Sunday, 19 November 2017
           
Home arrow Home
IT-TIENI HADD TAL-GHID (2017) HAMSIN JUM TA’ FESTA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 23 April 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd tal-Ghid ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

saintthomastheapostle.jpg

 

Dan huwa l-isbaħ żmien tas-Sena Liturġika tal-Knisja.  Fi Żmien il-Għid il-Knisja tilbes il-kulur abjad tal-Festa, tar-rebħa ta’ Kristu u tagħna wkoll, fuq il-mewt.  Il-Festa tal-Għid mhix jum wieħed biss, iżda ħamsin jum, tant li nistgħu nawguraw “l-Għid it-Tajjeb” matul dan iż-żmien kollu.  Daqshekk importanti huwa l-Għid il-Kbir għall-Knisja.  Mhux biss, iżda din il-festa hija x-xemx li ddawwal is-Sena Liturġika kollha u kull wieħed mit-52 Ħadd tas-sena huwa bħal qamar li jilma d-dawl, mhux tiegħu, imma tax-xemx li hi l-Għid, ir-rebħa ta’ Kristu fuq kull tip ta’ mewt li jifni lill-bniedem.   Il-Knisja ferħana tkanta: “Il-Mulej qam!  Hu qam tassew!  Hallelujah!”

 

L-Għid huwa l-eqdem festa li għandha l-Knisja, u għall-ewwel sekli kienet l-unika festa.  Il-Misteru tal-Għid kien jiddomina l-predikazzjoni kollha tal-Knisja, għax hekk kien għamar lilha Kristu mumenti qabel ma rritorna għand il-Missier: “Morru u ħabbru l-Aħbar it-Tajba lill-ġnus kollha.”  (Mk. 16, 15).  Jekk wieħed jgħid li jemmen fi Kristu, jkun qed jgħid li jemmen fil-Misteru tal-Għid tiegħu, jiġifieri li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja biex ibati u jmut bħala vittma tat-tpattija għad-dnubiet ta’ kull bniedem, u jqum mill-mewt biex igiddeb il-monstru li jbeżża’ lil kull maħluq.  Permezz tal-Misteru tal-Għid, Kristu sar Spirtu li jagħti l-Ħajja ta’ Dejjem lil kull min jemmen fih.  Din il-“Ħajja ta’ Dejjem” mhix xi frażi teoretika, fl-ajru, jew li tfisser biss Ħajja bla tmiem fil-Ġenna.  Il-“Ħajja ta’ Dejjem” imwegħda lil kull min jemmen, tibda minn hawn.  Dan hu mportanti, għax hu dan li jagħmel lill-Kristjan xhud ta’ Kristu, reklam għalih f’dinja li minnha nnifisha hi bla  kapaċita` li temmen fiH. 

 

In-Nisrani hu xhud ta’ Kristu għax hu jġorr fih l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-mewt.  Fin-Nisrani l-mewt hija mirbuħa, u dan mhux paroli.  Min għandu l-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja dejjem, dan jidher fil-waqt tal-prova.  Min għandu l-Ħajja ta’ Dejjem għax fih jgħammar Kristu, jista’ jimxi fuq l-ilmijiet tal-problemi u anke tat-traġedji.  Ma jfissirx li ma jbatix, li ma jaħkmuhx id-dwejjaq u l-qsim il-qalb, imma l-Imħabba tagħtih livell ta’ Ħajja għal kollox ġdid, u dan jidher.  Dan hu li jiġbed lid-dinja lejn Kristu.  Dan hu xogħol il-Knisja.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Knisja tal-bidu hija ritratt ta’ kif għandha tkun il-Knisja ta’ Kristu.  Mhux importanti n-numru, imma hu mportanti li mill-Knisja joħroġ dawl li jkeċċi d-dlamijiet, dawl ta’ xhieda li l-mewt hi mirbuħa.  Kull meta nidinbu, anke privatament, inkunu qed inċajpru dan id-dawl, inkunu qed nagħmlu ħsara lill-Knisja u l-missjoni tagħha.  Għalhekk li l-Presbiteru li jaħfirlek dnubietek ma jirrappreżentax biss lil Kristu imma jirrappreżenta wkoll lill-Knisja li tkun ġiet feruta mid-dnub tiegħek.

 

Hu mportanti li mill-Knisja joħorġu żewġ sinjali tal-Fidi, tal-Ħajja ta’ Dejjem; żewġ sinjali li jixhdu li Kristu tassew qam mill-mewt, tassew għadu ħaj u tassew li jgħammar fil-Knisja u f’kull Nisrani adult.  Dawn is-sinjali huma: l-Għaqda u l-Imħabba fil-qies tas-salib, jiġifieri l-Imħabba lejn l-għadu, lejn min isallbek.  Dawn iż-żewġ sinjali huma mpossibbli li joħorġu mill-bnedmin għax imorru kontra n-natura tiegħu.  Imma min-Nisrani, iva.  Mill-Knisja, iva.  Dan għax hu Kristu li jipproduċi fin-Nisrani, fil-Knisja dawn iż-żewġ sinjali stupendi li ma ssibhom imkien iktar. 

 

Fil-qari li ġej, se naraw kif il-Knisja primittiva kienet tagħti dawn is-sinjali bla sforz, bla tqanżiħ u bla kalkoli.  Mhix kwistjoni biss li Alla jgħin lill-bniedem, imma li Alla jiġi jgħammar fil-bniedem permezz tal-Ispirtu s-Santu.  U jekk il-bniedem iħobb l-għadu dan mhux għax hu kapaċi jagħmel dan imma għax Kristu jħobb l-għadu ġewwa fih.  L-Ispirtu ta’ Kristu biss rebaħ il-mewt u Hu biss kapaċi jgħaqqad u jħobb f’dan il-qies.  Kien għalhekk li l-folol bdew jidħlu fil-Knisja għax kienet tidher ċara d-differenza bejn il-Knisja u d-dinja.  Jekk f’xi pajjiżi l-Knisja qegħda tinżabar u tiċkien u ħafna parroċċi qegħdin jagħlqu, dan ifisser li d-Dawl tax-xhieda ittappan u d-dinja m’għadhiex tara dak li kienet tara qabel mill-Knisja.  Din hi sejħa għal konverżjoni kontinwa, tagħna nfusna l-ewwel nett.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  2, 42-47

 

F’dak iż-żmien: Id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fil-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.  Waqa’ mbagħad biża’ fuq kulħadd: għax ħafna kienu l-għeġubijiet u s-sinjali li kienu jsiru mill-appostli.

 

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll flimkien, u kellhom kollox flimkien bejniethom; kienu jbigħu ħwejjiġhom u ġidhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

 

U kuljum kienu jmorru t-Tempju flimkien, kienu jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jieħdu l-ikel tagħhom bi qlub ferħana u safja.  Kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom.  U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom  magħhom ’il dawk li kellhom ikunu salvi.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 118 hu Salm ta’ tifħir u radd-il ħajr lil Alla għax bil-qawwa tiegħU li tgħammar fl-ispirtu tal-bniedem jagħmel li l-bniedem jilħaq il-milja tal-qdusija, il-milja tal-Imħabba; jilħaq dak it-tip ta’ Ħajja li kien imfassal għalih fil-Ġnien tal-Għeden.  Nirrepetu li dan mhux bis-saħħa jew bil-merti tal-bniedem innifsu.  Ma tistax tagħmel Liġi mill-Imħabba.  L-Imħabba  ma tistax tordnaha.  L-Imħabba tiġi mingħand Alla fil-bniedem u biha l-bniedem jagħmel ħwejjeġ li jbeżżgħu lill-oħrajn, kif smajna fl-ewwel qari.  X’ħin kienu jaraw li l-Imħabba skont Alla tant ixxejjen l-egoiżmu tal-bniedem li l-ewwel Insara saħansitra kienu jaqsmu ġidhom bejniethom, in-nies kienet tibża’ minnhom.  Kienet tibża’ għax kien ċar għalihom li f’dawn in-nies kien hemm Alla  jgħammar.

 

Is-Salmista jfaħħar lil Alla mhux għax tgħallem fuqU biss, iżda għax esperjenzjaH, ġarrab il-Grazzja enormi tiegħU fl-Istorja, fil-Ħajja.  Alla jagħti ħafna Grazzji materjali, imma huwa l-Miraklu Morali, il-Grazzja li jiġi jgħammar fih l-Ispirtu ta’ Kristu li jqanqal ferħ dejjiemi fil-bniedem.  Ħdejn ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu, ir-rigali l-oħra m’huma  xejn.  Din hi t-Talba li l-bniedem li mexa ’l quddiem fil-Fidi jitlob lill-Missier: li joktor fih l-Ispirtu ta’ dak li rebaħ il-mewt.  Ħafna ma għandhomx moħħ dawn l-affarijiet.  Għalihom il-Ħajja hi biss din t’hawn, anke jekk imorru l-knisja kull nhar ta’ Ħadd.  Huma dan ma jgħiduhx bil-kliem, imma dan juruh bil-fatti, u anke bit-talb tagħhom.  Meta t-talb tagħna hu kostrett biss għall-ħtiġijiet materjali, aħna nistgħu inkunu reliġjużi kemm trid, imma aħna nies materjali, marbutin ma’ din l-art li mhix pajjiżna.

 

Il-Grazzji materjali li jista’ jagħtina Alla jgħinuna nikbru fil-Fidi imma ma jsolvux il-problema kbira li kull wieħed minna għandu: il-mewt u dak li jiġri wara.  Il-bniedem li ħalla warajh il-bluha jaf li huwa hawn li l-Mulej għandu bżonn iwettaq rebħa f’Ħajtu.  Min isolvi l-problema tal-mewt ikun solva kollox.  U din il-problema jsolviha biss Kristu għax lilU bagħat il-Missier biex jidħol fil-mewt u jisplodiha, jaqsamha fi tnejn bil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Fi Kristu aħna mitna u qomna mill-mewt biex ngħixu Ħajja bla tmiem!  Halleluja!  Kristu huwa l-ġebla tax-xewka li ħafna ma japprezzawhiex, imma li għal min jemmen hi l-ġebla li fuqha jibni ħajtu għax hi biss issalva mill-mewt.

 

Ritornell: Hallelujah, hallelujah, hallelujah!

 

Ħa jgħid Iżrael:

It-tjieba tiegħu għal dejjem!

Ħa tgħid id-dar ta’ Aron:

It-tjieba tiegħu għal dejjem!

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

It-tjieba tiegħu għal dejjem!

 

B’saħħithom kollha mbuttawni biex naqa’;

Imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Il-qawwa tiegħi u l-għana tiegħi l-Mulej,

Hu s-salvazzjoni tiegħi.

 

Għajat ta’ ferħ u rebħ

Jinstema’ fl-għerejjex tat-tajbin:

Il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

Saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

Ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej:

Ħa nifirħu u nithennew fih!

 

It-Tieni Qari

 

San Pietru, il-kap tal-ewwel komunita` Nisranija, jxandrilna l-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù.  Ħafna ma jemmnux li Ġesù huwa Aħbar Tajba għall-bniedem.  Għalhekk is-Salm qal li Kristu huwa l-ġebla mwarrba mill-bennejja.  Din kelma serja għalina għax jien u int nistgħu inkunu fost dawk li nwarrbu din il-ġebla għax naħsbu li l-Ħajja, il-Ferħ, is-Sliem insibuhom fl-affarijiet materjali tad-dinja: imħabbiet, affetti, ħbiberiji, flus, fama, karriera, saħħa, passastempi, vizzji, sodisfazzjon tal-ġisem...  Dawn l-affarijiet kollha huma miżżewġa lill-mewt għax għandhom il-mewt miktuba fid-D.N.A. tagħhom.  Min isib lil Kristu u jagħraf x’għamel għalih l-Iben ta’ Alla għandu l-mewt maqsuma u għadda, ġa minn hawn, għall-Ħajja li ma tmut qatt. 

 

Dawn m’humiex teoriji u idejat fl-ajru.  Li kien hekk kieku l-Knisja ilha li spiċċat u Kristu ntesa.  Dak li jżomm il-Knisja ħajja huwa l-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt li jinfiltra f’dawk li jimxu ’l quddiem fil-Fidi.  Dan kollu jinagħtalhom b’rigal gratis, bla ma jkun jistħoqqilhom għax Kristu hu prezzjus wisq biex wieħed jimmeritah.  Imberkin dawk li jittalbu mingħand il-Missier dan ir-rigal għax, skont l-appostlu, huma n-nies tassew ferħana, tassew mimlijin Tama u ottimiżmu għall-ġejjieni.

 

Dawn in-nies  jgħaddu bħal kulħadd mit-tribulazzjonijiet tad-dinja, imma t-tbatija tagħhom hija mdawla mid-Dawl qawwi tal-Għid tal-Mulej.  Huma jafu li t-tbatja u l-prova huma biss faċċata waħda tal-Għid li jimmarka l-Ħajja.  Il-faċċata l-oħra dejjem hi l-Qawmien fi Kristu.  Il-prova mirbuħa b’dan il-mod issaħħaħ il-Fidi, mhux teqridha.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  1, 3-9

 

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wirt li la jitħassar, la jittebba’ u anqas jinxef.  Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema, għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla bil-fidi tagħkom fis-salvazzjoni, li hi lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

 

Għalhekk għandkom tifirħu, ukoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi.  Hekk is-sinċerita` tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieh meta jidher Ġesù Kristu.  Intom lilu ma rajtuhx, imma tħobbuh; u, waqt li issa temmnu fih, għalkemm ma tarawhx, tifirħu b’ferħ li ma jitfissirx u ma jitqjiesx, u hekk tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, is-salvazzjoni ta’ ruħkom.

 

Evanġelju

 

Il-Fidi vera tiswa ferm aktar mid-deheb, għax waqt li dan jintemm, hi tibqa’ għal dejjem, qalilna San Pietru.  U dan hu tassew veru.  Kull bniedem fid-dinja jfittex dak li jibqa’, dak li hu etern, dak li jirbaħ il-mewt.  Min ifittex hawn u min ifittex hemm.  Anke l-bniedem li jiġri wara l-vizzji tiegħu, bla ma jaf qed ifittex rebħa, ħarba minn dak li jintemm, minn dak li jinqered.  Miskin il-bniedem li jfittex il-Ħajja fejn hemm il-mewt.

 

Il-bniedem li għadu ma ltaqax ma’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt, għadu fl-egoiżmu tiegħu, fil-biża’ tiegħu, bil-bibien ta’ qalbu magħluqa għax jibża’ li jweġġa’.  Jibża’ jirriskja, għax ma jafdax.  Min ma ltaqax ma’ Kristu ma jemminx tassew li l-mewt hi mirbuħa.  Għall-kuntrarju, l-mewt hi s-sinjura li tirrenja u taħkem dak kollu li jiġri kemm fil-ħajja personali tal-bniedem kif ukoll fl-Istorja tal-ġnus.  L-appostli qagħdu attenti biex isakkru l-bieb tagħhom bl-istaneg.  Kienu mdawrin miċ-ċirku tal-mewt.  Kristu jisfronda dan kollu u jinvadi l-kenn fieragħ tagħhom u jgħidilhom xi ħaġa mportanti mmens: “Evenu Shalom alekem!  Is-Sliem għalikom!  Il-Paċi magħkom!”  Ahh x’balzmu fuq il-feriti tal-qalb huwa s-Sliem ta’ Kristu!  X’teżor hija l-Fidi!

 

L-appostli kollha raw biex emmnu, mhux Tumas biss.  Kollha raw u messew lil Kristu li ġie lura miċ-ċimiterju.  Huma raw b’għajnejhom u messew b’idejhom il-Ħajja li ssuperat il-mewt, li tmur ’lil hemm mill-mewt.  Imma anke aħna, li m’aħniex se naraw lil Kristu mqajjem, almenu sakemm għadna hawn, anke l-Fidi tagħna se tkun mibnija fuq dak li mmissu u naraw.  Għax il-Fidi tiġi mis-smigħ tassew, mis-smigħ tal-kliem li jwasslulna dawk li “raw” u “messew b’idejhom” fl-esperjenza ta’ Alla li kellhom.  Imma anke aħna, ninagħtaw il-Grazzja li “naraw” u “mmissu b’idejna” għax il-Fidi tikber u tissaħħaħ bl-esperjenza tal-Ħajja, bil-laqgħa ma’ Kristu li sseħħ fl-Istorja.  Hieni l-bniedem li għandu x’jirrakkonta għeġubijiet fuq Alla.  Hieni l-bniedem li biex juri li Alla jeżisti tassew u jħobbu, ma jinqedhiex b’katekiżmi ta’ bl-amment, imma jirrakkonta parti minn ħajtu li fiha hu “ra” lil Alla, “mess” lil Kristu li għadu ħaj.

 

Dn hu mportanti.  Meta Alla jgħaddi minn ħajjitna waqt li nkunu daharna mal-ħajt bla tama f’ħadd, dak il-waqt aħna nkunu qed indaħħlu subgħajna fil-feriti tal-Mulej u ngħaddu għal Fidi li ħadd u xejn ma jista’ jisraqhielna.  Din hi l-esperjenza ta’ Alla.  Ma nistgħux niġġudikaw lil Tumas għax ilkoll aħna Tumasijiet.  Mhux li kien li kollha ngħaddu minn esperjenza li timmarkalna ħajjita u nibqgħu ngħidu u nerġgħu ngħidu li dak in-nhar daħħalna subgħajna fil-kustat u l-feriti ta’ Kristu.

 

Versett: Hallelujah.  Hallelujah.  Tumas, emmint għax rajtni, igħid il-Mulej; henjin dawk li ma rawx u emmnu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  20, 19-31

 

Dak il-Ħadd filgħaxija, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżża’ mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paċi magħkom!”  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu.  Id-dixxipli ferħu meta raw il-Mulej.  Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Il-paċi magħkom!  Kif Missieri bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu mafura, u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.”

 

Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.  Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.”  Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer, jekk ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemmnx.”

 

Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa u Tumas kien magħhom.  Il-bibien kien magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi magħkom!”  Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’il hawn u ara idejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma tonqosx fik il-fidi, iżda emmen.”  Wieġbu Tumasu qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”  Qallu Ġesù: “Emmint gġax rajtni!  Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

 

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’Ismu.

 
< Prev   Next >