Sunday, 19 November 2017
           
Home
Orgni gdid ghar-Rotunda tax-Xewkija - Pulling Out All the Stops PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 April 2017

 

Fl-ikbar knisja tal-gżira ċkejkna ta’ Għawdex, taħt waħda mill-akbar koppli fid-dinja, jinsab orgni ġdid fjamant li qed jistenna li jiġi mżanżan.

L-istrument qiegħed fir-Rotunda tax-Xewkija, u ġie installat u mbierek mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Mario Grech Isqof ta’ Għawdex f’Novembru tal-2016. Iżda l-istorja ta’ dan l-orgni bdiet lura fl-2012 meta l-orgni antik tal-eletriku kellu bżonn jinbidel. Noel Gallo, Arkitett Malti tal-Orgnijiet, magħruf mad-dinja kollha, iddisinja orgni ġdid apposta u kkummissjona lil Michael Farley Organ Builders, ibbażati f’Devon, ir-Renju Unit, biex jibnuh. (Id-disinni ta’ Noel Gallo jinsabu mxerrdin mal-Ġermanja, ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Isvizzera, l-Awstralja, il-Korea t’Isfel, il-Malasja, iċ-Ċina u Malta).

organ_picture_1-1024.jpg

 

 

L-espressjoni bl-Ingliż ‘pulling out all the stops’oriġinarjament bdiet mid-dinja tad-daqq tal-orgni u tfisser li xi ħadd jagħmel minn kollox biex xi ħaġa tirnexxi. Hija frażi partikolarment adattata biex tiddeskrivi l-missjoni tar-Rotunda biex tpoġġi l-orgni fl-aħjar post possibbli. Dan għax il-post fejn jitqiegħed strument mużikali, speċjalment wieħed kumpless bħalma hu orgni, huwa kruċjali. Biex jiġi żgurat li joħroġ l-aqwa ħoss, kemm għall-kongregazzjoni kif ukoll għall-organisti nfushom, iridu jitqiesu bosta fatturi, u wara għadd kbir ta’ diskussjonijiet, disinni u kalkoli, ġie deċiż li l-orgni jitqiegħed fiż-żona tal-kor wara l-altar. Madanakollu, l-ispazju huwa pjuttost limitat, għalhekk il-kamra u l-kuritur li jinsabu biswit ġew modifikati biex issa fihom qed jinżamm makkinarju anċillari u jiprovdi aċċess komdu ghal kull parti tal-orgni. Twaħħal ukoll bieb tal-ħġieġ biex dawk li jżuru l-post ikunu jistgħu jaraw kif jaħdem l-orgni.

Il-kaxxa maestuża hija magħmula mill-injam taċ-ċirasa u llustrata biż-żejt, filwaqt li l-kanen tal-faċċata huma taż-żingu llustrati u protetti bil-lakka. Biex nikkwotaw lid-disinjatur Noel Gallo, “Il-kurvi u t-tundjaturi huma inkorporati fil-partijiet kollha tal-kaxxa b’mod intelliġenti biex jirriflettu l-arkitettura tal-bini. Is-simboliżmu fil-lavur tal-kaxxa jinkludi s-salib ta’ San Ġwann f’żewġ ċirki li jirrappreżentaw il-bini tal-knisja l-ġdida madwar dik l-antika – knisja fi knisja – u l-grilji, il-kanen u d-dwal kollha magħmulin b’mod li jiġbdu l-għajn ’il fuq lejn il-pittura tal-Kurċifiss”.

Il-kanen tal-orgni jistgħu jsebbħu post sagru, bl-istess mod kif isebbħuh twieqi bil-ħġieġ ikkulurit, u f’ dan l-orgni tar-Rotunda tax-Xewkija hemm 1,204 kanen, li jinkludu 101 li jidhru fuq barra, kif ukoll 25 tubular bells.

L-orgni jindaqq minn console ta’ tliet tastieri u pedaliera speċifikament idisinnjata għalih, kif ukoll minn console oħra mobbli ta’ tastiera waħda. Għandu wkoll sistema biex ikun jista’ jindaqq awtomatikament jekk l-oganista ma jkunx disponibbli.

Dan l-ogni l-ġdid ser jiġi inawgurat f’Mejju li ġej, u qed jiġu organizzati diversi avvenimenti għaċ-ċelebrazzjoni tiegħu (ara hawn taħt), li jilħqu l-qofol tagħhom b’kunċert minn organista internazzjonali, David Davies.

Is-Sur Davies, li huwa eks-organista tal-Katidral ta’ Exeter, jinsab ħerqan li ser jesegwixxi hu l-kunċert tal-inawgurazzjoni fuq dan l-orgni l-ġdid, u ġentilment aċċetta li jaqsam magħna s-sentimenti tiegħu.

Nistaqsih jekk għandux xi orgni favorit u kif qed iħossu li ser jinawgura l-orgni l-ġdid tar-Rotunda. Jgħidli li “Kull orgni huwa uniku. Hemm eżempji ta’ orgnijiet li huma kopji eżatti ta’ xulxin, iżda kull wieħed għandu l-karattru u l-karatteristiċi tiegħu. Jien kelli x-xorti li daqqejt ħafna orgnijiet madwar id-dinja, u ġieli ltqajt ma’ xi wieħed fejn l-elementi tiegħu jaħdmu kollha flimkien biex l-orgni verament jirnexxi. Bla dubju, wieħed mill-favoriti tiegħi huwa dak ta’ Riverside Church, fi New York.

“Li wieħed jinawgura orgni ġdid hija responsabbiltà kbira da wieħed jittama li jġib miegħu l-ħila u l-esperjenza għall-kunċert tal-inawgurazzjoni, flimkien ma’ spirtu ta’ ferħ għall-okkażjoni. Wieħed iħoss li qed iniedi xi ħaġa ġdida li ser iddum snin u snin, u dan huwa sentiment sabiħ immens. Orgnijiet ġodda jistgħu jkunu temperamentali u parti mix-xogħol ta’ tħejjija hi li wieħed isir familjari miegħu. Fortunatament, l-orgni tax-Xewkija ingħata ż-żmien biex jissetilja qabel il-kunċert tal-inawgurazzjoni.”

Is-Sur Davies inġibed lejn id-daqq tal-orgni għall-ewwel darba minħabba li tnejn minn ħutu bniet huma organisti. “Ilni naf li rrid inkun organista minn mindu kont żgħir ħafna, u waħda mill-aktar memorji qawwijin li għandi hija ta’ meta kont fi knisja u smajt l-orgni jindaqq. Niftakar eżattament il-ħoss u dak li beda jindaqq – għadni qisu qed nisimgħu f’moħħi llum, 35 sena wara.”

Is-Sur Davies għandu rabta mal-gżejjer Maltin u qalli: “Nieħu gost ħafna u huwa privileġġ għalija li niġi Għawdex. L-ewwel darba li ġejt Malta kien ftit snin ilu għax oħti għandha dar ix-Xemxija. Hija xi ħaġa sabiħa li hawn daqstant knejjes f’Malta u Għawdex li jirċievu appoġġ tajjeb. Inħossni onorat li għandi x-xorti nieħu sehem f’din l-okkażjoni importanti fix-Xewkija mal-membri tal-komunità, u qed nagħti dak li nittama se jkun kontribut ta’ ċelebrazzjoni!”

Nistiednu lill-qarrejja jingħaqdu magħna għad-diversi avvenimenti li ser isiru. Kulħadd huwa mistieden u m’hemmx bżonn ta’ biljetti. Il-programm ser ikun mifrux fuq tlett ijiem:

 

·         Il-Ħamis, 4 ta’ Mejju fis-19:30, ir-Rev. Ignatius Borg ser jagħti diskors dwar il-Mużika Sagra fil-Liturġija.

·         Il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju fis-19:00, Noel Gallo u Michael Farley ser jagħmlu preżentazzjoni awdjo-viżiva dwar l-istorja u l-karatteristiċi tal-orgni l-ġdid tax-Xewkija.

·         Is-Sibt 6 ta’ Mejju fis-19:30, David Davies ser jagħti l-kunċert tal-inawgurazzjoni fuq l-orgni l-ġdid fil-preżenza tal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, u l-E.T. Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

organ_picture_2-1024.jpg
 organ_picture_3-1024.jpg
 organ_picture_4-1024.jpg

 

 

Last Updated ( Saturday, 29 April 2017 )
 
< Prev   Next >