Sunday, 22 October 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2017) IL-MAGHMUDIJA DON KBIR
IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2017) IL-MAGHMUDIJA DON KBIR PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 05 May 2017

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd tal-Ghid ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_n-naghag.jpg

 

Ma tistax tifred il-Magħmudija mill-Misteru enormi tal-Għid.  Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja titlob li fil-lejl tal-Għid jkollna magħmudijiet u nfatti l-Knisja Primittiva ma kinitx tgħammed ħlief darba fis-sena fil-Velja Paskwali.  Għax aħna nifhmu li l-Għid huwa d-daħla fil-mewt ta’ Kristu mgħobbi bil-bniedem il-qadim tad-dnub tagħna, u l-Qawmien tiegħU għal-Ħajja Ġdid, Ħajja ta’ Dejjem fejn il-mewt m’għandha l-ebda setgħa.  Kristu baqqan fil-blat passaġġ, biex aħna nkunu nistgħu ngħaddu minnu permezz tal-Magħmudija.  Għax anke l-Magħmudija hija Mewt u Qawmien għal Ħajja bla tmiem.

 

Aħna lkoll nitwieldu bil-bniedem il-qadim, il-bniedem li hu Adam, miġbud lejn id-dnub.  In-natura ta’ dan il-bniedem li nitwieldu bih hi li jekk ħaġa ma ċċaħħadhielux, hu ma jitħajjarx għaliha, imma malli tagħmillu liġi u tgħidlu: “Jaqbillek ma tersaqx lejn din il-ħaġa għax mhux sewwa”, balleċ, mill-ewwel tiġih il-kilba għaliha!  Dan esperimentajnieh ilkoll.  Dan il-bniedem hemm bżonn li jmut.  Kif se jmut?  Fl-ilma tal-Magħmudija, mgħarraq hemm.  Kif Kristu miet fuq is-Salib, il-bniedem tad-dnub imut fil-vaska battesimali.  Imma waqt li jkun hemm katavru f’wiċċ l-ilma, jqum bniedem ġdid, il-bniedem rebbieħ fuq il-mewt, mhux bis-saħħa tiegħu imma bil-merti li rebaħ għalih Kristu bl-ubbidjenza tiegħu.  Il-Magħmudija tiċċaralna dak li għamel Kristu għalina fil-Misteru tal-Għid.

 

 

Imma, aħna nistaqsu, għaliex anke jekk irċivejna l-Magħmudija, aħna xorta għadna taħt is-setgħa tal-qadim, tal-ġibda lejn id-dnub, donnu li s-sagrament kien bla effett fuqna?  Għaliex il-bniedem il-qadim tagħna għadu ħaj, u kif! Din il-mistoqsija lanqas kienu joħolmu li jagħmluha l-Insara tal-ewwel sekli.  Għaliex?  Għax il-Magħmudija kienet tkun l-aħħar azzjoni wara mixja twila ta’  konverżjoni, billi huma kienu jitgħammdu ta’ kbar.  Il-Magħmudija kienet tikkonferma, tissiġilla, dak li ġa beda jeżisti.  Kienet tkun l-aħħar mument epokali fil-ħajja tal-individwu.  Tassew li l-bniedem il-qadim, maħqur u msawwat minn ħafna katekeżi u Kelma ta’ Alla, kien imut fis-sagrament.  Isimgħu xi jgħid San Ċiprijanu li tgħammed fis-sena 246 A.D.: “Jien inżilt fl-ilmijiet tal-ħajja u twelidt mill-ġdid, sirt bniedem ġdid.  Id-dubji kollha li kelli għebu.  Issa stajt nara dak li qabel kien moħbi minn għajnejja.  Stajt nagħmel dak li qabel kien impossibbli għalija!”  Din ix-xhieda kienu jagħtuha l-imgħammda kollha.  Daqshekk kien kbir il-mument tal-Magħmudija!

 

Fil-kas tagħna l-Misteru hu iktar kumplikat.  Aħna nirċievu l-Magħmudija ta’ trabi bil-kundizzjoni li l-ġenituri u l-parrini (jekk jiġri dan!) jgħinuna biex nimmaturaw fiha.  Għalhekk, hawn m’hawnx kummiedji!  Tarbija, Magħmudija ta’ tarbija tirċievi.  L-effikaċja tas-sagrament hu l-istess, imma taħt forma ta’ “żerriegħa” li tinżera fina u li, jekk tissaqqa u tkun ikkurata, tikber f’siġra biex aħna wkoll, bil-mod il-mod, naslu għall-istess esperjenza li kellu San Ċiprijanu.  Kollox bi Grazzja bla ma jistħoqqilna.

 

L-Ewwel Qari

 

Fuq il-Kalvarju u fil-qabar tiegħu, Kristu għex il-Magħmudija.  Għalhekk, kull dixxiplu li jrid jimxi wara l-Imgħallem, irid jgħaddi mill-istess esperjenza, mhux b’mod fiżiku, imma b’mod spiritwali u bl-istess qawwa.  It-tbatija ħadha fuqu Kristu biex aħna ma nbatux; il-mewt daħal għaliha Kristu biex aħna nifrankawha; id-dejn ħallsu kollu Kristu mhux aħna. 

 

Meta Pietru xandar l-Aħbar it-Tajba f’Jum il-Pentekoste`, bla tlaqliq huwa wriehom il-qagħda terribli li kienu fiha minħabba l-bniedem il-qadim tagħhom li kellu jmut.  Il-Lhud kellhom ħafna “reliġjożita`”, imma din ftit li xejn kienet issarraf f’bidla fil-bniedem.  Huma waslu biex fil-ħeġġa reliġjuża tagħhom qatlu l-Messija li kienu ilhom jistennew!  Il-bniedem il-qadim ma toqtlux ir-“reliġjożita`”, imma l-esperjenza tal-Għid ta’ Kristu li hi l-Magħmudija.  Għalhekk, bniedem jista’ jkun “reliġjuż” kemm trid, imma mhux bil-fors li jkun Nisrani!  In-Nisrani huwa dak li miet u twieled mill-ġdid... kliem tqil li jieħu sens biss meta wieħed iġarrbu, jkollu esperjenza tiegħu.

 

Il-Lhud li semgħu lil Pietru dak in-nhar emmnu li kienu f’qagħda prekarja għall-aħħar.  Huma kien ħatja tal-qtil ta’ Alla!  Biża’ enormi waqa’ fuqhom!  Għajtu: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”  (v. 37).  Ir-risposta pronta ta’ Pietru kienet li kien indispensabbli li huma jieħdu l-Magħmudija fl-Isem ta’ Ġesù.  La issa kien nidmu u ndunaw x’waħx ta’ għemil kienu ħatja tiegħu, huma kellhom imutu u jitwieldu mill-ġdid.  Kellhom jinagħtaw natura ġdida.

 

Dan kollu jista’ jseħħ fina, jekk Alla jrid.  Ġaladarba l-Mulej fassal li aħna ninagħtaw il-Magħmudija ta’ trabi, dan ma sarx b’kumbinazzjoni, anke jekk moħħna hekk se jgħidilna.  Alla ma jgħidx ħaġa u jagħmel oħra.  La għammidna, Hu jrid jagħmel minna Nsara adulti.  Hu beda l-proċess meta ma stajna nifhmu xejn.  Hu jkomplih jekk jimpurtana aħna!

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.   2, 14a.  36-41

 

Nhar Għid il-Ħamsin : Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b'leħen għoli:  ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta' Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija."

 

 Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli  l-oħra: "L-aħwa, x'għandna nagħmlu aħna?" U Pietru weġibhom: "Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta' Ġesù Kristu għall-maħfra ta' dnubietkom; u intom tirċievu d-don ta' l-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejjħilhom." U b'ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: "Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin." Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dak in-nhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.

 

Salm Responsorjali

 

Fil-Magħmudija hemm imfisser bit-tixbihat u s-sinjali tagħha, il-vjaġġ li n-Nisrani jrid jagħmel biex jimxi minn qagħda ta’ kundanna għall-mewt u qagħda ta’ dnub għall-ferħ bla tmiem li jsir ħaġa waħda ma’ Dak li rebaħ kull tip ta’ mewt.  Vjaġġ mill-mewt għall-Ħajja; mid-dlam għad-dawl; mil-luttu għall-festa; mit-tħassib u l-inkwiet għall-kapaċita li tkun tista’ timxi fuq l-ilmijiet.  X’qed nitilfu!  Għandna bżonn ħafna katekeżi fuq il-Magħmudija.  Hemm ħafna sinjali u għeġubijiet li ma nafux bihom, ma nifhmuhomx.  Il-Magħmudija, li hi l-ikbar sagrament għax mingħajrha ma jeżistux is-sagramenti l-oħra, ċekkinniha fl-importanza għal xi ħaġa soċjali, kważi.  Nagħmluha fi knisja vojta, wara xi quddiesa; u jekk ikun hemm xi kappillan kuraġġuż li jfettilu jgħaqqadha mal-quddiesa, irid ilesti ruħu għat-tgergir. 

 

Dan il-vjaġġ ta’ bidla u konverżjoni li huwa mfisser minn dak li jsir fil-Magħmudija, aħna nagħmluh billi nimxu wara Kristu li hu r-Ragħaj il-Kbir tagħna.  Huwa Hu li fetħilna t-triq għax aħna ma konniex nafu liema hi.  Salm 23 huwa Salm famuż li jafu kulħadd u li jitkellem fuq il-Mulej bħala r-Ragħaj it-Tajjeb li jissogra ħajtu fuq kull wieħed minna.  Kemm minnha nibqgħu indifferenti u s-sogru tiegħu ma jiswa għal xejn!  Imsieken aħna!  Hu veru li kultant Hu jgħaddina minn widien mudlama, imma minn dawn jgħaddu wkoll il-pagani u kull min jgħammar f’din id-dinja, le?  In-Nisrani hu differenti.  Hu jaf wara min miexi, u jafda fiH.  Jaf li minn ġol-wied se jtellgħu ’il fuq, fuq l-ogħla muntanja, biex minn hemm jara s-sbuħija tal-Ħajja għal dejjem mifruxa quddiemu.

 

Ritornell: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Salm 23

 

   Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni.

 

  Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej

sakemm indum ħaj!

 

It-Tieni Qari

 

Dawk li jitwieldu mill-ġdid mill-ilma tal-Magħmudija, jew fil-kas tagħna, bil-maturazzjoni tal-Magħmudija tagħhom, dan ma jfissirx li huma se jkunu meħlusin mill-provi tal-ħajja li huma skont in-natura ta’ din id-dinja li hi mmarkata li tmut.  In-Nisrani jkollu t-trouble u l-problemi bħall-pagan... b’differenza waħda: hu jaf lejn xhiex hu miexi u għalhekk għandu t-tbatija tiegħu imdawla.  Min jemmen li l-Ħajja mhi xejn ħlief sensiela ta’ Għid, wieħed wara l-ieħor, allura dan jistabar fil-Mulej.  L-Għid hu daħla fil-kriżi, fid-dieqa, fl-aħbar ħażina, fil-mard, fl-inkwiet... imma stenna!  Iżernaq il-Qawmien!  Żgur!  Kollox hu mmarkat mill-Għid ta’ Kristu.  Dan hu l-faraġ tan-Nisrani.  Minn dan, il-pagan m’għandu xejn.

 

Kristu daħal fil-Għid tiegħU għax kien jaf min kien qed imexxilu Ħajtu. Kien jaf li l-Missier ma kienx se jabbandunah, qatt u qatt.  Għalhekk li Pietru jgħid li Hu ma pattiex, ma ddefendiex ruħu, ma ħarabx, għax kien jaf lejn xhiex kien miexi.  Din hi l-Fidi tagħna.  Tassew jiswa li wieħed ikollu l-Fidi!  Min għandu l-Fidi, l-ġrieħi tiegħu tfejqu bil-ġrieħi ta’ Kristu.  Ilkoll għaddejna mill-esperjenza li pruvajna nibnu aħna ħajjitna u fittixna s-sens u l-ferħ fejn dehrilna aħna.  Kemm ġejna ddiżappuntati u frustrati.  Konna bħal nagħaġ mitlufa, imma r-Ragħaj tagħna qed jistenna, jistenna, jistenna, biex aħna nerġgħu lura għandu b’qalbna kollha.  Ma jisfurzax, għax l-Imħabba ma tisforza lil ħadd, imma l-Imħabba tibki jekk tkun issugrat għalxejn.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu  2, 20b-25

 

Għeżież: Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.  Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.  Hu li ma kien għamel ebda dnub,  meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f'idejn l-Imħallef ġust.

 

 Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.  Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies ta' ruħkom.

 

Evanġelju

 

Ġesù mhux biss huwa r-Ragħaj tagħna, imma huwa wkoll il-Bieb tan-nagħaġ.  BiH u biH biss nistgħu nidħlu fil-maqjel qaddis, is-Saltna ta’ Alla.  Nidħlu biH jiġifieri nidħlu permezz tal-Magħmudija f’Ismu u f’isem l-Għid li hu għex b’risq tagħna lkoll.  Dawk li ġew qabel Kristu, qalb il-ġnus kollha tal-art, taw tama lill-bniedem, imma ma kienx ta’ min jorbot fuqhom.  Huma r-reliġjonijiet kollha li ħolom bihom il-bniedem, xi wħud anke waslu lill-bniedem li jkun jagħmel is-sewwa jekk joffri b’sagrifiċċju lil uliedu biex jogħġbu lill-allat!  Sa hemm kapaċi jasal il-bniedem fit-thewdin tiegħu, u fil-ġiri wara l-bnedmin-idoli.  Hu jgħid: “Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti.  Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx.”  (v. 8).

 

Il-bniedem minn dejjem kien reliġjuż, iżda mad-dehra ta’ Kristu Hu sar l-uniku li seta’ jissodisfa u jxebba’ l-ħerqat tiegħu għas-salvazzjoni mill-mewt.  Kristu jgħid li jekk hemm ir-Ragħaj it-Tajjeb, hemm ukoll ħafna u ħafna ħallelin li jisrqu ħafna  min-nagħaġ li kienu mmarkati għal-maqjel ta’ Alla.  Għalhekk l-anġli fis-sema jibku kull meta jintilef Pjan ta’ Alla fuq xi bniedem.  Ħarsu madwarkom u araw jekk l-għajat u r-reklamar ta’ dawn il-ħallelin humiex jitfu l-leħen ċkejken tal-Imħabba ġewwa fina.

 

Versett:  Hallelujah, Hallelujah.  Jiena r-ragħaj it-tajjeb, igħid il-Mulej; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jgħarfu lili.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  10, 1-10

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qal : "Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant.  Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj  tan-nagħaġ.  Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b'isimhom u joħroġhom barra.  U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.  Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx."  Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x'ried jgħidilhom biha.

  

Għalhekk Ġesù raġa' qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom li  l-bieb tan-nagħaġ huwa jien.  Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx.  Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.   Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.

 
< Prev   Next >