Din
hija il- Liturgija tas-Sahra tal-Lejl Qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Il-Festa l-Kbira tal-Insara mad-dinja kollha
sseħħ bil-lejl. Il-Knisja mferrxa ma’
kullimkien fid-dinja tiċċelebra l-lejl.
Għax hu fil-lejl li dejjem isseħħ il-mogħdija tal-Mulej. Fil-lejl, dejjem tinvadina l-Grazzja. Fil-lejl, li kull laqgħa ħajja ma’ Kristu
sseħħ. Għax hu l-lejl li huwa sinjal
tal-kriżi, tal-inkwiet, tal-biża’, tat-tħassib, tal-uġigħ fiżiku u tal-uġigħ
tal-qalb, tal-mard, tal-mewt. Il-lejl. Il-bniedem jidħol fil-lejl tal-Istorja tiegħu
biex hemm jiltaqa’ ma’ Alla tiegħu. Hu
fil-lejl tal-esperjenza tiegħek li int tiskopri jekk Alla jeżistix jew le. Alla li hu Mħabba, jiskandaliżżana kif
jippermetti l-lejl f’ħajjitna, imma huwa fil-lejl li lilek jiġrulek l-akbar
affarjiet f’ħajtek. Kont fil-lejl meta
inti stennejt risposta mingħand dik li xtaqt tagħmilha martek. Kont fil-lejl meta int stennejt ir-riżultat
ta’ eżami li kellu jitfgħek fil-karriera li xtaqt. Kont fil-lejl meta int kont mimlija wġigħ li
wasslek biex sirt omm. Kont fil-lejl
meta stennejt risposta mingħand it-tabib tiegħek. Il-lejl jimmarka lil ħajjitna.
Huwa bil-lejl li Jahweh dejjem għadda biex iġorr
miegħu lil Iżrael. Kull esperjenza hi
Għid, mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-mewt, fiżika jew mentali,
għall-Ħajja. Dan huwa l-lejl li fih
inqatel il-Ħaruf fid-dlam tal-Eġittu u b’demmu, li werwer lill-Anġlu tal-mewt,
ċappsu l-bibien ta’ djarhom. Dan huwa
l-lejl li fih il-Mulej ħareġ lil Iżrael
mill-Eġittu u qasamlu l-baħar li fih għereq l-Eġittu u twieled Iżrael, sinjal
ċar tal-Magħmudija. Dan huwa l-lejl li
fih tkeċċew id-dlamijiet ta’ dnubietna permezz tal-kolonna tan-nar li kienet
iddawwal id-deżert u tħarrab l-annimali
u l-għedewwa. Dan huwa l-lejl li fih
Kristu qered il-mewt u qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen. Dan huwa l-lejl li jdawwal lil ħajjitna għax
x’kien jiswielna li twelidna u għexna fuq din l-art li kieku ma ġejniex mifdija
u inagħtajna b’wirt il-Ħajja għal Dejjem?
Hekk tkanta l-Knisja f’dan il-lejl. Hi tiftakar fl-iljieli li fihom il-Mulej wera
ruħu u tissaħħaħ fil-Fidi. Erbgħa huma
l-iljieli tal-Għid. L-ewwel Għid, meta
fil-kaos tad-dlam, ħalaq id-dawl għall-ewwel darba. It-tieni Għid meta f’dinja mdallma
bil-paganiżmu fejn kulħadd kien ifittex lil Alla mingħajr ma jsibu, Alla niżel
biex jiltaqa’ mal-bniedem u mix-xejn welled il-Fidi f’Abraham. It-tieni ħolqien! It-tielet Għid meta fl-Eġittu kollu telgħet
twerżieqa kbira sas-smewwiet, għax f’kull dar instab mejjet l-iben il-kbir. Imut il-qadim, jitwieled il-ġdid, sinjal
ieħor tal-Magħmudija. Iżrael jibda
jterraq lejn l-Art Imwegħda lilu.
Ir-raba’ Għid, l-ikbar Għid, l-aqwa mogħdija tal-Mulej. Il-Ħaruf maqtul għad-dnub tad-dinja joħroġ
mill-qabar għax ma setax ikun li d-dnub kollu tad-dinja jkun akbar mill-Imħabba
li hi Alla. Il-Missier qajjem
lill-Imħabba maqtula mid-dnub biex jurina li Mħabbtu hi ikbar mill-ħażen tagħna
u allura quddiemna tifetaħ it-triq għall-Ġenna, għall-Ħajja Dejjiema għax mhux
id-dnub hu l-aħħar kelma imma l-għożża tal-Missier għal kull wieħed minna. U għad jasal il-ħames Għid li l-Knisja għadha
tistenna b’ħerqa kbira: dan ikun il-lejl meta hi, l-Għarusa, tistrieħ għal
dejjem mit-taħbit tagħha għax tara l-Għarus ġej fuq is-sħab imdawwar bil-kotra
tas-sema fit-tieni migja tiegħu fl-aħħar jum.
Imxennqa għall-mistrieħ dejjiemi, l-Knisja tkanta: “Maran atha! Ejja Mulej Ġesù”. U dan ikun it-tmiem. Kollox immarkat mill-Għid.
F’dan il-lejl tal-ewwel qamar mimli
tar-rebbiegħa, l-istess qamar li ħares fuq dawn il-ġrajjiet li kollha ġraw
fl-ewwel qamar mimli ta’ dan l-istaġun, l-istess qamar iħares lejn il-Knisja li
tishar. L-ebda Nisrani li mhux tal-isem
ma jgħaddilu minn moħħu li jitgħażżen u jmur jorqod f’dan il-lejl. Għax dan il-lejl tas-Saħra Qaddisa tal-Għid
huwa Memorjal. Xi jfisser
“Memorjal”? “Memorjal” ma jfissirx
sempliċi tifkira. Fil-Malti ma għandniex
kelma eżatta għaliha. “Memorjal” ifisser
li waqt li int tiftakar u tiċċelebra xi ħaġa li ġrat qabel, dik l-istess ġrajja
mfakkra tkun qed terġa’ tiġri waqt li int qed tiċċelbraha. Eżempju ta’ dan hi l-Ewkaristija. Fl-Ewkaristija nagħmlu, mhux tifkira imma
Memorjal tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej. Kull Ewkaristija li nattendu għalija, fiha
nkunu qed inġeddu, mhux niftakru biss, l-Għid tal-Mulej. Mhux għax il-Mulej qed jerġa’ jbati u jerġa’
jqum, imma dak li nkunu qed niċċelebraw iseħħ mill-ġdid spiritwalment
fina.
L-istess fis-Sahra tal-Għid li nagħmlu
fil-knejjes tagħna. Jerġa’ jseħħ
l-Għid. Il-poplu jerġa jinħeles
mill-ġdid mill-Eġittu. Kristu mill-ġdid
(b’mod spiritwali imma konkret ħafna) jerġa jidħol fil-mewt u joħroġ rebbieħ
fuq l-ikbar għadu li jwerwirna. Kull min
jinstab jishar f’dan il-lejl jiġi mkaxkar mill-mewt għall-ħajja, mid-dlam
għad-dawl, mill-jasar għall-ħelsien. Dan
hu tal-għaġeb, tafux! U jekk fis-Sahra
jkun hemm Magħmudija, jew Magħmudijiet, l-aktar bl-immersjoni, fejn is-sinjal
ikun iktar qawwi, allura quddiem għajnejna nkunu qed naraw it-tifsira kollha
tal-Għid... bniedem jew bniedma li qed jgħaddi/tgħaddi mill-mewt gol-ilmijiet
għall-Ħajja ġdida. Kollox ikellimna fuq
passaġġ, moviment, mogħdija. Alla qatt
mhu wieqaf. L-ilma qiegħed hu ilma
mejjet. Aħna, di natura, irridu li nkunu
ilma qiegħed, li ma jdejjaqna ħadd, li kollox jiġina sewwa, li qatt ma jkollna
problema. Inisru ilma qiegħed li
jinten. Alla ma jħallix li dan iseħħ
f’ħajjitna, inkella mhux vera li nkunu uliedu.
Hu jqanqal kriżi, iqalleb l-ilma qiegħed, iħawwadna, ngħidu li Alla
nsiena. Ikun qiegħed jagħtina esperjenza
tal-Għid, mogħdija, biex aħna nikbru fil-Fidi u hekk naslu għal dik
is-sitwazzjoni hienja meta l-mewt tagħna tkun mirbuħa u aħna nersqu lejha
mingħajr twerwir għax nafu li anke l-mewt hija Għid, mogħdija glorjuża minn
ħajja li tintemm għal dik li tibqa’ għal dejjem.
Ngħaddu għal tant siltiet mill-Iskrittura li
juruna min hu Alla; li hu Dak li jgħaddi u jkaxkar lin-nies tiegħu lejn qawmien,
Għid wara Għid.
L-Ewwel Qari
Il-qari mill-Ġenesi jurina l-ewwel Għid. Kollox kien fil-kaos, fit-taħwid, fid-dlam,
fil-kruha. Alla jgħid Kelma, il-Kelma li
hi Kristu, u mid-dlam joħroġ id-dawl.
Din il-ħaġa Alla biss jista’ jagħmilha.
Hu Dak li hu superjuri għal-liġijiet tan-natura biss li kapaċi jagħmel
dan. Ix-xjenza tgħid li xejn ma jsir
waħdu. Kollox isir minn xi ħaġa oħra u
fil-bidu nett meta twieldet l-ewwel żrara, Xi Ħadd superjuri għal-liġijiet
tax-xjenża u n-natura kien li ħalaqha mix-xejn.
Ekku kif anke x-xjenza u l-ideja tal-evoluzzjoni jwassluk biex tiltaqa’
ma’ Dak ix-Xi Ħadd li hu Alla.
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. 1, 1 - 2, 2
Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien
fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta' Alla.
U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl.” U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U
Alla fired id-dawl mid-dlam. U
d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U
dalam u sebaħ - L-ewwel jum.
U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f'nofs
l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma.” U
Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta' taħt il-medda mill-ilma ta' fuq
il-medda. U hekk sar. U l-medda
Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ - It-tieni jum.
U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet
ta' taħt is-sema u jidher l-inxif.” U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa ta' l-ilma sejjħilha baħar.
U Alla ra li kollox kien tajjeb. U
qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu
l-frott biż-żerriegħa ġo fih skond għamliethom, fuq l-art.” U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li
jagħmel iż-żerriegħa skond għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa
skond għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ - It-tielet jum.
U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa
tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim
taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U
jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawwlu l-art.” U hekk sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet
il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi
l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu
fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl
mid-dlam. U
Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ - Ir-raba' jum.
U qal
Alla: “Jiżgħed l-ilma b'kotra ta' ħlejjaq ħajjin u jittajjru t-tjur fuq l-art
fil-wesgħa tas-smewwiet.” U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali
kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skond ġenshom, u t-tajr bil-gwienaħ
skond ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.
U berikhom Alla u qalilhom:
“Welldu u oktru, u imlew l-ilma ta' l-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art.” U dalam u sebaħ - Il-ħames jum.
U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja
skond ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi,
skond ġenshom.” U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skond
ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skond ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq
l-art skond ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.
U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura
u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut
tal-baħar u fuq it-tajr ta' l-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li
jitkaxkru fuq l-art.”
U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu
fuq xbihat Alla
ħalqu,
raġel u mara ħalaqhom.
U
berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u
saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru
fuq l-art.”
U qal
Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ
l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu
għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu
ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja,
nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom.” U hekk sar. U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara,
kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ - Is-sitt jum.
U hekk intemmu s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba' jum Alla temm ix-xogħol
tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba' jum mix-xogħol tiegħu li kien
għamel.
It-Tieni Qari
It-Tieni Qari:
it-Tieni Għid. Fl-ewwel Għid Alla ħalaq
kollox. Fit-tieni Alla ħalaq xi ħaġa
aqwa, xi ħaġa misterjuża: il-Fidi.
Il-Fidi tfisser li inti temmen mhux biss li Alla jeżisti imma li Alla
ħalqek għax iħobbok, li Hu huwa Sid l-Istorja u anke jekk din l-Istorja tidher
qżież f’għajnejk, qalbek tibqa’ kwieta mimlija fiduċja, bħal tarbija f’ħoġor
ommha. Tibqa’ temmen li kollox se
jispiċċa tajjeb għax Alla hu mħabba. Din
il-Fidi hi Abraham. Abraham kien l-ewwel
bniedem li Alla beda u temm fih proċess ta’ daħla fil-Fidi. Jekk trid tkun taf x’inhi l-Fidi u jekk
għandekx Fidi, ħu l-Bibbja f’idejk u aqra l-kapitli li jitkellmu fuqu għax
Abraham hu l-Fidi.
Il-Fidi laħqet
il-milja tagħha fuq din l-art meta Abraham tela’ fuq l-għolja biex joqtol lil
ibnu Iżakk, ibnu l-waħdieni, iben il-wegħda, l-iben li stenna u xxennaq għalih
ħajtu kollha. Hu kien se joqtlu għax
kellmu Alla biex joffrihulu sagrifiċċju.
Din il-Kelma, Alla qatt ma qalha iktar, la qabel, lanqas wara. Abraham hu l-Fidi. Hu tela’ mal-għolja, raġel xiħ, donnu
miġnun. Għalih, ibnu kien ġa
mejjet. Imma l-Fidi qaltlu li anke jekk
joqtlu Alla kien kapaċi jagħtihulu lura mill-mewt. U hekk ġara.
Lil ibnu ma qatlux għax Alla ma ħallihx, imma billi f’għajnejh kien bħal
diġa mejjet, kien qisu ħadu lura mill-mewt, kif jgħid San Pawl. Għalhekk Kristu jgħid li Abraham ra l-Jum
tiegħu. Il-Jum ta’ Kristu hu dejjem
il-Jum tal-Għid.
Qari
mill-Ktieb tal-Ġenesi. 22, 1-18
U wara dawn il-ġrajja Alla ried iġarrab lil
Abraham u qallu: “Abraham!” U hu wieġbu: “Hawn jien!” U qallu: “Aqbad lil ibnek
il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta' Morija, u hemm
offrih b'sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”
U Abraham
bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu, u lil
Iżakk. Qatta' l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn il-post li
qallu bih Alla.
Fit-tielet jum Abraham rafa' għajnejh, u lemaħ
il-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu:
“Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u
nerġgħu lura ħdejkom.” U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju,
għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f'idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn
flimkien.
U Iżakk
qal lil Abraham missieru: “Missier!” u dak wieġbu: “Hawn jien, ibni.” U Iżakk
wieġbu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?” U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf
għas-sagrifiċċju, ibni.” U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.
U waslu
fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab
fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex
joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u
qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu
ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża' minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek
il-waħdieni.”
U Abraham
rafa' għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu
fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b'sagrifiċċju tal-ħruq
minflok ibnu. U Abraham semma dak il-post: “Jahweh-jire,
jiġifieri, il-Mulej jipprovdi,” kif għadu jingħad sa llum: “Fuq il-muntanja
Jahweh-jire, il-Mulej jipprovdi.”
U
għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi - oraklu tal-Mulej -
la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil
nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f'xatt il-baħar; u nislek għad jiret
bwieb l-għedewwa tiegħu.
U jitbierku b'nislek il-ġnus kollha ta' l-art talli smajt minn kelmti.”
It-Tielet Qari
It-Tielet Għid,
it-Tielet Qari hu forsi l-iktar spettakulari.
Il-Ktieb tal-Esodu jurina lil Alla li jgħaddi mill-ħajja ta’ wlied
Abraham u jkaxkarhom miegħu mil-jasar għall-ħelsien, mil-luttu tal-moħqrija
tal-argużini tagħhom għall-kant tar-rebħa fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Qasab, meta
Mose` u l-poplu kollu kanta: “Hu ġarraf ġewwa l-baħar iż-żwiemel u r-rikkieba!” (Eż. 15, 1).
Alla jaqbad grupp ta’
lsiera li lanqas kont tista’ ssejħilhom poplu; ġens dgħajjef immens maqsum fi
tnax-il grupp imdaqqsin, mingħajr identita` jew rispett lejhom infushom għax
dejjem obdew lill-imgħallmin tagħhom u draw ibaxxu rashom quddiem l-inġustizzja
mingħajr ma jlissnu kelma. Kien ġens
magħsur mis-setgħa tal-akbar qawwa politika ta’ dak iż-żmien: il-Fargħun
tal-Eġittu. Imma l-Mulej jagħmel Għid
glorjuż magħhom: “jgħolli lill-fqir u jbaxxi lis-setagħni” (Lq. 1, 52) , qalet ħafna żmien wara l-Verġni
Marija fil-Magnificat. Għax dan hu
Alla. Lil Alla nafu min hu
mill-azzjonijiet tiegħu, mill-mod kif jaħdem.
Iżrael iħares u jara għall-aħħar darba li dawk li ħaqruh, ġisimhom jgħum
mejjet f’wiċċ il-baħar. Hekk jgħaddi
Alla mill-ħajja tal-bniedem biex ikisser dak li kien joqtlu, dak li kien
ibeżżgħu.
Qari
mill-Ktieb tal-Eżodu. 14, 15 - 15,
1
Il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid
lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. U int għolli l-ħatar
tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, mbagħad, jaqsmu
fin-niexef f'nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb ta' l-Eġizzjani
biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu
tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. U mbagħad ikunu jafu
l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun,
bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.” U mbagħad l-anġlu ta' Alla, li kien miexi
quddiem it-tined ta' Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta' sħab minn
quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined ta' l-Eġizzjani u
t-tined ta' Iżrael. Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl
bla ma ħadd minnhom seta' jersaq wieħed lejn l-ieħor. Mosè medd idu fuq
il-baħar, u l-Mulej reġġa' lura l-baħar b'riħ qawwi mil-lvant matul il-lejl
kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu.
U mbagħad
ulied Iżrael daħlu fin-niexef f'nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom
ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. L-Eġizzjani marru
warajhom, u daħlu f'nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet
u r-rikkieba tiegħu. Fis-sahra ta' filgħodu, il-Mulej minn
gol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined ta' l-Eġizzjani, u
ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu
jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajjtu: “Ħa naħarbu minn quddiem
Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”
Il-Mulej
qal lil Mosè: “Midd idek fuq
il-baħar, u l-ilma jerġa' lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u
r-rikkieba tagħhom.” U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma' sbiħ
il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu
ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f'nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u
għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba ta' l-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu
ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa' minnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f'nofs
il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq
ix-xellug.
Dak
in-nhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra
l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. Ra Iżrael kull ma għamel il-Mulej
lill-Eġizzjani bil-qawwa ta' driegħu. U beża' l-poplu mill-Mulej, u emmen
fil-Mulej u f'Mosè, il-qaddej tiegħu.
U mbagħad
Mosè, flimkien ma' wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu:
Ir-Raba’ Qari
Il-Mulej għandu mħabba partikulari għall-poplu
magħżul tiegħU, ħafna drabi rrappreżentat fil-belt ta’ Ġerusalemm, aktarx
l-iktar belt famuża tad-dinja minħabba l-Istorja tagħha. Ġerusalemm tirrappreżenta wkoll il-Knisja li
hi l-poplu għażiż ta’ Alla minn żmien il-Messija ’l hawn. Imma r-rabta tal-Mulej mal-polu ta’ Iżrael
tibqa’ għal dejjem għax Alla ma jirtirax l-għażliet tiegħu, lanqas id-doni
tiegħu, ladarba jagħtihom, ma jeħodhom lura.
Huwa l-Għarus miġnun fuq l-Għarusa tiegħu Ġerusalemm, li hija wkoll
il-poplu Lhudi, anke jekk dak kollu li
jgħodd għall-poplu Lhudi jgħodd ukoll għall-Knisja.
Din l-Imħabba ta’ Alla għall-belt li Hu għażel
biex Ismu jgħammar fiha narawha meta Kristu, hekk kif qorbot is-siegħa tiegħu,
u kien qed iterraq b’passi sodi u deċiżi lejn il-belt biex hemm iwettaq
il-Misteru li għalih il-Missier kien bagħtu, hekk kif tfaċċa fuq l-għolja ta’
biswit il-belt u jaraha mifruxa quddiem, ħass qalbu titqanqal bħalma kienet
titqanqal il-qalb ta’ kull Lhudi fi tmiem il-pellegrinaġġ tiegħu. L-emozzjoni li ħass Kristu kienet kbira, tant
li Huwa jibki għax il-belt li kien iħobb ċaħditu, l-Għarusa tiegħu ma riditx
taf bih, ma ndunatx bl-Għarus tagħha meta ġie għandha. Ħasbitu barrani, ħassitha mhedda u mhux
maħbuba minnU, tilfet l-appuntament epokali li kellha ma’ Alla tagħha. Kristu jitniehed u jgħid li mhux li kien li
ħallitU jiġbor lil uliedha bħalma l-qroqqa tiġbor iż-żgħar tagħha.
Dawn l-emozzjonijiet ta Mħabba u tradimenti
jimmarkaw l-Istorja bejn Alla u Ġerusalemm, il-poplu tiegħu. Jimmarkaw ukoll l-Istorja tar-relazzjoni
tagħna ma’ Alla. Aħna ma nifhmux
l-ekonomija tal-Għid li biha l-Missier jaħdem ma kull wieħed minna biex
jedukana fil-Fidi. Isaija se jkellimna
fuq dan. Hu jħalli lil Ġerusalemm,
lilna, ngħaddu minn żmien mudlam li fih inħossuna bħal “mara mitluqa u mdejqa
f’qalbha” (v. 6). Ekku t-tbatijiet tal-Għid. Imma mbagħad l-Għarus jgħaġġel jiġi għandha u
jgħidilha kliem ħelu: “Jista’ wieħed jitlaq il-mara ta’ żogħżitu? Għal ftit jien tlaqtek; imma b’imħabba bla
qjies jien nerġa’ niġbrok.” (v.7).
Il-lejl jinbidel fix-xemx tiela’ u l-Fidi tagħna
tieħu r-ruħ u tissaħħaħ. Għid wara Għid,
ġrajja wara ġrajja, esperjenza wara esperjenza.
Mhux li kellna s-Sabar Qaddis ta’ Alla!
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 54, 5-14
Hekk jgħid il-Mulej:
L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,
Jaħweh ta' l-eżerċti jismu;
il-feddej
tiegħek, il-Qaddis ta' Iżrael,
'Alla ta' l-art kollha' jissejjaħ.
Iva, bħal mara mitluqa u mdejjqa f'qalbha
sejjaħlek il-Mulej,
'bħal mara mitluqa f'żgħożitha,'
jgħid il-Mulej Alla tiegħek.
Għal ftit jien tlaqtek;
imma bi mħabba bla qjies jien nerġa' niġbrok.
Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit
minnek;
bi mħabba ta' dejjem inħenn għalik,
jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.
Dan
għalija bħal fi żmien Noè,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,
u lanqas ma nċanfrek.
Jistgħu
jitħarrku l-muntanji,
jitheżhżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżhiżx,
jgħid il-Mulej li jħenn għalik.
"Magħkusa, mħabbta mill-irwiefen,
mara bla
faraġ!
Jien
inqiegħed il-ġebel tiegħek bl-ifjen tajn;
u
l-pedamenti tiegħek biż-żaffir.
Nagħmel l-amberżuni ta' swarek
tar-rubini,
u bwiebek tal-karbunkli,
u d-dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż.
Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej,
kbir għad ikun ġid uliedek.
Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf,
'il bogħod mit-tagħkis,
għax ma għandekx mniex tibża';
u 'l bogħod mit-twerwir, għax ma jersaqx lejk.
Il-Ħames Qari
Il-problema tagħna ma’ Alla hi li Huwa tant hu kbir u aħna tant żgħar li
qatt ma nistgħu naslu biex nifhmu l-pjanijiet tiegħu u x’inhi l-ġid enormi li
għandu merfugħ għalina. Aħna lkoll
għandna l-pjanijiet żgħar tagħna u rridu li Hu, li jista’ kollox, jurina kemm
iħobbna billi jwettaq dak li nixtiequ aħna u mhux dak li jixtieq Hu. Ħafna drabi Alla tassew jagħmel dak li
nixiequ aħna u jipposponi u jerġa’ jipposponi l-pjan tiegħu. Imma Hu, ta’ Għarus li jħobb b’imħabba li
mhix mifhuma jibqa’ jistinka biex
jiġbidna permezz tal-Kelma u tal-Istorja li jgħaddina minnha, lejn dawk
il-ħwejjeġ li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet u li Hu lesta għal kull
wieħed minna.
Hu ma jiflaħx jibqa’ jarana naħlu ħajjitna fil-ġiri wara r-riħ. Hu
għandu ilma li aħna ma nafux bih, ilma li jaqta’ l-għatx veru tal-ispirtu
tagħna. Aħna niġġerrew ’l hemm u ’l hawn
infittxu l-Ħajja u s-sens f’affariiet li jmutu bħalna. L-Għarus ma jippretendi xejn minna. Hu ma jrid ibigħ xejn imma jagħti u jagħti
dejjem gratis.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 55, 1-11
Dan igħid il-Mulej:
"Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m'għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b'xejn,
nbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f'dak li m'huwiex ħobż,
u ġidkom f'dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b'ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.
Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.
Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru lejk,
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta' Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejjħulu sakemm hu fil-qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa' lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
"Il-fehmiet tiegħi m'humiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi m'humiex triqatkom,
oraklu tal-Mulej.
Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati 'l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.
Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu
l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa 'l min jiżra' u l-ħobż 'il
min jiekol,
hekk
jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.
Is-Sitt Qari
Baruk għandu Kliem tassew qawwi: “Għaliex tinsab f’art l-għedewwa
tiegħek? Għaliex qiegħed tixjieħ f’art
barranija?” (vv. 10-11). Aħna, bħal boloh, niżżewġu lill-mewt bla ma
nafu u dak li hu għadu tagħna nistħajluh ħabib.
Infittxu l-ferħ fejn dan ma jeżistix u minflok il-ferħ insibu d-dieqa,
il-vojt, ħwejjeġ li ma jxebbgħux il-ħerqat ta’ ruħna. U sadanittant, iż-żmien għaddej! L-għedewwa tagħna jistgħu ikunu l-flus,
il-pjanijiet stess tagħna, il-vizzji tagħna, dak kollu li flok jibnina jispiċċa
biex jeqridna, jxejjaħna u jkomplu jdawwarna bil-biża’ tal-mewt li dejjem
riesqa.
Alla jsejjaħ u jerġa’ jsejjaħ biex inqumu
min-ngħas tagħna, niftħu għajnejna u naraw fejn tinsab il-vera Ħajja. Ilkoll mistednin niskopru l-Għerf; mhux
l-għerf kburi tal-art li ma jsolvi xejn, imma l-Għarfien ta’ Alla li jkisser
il-mewt għalina u joħroġni għall-ħelsien tal-Għid.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk. 3, 9-15.
32 -4, 4
Isma', Iżrael, il-kmandamenti tal-ħajja,
agħtu widen, tgħallmu l-għerf!
Għala, Iżrael, għala tinsab f'art
l-għedewwa tiegħek?
Għala qiegħed tixjieħ f'art barranija?
Għala int imniġġes mal-mejtin,
magħdud fost dawk li jinżlu f'Qiegħ l-Art?
Int twarrabt mill-għajn ta' l-għerf.
Li kieku mxejt fit-triq ta' Alla,
kont tkun tgħix fis-sliem għal dejjem!
Tgħallem fejn hemm l-għaqal,
fejn hemm il-qawwa, fejn hemm id-dehen,
biex f'ħin wieħed tagħraf fejn hemm
it-tul ta' l-għomor u t-tul tal-ħajja,
fejn hemm id-dawl għall-għajnejn u s-sliem.
Imma min kixef fejn jinsab l-għerf?
U min daħal fl-imħażen tiegħu?
Imma Dak li jaf kollox jaf fejn hu l-għerf,
għax sabu hu bid-dehen tiegħu;
Dak li ħejja l-art għal dejjem,
li mlieha bil-bhejjem li jimxu fl-art;
hu, li jibgħat id-dawl, u dan imur;
isejjaħlu, u jisma' minnu mriegħed;
jiddu l-kwiekeb għassiesa f'posthom,
kollhom ferħana;
Hu jsejjħilhom, u huma jwieġbu:
'Hawn aħna';
jiddu ferħana għal dak li għamilhom.
Dan hu Alla tagħna:
ħadd ma joqgħod ħdejh!
Hu sab it-triq kollha ta' l-għerf,
u tah lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu,
u lil Iżrael, il-maħbub tiegħu.
Mbagħad dan l-għerf deher fid-dinja
u għammar fost il-bnedmin.
Hu ktieb il-kmandamenti ta' Alla,
hu l-Liġi li tibqa' għal dejjem;
kull min iħarsu jgħix,
dawk li jħalluh imutu.
Erġa' lura, Ġakobb, u ilqa' l-għerf,
imxi lejn id-dija ta' dawlu;
titlaqx il-glorja tiegħek lil ħaddieħor,
lanqas ġieħek lil ġens barrani.
Hienja aħna, Iżrael,
għax dak li jogħġob 'l Alla kien mgħarraf lilna.
Is-Seba’ Qari
Il-poplu ta’ Alla, il-Knisja, hi magħmula minn
midinbin. Il-Papa jqabbel il-Knisja
mal-kamp tal-First Aid fil-qalba ta’ battalja enormi u li fiha jersqu jitkaxkru
tant nies li huma miġrugħa, kollhom feriti, midruba għall-mewt minn dak li
jkunu għaddew minnu f’ħajjithom u mid-dnub tagħhom. L-art hija mtebba’
bid-demm morali, psikoloġiku tan-nies. Anke bid-dnub tan-nies. Ħafna drabi d-dnub tagħna kien ta’ skandlu
għal ħaddieħor li bħalna kien miġrugħ fl-ispirtu tiegħu u minħabba fina ma resaqx lejn il-kamp
tal-First Aid li hi l-Knisja fejn seta’ jistejqer għax f’qalbu qal: “Ara, dan
hu l-poplu tal-Mulej...”, bħalma se jgħid Eżekjel fil-qari li ġej.
Imma minna Alla jrid jagħmel reklam li jiġbed
in-nies! Dan hu tal-għaġeb. Mhux aħna nikkonvertu iżda Hu jikkonvertina. Mhux aħna nfiequ iżda Hu jfejjaqna. Hu jaħsilna b’ilma safi li hu l-ilma
tal-Magħmudija tagħna li għadu għaddej igelgel ġewwa fina mill-mument li fih
tgħammidna. Hu se jneħħi l-qalb
tal-ġebel li għandna li hu l-egoiżmu tagħna u jagħtina minfloha qalb tal-laħam,
qalb li tagħder, li tħobb, li tinsa lilha nnifisha u tgħaddi għal għand
l-ieħor. Min jista’ jibdel qalb
il-bniedem? Ħadd ħlief Alla waħdu.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel. 36, 16-28
U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: "O bniedem, meta d-dar ta'
Iżrael kienu għadhom f'arthom, huma tebbgħuha bl-imġiba tagħhom u b'għemilhom.
Mġibthom quddiemi kienet bħall-ħmieġ ta' mara mxahhra. U jiena ferrajt qillti
fuqhom minħabba fid-demm li xerrdu fl-art u minħabba fl-idoli li bihom ċappsu
l-art. Xerridthom fost il-ġnus,
u huma xterdu ma' l-artijiet; għamilt ħaqq minnhom skond imġibthom u skond
triqathom.
Meta marru fost il-ġnus, kull fejn marru, kasbru
ismi l-qaddis, hekk li n-nies bdew jgħidu għalihom: 'Dan hu l-poplu tal-Mulej,
li kellhom joħorġu minn artu!' Imma jien bżajt għal ismi l-qaddis li wlied
Iżrael kasbru fost il-ġnus fejn marru. "Għalhekk
għidilhom lid-dar ta' Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: M'hux minħabba fikom
sejjer nagħmel dan, dar Iżrael, iżda minħabba f'ismi l-qaddis li intom kasbartu
fost il-ġnus fejn mortu. Jien
inqaddes ismi l-kbir, mkasbar minnkom fost il-ġnus, li f'nofshom kasbartuh, u
l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejkom,
oraklu ta' Sidi l-Mulej, meta
neħodkom minn fost il-ġnus u niġmagħkom mill-artijiet kollha, u nerġa'
ndaħħalkom f'artkom.
"U nroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew
mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida
nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb
tal-laħam flokha. U nqiegħed
ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu
l-preċetti tiegħi u tħarsuhom. U
tgħammru fl-art li tajt 'il missirijietkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi u
jiena nkun Alla tagħkom.
It-Tmien Qari
Dan il-qari li ġej jurina kemm hu mportanti li
fil-lejl tal-Għid ikollna l-Magħmudija tat-trabi. Fl-antik, il-Knisja kienet tgħammed
il-katekumenti tagħha fl-Għid biss. Ma
kinux isiru Magħmudijiet iktar matul is-sena.
Dan għax il-Knisja kienet kollha kemm hi pproġettata lejn it-thejjija
għall-Magħmudija, billi n-nies kienu jitgħammdu ta’ kbar. Għall-Knisja kienu jeżistu biss
l-Evanġelizzazzjoni u t-tħejjija għall-Magħmudija. Fuq dan kienet ikkonċentrata. Sfortunatament illum għandna ħafna affarijiet
oħra li huma ta’ tagħbija għall-Knisja u biex tagħqad ċertu qari
mill-Iskrittura li hu mportanti, qajla nifhmuh għax jagħmel sens biss fi Knisja
katekumenali kif kienet il-Knisja tal-bidu.
Pawlu se jgħidilna li fil-Magħmudija aħna
ndfinna ma Kristu. Dan ma tantx jidher
fis-sinjal tal-ftit ilma mitfugħ fuq ras it-tarbija, anke jekk fil-fatt għandu
l-istess effikaċja. Imma meta t-tarbija
tiġi mgħaddsa kollha kemm hi fl-ilmijiet, bħalma jsir fil-Magħmudija
bl-immersjoni, allura s-sinjal jurina l-mewt tal-bniedem il-qadim, u meta
t-tarbija tintrefa’ ’l fuq, jidher il-qawmien tal-bniedem il-ġdid fi
Kristu. Għax fil-Magħmudija tagħna
jseħħ, taħt tixbihat, dak li seħħ fi Kristu fl-Għid tiegħu. Il-Magħmudija hija Għid. Kristu daħal fil-mewt biex iqum rebbieħ. Fuq is-salib miet il-bniedem tad-dnub u
fil-Qawmien qam il-bniedem il-ġdid, iben Alla.
Dan hu li twettaq il-Magħmudija tagħna fina, imma llum żgur li
m’għandniex il-ħin biex nitkellmu fit-tul u fil-profond fuq dan il-Misteru
tal-għaġeb. Nisimgħu lil San Pawl
jitkellem fuq l-Għid tagħna li hu marbut mal-Għid ta’ Kristu.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani. 6, 3-11
Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi
Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?
Ndfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien
imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu
ħajja ġdida.
Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f'mewt
tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt. Dan nafu: li l-bniedem il-qadim
tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux
aktar ilsiera tad-dnub. Min
imut, jeħles mid-dnub. Jekk aħna
mitna ma' Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma' Kristu. Nafu
li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu
li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed
jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom
infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.
Evanġelju
Il-ftit nies li kienu jishru ma’ Ġesù fl-aħħar
sigħat tiegħu fuq is-salib kienu kważi kollha nisa. L-ewwel nies li skoprew l-għaġeb tal-Qawmien
tiegħu kienu, mill-ġdid, nisa. Il-preżenza
tal-“Mara” fil-Kristjaneżmu dejjem kienet qawwija anke jekk il-Knisja kellha
tkun paternalista għax eżistiet f’era paternalista fejn ir-raġel kien
kollox.
Il-qari li għandna jiftaħ bil-kliem imbierek:
“maż-żerniq” (v. 1). L-Għid hu marbut
maż-żerniq, ma’ sbiħ il-jum u l-ħarba tal-lejl.
Hu marbut ukoll mal-ħarba tal-biża’.
Il-mewt ġiet mirbuħa. In-nisa raw
b’għajnejhom il-mewt fiżika tassew mirbuħa!
Din hi l-akbar bomba fl-esperjenza tal-bniedem, tal-umanita`
kollha. Bniedem li ndifen f’ċimiterju,
jiġi lura! Għax hawn huma miġbura
l-problemi u l-beżgħat kollha tal-bniedem.
Hawn hu l-għerq tad-dnub. Il-mewt
hi bħal argużin li jfaqqa’ l-frosta u l-bniedem jinħeba fl-egoiżmu tiegħu u
jidneb u jerġa’ jidneb. Ma jistax
jinqered id-dnub jekk ma tinqeridx il-mewt u l-biża’ tagħha.
Il-Fidi Nisranija, l-Aħbar it-Tajba, hi kollha
kemm dwar dan. Min jemmen fi Kristu
jemmen li l-mewt intrebħet; u ma ntrebħitx għal Kristu biss. Min jemmen tassew fi Kristu jsir ħaġa waħda miegħu. Indifen miegħu, kif smajna fil-qari ta’
qabel, u jqum miegħu ukoll għax hu parti minnu.
Li kieku Kristu qam għalih innifsu biss, dan x’effett kien se jkollu fuq
l-umanita’ mġarrba. Hu qam. Prosit!
Imma jien għadni mdawwar bit-tħassib għax naf li ħajti riesqa lejn
is-sies u ħadd ma jista’ jżommha. Imma
l-Aħbar hi għall-bniedem. Kristu qam
biex il-bniedem jgħix għal dejjem.
Imma dan kollu jitlob reazzjoni ta’ Fidi
mingħandna, u dan mhux faċli. In-nisa ma
twemmnux mill-Appostli. Ħasbuhom qed
ihewdnu. Għalhekk il-Fidi hi dejjem
rigal tal-Missier. Il-Fidi li ma ssolvix
il-biża’ tal-mewt mhix Fidi Nisranija, iżda reliġjożita` naturali li kull
bniedem għandu xi ftit jew wisq.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 28, 1-10
Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta'
Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar.
U ara, nħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u
resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu
abjad bħas-silġ. Bil-biża' tiegħu
l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa:
"Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien
imsallab. M'huwiex hawn, għaliex qam,
kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li
hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk.
Araw, għedtulkom." Dawk telqu
malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża' u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu
l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara,
ltaqa' magħhom Ġesù u qalilhom: "Is-sliem għalikom." Huma resqu lejh,
qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu.
Mbagħad Ġesù qalilhom: "Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti
biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk."
|