Sunday, 19 November 2017
           
Home
IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2017) DAWL HANIN MEXXINI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 March 2017

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd tar-Randan ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 
jesus_and_blind_man.jpg

 

Ir-Randan huwa Mixja ta’ konverżjoni, Mixja ta’ daħla f’Fidi aktar adulta.  Huwa mogħdija mill-Eġittu (jasar) għall-Art Imwegħda (ħelsien).  Huwa xbiha tal-Magħmudija tagħna: mixja lejn l-ilma, anzi niżla lejn l-ilmijiet imqaddsa fejn jgħereq il-bniedem il-qadim li writna mingħand Adam, u jitnissel il-Bniedem il-Ġdid li rebaħ għalina Adam il-Ġdid, Kristu Ġesù.  Infatti, fil-Knisja Primittiva, ir-Randan kien ikun kollu kemm hu mimli katekeżijiet tal-aħħar tħejjija għall-Magħmudija tal-katekumeni  li kienu jkunu ilhom xi snin jistennew dan il-mument.  Il-Magħmudija kienet tiġi ċċelebrata u mogħtija biss fil-Lejl Qaddis tal-Għid għax hemm rabta enormi bejn il-Misteru sħiħ tal-Għid ta’ Kristu u l-mewt tal-bniedem il-qadim fl-ilma tal-Magħmudija u l-Qawmien tal-Bniedem Ġdid, għal dejjem rebbieħ fuq il-mewt.

 

Permezz tar-Randan Imqaddes, il-Knisja fis-seklu tagħna trid twissina li anke aħna għandna bżonn mogħdija, mixja, passaġġ minn sitwazzjoni ta’ bruda, jew ta’ reliġjożita` kważi pagana, jew ta’ nuqqas ta’ Fidi, għal Fidi ġdida, Fidi fl-Aħbar it-Tajba.  Anke fiż-żmien tal-lum, anzi iktar minn qatt qabel fl-Istorja tal-Knisja, għandna bżonn nagħmlu esperjenza ta’ “Katekumenat” li jkabbar, isaħħaħ, ixettel il-Magħmudija li rċivejna darba bħala żerriegħa u li forsi baqgħet hekk anke jekk għaddew is-snin.  Miskin il-bniedem li jgħid, “Jiena lest, wasalt.  Jiena nemmen.”  L-ebda bniedem imdawwal fuq ir-rejalta` tiegħu ma jasal biex ilissen dan il-kliem, imma jaf li sal-aħħar jum ta’ ħajtu irid jimxi lejn Kristu u sal-aħħar jum Alla se jiktiblu l-Istorja u jimlihielu b’okkażjonijiet ta’ konverżjoni.

 

 

Biex nagħmlu Mixja sura u ma nsibux ruħna mitlufin fid-deżert tal-ingann u ta’ kuxjenza mhix iffurmata tajjeb, għandna bżonn id-dawl.  Id-dinja tara mod, imma l-bniedem spiritwali jara mod ieħor.  Il-bniedem il-qadim, dak li twieled mid-demm u l-laħam u mill-ġibda tal-bniedem, dak li twieled mill-ġenituri tad-dinja, ma jarax dak li jara l-bniedem li twieled mill-ġdid minn Alla.  Kull min il-Magħmudija tiegħu kibret ġewwa fih għax ġiet imsoqqija tajjeb, għandu dawl li mhux ġej minnu imma minn Alla.  Hu jara sens fis-salib, għax għalih it-tbatija hija mdawla għax jaf li kollox qed imexxilu Missieru tas-Sema, u kollox hu parti minn din il-Mixja Qaddisa lejn Ħajja bla tmiem, Ħajja ta’ Dejjem fil-Glorja.  Il-bniedem li għandu t-triq imdawla jaf li hu riesaq biex jikklejmja l-wirt li rebaħ għalih Kristu.  Liema wirt?  Li jkun bħal Alla, ħaj għal dejjem.  Għal dejjem!

 

Bniedem bħal dan, dik li tidher muntanja għall-oħrajn, hija żrara għalih.  Mhux għax hu aħjar minn xi ħadd, jew iktar kuraġġuż.  Bħal kulħadd, huwa ġarra tal-fuħħar li kapaċi tinfaqa’ f’daqqa waħda.  Imma ġo din il-ġarra hemm teżor: l-Ispirtu ta’ Kristu li rebaħ il-mewt.

 

L-Ewwel Qari

 

Li Alla jara mod u l-bniedem jara mod ieħor jidher ċar mill-ewwel qari li għandna.  Samwel ma kellux l-għajnejn ta’ Alla, imma kien sensittiv immens għall-Kelma li jirċievi mingħandu.  Hu kien jara kif jaraw il-bnedmin: dak li jidher minn barra.  Xi tfisser il-frażi: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’moħħok kollu”?  Ħobbu bl-intelliġenza tiegħek, bir-raġuni tiegħek.  Jiġifieri poġġi dak li taħseb li hu tajjeb int, u dak li tgħidlek ir-raġuni tiegħek taħt dak li jaħseb u jirraġuna l-Mulej.  Fl-ubbidjenza hemm ir-Rieda ta’ Alla u min hu fir-Rieda ta’ Alla biss igawdi sliem kotran.  Ħafna diżappunti u fallimenti huma frott tar-rieda tagħna mhux ta’ Alla.

 

Samwel ħabb lil Alla tiegħu b’moħħu kollu għax kieku ma kienx joqgħod jistenna li jġibulu l-iktar wild dgħajjef ta’ Ġessi, li kien fdat biss biex jieħu ħsieb merħla nagħaġ, biex issa jieħu ħsieb il-ġens ta’ Alla.  Ir-raġuni qaltlu biex jagħżel l-iktar wieħed fuq tiegħu, l-iktar wieħed b’saħħtu, l-iktar wieħed qalbieni, l-iktar wieħed sabiħ biex ikun popolari.  Il-pajjiż kien imdawwar bil-Filistin, nies ta’ qattagħni, u Alla jgħidlu biex jidlek tifel bħala Sultan!  Dan hu l-ġenn ta’ Alla.  Ħafna tilfu l-Fidi minħabba r-raġunar tagħhom.

 

Imma l-Profeta kien jaf li f’kollox hu mportanti li Alla jkun fiċ-ċentru mhux il-bniedem.  Mur għidu dan lid-dinja tal-lum.  U ngħiduha kif inhi, anke aħna nagħmlu parti minn din il-filosofija li tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-univers; jiġifieri jew int kapaċi jew m’intix, jew tistinka jew int għażżien u m’int se tasal imkien, kollox jiddependi mill-bniedem.  Il-bniedem, il-bniedem, dejjem il-bniedem.  Huwa jisraq il-Glorja ta’ Alla u dan Alla ma jridux.  Mhux għax lilU xi ħadd se jisraqlu xi ħaġa, imma għax Hu jaf li l-bniedem jilħaq il-milja tiegħu, jgħix tassew, meta ma jiħux fuqu r-responsabilta` ta’ Alla.  Ma jiflaħx għaliha! 

 

David seta’ jmur jitqabad ma’ Gulija mhux għax mexa skont ir-raġuni tiegħu (li bdiet tgħidlu li kien miġnun), imma għax tefa’ t-tama tiegħu kollha kemm hi f’Alla li hu l-uniku Qawwi, l-uniku Setgħan, l-uniku Rebbieħ dejjem.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel.  16, 1b,  6-7,  10-13

 

F’dak iż-żmien :Il-Mulej kellem lil Samwel: “Kemm se ddum qalbek sewda għal Sawl, meta jien neħħejtu minn sultan fuq Iżrael? Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan.”

 

Ġara li, malli waslu, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?”  U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta' persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.”

 

Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn.” U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?” “Għad fadal iż-żgħir,” wieġbu Ġesse, “qiegħed jirgħa n-nagħaġ.” U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn.” U bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu.”  U Samwel ħa f'idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dakinhar 'il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu  tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

David kien ġarra tal-fuħħar, bħali u bħalek, imma kien jafu dan u din tagħmel differenza kbira.  Ħafna, anke nies reliġjużi, ma jafux kemm huma dgħajfa, anzi xi wħud jaħsbu li huma b’saħħithom u jaqgħu fid-dnub tal-Fariżew li tela’ t-Tempju jitlob u t-talb tiegħu kien ftaħir dwar li kien aħjar minn ħaddieħor.  David kellu dawl fuq l-Istorja.  Kien jaf li kollox hu taħt Alla.  L-Istorja wrietu li hu kien midneb, imma li Alla kien iħobbu.  Kellu ċerti tagħtiniet fil-karattru li satana kien jaf bihom, imma kien jesperjenzja l-ħin kollu li Alla jħobb lill-bniedem li jammetti dnubu u li jsir xejn quddiem Alla.  Lil min jitbaxxa Alla jgħollih.  Dan qalitu l-Verġni Marija nnifisha.

 

Kien għax kellu l-Istorja mdawla li David seta jinseġ dan is-Salm famuż li ġej: “Il-Mulej huwa r-Ragħaj Tiegħi”, Salm 23.  Hu kien jaf li l-Ħajja ma kinitx faċli, imma bil-Mulej xejn ma kien jonqsu u anke jekk l-Istorja tniżżlu f’widien mudlama, tant kien qribu l-Mulej li kien bħal Ragħaj li jmiss in-nagħġa bil-bastun tiegħu biex iwennisha u juriha li ma kinitx waħedha fid-dlam.  Jekk kien fuq muntanja b’kollox taħtu, fil-quċċata tas-suċċess, jew f’widien imdallma fejn jgħammru l-annimali slavaġ u l-ħajja hi prekarja, hu kien jaf li Alla kien se jdawwar kollox għall-ġid tiegħu.  Il-widien fil-ħajja għandna bżonnhom għax huwa hemm li niltaqgħu ma’ Alla.

 

Darba, meta ibnu stess qam kontrih u David kellu jaħrab minn Ġerusalemm għax kien ġej għalih b’kotra suldati, wieħed għadu tiegħu, x’ħin rah hekk umiljat u bla saħħa, ġera warajh igaralu ż-żrar u l-ġebel, u jgħajru kemm jiflaħ.  Il-ftit suldati li kellu David qalulu: “Tridx immorru u nqattgħuh bċejjeċ?”  Tafu x’weġibhom?  “U jekk hu Alla li bagħtu, biex jumiljani, biex iċekkini, biex nikkonverti mill-ħażen tiegħi?  Ħalluh.” (ara 2 Samwel 16, 10).

 

David, bħan-Nisrani, seta’ jgħid: “It-tjieba tiegħek u l-ħniena jimxu miegħi il-jiem kollha ta’ ħajti; u ngħammar f’dar il-Mulej matul iż-żminijiet.” (v. 6).  Imma s-Salmi kollha l-aktar li jitkellmu hu fuq Kristu.  Huwa hu r-Ragħaj li rebaħ il-mewt u li minnu jitwerwru l-ilpup.  Hieni l-bniedem li għandu moħħu mistrieħ biH.

 

Ritornell:  Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

 

Salm 23

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

  f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

 Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

 hemm hu jrejjaqni.

 

 Imexxini fit-triq tas-sewwa

 minħabba l-isem tiegħu.

 Mqar jekk nimxi f'wied mudlam,

 ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

 Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

 huma jwennsuni.

 

 Int tħejji mejda għalija

 quddiem l-għedewwa tiegħi.

 Biż-żejt tidlikli rasi,

 u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

 Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

 il-jiem kollha ta' ħajti.

 U ngħammar f'dar il-Mulej

 sakemm indum ħaj!

 

It-Tieni Qari

 

Għal Kristu, l-bniedem li għadu ma twelidx mill-ġdid, jiġifieri li għandu l-Magħmudija tiegħu għadha bi ftit li xejn effett fuq ħajtu għax għadha żerriegħa ċkejkna, dan il-bniedem, għal Kristu, huwa mejjet.  Huwa bniedem imdallam anke jekk ma jafx, anzi jaħseb li hu xi bozza tal-elf.  Il-midja li tinfluwenzana tant, hi mimlija b’nies bħal dawn.  Lilek u lili, l-Kelma tgħidilna: “Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.”  (v. 14).

 

Meta jiddi fuqek Kristu, int issir Dawl, mhux għalik biss, imma wkoll għal ħaddieħor.  Lill-Insara ta’ Efesu li hu kien ikkatekiżżahom, Pawlu jfakkarhom li huma kien darba dlam.  Kienu pagani bir-reliġjon falza tagħhom, bl-idoli vvintati mill-bniedem, dejjem iterrqu lejn it-tempji joffru sagrifiċċji biex tiġihom tajba l-Ħajja.  Hekk kien jagħmel Abraham, tant sekli qabel.  Kellu problema u kont issibu jitbaxxa quddiem l-allat li kien jaf bihom.  Bħalhom, anke aħna fittixna l-Ħajja fejn hemm il-mewt: fil-flus, fl-affetti tan-nies, fil-karriera, fis-saħħa, fil-pjaċiri, fl-egoiżmu, fl-inġustizzji...  Anke aħna nistgħu inkunu dlam, nies mejta għal Kristu.

 

In-nies ta’ Efesu saru dawl fil-Mulej.  Ma kinux bċieċen.  Indunaw li d-dinja ma tathomx dak li qalbhom xtaqet, dak li fil-fond ta’ qalbhom xtaqu tassew.  Huma xorbu l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu li waslilhom Pawlu.  Mhux għax Pawlu kien xi ħaġa speċjali.  Il-Korintin kienu għajruh li l-Ittri tiegħu kien qawwija imma meta kien ikun fosthom u jibda jitkellem ma kellu xejn ta’ barra minn hawn.  Il-bniedem huwa biss għodda f’idejn Kristu.  Huwa Kristu li jmiss il-qlub.  Huwa Kristu li jbiddel in-nies.  Huwa Kristu li jpoġġi t-teżor tal-Ispirtu fi bniedem li mhu xejn ħlief ġarra tal-fuħħar.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  5, 8-14

 

Ħuti : Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta' wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f'kull ma hu tjieba, f'kull ma hu ġustizzja, f'kull ma hu verità. Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; imma meta wieħed joħroġhom fil-beraħ, id-dawl juri kollox, għax kull ma jidher hu dawl; għalhekk jingħad:

 

     "Stenbaħ int, li int rieqed, 

     u qum mill-imwiet, 

     ħa jiddi fuqek Kristu."

 

 

 

 

 

 

Evanġelju

 

Il-bniedem li għadu m’għarafx lil Kristu huwa agħma.  Tagħraf lil Kristu jfisser tara fiH l-Imħabba enormi tal-Missier għalik.  Din l-Imħabba hi ikbar mid-dnubiet tad-dinja kollha, aħseb u ara tiegħek.  Din l-Imħabba tal-Missier lilek ħabbitek mhux meta kont tajjeb biss, imma iktar u iktar meta kont għadu ta’ Alla minħabba dnubietek.  Alla jħobb lill midneb, imma jobgħod id-dnub tiegħu għax jaf tajjeb ħafna li l-midneb huwa mejjet għax id-dnub qatlu. 

 

Alla ma jiflaħx għall-mewt.  Irid jagħtina l-Ħajja għal dejjem.  Kien għalhekk li l-Missier ċeda kollox meta telaq lil Ibnu f’idejn l-għedewwa.  Hu ċeda kollox għalija u għalik.  Alla, li hu l-Ħajja u kull ħaj jieħu l-Ħajja minnU, intelaq f’dirgħajn il-mewt.  Alla miet fi Kristu!  Il-Ħajja mietet.  Għaliex?  Biex il-mewt li tistħoqq lili minħabba dnubieti, jien nifrankaha...  Din hi l-Aħbar it-Tajba tal-Kristjaneżmu.  Ir-reliġjonijiet kollha jgħidu li l-Liġi tal-Qdusija hi l-unika Ħajja li teżisti.  Fil-Qdusija  biss hemm il-Ħajja u min jiksira ħaqqu l-mewt.  Għalhekk il-bniedem kien bla tama għax kull bniedem dineb.  U ġie Kristu u qal li d-dnub kollu tal-bniedem kien tiegħu!  Hu sar dnub għalina!  Hu ħa l-kastig tad-dnub u l-midneb ħelisha.

 

Ħafna ma jafu xejn minn dan.  Imdallmin.  Mejtin.  Kulħadd fis-sakra, kulħadd  jgħix din il-biċċa ħajja-sufarell ta’ hawn bla tama f’Ħajja li ma tispiċċax.  Il-mewt hi r-reġina tagħhom.  Hi tikmanda fuq kollox.  Għalihom Kristu qisu għadu qatt ma miet fuq salib bi tpattija.  Għomja.  Kulħadd jittallab ftit ħajja, għax iż-żmien għaddej...

 

Min se jagħti d-dawl lil wieħed agħma bħali u bħalek?  Dan il-Vanġelu jxandar li Kristu għandu s-setgħa jagħmel dan.  Hu kapaċi d-dlam ta’ ġo fina jbiddlu f’Dawl tal-għaġeb.  Nibdew “naraw” l-Imħabba kullimkien, il-Grazzja kullimkien.  Ma nibqgħux naraw biss lilna nfusna, inħossu biss in-nifs tagħna dieħel u ħiereġ, naħsbu biss fuq il-problemi tagħna, imma naraw lill-“ieħor” ukoll.  Bħal meta fil-lejl tal-Għid, fi knisja mudlama mimlija nies, ħadd ma jara lil ħadd, jidħol il-Blandun Glorjuż li hu Kristu u jdawwal l-irkejjen kollha u int tara li m’intix waħdek.  Tinsa lilek innifsek hekk kif tara lill-oħrajn.  Din hi l-bidla li Kristu jrid iġib fina.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek Kristu!  Jiena d-dawl tad-dinja, igħid il-Mulej; min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  9, 1-41

 

Kif kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: "Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?" Ġesù wieġeb: "Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta' Alla jidher fih.  Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu  x-xogħol ta' dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista' jaħdem.  Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl  tad-dinja."  Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma.  U qallu: "Mur inħasel  fil-menqgħa ta' Silwam." Din tfisser 'il-Mibgħut'. Mela dak mar, nħasel u ġie jara.  Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: "Dan m'huwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?"  Xi wħud qalu: "Iva, hu." Oħrajn qalu: "Le, imma jixbhu." Iżda hu qalilhom: "Jiena hu."  Qalulu: "Mela kif infetħulek għajnejk?"  Weġibhom: "Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, 'Mur fis-Silwam u nħasel hemm.' Mort, nħsilt, u ġejt nara."  Qalulu: "Fejn huwa dan ir-raġel?" Qalilhom: "Ma nafx."

 

Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand  il-Fariżej.  Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma inzerta kien is-Sibt.  Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: "Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara."  Xi wħud  mill-Fariżej qalu: "Dan il-bniedem m'huwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt." Iżda oħrajn qalu: "Kif jista' wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?" U ma qablux bejniethom.  U reġgħu qalu lill-agħma: "Int x'jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?" Qalilhom: "Dak profeta."

 

 Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa  d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta' dak li sar jara, u staqsewhom: "Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?"   Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: "Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma;  imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu għalih innifsu."  Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu  mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga.  Kien għalhekk li l-ġenituri tiegħu wieġbu, 'Żmien għandu, staqsu lilu.'

 

 Għal darb'oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: "Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb."  Dak weġibhom: "Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara." Qalulu: "Imma hu x'għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?"  U hu weġibhom: "Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?"  U qabdu jgħajjruh u qalulu: "Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta' Mosè dixxipli!  Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!"  Weġibhom ir-raġel u qalilhom: "Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala', u madankollu lili fetaħli għajnejja!  Aħna nafu li Alla m'hux se jisma' lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu.  Qatt fid-dinja ma nstema' li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma  mit-twelid.  Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel."  Mbagħad qabżu u qalulu: "Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek?" U keċċewh 'il barra.

  

 Ġesù sama' li keċċewh 'il barra; sabu u qallu: "Temmen inti f'Bin il-bniedem?"  Dak wieġeb u qallu: "Min hu, Mulej, biex nemmen fih?"  Qallu Ġesù: "Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek."  Qallu: "Nemmen, Mulej!" U nxteħet għarkubbtejh quddiemu.  Mbagħad Ġesù qal: "Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma."

 

 Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: "Aħna wkoll għomja?"   Weġibhom Ġesù: "Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta' dnub. Imma issa qegħdin tgħidu, 'Aħna naraw.' Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom."

 

 

Last Updated ( Saturday, 25 March 2017 )
 
< Prev   Next >