Sunday, 22 October 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow HADD IL-PALM IL-KNISJA TICCELEBRA L-‘KENOSI’ TA’ ALLA
HADD IL-PALM IL-KNISJA TICCELEBRA L-‘KENOSI’ TA’ ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 07 April 2017

 Din hija il- Liturgija  ta. Hadd il-Palm ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

palm-sunday.jpg

 

Hawn il-lejl qabel ma bata, meta  kien miġbur għall-aħħar darba mad-dixxipli tiegħu, Ġesù, li kien jaf għal xhiex kien riesaq, jissorprendina billi jgħid: “Fid-dinja tbatu jkollkom.  Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”  (Ġw. 16, 33).  Mhux kliem ta’ bniedem fallut li qed jara lil dawk li ċapċpulu jitferrxu, jew li qed jara l-awtorita` setagħna tal-pajjiż taqa’ fuqu u tgħaffġu taħtha.  Huwa l-kliem ta’ bniedem ċert minnu nnifsu, ċert mir-rebħa tiegħu, anzi jżid jgħid li l-prinċep ta’ din id-dinja hu megħlub u ma jista’ jagħmillu xejn.  (ara Ġw. 14, 30).  Min fejn ġabha din iċ-ċertezza?  Ma rridux ninsew li għalkemm Kristu tassew li kien Alla, din id-divinita` tiegħu kienet bħal ‘moħbija’ taħt l-umanita` li hu libes, il-ġisem li ħa minn Marija li kien suġġett għat-tensjoni, it-tħassib u l-uġigħ tagħna lkoll.

 

Kristu rebaħ id-dinja għax niżel sal-qiegħ nett tal-umilta`.  Huwa għamel niżla, kenosi, li fuqha jitkellem Pawlu bi kliem glorjuż fit-Tieni Qari, u ma kellu xejn x’jitlef.  Dan hu l-bniedem tassew ħieles: dak li m’għandu xejn x’jitlef.  Aħna lkoll għandna ħafna x’nitilfu f’kull ċirkostanza u għalhekk nidinbu.  Aħna niddefendu dak li għandna... anke l-ifqar wieħed fostna jagħmel dan.  Dan l-istint li niddefendu dak li għandna huwa mċappas b’ħafna egoiżmu li ma jħalliniex nuru mogħdrija mal-ieħor meta nħossuna mhedda.  Għalhekk Sartre, filosofu Franċiż pagan joħroġ bi frażi famuża u mxajtna fl-istess ħin meta jgħid: “L-ieħor hu l-infern!”  Jiġifieri, l-ieħor hu ta’ min jibża’ minnu u toqgħodlu attent, u mela tħobbu!  Dan hu l-kontrovanġelu. 

 

 

Għaliex mela Kristu wasal sabiex saħansitra jħobb lil dawk li sallbuh, jiddfendihom, anke jiġġustifikahom?  Għaliex dawk li, f’dagħdigħa ta’ mibegħda kontrih għajtu: “Demmu fuqna u fuq uliedna!”  (Mt. 27, 25) tassew traxxax Demmu fuqhom u fuq uliedhom imma mhux b’saħħta, mhux b’rovina għalihom u l-familji tagħhom, iżda biex bih jinħaslu mill-ħtija enormi tagħhom?  Għaliex dan?  X’inhi din ir-rebħa misterjuża fuq in-natura tad-dinja?  Liema qawwa mbuttat lil Kristu jinżel tant ’l isfel u jsir tant umli, l-aħħar wieħed fostna lkoll?  L-Imħabba, ċertament.  L-Imħabba hi l-aqwa setgħa li teżisti fl-univers.  L-Imħabba hi Alla.  Kristu kellu biss għana waħdieni: l-Imħabba. Min jista’ jifhimha din l-Imħabba li hi Alla?  Din mhix l-imħabba naturali tagħna li tħobb lil min iħobbha u kapaċi tinbidillek f’mibegħda jekk ma tiġix reċiprokata, jew jekk tiġi traduta.  Din hi l-Imħabba lejn l-għadu, li għamlet lil Kristu ħieles minn kollox barra minn ħaġa waħda: mill-ħerqa tiegħu li ħadd mill-bnedmin ma jintilef.  Tant huma kbar fi Kristu din l-Imħabba u din il-ħerqa, li għall-bniedem lest li jagħmel kollox, bla kalkoli, bla sforżi, imbuttat, dejjem imbuttat biex isalvu u mhux biex jikkundanna.  Minn tad-dinja ma kellu xejn, u hu għalhekk li ma kellux x’jitlef.  Jekk kien sejjer għall-mewt, kien nieżel dejjem iktar ’l isfel lejn iċ-ċentru, il-milja tal-Imħabba vera.  Jekk fuq is-salib kien marbut bl-imsiemer, Hu kien l-iktar ħieles fost il-kotra; jekk kien jidher miskin, kellu qalb ħuġġieġa waħda li hi l-milja tal-ħajja; jekk il-mewt kienet kullimkien madwaru, Hu kien dieħel fil-Ħajja li ma tispiċċax u l-mewt kienet maqsuma fi tnejn, bħalma narawha fl-ikonografija ta’ ħafna kurċifissi.

 

Kristu għamel niżla, kenosi; niżel ’l isfel mill-bniedem, biex jerfgħu ’il fuq lejn Alla.  Imma dan kollu hu misteru; min jista’ jifhmu?  Imma jekk tassew li hu misteru, mhux misteru bħal dak tad-dommi, iżda misteru li, Pawlu jgħid, il-Missier irid  jikxifulna, u Hu jikxfu lil kull Nisrani adult.  Il-Misteru tal-Imħabba tal-Missier murija f’Ibnu u mikxfua lilna mill-Ispirtu s-Santu.  Dan hu l-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna.  Ħames mitt sena qabel Kristu, il-Profeta Żakkarija ra dan kollu fiċ-ċpar tal-futur u għajjat quddiem il-poplu: “Huma għad iħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir. U l-pajjiż jitbekka, kull familja għaliha.  Imma dakinhar jiġri li tinfetaħ għajn għad-dar ta’ David u għan-nies ta’ Ġerusalemm, biex jindafu mill-ħtijiet u mit-tinġiż.”  (Żak. 12, 10-12).  U l-għajn li jara dan il-Profeta hi l-għajn li tgelgel demm, id-Demm ta’ Kristu li jħallas għal kull dnub tal-umanita`.

 

L-Ewwel Qari

 

Isaija hu l-Profeta li għandu importanza kbira fil-Liturġija tal-Avvent għax kien ix-Xandar tal-Aħbar it-Tajba tal-miġja tal-Messija fl-għar ta’ Betlehem.  Imma għandu importanza kbira wkoll fil-Liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa minħabba erba’ poeżiji dwar persunaġġ misterjuż li l-istudjużi tal-Bibbja laqqmuh: “Il-Qaddej ta’ Jaħweh”.  F’din “il-Festa tal-Palm” niltaqgħu ma’ silta minn waħda minnhom.  L-Insara jemmnu li dan il-“Qaddej ta’ Jaħweh mhu ħadd ieħor ħlief Iben il-Missier, Kristu Ġesù, għax fih twettaq dak kollu li pproklama Isaija sekli qabel. 

 

Din is-silta tibda bil-kemiet: “Il-Mulej Sidi tani lsien ta’ wieħed mgħallem, biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.”  (Is. 50, 4).  Din is-sentenza tiddiskrivi l-Ispirtu qaddis li kien jimla sax-xfar lill-Qaddej, lil Kristu.  L-importanti għalih kien “l-ieħor”, eżatt  il-kontra ta’ Sartre.  Waqt li l-filosofu pagan telaq bl-argument tiegħu minn qagħda ta’ biża’ mill-mewt, ta’ egoiżmu, ta’ “x’se nitlef”, Kristu jitlaq minn din il-ħerqa li jgħin lill-ieħor anke jekk dan jiswielu kollox.  Dan l-Ispirtu ta’ mogħdrija lejn “l-ieħor” jimla wkoll lin-Nisrani li mexa ’l quddiem fil-Fidi.  Għal Kristu u għan-Nisrani, l-ikel tiegħu hu li jagħmel ir-Rieda tal-Missier.  Dan u dan biss.  U jekk in-Nisrani jasal għal dan, mhux bil-ħila tiegħu, b’xi qdusija tiegħu, imma bil-qawwa li jagħtih l-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-bniedem imfejjaq minn ġewwa minn Kristu, li ma baqagħlux ġrieħi jdennu li minnhom dejjem ħierġa l-Ħajja, li kapaċi jgħaddi għal għand “l-ieħor” b’dan il-mod ġeneruż.  L-għana ta’ dan il-bniedem m’għadux iktar il-ġid ta’ din l-art, lanqas is-saħħa, lanqas il-ġibdiet tal-ġisem, imma l-Imħabba ta’ Alla li huwa skopra u li tagħmlu għani iktar minn kulħadd.  Hu m’għandux x’jitlef, għax dan l-għana ma jista’ jmissulu ħadd.

 

Mhix ċajta tinagħta għal ħaddieħor b’dan il-mod!  L-Imħabba tiswielek, u kif!  L-Imħabba lill-Qaddej il-veru ħaditu sa fuq is-salib.  Imma xorta waħda l-Imħabba tibqa l-kalamita li tiġbed tant nies lejha, nies li għalija jerħu kollox u jiftaqru biex ma  jkollhomx x’jitilfuq fis-servizz tagħha.  Dan hu tal-għaġeb.  Il-Profeta jgħid li l-Mulej fetaħlu widintu (v. 5), jiġifieri għarraflu f’qalbu l-Misteru tal-Imħabba li biha hu maħbub.  Minn hawn tiġi l-enerġija: mill-iskoperta tal-Imħabba.  Il-bniedem ifittex l-Imħabba għand martu, għandu uliedu, għand il-flus, għand  in-nies, għand is-saħħa, u kultant għand xi prostituta... imma għand Alla biss qegħda.  U l-Profeta jgħid li “hu għalhekk li ma nitħawwadx, u għamilt wiċċi bħaż-żnied, għax naf li ma jkollix mniex nistħi.”  (v. 7).  X’għandu x’jitlef meta għandu din l-Imħabba li hi l-“kollox” li tfittex id-dinja?

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  50, 4-7

 

Sidi l-Mulej tani lsien ta' wieħed jitgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b'xi kelma.

Ta' kull filgħodu jqajjimli 'l widinti,

biex nisma' bħal wieħed jitgħallem.

 

  Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni,

ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi  mit-tagħjir u l-bżieq,

 

Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

Salm Responsorjali

 

Is-Salmi kienu t-Talb tal-Madonna, tal-Appostli, tad-dixxipli, u fuq kollox ta’ Kristu.  Is-Salmi jitkellmu fuq ħajjitna.  Lil Marija kienu jkellmuha fuq ħajjitha; l-istess lill-appostli u fuq kollox lil Kristu.  Il-Lhud kienu jlissnuhom bl-amment, skont iċ-ċirkustanza, u mhux fil-liturġija tat-tempju jew tas-sinagoga biss.  Hemm salmi għal waqt mumenti ta’ ferħ, salmi ta’ ringrazzjament, salmi ta’ tagħlim, salmi għal waqt sitwazzjoni ta’ nkwiet u biża’, salmi għal meta wieħed kważi qata’ qalbu minn Alla u jgerger quddiemu u jistaqsiH fejn mar staħba.  Is-salmi kollha huma talbiet qawwija spirati minn Alla nnifsu u mhux mill-bnedmin.  U jekk Kristu, meta ta’ żagħżugħ qed jimmatura fil-Misteru tal-missjoni tiegħu kien ikun fost in-nies tar-raħal fis-sinagoga, u kien jisma l-qari minn Isaija dwar il-Qaddej ta’ Jaħweh u kien jgħid f’qalbu: “Dan hu jien!”, hekk ukoll meta Missieru jew Ommu kienu jlissnu f’widnejh fid-dar Salm 22, fis-skiet imħasseb tiegħu kien jagħraf li dan is-Salm mhux biss kien jitkellem fuqu imma kien Hu.  Dan is-Salm, li se nitolbu b’parti minnu f’din l-Ewkaristija, kien l-aħħar talba ta’ Kristu fuq din l-Art.  Kienet it-talba li ħarġet minn qalbu fl-eqqel tal-ħruxija.  M’hemmx talba li tesprimi b’mod aktar qawwi l-qagħda tal-bniedem, tiegħek u tiegħi, meta nkunu għaddejjin minn biża’ veru, inkwiet tassew, wied mudlam ta’ veru.  Hawn se jinqara parti ċkejkna minnu, imma jien nagħtikom il-parir li matul din il-ġimgħa timmeditawh kollu.

 

Hu Salm tal-Għid.  Salm Paskwali.  Salm ta’ mogħdija mill-uġigħ għall-Glorja, mill-mewt għall-Ħajja, mid-dlam għad-Dawl, mid-dieqa profonda ta’ mibegħda vjolenti għall-Ferħ ta’ Ħajja bla Tmiem.  Jekk fuq is-Salib Kristu jibda bil-kliem: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (v. 2), Huwa jispiċċa bl-għajta tar-rebħa: “Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; sebbħuh ilkoll; għax ma warrabx minnu lil dan l-imsejken.  Għalhekk nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.  U għalih tgħix ruħi u lilu jaqdi n-nisel tiegħi!”  (vv. 24w).  Minn bniedem imsejken f’ħalq il-mewt, ekku, bniedem li jaf li se jgħix għal dejjem u li n-nisel tiegħu se jfaħħar lil Alla!  Din hi l-mogħdija tal-Għid, il-mogħdija tal-Mulej, u jekk is-Salmi kollha jitkellmu dwar Kristu, dan is-Salm hu Kristu nnifsu b’mod partikulari.

 

Ritornell:  Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

Salm 22

 

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajjbuni, iħarrku rashom  u jgħidu:

  "F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

Qabda klieb daru għalija;

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja;

nista' ngħodd għadmi kollu.

 

B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja.

Ħwejġi jaqsmu bejniethom;

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

  Mulej, la titbegħidx minni;

qawwa tiegħi, fittex għinni!

 

Nxandar ismek lil ħuti;

nfaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb;

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

 

It-Tieni Qari

 

Dawn il-versi li ġejjin, x’aktarx li huma innu Nisrani tal-ewwel żminijiet li Pawlu qiegħed jikkwota.  Hawn hija eżaltata l-kenosi ta’ Kristu, in-niżla tiegħU li minn Alla, kaxkritu ’l isfel biex isir, mhux biss bniedem, imma lsir, anżi wieħed ikkundannat bħala kriminal u midgħi u maqtul fuq għolja barra l-belt fejn kienu jiġu maqatula l-agħar nies biex id-demm tagħhom ma jċappasx il-belt.

 

Kristu huwa l-bniedem tal-Għid kollu kemm Hu, li jinżel, jinżel, jinżel ’l isfel biex minn hemm Alla jtellgħu ’il fuq fil-għoli, ogħla minn kulħadd.  Hu b’dan il-mod li jaħdem Alla fl-Istorja u mal-bnedmin.  Alla hu l-Għid u l-azzjoni ta’ Alla hi dejjem Għid:  l-ewwel hemm in-niżla u wara l-meravilja tal-ħelsien.  Dan narawh f’Abraham, f’Iżrael fl-Eġittu, fl-Imħallfin, fis-Slaten għal qalb Alla bħal David, fil-Profeti.  Naraw dawn il-passi f’ħajjitna.  Huwa l-Għid li jdawwal it-tbatijiet tagħna.  Min sa jagħti sens lit-tbatija?  Min se jfissirha?  Min se jifhem it-tbatija li ddur bħal ċinturin madwar id-dinja u fl-istess ħin jemmen li Alla hu Mħabba?  Huwa hawn li niltaqgħu mal-ħofra li x-xitan diġa ħaffer quddiemna fl-Istorja tal-Fidi tagħna.  Kemm nies ta’ ntenzjoni tajba tilfu l-Fidi quddiem it-tbatija bla sens li tiskandaliżża.  Huwa l-Għid u l-Għid biss li jagħti sens lit-tbatija.  Alla ħalaqna biex niskopru l-Għid, biex naraw, immeraviljati, l-opra ta’ Alla quddiemna.  Biex jidħol Alla, l-ewwel tinbet il-kriżi; biex jisbaħ, l-ewwel irid jidlam; biex ngħajtu bil-ferħ għax xi ħadd jixgħel lampa irid ikun hemm dlam li jbeżża’.  Kristu huwa l-Għid. Hu biss idawwal lil ħajjitna b’dak kollu li jiġri fiha.  Xejn ma jiġri għal xejn.

 

Jekk Kristu għażel lil Ġuda, dan m’għamlux bi żball.  Kellu bżonnu lil Ġuda biex jaqbdu minn idejh u jieħdu għan-niżla tremenda tal-Passjoni li kellha tispiċċa bit-trijonf tal-Qawmien.  Dan hu l-Għid.  L-Għid mhux Qawmien biss, imma mewt u Qawmien, dlam u Dawl, qsim il-qalb u eżultanza.  Fiha żewġt uċuħ il-munita tal-Għid, bħal f’kollox fil-ħajja.  Dan kollu hu deskritt eżatt fil-qari nill-Filippin.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  2, 6-11

 

    

     Ġesù Kristu, għad li kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx         

     ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu  nnifsu

     billi ħa n-natura ta' lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher

     minn barra bħala bniedem;

     ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-

     mewt tas-salib.

     

     Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejjnu

     bl-Isem  li hu fuq kull isem,

     biex fl-isem ta' Ġesù

     - fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art –

    il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

   u kull ilsien jistqarr:

  "Ġesù Kristu hu l-Mulej,

   għall-glorja ta' Alla l-Missier."

 

Evanġelju

 

Dan il-Ħadd ma jissejjaħx biss ”Ħadd il-Palm” iżda wkoll ”Ħadd il-Passjoni tal-Mulej” u fih il-Knisja tipprokklama l-kenosi, n-niżla ta’ Kristu lejn il-mewt; qari li nsejħulu ”l-Passju”.  Hawn se nġibu biss parti minnu u se naraw kemm dgħajfa hi l-Imħabba, tant li jilagħbu biha n-nies!  L-Imħabba ħalqet kollox, imma tiġi maqtula, anzi ma tistax ma tħallix li tiġi maqtula.  Aħna lkoll ħatja ta’ dan.  Ilkoll qtilna l-Imħabba bi dnubietna.  Ħafna minn dnubietna jsiru bil-moħbi, imma hemm, fil-moħbi, aħna qtilna l-Imħabba.  Hu faċli tiġġudika l-ħabsin li dnubhom jidher.  Imma anke aħna qtilna l-Imħabba għax bħal Barabba irvellajna kontra l-inġustizzja u ddefendejna r-raġun tagħna fid-dar, fuq ix-xogħol, fis-soċjeta, kullimkien.  Barabba hu aċċettat fis-soċjeta u hu mogħti ċ-ċittadinanza mil-Liġi.  Huwa Kristu l-Imsallab.  Hija l-Imħabba li ssalbet barra l-belt.  Barabba huwa l-bniedem normali; Kristu hu l-eċċentriku, il-miġnun, l-iffissat, il-fundamentalista u radikali li hu perikoluż għas-soċjeta.  ”Aħjar imut bniedem wieħed milli jinqered il-poplu kollu.” qal il-Qassis il-Kbir, ir-rappreżentant ta’ Alla nnifsu fuq l-art.

 

Barabba kien iħobb lil pajjiżu u kien lest imut għalih.  Kien jobgħod b’mibegħda kuraġġuża lil dawk li kienu qed jaħqru lil ġensu.  Hu ried ġustizzja u ġġieled għaliha.  Nies bħalu jagħmlulhom il-monumenti daż-żmien u nieħdu t-tfal tal-iskola biex ipoġġu l-ward quddiemhom.  Għala le?  Dawn huma l-eroj, il-patrijotti li tawna eżempju.  Dan kien Barabba, żelota.  Kien ikkundannat ħdejn Kristu għax inqabad waqt rewwixta kontra r-Rumani.  Is-soċjeta` talbet il-ħelsien tiegħu.  Noqogħdu attenti għax aħna nagħmlu parti minn din is-soċjeta`.  Jekk wieħed jaħseb ftit, malajr jinduna li iktar jagħmel sens Barabba minn Kristu għall-bniedem il-qadim li hemm jgħammar fina.  Barabba jgħidlek ”iddefendi ruħek”; Kristu jgħidlek ”ħobb lill-għadu”.  Barabba jgħidlek ”aħseb għal rasek”; Kristu jgħidlek ”poġġi lilek innifsek tal-aħħar”... u l-bqija.  U f’daqqa waħda Barabba ma jibqax jidher dak il-karattru żorr, goff, ikraħ u li tistmerru.  Kważi, kważi ngħidu: ”Għandu raġun!”

 

Huma biss dawk li jiġbidhom il-Missier lejn Kristu, li jinġibdu lejH.  Nitolbu biex inkunu fosthom, għax it-triq għat-telfien hi miksija b’intenzjonijiet tajba...

 

Versett: Glorja u tifħir lilek Kristu!  Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.  Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  27, 31-56

 

 

 

 

 

 

U ħaduh magħhom biex isallbuh.  Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.  Meta waslu f'post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa,  tawh jixrob inbid b'taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu.  Mbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu.  U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk, 'Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.'  Mbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq  il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.  Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajjruh iċaqilqu rashom  u jgħidu: "Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa' tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta' Alla, u inżel minn fuq is-salib!"  Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu:  "Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta' Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih!  Hu jafda f'Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal, 'Jiena Bin Alla.' "  U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.

  

 Mis-sitt siegħa 'l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa.  U madwar id-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi u qal: "Eli, Eli, lema sabaqtani?" Jiġifieri, 'Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?'  Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!"  U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob,  waqt li l-oħrajn qalu: "Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!"  Imma Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu.

 

 U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam,  u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta' qaddisin li kienu mietu,  li ħarġu  mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies.  Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża' li ma bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!" Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija:  fosthom kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew.

 

 

 
< Prev   Next >