Sunday, 23 July 2017
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-GHID (2017) ZMIEN IL-GHID: FWIEHA TAL-PENTEKOSTE` PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 28 April 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd tal-Ghid ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

road-to-emmaus.jpg

 

Żmien il-Għid huwa żmien ħelu għan-Nisrani.  Żmien ta’ festa twila ħamsin jum.  Fl-arja hawn żiffa ta’ ħelsien.  Il-Liturġija tal-Knisja tibda ġġegħelna nxommu l-fwieħa ħelwa tal-Pentekoste`, jum it-Twelid Ġdid, jum il-Ħolqien Ġdid, jum l-ilmijiet igelglu fid-deżert maħruq.  L-Għid ferraħ lid-dixxipli, iżda ma bidlilhomx qalbhom imbeżża’ u egoista.  Indunaw li kienu jinsabu fil-qalba ta’ opra enormi ta’ Alla, l-akbar ġrajja fl-istorja tal-bniedem, iżda baqgħu jikkalkulaw.  Sat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema, Hu kien jaf li kienu għadhom dgħajfin u għalhekk “meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, ‘li fuqha’, qalilhom, ‘smajtu x’kont għedtilkom.  Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.’”  (Atti 1, 4-5).

 

Kien meta seħħet din il-Wegħda l-Kbira f’Jum il-Pentekoste` li l-Appostli u d-dixxipli nbiddlu tassew.  Kien dakinhar li saru Knisja.  Hu l-Pentekoste’ li jikkonvinċina li Alla għandu l-qawwa li jbiddel qlub in-nies, anke l-iktar qalb iebsa u preġudikata kontra Alla u l-Knisja.  Il-bniedem ma jistax ibiddel qalbu.  Inutli tgħidlu biex  jikkonverti.  L-ebda bniedem ma hu kapaċi jbiddel lilu nnifsu, jikkonverti lilu nnifsu.  Aħna lkoll nies legalisti, nies tal-Liġi, l-aktar aħna tal-Punent li rċivejna l-kultura Rumana bbażata fuq il-Liġi.  Mingħajr ma rridu npoġġu l-bniedem fiċ-ċentru minflok lil Alla.  Nimmaġinaw li kollox jiddependi mill-bniedem, mill-isforzi tiegħu, mill-intenzjonijiet tiegħu, mir-rieda tiegħu.  Dan jagħmel minna nies iebsin magħna nfusna u mal-oħrajn.  Nies li jiġġdudikaw.

 

Mill-banda l-oħra l-Kristjaneżmu veru jitkellem il-ħin kollu fuq il-Grazzja.  Kristu hu Grazzja.  Grazzja hija rigal mhux mistħoqq.  Il-Fidi hi Grazzja.  L-Ispirtu s-Santu hu Grazzja.  Mingħajr l-Ispirtu s-Santu int lanqas ikollok il-kkuraġġ tgħajjat: “Mulej wieħed hawn: Kristu Ġesù.  Barra minnu kollox hu ngann u falz!”  Santu Wistin jgħidilna: “Ħares madwarek u ara jekk hux veru li kollox hu Grazzja!”  Kollox hu Grazzja, tasssew!  Il-bniedem imbiegħed minn Alla jaħseb li kollox ħalaq hu, kulma għandu akkwistah hu.  Hu l-bravu.  Hu aħjar mill-oħrajn.  Hu rnexxa waqt li l-oħrajn għażżenin.  Dan jidher iktar ikrah fi bniedem reliġjuż li jagħmel bħalma għamel il-Fariżew meta tela’ jitlob fit-Tempju mal-pubblikan.  Ħadd m’għandu biex jiftaħar, u m’hemmx jum ieħor iktar qawwi biex jurina dan mill-Pentekoste li jinsab riesaq lejna.  Il-Pentekoste` sab lill-Appostli magħluqa f’kamra, magħluqa ġo qoxrithom, bl-istaneg mal-bibien.  Ġiet il-Grazzja!  Ġiet il-bidla!  Ġie t-Twelid Ġdid!  Il-bibien tagħhom infetħu beraħ u huma telqu kullimkien, fil-pjazez, fil-beraħ, fejn jiltaqgħu in-nies, u bdew jixhdu għal Kristu.  Huma l-bravi?  Le!!  Ġew mibdula.  Kienu nies ġodda.  Sar il-Miraklu Morali.  Inagħtatilhom natura ġdida.

 

Temmen li dan jista’ jseħħ lilek?  Tixtieq li dan iseħħ lilek?  Tixtieq li tidħol f’avventura ma’ Kristu u ssir bħar-riħ, bla rbit, bla ma jafu mnejn ġej jew fejn sejjer?  Tixtieq tfiq minn ġewwa?  Tixtieq li l-ġrieħi ġewwinija tal-bniedem il-qadim tiegħek, jinxfu u minflok timtela bl-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-mewt, rebbieħ fuq l-egoiżmi kollha?  Tixtieq li l-ferħ tiegħek ikun li tgħaddi għal għand l-“ieħor” hemm maġenbek li ma jitkellem ma’ ħadd, u tkun għalih bħal balżmu fuq il-weġgħat tiegħu?  Tixtieq?  Jew kulma trid hu li tagħmel il-flus, li jaħsbu tajjeb in-nies fuqek, li togħod għall-kwiet tgħaddi l-ħin sa ma tmut?

 

L-Ewwel Qari

 

Dan il-qari jeħodna mmedjatament wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq it-Tnax.  Dak li għamel Pietru flimkien ma’ sħabu ma  kinitx ċajta!  Dawn kien nies sempliċi li lanqas kienu jitkellmu tajjeb il-lingwa tagħhom għax kienu jintagħrfu mid-djalett Galilew.  Qatt ma kienu tkellmu fil-publiku.  Qatt ma kienu f’għajn in-nies.  Ħajjithom kollha ġo dgħajsa għall-kwiet u s-skiet tal-għadira, jistagħdu.  F’dawn l-aħħar jiem kienu ħarbu min-nies u staħbew ġo kamra.

 

Ġratilhom xi ħaġa kbira!  Ma setgħux jimmaġinaw, imma fihom kienet bdiet epoka ġdida għall-umanita`.  Dak li ħabbru l-Profeti kien seħħ fihom.  Mill-kenn ta’ kamra magħluqa, telqu jiġru lejn il-pjazza fejn l-iktar li jinġemgħu in-nies, u hemm bdew ixandru l-Kerigma għall-ewwel darba.  Issa din kienet biċċa xogħol iebsa!  Il-post kien mimli rġiel u lil dawn l-irġiel Pietru jakkużahom li kienu sallbu lill-Qaddis tal-Mulej, lill-Messija nnifsu li Iżrael kien ilu jistenna sekli sħaħ.  Dak li l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom kienu stennew bis-sabar għal xejn, deher fi żmienhom u huma kienu qatluh!  Kienu qatlu lil Alla nnifsu!  Pietru, imnebbaħ mill-Ispirtu ġdid ta’ ġo fih, kien jaf li kellu jurihom dnubhom lin-nies biex jimbuttahom għall-indiema għax wara dan, u wara dan biss, setgħu jaċċettaw l-Aħbar it-Tajba li kellhom iwasslulhom.

 

Minn fejn ġabu l-kuraġġ dan il-bniedem li beża’ minn seftura ħamsin jum qabel u beda jidgħi u jisħet biex jimpressjona?  Minn fejn ġabuh l-almu sħabu li kien tferrxu bħal merħla ngħaġ attakkata mill-ilpup?  Il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù kienet ‘eye-opener’ goff immens għalihom.  Indunaw kemm kien dgħajfa, kemm ma kinux fidili, fuq kollox, kemm kienu midinbin.  U għal ġranet sħaħ bkew id-dnub tagħhom u l-ispirtu msejken tagħhom intagħsar fil-magħsar tal-indiema.  Kien għalhekk li setgħu jitwieldu mill-ġdid mill-Ispirtu.  U għalhekk li Pietru ħass li lil dawk l-irġiel kellu jurihom dnubhom.

 

Ġej il-Pentekoste.  Il-festi tal-Knisja mhumiex xi karnivalata.  Huma ‘Memorjal’.  Waqt li niċċelebraw ġrajja li seħħet diġa, din il-ġrajja terġa’ sseħħ.  Dan ifisser ‘Memorjal’.  Minna l-Ispirtu s-Santu kapaċi jagħmel poplu ġdid, komunita` ġdida!  Temmnu dan int?  Tixtiequ inti dan?  Jew tibża’ tafda lill-Ispirtu b’Ħajtek, bħalma tant drabi bżajt jien u għadni nibża’, sfortunatament!

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  2, 14. 22-33

 

Nhar Għid il-Ħamsin : Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b'leħen għoli: "Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f'Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x'se ngħidilkom jien.

 

"Ġesù ta' Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu.  Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f'idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta' nies ħżiena; imma Alla qajjmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha.  Għax David jgħid fuqu,

 

     ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi,

     għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek.

     Għalhekk ferħet qalbi

     u mtela bl-hena lsieni ;

     u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama,

     għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi,

     u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.

     Inti għarraftni t-triq tal-ħajja,

     timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek.

 

"Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa llum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b'ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu.  David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal,

 

     ‘La kien mitluq fl-imwiet

     u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.’

 

Lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-imwiet, u ta' dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawwbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu.

 

Salm Responsorjali                                   

 

Is-Salmista hu grat lejn il-Mulej li mlieh bil-Grazzja bir-rigali tiegħU gratis li hu ma kienx jistħoqq.  Il-bniedem li jirċievi tassew il-Grazzja, jsir umli għax jagħraf tajjeb li dak li għandu mhux minnu imma minn Alla li kien ġeneruż miegħu bla ma kien jistħoqqlu.  Għax il-Grazzja hi dejjem sorpriża.  Tissorprendina bil-kobor tagħha.  L-ikbar Grazzja li nistgħu nirċievu hija dik tal-effużjoni tal-Ispirtu s-Santu fina ; li l-Ispirtu jimlina bħalma l-ilma jimla barmil sax-xifer… anzi iktar, biex miż-żejjed tagħna li jfur, jixrob ħaddieħor.  L-Ispirtu s-Santu ma jagħmel xejn ħlief jikxfilna l-Kbir Misteru ta’ Ġesù.  Huwa bid-Dawl tal-Ispirtu li ngħarfu lil Kristu u x’għamel Kristu għalina.  Mingħajr l-Ispirtu, kulma jkollna jkun tagħlim xott, bla ħajja, bla konvinzjoni.

 

Min kiteb is-Salm jgħid : « Imbierek il-Mulej li tani l-fehma ; imqar bil-lejl qalbi tgħallimni. »  (v. 7).  Il-fehma !  Aħna naħsbu li nifhmu, meta fil-fatt ma nifhmu xejn.  Ngħidu ħafna affarijiet li tgħallimna bl-amment li ma jiswewx għal waqt il-prova.  Dak kollu li tgħallimna dwar Kristu qisu bħal borġ zkuk li int  ikollok f’jum kiesaħ tax-xitwa.  Billi għandek l-injam jekk m’għandekx nar ?  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel Ħuġġieġa Qaddisa minn dak kollu li taf. Ħuġġieġa li ssaħħanlek qalbek u trattabhielek.  Ħuġġieġa ta’ żelu li ma jħallikx tikkalkula jew taħsibha darbtejn fil-qadi tal-Mulej.

 

L-għarfien ta’ Kristu u tal-Misteru tal-Għid jgħaddik għall-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.  X’ferħ !  X’ħelsien !  Tkun taf li int se tgħix għal dejjem…  Liema problema se tinkwetak meta għandek dan kollu ?  Din hi l-Grazzja ta’ Kristu.  Hafna jaħsbu li jekk jieħdu l-Mulej bis-serjeta` se jkollhom jissagrifikaw ħafna !  Xi bluha !  Kristu se jagħtina il-« Kollox » li dejjem fittixna ’l hemm u ’l hawn.  « Tifraħ qalbi u tithenna ruħi għax int ma tħallix lil ruħi fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. »  (v. 10).  Meta dawk li sabu lil Kristu jkellmuna fuq il-Ferħ tiegħU, nemmnuhom !  « Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek. »  (v. 11).

 

Ritornell : Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah !

 

Salm 16

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi,

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f'idejk xortija.

 

Mbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

It-Tieni Qari

 

Tagħraf lil Kristu bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu jfisser tkun taf (għax tkun ġarrabt) li int infdejt, inxtrajt, tħallas dejnek kollu bil-prezz tad-Demm ta’ Kristu.  Daqshekk tiswa int u niswa jien.  Xi prezz għandek int li forsi lanqas taċċetta lilek innfisek bid-difetti tiegħek?  Il-prezz tiegħek huwa d-Demm ta’ Kristu!  L-ebda reliġjon ma xxandar dan.  Imma, mbagħad, il-Kristjaneżmu mhux reliġjon imma ntervent ta’ Alla fl-Istorja tal-bniedem permezz ta’ Ibnu.  Ir-reliġjonijiet kollha jibdew mill-bniedem; il-Kristjaneżmu huwa Alla li jinżel jiltaqa’ mal-bniedem. 

 

Meta aħna niswew daqshekk, għandna għax nibżgħu li nitilfu dan il-wirt enormi!  Aħna barranin ngħammru f’art barranija.  Meta aħna eżiljati hawn, il-Fidi tagħna hi dejjem attakkata minn ġewwa u minn barra.  Sakemm għadna fil-Fidi, l-ħaqq diġa sar magħna, għax il-ħaqq hu jekk int emmintx l-Aħbar ta’ Kristu jew le.  Jekk emmint, dan jidher mill-fatti.  Quddiem Alla jaqa’ l-paroli kollu!  Jekk mill-fatti jidher li Kristu hu fl-ewwel post f’ħajtek, allura int diġa għaddejt għall-Ħajja li ma tispiċċax.  Min għandu l-Fidi diġa hu mqajjem ma’ Kristu.  L-oħrajn huma mejta.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  1, 17-21

 

Jekk intom issejjħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuħ, jagħmel ħaqq minn kulħadd skond l-għemil ta' kull wieħed, għixu fil-biża' ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f'art barranija.  Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b'xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb,  imma bid-demm għażiż ta' Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.  Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom.  Bih intom temmnu f'Alla, li qajjmu mill-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f'Alla.

 

Evanġelju

 

Dan hu Vanġelu ħelu u ta’ faraġ.  Iż-żewġ dixxipli “ċkejknin” ta’ Għemmaws (min kienu?  Nafu biss li wieħed kien jismu Kleofa), kienu l-ewwel li esperjenzjaw xi jfisser tisħonlok qalbek bl-Ispirtu.  Ġesù jfissrilhom l-Iskrittura u huma qalu: “Ma kinitx imħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”  (v. 32).  Tassew il-Kelma miktuba, il-Bibbja, taf tkun għajn ta’ faraġ, ta’ ħeġġa, ta’ progress fil-Fidi.  Il-Bibbja titkellem il-ħin kollu fuq Kristu, anzi, l-Bibbja hija Kristu.  Imbierek dak li jsib il-mistrieħ għal ruħu fil-qari tal-Kotba Mqaddsa!  Ftit għandna minn dawn!  Ħafna jaqraw kotba spiritwali oħra.  Jagħmlu tajjeb!  Imma bla ma nafu nkunu qed inħarsu lejn il-‘bridesmaids’ u mhux lejn l-Għarusa!

 

Fl-Ewkaristija infetħulhom għajnejhom.  Xi frażi tremenda din!  Kemm nisimgħu quddies ta’ kuljum... kemm minna jmorru jagħmlu ‘present’ fil-quddiesa tal-Ħadd waqt li jħarsu lejn l-arloġġ... Agħmilna mill-quddiesa sempliċi “devozzjoni”, talba speċjali, jew addirittura dmir soċjali!  Kultant wieħed jifhem l-għala l-Mulej ippermetta li s-sekulariżmu qiegħed jożbor il-Knisja bil-goff.

 

Fl-Ewkaristija, Kleofa u sieħbu għarfu lil Kristu!  Waqagħlhom il-qxur minn għajnejhom!  Bil-fors li meta titkellem fuq il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù, ikollok tuża l-“exclamation mark”!  Il-Knisja tipproponielna dan mhux biex tfakkarna f’xi ħaġa li ġrat, imma biex iżżomna f’tensjoni li dan kollu kapaċi jiġri lilna wkoll.  Għax anke aħna għandna l-Magħmudija li hi bħal bomba fina li, meta tisplodi, bidla enormi sseħħ fina!  Hu minn dan li jitwieled it-tiġdid fil-Knisja, mewġa ġdida ta’ riforma qaddisa fil-Poplu ta’ Alla.

 

Versett: Hallelujah.  Hallelujah.  Mulej Ġesù, fissrilna l-Iskrittura; ħeġġiġilna qalbna, int u tkellimna.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  24, 13-35

 

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara.  Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. 

 

U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom.  Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek  il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?"  "X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu,  kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh.  Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn  il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar  u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.  Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!" 

 

Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti!  U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?"  U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

 

 Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta' birruħu li hu kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod.  Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm." Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. 

 

U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.  U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?"  Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien,  u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!"  U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 

 

 
< Prev   Next >