Saturday, 16 December 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-HAMES HADD TAR-RANDAN (2017) L-GHID, IL-QAFAS TAL-HOLQIEN KOLLU
IL-HAMES HADD TAR-RANDAN (2017) L-GHID, IL-QAFAS TAL-HOLQIEN KOLLU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 31 March 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd tar-Randan ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_jqajjem_lil_lazru.jpg

Jekk niftħu l-Iskrittura żgur li mhux se nsibu xi trattat li jipprova jiddiskrivi lil Alla, li jipprovdi xi teorija li tittanta tfiehem il-Misteru ta’ Alla.  Fil-Bibbja ma nsibux l-argumenti dwar Alla li nsibu fil-Katekiżmu li fih il-Knisja tifrex it-tagħlim tagħha kollu.  Fil-Bibbja Mqaddsa aħna nsibu stejjer, rakkonti, ġrajjiet, u fuq kollox ismijiet ta’ nies.  M’hemmx paġna waħda li mhix mimlija ismijiet ta’ nies.  Għax l-Iskirttura turina min hu Alla billi xxandar l-azzjonijiet tiegħu, l-indħil tiegħu fl-Istorja ta’ nies differenti.  Jekk tistaqsi lill-Iskrittura min hu Alla, twieġbek: “Alla hu dak li jgħaddi.”  Alla huwa dak li jgħid Kelma u din isseħħ.  Huwa  jgħaddi mill-ħajja tan-nies u jbiddel is-sitwazzjoni tagħhom.  Huwa jgħaddi u jġorr miegħu lill-bniedem minn qagħda ta’ mewt għal ħajja, m ill-jasar għall-ħelsien, mid-dlam għad-dawl, mid-dieqa għall-ferħ, mil-luttu għall-festa.  Għalhekk nistgħu ngħidu li Alla huwa Għid, Alla huwa mogħdija, passaġġ dejjiemi.  Hu ma jistax iwiegħed ħaġa oħra ħlief l-Għid.

 

Jekk inħarsu lejn in-natura ta’ madwarna, lejn il-ħolqien kollu, l-ambjent, dak kollu li jdur madwarna, bi ftit attenzjoni ninduna bil-marka tal-idejn ta’ Alla f’kollox, għax f’kollox hemm il-marka tal-Għid, jiġifieri kollox hu mmarkat minn passaġġ mill-mewt għall-ħajja.  M’hemm xejn statiku, wieqaf.  Kollox għaddej, f’moviment, għax Alla hu Dak li jgħaddi.  Il-lejl mudlam iċedi postu bil-mod il-mod għat-tbexbix taż-żerniq... ix-xemx tixref u tħarrab il-lejl; il-ħolqien jinżel fl-istaġuni mdallma tal-ħarifa u x-xitwa, biex iqum għad-dawl u t-temp sabiħ tar-rebbiegħa u s-sajf; ħafna siġar jinżgħu il-weraq u jsiru qishom mejta, jidħlu fir-raqda tax-xitwa, imma jwarrdu u jarmaw weraq ġdid malli tisbaħ ir-rebbiegħa; l-inġazzar tas-silġ jiksi nofs id-dinja f’lejl twil ħafna xhur, biex jinħall mas-sħana ta’ ħajja ġdida li tinfirex ma’ ħruġ Marzu.  Il-ħolqien kollu jkanta r-rejalta` tal-Għid, ta’ passaġġ mid-dlam għad-dawl.  Donnu kollox hu ritratt ta’ Alla nnifsu.

 

 

 

Fuq kollox, il-bniedem, bl-Istorja tiegħu huwa xhieda ta’ dan.  Alla nnifsu jgħaddi l-bniedem minn Storja li biha jimmaturah fil-forġa tal-Għid.  Ħarsu daqsxejn lejn ħajjitkom u araw jekk l-affarijiet importanti li ġrawlkom hux kollha kellhom din il-marka fihom: daħla fl-ewwel parti tal-Għid li hija qagħda kritika, serja, prekarja; sitwazzjoni ta’ tensjoni, dieqa, tama li kollox jgħaddi b’wiċċ il-ġid; mewt ontika, tissejjaħ fil-psikoloġija.  Hija litteralment daħla fil-mewt, fi żmien li jdgħajfek u joqtlok fuq livell profond ħafna.  Is-Salmista jgħid: “Hu għakkisni, Hu tassew għakkisni, iżda le, ma telaqnix fil-mewt!”   (S. 118, 2).  U dan hu l-għaġeb: li mill-għawġ kollu jeħlisna l-Mulej.  Kull sitwazzjoni iebsa u li tidher li ttul u ttul, għandha bħala tmiemha, l-Qawmien Glorjuż, il-ferħ tal-bnazzi wara l-maltemp.  U din tiġri u terġa’ tiġri, darba wara darba, biex forsi mas-Salmista naslu għall-konvinzjoni li ngħidu miegħu: “Jien mhux se mmut imma se ngħix!” Għax dan hu l-Għan ta’ din il-pedagoġija divina, din l-edukazzjoni li jagħtina l-Mulej fl-Istorja: li jikkonvinċina li kollox jgħaddi u li fl-aħħar kollox se jkun sew.  Hekk tinbena l-Fidi Adulta, permezz tal-esperjenza.  Għid wara Għid nidħlu fi stennija għall-Għid aħħari, l-Għid tassew kbir tal-eżistenza tagħna: li nersqu lejn il-mewt bi spirtu ta’ eskatoloġija, jiġifieri ħerqana nistennew li issa, sa fl-aħħar se jisbaħ għal dejjem, il-mewt fiżika se tagħti l-wisgħa għall-Ħajja li għaliha propjament ġejna maħluqa: il-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Minn din il-mogħdija għadda l-Iben ta’ Alla.  Il-Missier bagħtu għal siegħa waħda: biex jgħix l-Għid, jgħix il-milja tal-ħolqien, is-sinsla, kif għidna, ta’ dak kollu li jeżisti.  U l-Għid mhux biss il-Qawmien, imma Mewt u Qawmien, għax biex ikun hemm Qawmien irid ikun hemm Mewt qablu.  Biex tifraħ bil-bnazzi trid tgħaddi min-nikta tas-sħab iswed, tar-riħ ivenven, tal-baħar li jrid jibla’ l-art u x-xita li tgħarraq kullimkien.  U d-dinja tidher imġedda, żagħżugħa, wara xi maltempata kbira.  Dan hu l-Għid.  Dan hu l-bażi tal-Fidi Nisranija.  In-Nisrani, saħansitra jaf li m’għandux għalfejn jitlob biex titneħħielu t-tbatija fil-lejl mudlam tal-ewwel parti tal-Għid, għax jaf li kollox hu xogħol Missieru li qed jedukah biex jirbaħ il-mewt ta’ dejjem.  In-Nisrani jemmen fil-Qawmien u dan id-Dawl idawwallu t-tbatija.  Għax il-problema tal-bniedem mhix it-tbatija imma t-tbatija bla sens.  Ix-xogħol hu tbatija, imma billi l-bniedem jaf li x-xogħol fih qliegħ, it-tbatija hi mdawla u jgħixha b’moħħ trankwil.  Is-sens tal-Għid f’kollox jgħinna biex, ma’ Kristu, nidħlu fil-prova, biex miegħU ukoll ngħixu l-eżultanza tal-Qawmien.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Profeta Eżekjel kien Dawl qawwi li l-Mulej bagħat lill-poplu tiegħu li kien għaddej mill-esperjenza tad-dlam ċappa fl-Eżilju ta’ Babel.  San Ġwann tas-Salib jitkellem fit-tul dwar “Il-lejl mudlam tar-Ruħ”.  Iżrael kellu bżonn jgħaddi minn din l-esperjenza iebsa biex jissaffa u jimmatura fil-Fidi u fuq kollox jgħix f’laħmu l-Għid.  Għax għalih ukoll sebaħ u feġġ il-jum meta l-poplu tħalla jmur lura lejn pajjiżu, lejn Ġerusalemm u l-bini mill-ġdid tat-Tempju.  Dan il-“lejl mudlam” ilkoll ngħaddu minnu.  Hawn min jitlef  il-Fidi minħabba fih, imma l-għan tiegħu hu li ngħaddu minn Fidi tat-tfal għal Fidi matura, żonqrija.

 

Iżrael daħal fil-lejl; u Eżekjel jara dehra li kienet tfisser eżatt il-qagħda tal-poplu mferrex ’l hawn u ’l hinn.  Jara wied mimli għadam tal-mejtin; wied kbir u wiesgħa, imburġat bl-għadam niexef qoxqox, skeletri fuq skeletri, donnha d-dinja spiċċat u nqered kollox.  Imma fil-qalba ta’ din id-disperazzjoni u l-għibien tat-Tama, jinstema leħen Alla.  Il-profeta biss kellu widnejn biex jisma’ u sema wegħda tal-għaġeb: iktar kemm kollox jidher mitluf, iktar glorjuz se jkun Jum il-Qawmien.  Alla kien se jgħaddi minn fuq dan il-wied tal-mewt u jkaxkar poplu sħiħ lejn il-Ħajja vera, lejn il-ħelsien, bħalma kien kaxkru fl-ewwel Għid tal-ħruġ mill-Eġittu.  X’meravilja!  Dan hu Alla tagħna!  Dan hu l-Għid! 

 

Alla jgħaddi u l-għadam jersaq lejn xulxin u jinkesa bil-laħam u jieħu nifs il-Ħajja.  Alla jgħaddi u mill-ġuf mejjet ta’ Sarah toħroġ il-Ħajja, jitwieled Iżakk u Abraham jara “Jum il-Mulej”.  Alla jgħaddi u l-baħar jinferaq quddiem Iżrael, li kien maqbud f’nasba tal-mewt.  Alla jgħaddi u minn ġuf verġni titnissel il-Ħajja. Alla jgħaddi u minn tnax-il sajjied beżżiegħi titwieled il-Knisja.  Din hija l-Mogħdija tal-Mulej, l-Għid.  Alla jgħaddi u lilek u lili joħroġna mill-qabar tal-problema serja li nkunu qed ngħixu u bħal nitwieldu mill-ġdid għal Fidi ġdida.  Huwa dak in-nhar li nkunu nistgħu infaħħru u nroddu ħajr lill-Mulej b’qalbna kollha.  Huwa dak in-nhar li tassew ikollna x’nirrakkontaw dwar Alla.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 12-14

 

Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f'art Iżrael.  Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi.  U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.

 

Nqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej."

 

Salm Responsorjali

 

Salm 130 huwa wieħed mis-Salmi hekk imsejħa “tat-Telgħat”.  Ġerusalemm kienet mibnija fuq il-għoljiet ta’ Ġuda u l-poplu li kien jagħmel il-pellegrinaġġ lejn il-belt qaddisa, kien ikollu jimxi triq iebsa, dejjem għat-telgħa.  Hija għolja 760 metru ’il fuq mill-baħar u Iżrael għandu ħmistax-il Salm li jissejħu “Salmi tat-Telgħat” li kienu jitkantaw matul it-triq lejn il-belt.  Anke f’dan kollu nxommu l-fwieħa ħelwa tal-Għid: it-tbatija u l-perikli tat-triq li kienu jġegħelu n-nies jivvjaġġjaw f’karovani, jiġifieri fi gruppi kbar mhux ħażin minħabba l-biża’ ta’ attakki mill-ħallelin, u fl-aħħar, il-ferħ, l-għajjat ta’ ringrazzjament, l-istagħġib reliġjuż u emozzjonali, hekk kif tidher quddiem għajnejhom il-belt is-sabiħa, ir-reġina tal-bliet kollha, l-Għarusa ta’ Jahweh nnifsu.  Mal-ewwel dehra kienu jintefgħu wiċċhom fl-art f’adorazzjoni, għax jiddi fil-qalba tal-belt kienu jilmħu d-deheb li kien jiksi t-Tempju fejn kien hemm ix-Xekinah, il-Preżenza ta’ Alla, l-Ħallieq tal-univers.

 

Is-Salm li għandna huwa Salm profond u ħafna emozzjonali.  Huwa poeżija mill-isbaħ li jpoġġi fuq fommna kliem li jesprimi l-mumenti iebsa tal-Ħajja.  Min jista’ jitlob dan is-Salm u ma jiftakarx u jerġa’ jgħix dawk il-mumenti koroh tal-Ħajja, li wara wasslu għall-Grazzja, għall-Faraġ, għall-Qawmien.  Dan hu Salm mimli tensjoni.  Hu Salm ta’ Tama, imma l-Għid għadu ma feġġx.  It-triq hi iebsa u Ġerusalemm għadha ’l bogħod u l-bniedem b’rasu baxxuta jlissen: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej; Mulej, isma’ l-leħen  tiegħi.  Ħa jkunu widnejk miftuħa għal-leħen tat-talb tiegħi.” (v. 1-2).

 

Il-bniedem tal-Fidi jibqa’ jittama anke meta jgħarrex għall-ewwel ħajta dawl taż-żerniq u ma jarahx.  Is-Salmista hawn isemmi l-għassiesa li jkunu għassa matul il-lejl, u li jittamaw li ma jdumx ma jisbaħ għax il-lejl hu kiesaħ u perikoluż u l-għadu jista’ jattakka minn kullimkien.  Bħalma l-għassiesa jisennew is-sebħ, hekk il-bniedem ġust jistenna l-Mulej jgħaddi minn Ħajtu u jaħjih bil-Grazzja tiegħU.  (ara v. 6)’

 

Ritornell:  Għand il-Mulej hemm it-tjieba.

 

Salm 130

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi,

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael

minn ħtijietu kollha.

 

It-Tieni Qari

 

Dawk li jgħixu skont il-ġisem għad m’għandhomx rebħa fuq il-mewt, imma dawk li għandhom l-Ispirtu ta’ Ġesù li jgħammar fihom minħabba l-Fidi, dawn għaddew mill-Mewt għall-Ħajja, kellhom l-esperjenza profonda tal-Għid li hi l-Magħmudija. Fil-Magħmudija, jegħreq il-bniedem il-qadim, bin-natura qadima li rċieva mingħand il-ġenituri tiegħu, u jitwieled mill-ġdid minn Alla, isir iben adottat mill-Missier li jagħtih in-natura tiegħu, li hi natura ħielsa għal kollox mill-Mewt. 

 

Għal mijiet ta’ snin, il-Knisja ma kinitx tgħammed matul is-sena iżda biss fil-lejl tal-Għid.  Dan, għax il-Magħmudija hija kopja perfetta tal-Misteru tal-Għid.  In-nies kienu jiġu mgħammda ta’ kbar u kienu jinżlu kollhom kemm huma fl-ilmijiet tal-vaska batteżimali.  Kienu jegħrqu fl-ilmijiet qaddisa, simbolu tal-mewt tan-natura antika kollha egoiżmu u dejjem mhedda mill-biża’ tal-mewt.  Il-bniedem li joħroġ huwa bniedem ġdid, mibdul fi Kristu.  Dawn mhumiex teoriji.  Il-problema tagħna fejn jidħlu dawn is-sinjali tal-Magħmudija hija li dan is-Sagrament tant kbir jinagħta lit-trabi u mhux bl-immersjoni u hekk il-qawwa tas-sinjali tintilef.  Imma dak li jseħħ fit-tarbija hu l-istess li jseħħ fl-adulti, imma f’daqs ta’ żerriegħa.  Il-Knisja tgħammed lit-trabi minħabba t-Tama tagħha li dak li qabel kien iseħħ fil-katekumeni qabel il-Magħmudija, jseħħ fit-tarbija wara l-Magħmudija meta tikber u tkun tista’ tidħol fil-Misteru tal-Aħbar ta’ Kristu.

 

Qed ngħidu dan għax San Pawl qed jikteb lil nies li kienu għaddew minn din il-bidla, minn dan l-Għid, fil-ħajja tagħhom.  Il-bniedem il-qadim tagħhom kien miet u floku rċivew natura ġdida, natura divina.  Daqshekk qawwa għandha l-Magħmudija.  Ħafna drabi nirreduċuha bħala xi ħaġa kulturali, daħla fil-ħajja tas-soċjeta`, meta fil-fatt hija miljun darba aktar minn hekk!  San Pawl huwa ċert li anke jekk jixjieh u jitmermer il-ġisem u jispiċċa taħt l-art, l-Ispirtu tan-Nisrani jibqa’ jgħix għax hu l-Ispirtu ta’ xi Ħadd li rebaħ il-Mewt.  Saħansitra l-ġisem li jsir trab u rmied, għad jerġa’ jieħu l-Ħajja, bħall-għadam li ra Eżekjel, minħabba l-Ispirtu Ħaj għal Dejjem li jgħammar fin-Nisrani Adult.  Imma huwa mportanti li ż-żerriegħa tal-Magħmudija tagħna tikber, tissaqqa, ssir siġra u tagħti frott kotran.  Kien b’din it-Tama li l-Knisja ikkonċeditilna li nitgħammdu ta’ trabi.  J’Alla dan il-process tal-Għid iseħħ fina u minn nies imdawrin b’ħajja li taf tkun iebsa u ta’ theddid, insiru nies ħielsa, konvinti minn ħajja eterna, rebbieħa fuq dak kollu li jbeżżagħna.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 8-11

 

Ħuti: Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta' l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih  l-Ispirtu ta' Kristu, dan m'huwiex tiegħu.  Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja.  Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Evanġelju

 

It-Tabor kienet esperjenza minn qabel tal-Għid għal Kristu.  L-istess il-mogħdija mill-mewt għall-ħajja ta’ Lażżru.  Kristu ħalla lil ħabibu jmut għax għaraf li din kienet storja oħra tal-Għid.  Jekk fil-bidu għidna li l-Bibbja hi mimlija ġrajjiet ta’ ndħil ta’ Alla fl-eżistenza tan-nies, dawn il-ġrajjiet huma kollha tħabbira minn qabel tal-ikbar Għid li wettaq Alla: il-Misteru tas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq il-Kalvarju u r-rebħa tiegħu fuq is-setgħat tal-imwiet.  Kull bniedem għandu bżonn li jgħaddi minn esperjenzi bħal dawn li bil-mod il-mod jikkonvinċuh li kull tip ta’ mewt tintrebaħ, fl-aħħar mill-aħħar.  Dan hu li jibni s-sliem fina.  Anke Kristu kellu bżonn li jgħaddi minn din il-mogħdija.  Hu jgħid: ”Din mhijiex marda tal-mewt, iżda għall-glorja ta’ Alla, biex biha jissebbaħ l-Iben ta’ Alla.”  (v. 4). 

 

B’dan ir-raġunar ta’ Kristu, kull tip ta’ mard, ta’ mewt, ta’ nkwiet, ta’ kriżi... xejn minn dan ma jwassal għall-mewt, iżda għall-glorja ta’ Alla, għall-Qawmien, għas-seħħ fina tal-Misteru tal-Għid.  U kif Kristu ħalla lil ħabibu jmut... xi ħaġa li ħawdet qatigħ lill-appostlli u anke lil ħut Lażżru, hekk ukoll Alla jħallina ngħaddu mill-għarbiel tal-provi tal-Ħajja.  Huwa  inutli nwaħħlu fix-xitan, fix-xorti, fir-rieda ħażina ta’ nies mill-agħar, fil-kumbinazzjonijiet.  Huwa Alla li jishar fuq l-Istorja ta’ kull bniedem u biex il-bniedem ikollu esperjenza ta’ Qawmien, Alla jdaħħlu fil-qabar ta’ nkwiet jew mard jew uġigħ.  Dan narawh goff, u ta’ bnedmin li aħna nixtiequ li hemm mod ieħor ta’ kif nikbru fil-Fidi.  Imma din hi t-tattika ta’ Alla mal-ħolqien kollu kif semmejna.  Biex jiddi fis-sbuħija kollha tiegħu id-Dawl, għandu bżonn id-dlam sewdieni.  Biex tapprezza l-indafa trid tara qabel il-ħmieġ li kien hemm.  Biex tikber siġra, trid l-ewwel il-lewża tmut, titħassar u tinqasam taħt il-ħamrija.  Biex bniedem jidħol fil-Glorja, ġismu jrid jara t-taħsir.  Lażżru sar xi ħaġa tal-għaġeb għax daħal fil-mewt.  M’hemmx Għid mingħajr mewt.  Din hi n-natura tad-dinja li ninsabu fiha.  Il-bniedem tal-lum avanza fix-xjenzi u fit-teknoloġija bi skop wieħed: li jeħles mit-tbatija u finalment mill-esperjenza tal-mewt.  Hu ma jemminx fil-Qawmien, allura jrid iqaċċat, jekk hu possibbli, l-ewwel parti tal-Għid li lil ħadd ma togħġob.

 

Imma għan-Nisrani, is-Salib hu glorjuż, it-batija għandha sens.  M’hemmx Għid għalik mingħajr is-Salib tiegħek.  Huwa fis-Salib li int se tiltaqa’ mal-eternita`.  Dan id-dinja ma tifhmux.  Ħafna drabi aħna ma nifhmuhx ukoll.  Is-salib jidher saħta.  Għal Marta u Marija is-salib ta’ ħuhom li waslu sal-qabar, kien saħta.  Kristu beka mhux għal Lażżru, bħalma normalment naħsbu.  Kif se jibki fuqu meta l-Missier kien ġa tah il-qawwa li jqajmu.  Ġesù kien ġa radd il-ħajr lil Missieru għax ħass fih is-setgħa, ir-rebħa fuq il-mewt ta’ ħabibu.  Hu beka minħabba l-agħma ta’ kulħadd madwaru.  Kristu jħares fuq il-kotra u jara merħla mwerwra quddiem il-qabar.  Lażżru qam mal-għajta ta’ Kristu, imma sal-lum Kristu għadu jitqabad biex jeħles lill-bniedem mill-biża’ tal-mewt.  Hu iktar diffiċli.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek Kristu!  Jiena hu l-qawmien u l-ħajja, igħid il-Mulej; kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.  Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

F’dak iż-żmien : Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta' Marija u oħtha Marta.  Marija kienet dik li dilket il-Mulej b'żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b'xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha.  Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: "Mulej, ara, ħabibek marid."  Meta sama' l-aħbar Ġesù qal: "Din m'hijiex marda  tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta' Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta' Alla."  Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.  Meta sama' li dan marad, baqa' jumejn oħra fejn kien,  u mbagħad qal lid-dixxipli: "Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija."  Qalulu d-dixxipli: "Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa' sejjer hemm?"  Weġibhom Ġesù: "M'hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta' din id-dinja.  Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl."  Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: "Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu."  Qalulu  d-dixxipli: "Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq."  Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta' meta wieħed ikun bin-ngħas.  Mbagħad qalilhom ċar u tond: "Lazzru miet.  U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh."  Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: "Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."

  

 Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar.  Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju 'l hemm minnha.  Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar.  Marta qalet lil Ġesù: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.  Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek."  Ġesù qalilha: "Ħuk jerġa' jqum!"  Qaltlu Marta: "Jiena naf li jerġa' jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum."  Qalilha Ġesù: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix;  u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?"  "Iva, Mulej," weġbitu, "Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta' Alla, dak li ġie fid-dinja."

  

 Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: "L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek."  Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh.  Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa' fejn kienet ġiet tiltaqa' miegħu Marta.  Il-Lhud li kienu d-dar ma' Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.  Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f'riġlejh, tgħidlu: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut."  Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. "Fejn qegħedtuh?" staqsiehom. Huma weġbuh: "Mulej, ejja u ara."  U Ġesù beka.  Għalhekk il-Lhud qalu: "Ara kemm kien iħobbu!"  Iżda xi wħud minnhom qalu: "Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?"

 

 Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb' oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu.  Ġesù qal: "Neħħu l-blata." Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: "Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet."  Qalilha Ġesù: "Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta' Alla?"  Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa' għajnejh 'il fuq u qal: "Missier, nroddlok ħajr li smajtni.  Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni."  Kif qal hekk, għajjat b'leħen għoli: "Lazzru, oħroġ!"  U dak li kien mejjet ħareġ, b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur ma' wiċċu. Ġesù qalilhom: "Ħollulu l-faxex u ħalluh imur."

  

 Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

 

 
< Prev   Next >