Din
hija il- Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Jekk niftħu
l-Iskrittura żgur li mhux se nsibu xi trattat li jipprova jiddiskrivi lil Alla,
li jipprovdi xi teorija li tittanta tfiehem il-Misteru ta’ Alla. Fil-Bibbja ma nsibux l-argumenti dwar Alla li
nsibu fil-Katekiżmu li fih il-Knisja tifrex it-tagħlim tagħha kollu. Fil-Bibbja Mqaddsa aħna nsibu stejjer,
rakkonti, ġrajjiet, u fuq kollox ismijiet ta’ nies. M’hemmx paġna waħda li mhix mimlija ismijiet
ta’ nies. Għax l-Iskirttura turina min
hu Alla billi xxandar l-azzjonijiet tiegħu, l-indħil tiegħu fl-Istorja ta’ nies
differenti. Jekk tistaqsi
lill-Iskrittura min hu Alla, twieġbek: “Alla hu dak li jgħaddi.” Alla huwa dak li jgħid Kelma u din
isseħħ. Huwa jgħaddi mill-ħajja tan-nies u jbiddel
is-sitwazzjoni tagħhom. Huwa jgħaddi u
jġorr miegħu lill-bniedem minn qagħda ta’ mewt għal ħajja, m ill-jasar
għall-ħelsien, mid-dlam għad-dawl, mid-dieqa għall-ferħ, mil-luttu għall-festa. Għalhekk nistgħu ngħidu li Alla huwa Għid, Alla
huwa mogħdija, passaġġ dejjiemi. Hu ma
jistax iwiegħed ħaġa oħra ħlief l-Għid.
Jekk inħarsu lejn
in-natura ta’ madwarna, lejn il-ħolqien kollu, l-ambjent, dak kollu li jdur
madwarna, bi ftit attenzjoni ninduna bil-marka tal-idejn ta’ Alla f’kollox, għax
f’kollox hemm il-marka tal-Għid, jiġifieri kollox hu mmarkat minn passaġġ
mill-mewt għall-ħajja. M’hemm xejn
statiku, wieqaf. Kollox għaddej,
f’moviment, għax Alla hu Dak li jgħaddi.
Il-lejl mudlam iċedi postu bil-mod il-mod għat-tbexbix taż-żerniq...
ix-xemx tixref u tħarrab il-lejl; il-ħolqien jinżel fl-istaġuni mdallma
tal-ħarifa u x-xitwa, biex iqum għad-dawl u t-temp sabiħ tar-rebbiegħa u
s-sajf; ħafna siġar jinżgħu il-weraq u jsiru qishom mejta, jidħlu fir-raqda
tax-xitwa, imma jwarrdu u jarmaw weraq ġdid malli tisbaħ ir-rebbiegħa;
l-inġazzar tas-silġ jiksi nofs id-dinja f’lejl twil ħafna xhur, biex jinħall
mas-sħana ta’ ħajja ġdida li tinfirex ma’ ħruġ Marzu. Il-ħolqien kollu jkanta r-rejalta` tal-Għid,
ta’ passaġġ mid-dlam għad-dawl. Donnu kollox
hu ritratt ta’ Alla nnifsu.
Fuq kollox,
il-bniedem, bl-Istorja tiegħu huwa xhieda ta’ dan. Alla nnifsu jgħaddi l-bniedem minn Storja li
biha jimmaturah fil-forġa tal-Għid.
Ħarsu daqsxejn lejn ħajjitkom u araw jekk l-affarijiet importanti li
ġrawlkom hux kollha kellhom din il-marka fihom: daħla fl-ewwel parti tal-Għid
li hija qagħda kritika, serja, prekarja; sitwazzjoni ta’ tensjoni, dieqa, tama
li kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid; mewt ontika, tissejjaħ fil-psikoloġija. Hija litteralment daħla fil-mewt, fi żmien li
jdgħajfek u joqtlok fuq livell profond ħafna.
Is-Salmista jgħid: “Hu għakkisni, Hu tassew għakkisni, iżda le, ma
telaqnix fil-mewt!” (S. 118, 2). U dan hu l-għaġeb: li mill-għawġ kollu
jeħlisna l-Mulej. Kull sitwazzjoni iebsa
u li tidher li ttul u ttul, għandha bħala tmiemha, l-Qawmien Glorjuż, il-ferħ
tal-bnazzi wara l-maltemp. U din tiġri u
terġa’ tiġri, darba wara darba, biex forsi mas-Salmista naslu għall-konvinzjoni
li ngħidu miegħu: “Jien mhux se mmut imma se ngħix!” Għax dan hu l-Għan ta’ din
il-pedagoġija divina, din l-edukazzjoni li jagħtina l-Mulej fl-Istorja: li
jikkonvinċina li kollox jgħaddi u li fl-aħħar kollox se jkun sew. Hekk tinbena l-Fidi Adulta, permezz
tal-esperjenza. Għid wara Għid nidħlu fi
stennija għall-Għid aħħari, l-Għid tassew kbir tal-eżistenza tagħna: li nersqu
lejn il-mewt bi spirtu ta’ eskatoloġija, jiġifieri ħerqana nistennew li issa,
sa fl-aħħar se jisbaħ għal dejjem, il-mewt fiżika se tagħti l-wisgħa
għall-Ħajja li għaliha propjament ġejna maħluqa: il-Ħajja ta’ Dejjem.
Minn din
il-mogħdija għadda l-Iben ta’ Alla.
Il-Missier bagħtu għal siegħa waħda: biex jgħix l-Għid, jgħix il-milja
tal-ħolqien, is-sinsla, kif għidna, ta’ dak kollu li jeżisti. U l-Għid mhux biss il-Qawmien, imma Mewt u
Qawmien, għax biex ikun hemm Qawmien irid ikun hemm Mewt qablu. Biex tifraħ bil-bnazzi trid tgħaddi min-nikta
tas-sħab iswed, tar-riħ ivenven, tal-baħar li jrid jibla’ l-art u x-xita li
tgħarraq kullimkien. U d-dinja tidher
imġedda, żagħżugħa, wara xi maltempata kbira.
Dan hu l-Għid. Dan hu l-bażi
tal-Fidi Nisranija. In-Nisrani,
saħansitra jaf li m’għandux għalfejn jitlob biex titneħħielu t-tbatija fil-lejl
mudlam tal-ewwel parti tal-Għid, għax jaf li kollox hu xogħol Missieru li qed
jedukah biex jirbaħ il-mewt ta’ dejjem.
In-Nisrani jemmen fil-Qawmien u dan id-Dawl idawwallu t-tbatija. Għax il-problema tal-bniedem mhix it-tbatija
imma t-tbatija bla sens. Ix-xogħol hu
tbatija, imma billi l-bniedem jaf li x-xogħol fih qliegħ, it-tbatija hi mdawla
u jgħixha b’moħħ trankwil. Is-sens
tal-Għid f’kollox jgħinna biex, ma’ Kristu, nidħlu fil-prova, biex miegħU ukoll
ngħixu l-eżultanza tal-Qawmien.
L-Ewwel Qari
Il-Profeta
Eżekjel kien Dawl qawwi li l-Mulej bagħat lill-poplu tiegħu li kien għaddej
mill-esperjenza tad-dlam ċappa fl-Eżilju ta’ Babel. San Ġwann tas-Salib jitkellem fit-tul dwar
“Il-lejl mudlam tar-Ruħ”. Iżrael kellu
bżonn jgħaddi minn din l-esperjenza iebsa biex jissaffa u jimmatura fil-Fidi u
fuq kollox jgħix f’laħmu l-Għid. Għax
għalih ukoll sebaħ u feġġ il-jum meta l-poplu tħalla jmur lura lejn pajjiżu,
lejn Ġerusalemm u l-bini mill-ġdid tat-Tempju.
Dan il-“lejl mudlam” ilkoll ngħaddu minnu. Hawn min jitlef il-Fidi minħabba fih, imma l-għan tiegħu hu
li ngħaddu minn Fidi tat-tfal għal Fidi matura, żonqrija.
Iżrael daħal
fil-lejl; u Eżekjel jara dehra li kienet tfisser eżatt il-qagħda tal-poplu
mferrex ’l hawn u ’l hinn. Jara wied
mimli għadam tal-mejtin; wied kbir u wiesgħa, imburġat bl-għadam niexef qoxqox,
skeletri fuq skeletri, donnha d-dinja spiċċat u nqered kollox. Imma fil-qalba ta’ din id-disperazzjoni u
l-għibien tat-Tama, jinstema leħen Alla.
Il-profeta biss kellu widnejn biex jisma’ u sema wegħda tal-għaġeb:
iktar kemm kollox jidher mitluf, iktar glorjuz se jkun Jum il-Qawmien. Alla kien se jgħaddi minn fuq dan il-wied
tal-mewt u jkaxkar poplu sħiħ lejn il-Ħajja vera, lejn il-ħelsien, bħalma kien
kaxkru fl-ewwel Għid tal-ħruġ mill-Eġittu.
X’meravilja! Dan hu Alla
tagħna! Dan hu l-Għid!
Alla jgħaddi u
l-għadam jersaq lejn xulxin u jinkesa bil-laħam u jieħu nifs il-Ħajja. Alla jgħaddi u mill-ġuf mejjet ta’ Sarah
toħroġ il-Ħajja, jitwieled Iżakk u Abraham jara “Jum il-Mulej”. Alla jgħaddi u l-baħar jinferaq quddiem
Iżrael, li kien maqbud f’nasba tal-mewt.
Alla jgħaddi u minn ġuf verġni titnissel il-Ħajja. Alla jgħaddi u minn
tnax-il sajjied beżżiegħi titwieled il-Knisja.
Din hija l-Mogħdija tal-Mulej, l-Għid.
Alla jgħaddi u lilek u lili joħroġna mill-qabar tal-problema serja li
nkunu qed ngħixu u bħal nitwieldu mill-ġdid għal Fidi ġdida. Huwa dak in-nhar li nkunu nistgħu infaħħru u
nroddu ħajr lill-Mulej b’qalbna kollha.
Huwa dak in-nhar li tassew ikollna x’nirrakkontaw dwar Alla.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.
37, 12-14
Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra
tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f'art Iżrael. Mbagħad tkunu tafu li
jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom,
poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu
l-ħajja.
Nqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena
l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej."
Salm Responsorjali
Salm 130 huwa wieħed mis-Salmi hekk imsejħa “tat-Telgħat”. Ġerusalemm kienet mibnija fuq il-għoljiet ta’
Ġuda u l-poplu li kien jagħmel il-pellegrinaġġ lejn il-belt qaddisa, kien
ikollu jimxi triq iebsa, dejjem għat-telgħa.
Hija għolja 760 metru ’il fuq mill-baħar u Iżrael għandu ħmistax-il Salm
li jissejħu “Salmi tat-Telgħat” li kienu jitkantaw matul it-triq lejn il-belt. Anke f’dan kollu nxommu l-fwieħa ħelwa tal-Għid:
it-tbatija u l-perikli tat-triq li kienu jġegħelu n-nies jivvjaġġjaw
f’karovani, jiġifieri fi gruppi kbar mhux ħażin minħabba l-biża’ ta’ attakki
mill-ħallelin, u fl-aħħar, il-ferħ, l-għajjat ta’ ringrazzjament, l-istagħġib
reliġjuż u emozzjonali, hekk kif tidher quddiem għajnejhom il-belt is-sabiħa,
ir-reġina tal-bliet kollha, l-Għarusa ta’ Jahweh nnifsu. Mal-ewwel dehra kienu jintefgħu wiċċhom
fl-art f’adorazzjoni, għax jiddi fil-qalba tal-belt kienu jilmħu d-deheb li
kien jiksi t-Tempju fejn kien hemm ix-Xekinah, il-Preżenza ta’ Alla, l-Ħallieq
tal-univers.
Is-Salm li għandna huwa Salm profond u ħafna
emozzjonali. Huwa poeżija mill-isbaħ li
jpoġġi fuq fommna kliem li jesprimi l-mumenti iebsa tal-Ħajja. Min jista’ jitlob dan is-Salm u ma jiftakarx
u jerġa’ jgħix dawk il-mumenti koroh tal-Ħajja, li wara wasslu għall-Grazzja,
għall-Faraġ, għall-Qawmien. Dan hu Salm
mimli tensjoni. Hu Salm ta’ Tama, imma
l-Għid għadu ma feġġx. It-triq hi iebsa
u Ġerusalemm għadha ’l bogħod u l-bniedem b’rasu baxxuta jlissen: “Minn qiegħ
l-art insejjaħlek, Mulej; Mulej, isma’ l-leħen
tiegħi. Ħa jkunu widnejk miftuħa
għal-leħen tat-talb tiegħi.” (v. 1-2).
Il-bniedem tal-Fidi jibqa’ jittama anke meta
jgħarrex għall-ewwel ħajta dawl taż-żerniq u ma jarahx. Is-Salmista hawn isemmi l-għassiesa li jkunu
għassa matul il-lejl, u li jittamaw li ma jdumx ma jisbaħ għax il-lejl hu
kiesaħ u perikoluż u l-għadu jista’ jattakka minn kullimkien. Bħalma l-għassiesa jisennew is-sebħ, hekk il-bniedem
ġust jistenna l-Mulej jgħaddi minn Ħajtu u jaħjih bil-Grazzja tiegħU. (ara v. 6)’
Ritornell: Għand il-Mulej hemm
it-tjieba.
Salm 130
Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma', Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena.
Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista' jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f'kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ.
Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,
jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha.
It-Tieni Qari
Dawk li jgħixu skont il-ġisem
għad m’għandhomx rebħa fuq il-mewt, imma dawk li għandhom l-Ispirtu ta’ Ġesù li
jgħammar fihom minħabba l-Fidi, dawn għaddew mill-Mewt għall-Ħajja, kellhom
l-esperjenza profonda tal-Għid li hi l-Magħmudija. Fil-Magħmudija, jegħreq
il-bniedem il-qadim, bin-natura qadima li rċieva mingħand il-ġenituri tiegħu, u
jitwieled mill-ġdid minn Alla, isir iben adottat mill-Missier li jagħtih
in-natura tiegħu, li hi natura ħielsa għal kollox mill-Mewt.
Għal mijiet ta’ snin,
il-Knisja ma kinitx tgħammed matul is-sena iżda biss fil-lejl tal-Għid. Dan, għax il-Magħmudija hija kopja perfetta
tal-Misteru tal-Għid. In-nies kienu jiġu
mgħammda ta’ kbar u kienu jinżlu kollhom kemm huma fl-ilmijiet tal-vaska
batteżimali. Kienu jegħrqu fl-ilmijiet
qaddisa, simbolu tal-mewt tan-natura antika kollha egoiżmu u dejjem mhedda
mill-biża’ tal-mewt. Il-bniedem li
joħroġ huwa bniedem ġdid, mibdul fi Kristu.
Dawn mhumiex teoriji. Il-problema
tagħna fejn jidħlu dawn is-sinjali tal-Magħmudija hija li dan is-Sagrament tant
kbir jinagħta lit-trabi u mhux bl-immersjoni u hekk il-qawwa tas-sinjali
tintilef. Imma dak li jseħħ fit-tarbija
hu l-istess li jseħħ fl-adulti, imma f’daqs ta’ żerriegħa. Il-Knisja tgħammed lit-trabi minħabba t-Tama
tagħha li dak li qabel kien iseħħ fil-katekumeni qabel il-Magħmudija, jseħħ
fit-tarbija wara l-Magħmudija meta tikber u tkun tista’ tidħol fil-Misteru
tal-Aħbar ta’ Kristu.
Qed ngħidu dan għax San Pawl
qed jikteb lil nies li kienu għaddew minn din il-bidla, minn dan l-Għid,
fil-ħajja tagħhom. Il-bniedem il-qadim
tagħhom kien miet u floku rċivew natura ġdida, natura divina. Daqshekk qawwa għandha l-Magħmudija. Ħafna drabi nirreduċuha bħala xi ħaġa
kulturali, daħla fil-ħajja tas-soċjeta`, meta fil-fatt hija miljun darba aktar
minn hekk! San Pawl huwa ċert li anke
jekk jixjieh u jitmermer il-ġisem u jispiċċa taħt l-art, l-Ispirtu tan-Nisrani
jibqa’ jgħix għax hu l-Ispirtu ta’ xi Ħadd li rebaħ il-Mewt. Saħansitra l-ġisem li jsir trab u rmied, għad
jerġa’ jieħu l-Ħajja, bħall-għadam li ra Eżekjel, minħabba l-Ispirtu Ħaj għal
Dejjem li jgħammar fin-Nisrani Adult.
Imma huwa mportanti li ż-żerriegħa tal-Magħmudija tagħna tikber,
tissaqqa, ssir siġra u tagħti frott kotran.
Kien b’din it-Tama li l-Knisja ikkonċeditilna li nitgħammdu ta’
trabi. J’Alla dan il-process tal-Għid
iseħħ fina u minn nies imdawrin b’ħajja li taf tkun iebsa u ta’ theddid, insiru
nies ħielsa, konvinti minn ħajja eterna, rebbieħa fuq dak kollu li jbeżżagħna.
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
8, 8-11
Ħuti: Dawk li jgħixu
skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt
il-ħakma tal-ġisem, imma ta' l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta' Alla
jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta' Kristu, dan
m'huwiex tiegħu. Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem
hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù
mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem
għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar
fikom.
Evanġelju
It-Tabor kienet esperjenza minn qabel tal-Għid għal
Kristu. L-istess il-mogħdija mill-mewt
għall-ħajja ta’ Lażżru. Kristu ħalla lil
ħabibu jmut għax għaraf li din kienet storja oħra tal-Għid. Jekk fil-bidu għidna li l-Bibbja hi mimlija
ġrajjiet ta’ ndħil ta’ Alla fl-eżistenza tan-nies, dawn il-ġrajjiet huma kollha
tħabbira minn qabel tal-ikbar Għid li wettaq Alla: il-Misteru tas-sagrifiċċju
ta’ Kristu fuq il-Kalvarju u r-rebħa tiegħu fuq is-setgħat tal-imwiet. Kull bniedem għandu bżonn li jgħaddi minn esperjenzi
bħal dawn li bil-mod il-mod jikkonvinċuh li kull tip ta’ mewt tintrebaħ,
fl-aħħar mill-aħħar. Dan hu li jibni
s-sliem fina. Anke Kristu kellu bżonn li
jgħaddi minn din il-mogħdija. Hu jgħid:
”Din mhijiex marda tal-mewt, iżda għall-glorja ta’ Alla, biex biha jissebbaħ
l-Iben ta’ Alla.” (v. 4).
B’dan ir-raġunar ta’ Kristu, kull tip ta’ mard, ta’ mewt,
ta’ nkwiet, ta’ kriżi... xejn minn dan ma jwassal għall-mewt, iżda għall-glorja
ta’ Alla, għall-Qawmien, għas-seħħ fina tal-Misteru tal-Għid. U kif Kristu ħalla lil ħabibu jmut... xi ħaġa
li ħawdet qatigħ lill-appostlli u anke lil ħut Lażżru, hekk ukoll Alla jħallina
ngħaddu mill-għarbiel tal-provi tal-Ħajja.
Huwa inutli nwaħħlu fix-xitan,
fix-xorti, fir-rieda ħażina ta’ nies mill-agħar, fil-kumbinazzjonijiet. Huwa Alla li jishar fuq l-Istorja ta’ kull
bniedem u biex il-bniedem ikollu esperjenza ta’ Qawmien, Alla jdaħħlu fil-qabar
ta’ nkwiet jew mard jew uġigħ. Dan narawh
goff, u ta’ bnedmin li aħna nixtiequ li hemm mod ieħor ta’ kif nikbru fil-Fidi. Imma din hi t-tattika ta’ Alla mal-ħolqien
kollu kif semmejna. Biex jiddi
fis-sbuħija kollha tiegħu id-Dawl, għandu bżonn id-dlam sewdieni. Biex tapprezza l-indafa trid tara qabel
il-ħmieġ li kien hemm. Biex tikber
siġra, trid l-ewwel il-lewża tmut, titħassar u tinqasam taħt il-ħamrija. Biex bniedem jidħol fil-Glorja, ġismu jrid
jara t-taħsir. Lażżru sar xi ħaġa
tal-għaġeb għax daħal fil-mewt. M’hemmx
Għid mingħajr mewt. Din hi n-natura
tad-dinja li ninsabu fiha. Il-bniedem
tal-lum avanza fix-xjenzi u fit-teknoloġija bi skop wieħed: li jeħles
mit-tbatija u finalment mill-esperjenza tal-mewt. Hu ma jemminx fil-Qawmien, allura jrid
iqaċċat, jekk hu possibbli, l-ewwel parti tal-Għid li lil ħadd ma togħġob.
Imma għan-Nisrani, is-Salib hu glorjuż, it-batija għandha
sens. M’hemmx Għid għalik mingħajr
is-Salib tiegħek. Huwa fis-Salib li int
se tiltaqa’ mal-eternita`. Dan id-dinja
ma tifhmux. Ħafna drabi aħna ma nifhmuhx
ukoll. Is-salib jidher saħta. Għal Marta u Marija is-salib ta’ ħuhom li
waslu sal-qabar, kien saħta. Kristu beka
mhux għal Lażżru, bħalma normalment naħsbu.
Kif se jibki fuqu meta l-Missier kien ġa tah il-qawwa li jqajmu. Ġesù kien ġa radd il-ħajr lil Missieru għax
ħass fih is-setgħa, ir-rebħa fuq il-mewt ta’ ħabibu. Hu beka minħabba l-agħma ta’ kulħadd
madwaru. Kristu jħares fuq il-kotra u
jara merħla mwerwra quddiem il-qabar.
Lażżru qam mal-għajta ta’ Kristu, imma sal-lum Kristu għadu jitqabad
biex jeħles lill-bniedem mill-biża’ tal-mewt.
Hu iktar diffiċli.
Versett: Glorja u tifħir
lilek Kristu! Jiena hu l-qawmien u
l-ħajja, igħid il-Mulej; kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
F’dak iż-żmien : Kien hemm wieħed marid,
Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta' Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b'żejt
ifuħ u xxuttatlu riġlejh b'xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù:
"Mulej, ara, ħabibek marid."
Meta sama' l-aħbar Ġesù qal: "Din m'hijiex marda tal-mewt,
iżda hi għall-glorja ta' Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta'
Alla." Ġesù kien iħobbhom lil Marta
u lil oħtha u lil Lazzru. Meta sama' li
dan marad, baqa' jumejn oħra fejn kien,
u mbagħad qal lid-dixxipli: "Ejjew nerġgħu mmorru
l-Lhudija." Qalulu d-dixxipli:
"Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int
rieġa' sejjer hemm?" Weġibhom Ġesù:
"M'hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma
jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta' din id-dinja. Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma
jkollux dawl." Qalilhom hekk, u
mbagħad issokta jgħidilhom: "Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u
nqajjmu." Qalulu d-dixxipli:
"Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq." Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u
huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta' meta wieħed ikun bin-ngħas. Mbagħad qalilhom ċar u tond: "Lazzru
miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li
ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh." Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu
d-dixxipli: "Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."
Meta
wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il
stadju 'l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu
ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li
kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: "Mulej, kieku kont
hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll
issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek." Ġesù qalilha: "Ħuk jerġa'
jqum!" Qaltlu Marta: "Jiena
naf li jerġa' jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum." Qalilha Ġesù: "Jien hu l-qawmien u
l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut
qatt. Temmnu inti dan?" "Iva,
Mulej," weġbitu, "Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta' Alla,
dak li ġie fid-dinja."
Kif qalet
dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha:
"L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek." Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret
ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx
fir-raħal, imma baqa' fejn kienet ġiet tiltaqa' miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma' Marija biex
ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra
lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.
Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f'riġlejh, tgħidlu:
"Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut." Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew
magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. "Fejn
qegħedtuh?" staqsiehom. Huma weġbuh: "Mulej, ejja u ara." U Ġesù beka.
Għalhekk il-Lhud qalu: "Ara kemm kien iħobbu!" Iżda xi wħud minnhom qalu: "Ma setax dan
il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?"
Ġesù ħass
ruħu mqanqal għal darb' oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi
blata fuqu. Ġesù qal: "Neħħu
l-blata." Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: "Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa
ilu erbat ijiem mejjet." Qalilha
Ġesù: "Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta'
Alla?" Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù
rafa' għajnejh 'il fuq u qal: "Missier, nroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt
dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni." Kif qal hekk, għajjat b'leħen għoli:
"Lazzru, oħroġ!" U dak li kien
mejjet ħareġ, b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur ma' wiċċu. Ġesù qalilhom:
"Ħollulu l-faxex u ħalluh imur."
Ħafna
mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.
|