: Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma' Alla, permezz ta' Sidna Ġesù Kristu;  permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta' Alla.

 

U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta' Alla ssawwbet fi qlubna permezz ta' l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.

 

Evanġelju

 

Din hi waħda mill-iktar siltiet importanti tal-Vanġeli.  Kristu għajjien u bil-għatx.  Kristu huwa l-Imħabba u l-Imħabba trid tħobb u tkun maħbuba.  Dan hu l-għatx ta’ Kristu.  Il-bnedmin huma bil-għatx għax ma jafux x’inhu dan it-tip ta’ Mħabba, li l-ferħ tagħha, l-għixien tagħha hu li tinagħta, dejjem tinagħta.  L-Imħabba li hi Kristu tgħid: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.  L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fi tmiem l-opra tiegħu.”  (vv. 32, 34).  L-opra tal-Missier hi li l-bnedmin kollha jindunaw, jiskopru, jgħarfu l-Imħabba vera li biha huma maħbubin.  Din l-Imħabba tkeċċi l-egoiżmu u l-biża ’l barra.  M’hemmx iktar egoiżmu u biża’!  Xejn minn dan.  L-Imħabba tatina natura ġdida, in-natura ta’ Alla nnifsu, tagħmilna wlied Alla u werrieta ma’ Kristu tal-Glorja tal-Ħajja għal dejjem.  Għal dejjem!

 

L-ilma hu ċ-ċentru tar-rakkont.  Is-Samaritana, bħalna, tfittex l-ilma materjali fil-bir, u tfittex il-Ħajja għand l-irġiel li jdewquha l-mewt.  L-ilma tal-bir ma tantx iserviha, u tal-irġiel inqas u inqas.  Kristu jgħidilha, u jgħidilna, xi ħaġa profondissima: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.”  (v. 10).  Dan hu kumment tal-għaġeb fuq il-qagħda tal-bniedem aljenat u konfus.  In-nies taħseb li Ġesù dejjem irid!!  X’inhi l-boqqa ilma li talbek ħdejn l-ilma li ma jaqta’ qatt u li jwassal għall-Ħajja ta’ Dejjem?  Imma l-bniedem ma jaf xejn.  Ifittex l-ilma li ma jservix waqt li Kristu jgħidlu kliem misterjuż: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.  L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”  (v. 13-14). 

 

Kristu hawn qed jitgħabba b’responsabilta` kbira!  Qed iwiegħed kollox!  Hu ċert li kapaċi jżomm kelmtu ma’ min jagħtiH ċans.  Issa, jew hu l-Uniku, il-Waħdieni li jgħodd għalina, jew inkella hu l-ikbar ipokrita li qatt deher...  Fuq dan hemm bżonn li kull wieħed jagħmel prova, jara x’inhi l-verita`.  Ħaġa naf: min prova lil Kristu skopra li hu fidil, li hu veru, li hu l-unika Tama għall-bniedem.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek, Kristu!  Mulej, inti tassew is-Salvatur tad-dinja; agħtini l-ilma tal-ħajja, biex ma jeħodnix il-għatx.  Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

  Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  4, 5-4

F’dak iż-żmien : Ġesù ġie f'belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta' Ġakobb.

 

Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara  mis-Samarija timla l-ilma. "Agħtini nixrob," qalilha Ġesù. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x'jieklu. Il-mara  mis-Samarija qaltlu: "Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?" Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: "Kieku kont taf id-don ta' Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, 'Agħtini nixrob,' kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj." Qaltlu l-mara: "Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?"

 

 Weġibha Ġesù: "Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa' jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta' l-ilma li jwassal sal-ħajja ta' dejjem." Qaltlu l-mara: "Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma."

 

Qalilha Ġesù: "Mur sejjaħ lil żewġek u erġa' ejja hawn."  Weġbitu l-mara: "Ma għandix żewġi." Qalilha Ġesù: "Sewwa għedt, 'ma għandix żewġi.'  Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m'huwiex żewġek. Sewwa weġibt!" Qaltlu l-mara: "Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f'Ġerusalemm." Qalilha Ġesù: "Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f'Ġerusalemm.  Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud.  Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh.  Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità."  Qaltlu l-mara: "Jiena naf li ġej il-Messija, - dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna."  Qalilha Ġesù: "Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek."

 

 Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma' mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, 'Xi trid?', jew, 'Għax qiegħed titkellem magħha?'  Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies:  "Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?"  U  nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

 

 Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: "Rabbi, kul!"  Iżda hu qalilhom: "Jien għandi ikel x'niekol li intom ma tafux bih."    Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: "Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x'jiekol?"  Qalilhom Ġesù: "L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta' min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.  Intom ma tgħidux li baqa' erba'xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x'ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad!  Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta' dejjem, biex min jiżra' jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad.  F'dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra' u l-ieħor jaħsad.  Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom."

 

 Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f'Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: 'Qalli kull ma għamilt,' tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa' magħhom, u hu qagħad hemm jumejn.  Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu,  u lill-mara qalulha: "issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja."

 

 

 
< Prev   Next >