Friday, 22 September 2017
           
Home
IL-HAMES HADD TAL-GHID (2017) KRISTU BISS JAFHA T-TRIQ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 May 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd tal-Ghid ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 gesu_wara_qawmien.jpg

 

L-Aħbar li xterdet mad-dinja fl-ewwel Għid Nisrani kienet, u għadha sal-lum, elfejn sena wara, xi ħaġa ta’ barra minn hawn, għax twieġeb għall-ikbar tħannin li jgħammar fl-ispirtu tal-bniedem: tħannin li jgħix għal dejjem, li ma jmutx, li jissupera l-mewt u l-baħħ li din iġġib magħha.  Il-mewt hi l-ikbar problema tal-bniedem, l-ikbar traġedja, l-ikbar monstru li jgħammar sieket fis-subkonxju ta’ moħħu... sieket, imma dejjem hemm jistenna, jistenna l-waqt tad-daqqa aħħarija.

 

Il-bniedem, bħal kull tip ta’ annimal li jgħammar f’did-dinja, għandu fih sors ta’ enerġija enormi, u din hi dik li l-Ingliżi jsejħulha is-“Survival Instinct”.  Il-bniedem u l-annimal jiggranfaw mal-ħajja bil-qawwa kollha tagħhom.  Il-kilba għall-ħajja, jew biex itawwal il-ħajja, imbuttat lill-bniedem jivvinta u javanza f’ħafna oqsma.  It-tfittxija tiegħu għall-etern tnibbet fih enerġija ta’ attivita, mentali u fiżika, biex jagħmel li jista’ biex jibqa’ ftit aktar jgħix.  Din it-tfittxija għal dak li hu etern, sod, ma jispiċċax, weldet ir-reliġjonijiet; ġagħlet lill-bniedem joħroġ minnu nnifsu u jħares ’il fuq lejn Dak ix-Xi Ħadd li fl-istint tiegħu l-bniedem ħass li żgur qiegħed hemm fis-skiet tal-ispazji.

 

Imma l-bniedem huwa wkoll maħkum mid-dubju li jerdagħlu l-enerġija.  Il-bniedem jgħejja jfittex, u jniżżel ħarstu mill-kwiekeb u jħares lejn żokortu... jinduna bid-dgħufija tiegħu, u jintelaq.  Tgħid hi tama fiergħa din ta’ ħajja li ma tintemmx?  Isseħħ mewt x’imkien qrib tiegħek, tmur funeral, u kulma tara jtambarlek b’mod psikoloġiku li kollox jispiċċa, li kollox qed jixjieħ u jintemm madwarek.  “Ħadd ma ġie lura!” jgħidulek...

 

Imma din id-dgħufija tal-bniedem tagħti l-opportunita lil Alla li jintervjeni, jidħol fl-Istorja tal-bniedem, ta’ kull bniedem, b’mod l-aktar intimu u personali, biex jagħti xhieda tiegħU innifsu.  L-Aħbar/berqa tal-Għid Nisrani hi xi ħaġa li tmur lil hemm mill-bniedem: “Bniedem ġie lura miċ-ċimiterju!”  Nies sempliċi li kellhom kollox x’jitilfu u xejn x’jiggwadanjaw, xerrdu din l-Aħbar mad-dinja.  L-Aħbar donnha kellha enerġija fiha nnifisha, enerġija u qawwa straordinarja li mbuttatha tinxtered minnha nnifisha, bħan-nar li jaqbad f’għalqa żara’. Tant kienet vera l-Aħbar li kienet bħan-nar li tixħetlu kemm tixħetlu ilma, donnu jivvampja iktar, u ħadd ma jżommu.  Dawk li qabbdu dan in-nar, tassew li kellhom kollox x’jitilfu... ħafna minnhom spiċċaw fuq il-forka.  Imma l-verità ma setgħux iżommuha arrestata fihom.  Nerġa’ ngħid, kellha saħħa minnha nnfisiha u riedet toħroġ u timraħ mad-dinja, sal-ġurnata tal-lum.  U din l-Aħbar hi li l-mewt intrebħet!  Il-mewt tiegħi, il-mewt tiegħek, il-mewt intrebħet! 

 

Din hi d-daqqa mortali għall-ikbar gwaj tal-bniedem.  Għalhekk il-Knisja hi l-iktar ħaġa mportanti li teżisti fid-dinja.  Għalhekk ix-xogħol, il-missjoni tal-Knisja hi l-iktar politika prezzjuża u profonda għall-bniedem.  Liema hu dan ix-xogħol?  Li tħabbar lil Kristu, il-Waħdieni li rebaħ il-mewt.  Min jemmen f’dak li tħabbar il-Knisja, jemmen tassew, jgħaddi ġa minn hawn għall-Ħajja bla tmiem.  Il-bniedem li jitwaħħad ma’ Kristu bil-Fidi, jitwaħħad ukoll, u b’mod awtomatiku, mal-Ħajja, mal-Ħajja eterna, bla tmiem.  Din il-Fidi hi l-akbar Grazzja li jista’ jagħti Alla lill-bniedem, ikbar saħansitra mill-fejqan minn marda li toqtol ‘fiżikament’.

 

Imma xejn mhu faċli, u l-Knisja minn dejjem kellha problemi serji biex twassal din l-Aħbar, kif se naraw.

 

L-Ewwel Qari

 

L-ewwel intopp li ltaqgħet miegħu l-Knisja fl-Istorja twila tagħha kien dwar l-amministrazzjoni, kif tqassam ix-xogħol tagħha.  Fil-Knisja mill-ewwel nibtu żewġ kariżmi kbar li baqgħu magħha sal-lum: dik tat-tħabbir tal-Kelma, u dik tal-karità fejn jidħlu l-bżonnijiet tal-ġisem.  Il-Knisja mill-ewwel indunat li ma setgħetx tieħu ħsieb biss l-ispirtu tal-bniedem, imma wkoll il-ġisem, għax il-bniedem hu magħmul minn spirtu u ġisem u ma tistax tifred wieħed mill-ieħor. 

 

Anke fil-Knisja mill-ewwel dehru żewġ gruppi: Knisja kienet magħmula minn żewġ tipi differenti ta’ aħwa, u li malajr saru tlieta.  L-ewwel żewġ gruppi li fosthom tferrxet il-fidi f’Ġesù ta’ Nażaret, kienu t-tnejn Lhud:  il-Lhud tal-Art Imqaddsa, u l-Lhud li kienu mwielda fid-Diaspora: Lhud ġejjin minn kullimkien fid-dinja, għax il-Lhud minn dejjem kien poplu mferrex ‘l hawn u ‘l hinn fid-dinja.  Dawn il-Lhud li għeruqhom kienu f’pajjiżi oħra kienu jissejħu “Hellenisti” (Griegi).  Iktar ‘il quddiem, ma’ dawn iż-żewġ gruppi kellhom jingħaqdu wkoll il-pagani, li la kienu Lhud imwielda fl-Art Imqaddsa u lanqas Lhud imwielda f’postijiet oħra.  Kienu “barranin”, u fost dawn l-iktar li kellha tinfirex il-ġemgħa ta’ dawk li emmnu.

 

Imma, biex nambjentaw l-ewwel qari, il-Knisja ta’ Ġerusalemm, fejn bdiet il-Knisja universali, kienet għall-ewwel, magħmula minn Lhud biss.  Il-Hellenisti bdew igergru li l-Lhud tal-post li kienu emmnu f’Ġesù ma kinux qed jistmawhom tajjeb biżżejjed fit-tqassim tal-għajnuniet materjali.  Ma rridux ninsew li l-Insara kollha kienu tant milquta mill-konverżjoni u mit-twelid ġdid fi Kristu, li kienu jbiegħu kulma kellhom u d-dħul jinqasam fost kulħadd skont il-bżonn.  Hawnhekk kien hawn bżonn ta’ amministrazzjoni bil-għaqal, imma l-appostli iktar kien ħsiebhom, u hekk kellu jkun, f’li jxandru l-Kelma kuljum u kullimkien.  Għalhekk twieldet fil-Knisja l-kariżma tad-Djakni, li għal ħafna sekli kienet ħafna mportanti u li għad tista’ terġa’ tikseb post importanti fil-Knisja tal-futur.

 

Id-djakni kienu jagħmlu xogħol ta’ amministrazzjoni tal-Knisja, biex l-Appostli, li ġew qabel l-Isqfiiet u l-Presbiteri, kienu jistgħu jinagħtaw għall-Kelma u għal-laqgħat (Liturġiji).  Stiefnu kien wieħed mis-seba’ Djakni li ntagħżlu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  6, 1-7

 

F'dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta' kuljum.

 

 Għalhekk it-Tnax sejjħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: "M'hux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta' Alla biex naqdu  fl-imwejjed.  Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u  bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f'idejhom.  U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma."  Dan il-kliem għoġob  lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u  bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja.  Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom fuqhom.

 

 U l-kelma ta' Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f'Ġerusalemm, u kotra kbira ta' qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.

 

Salm Responsorjali

 

L-Atti tal-Appostli huwa ktieb ferrieħi, ktieb li jirrakkonta dak li Kristu wettaq fi qlub sempliċi ta’ nies komuni.  L-Ewwel Knisja kienet mimlija ferħ kbir u radd-il ħajr u l-entużjażmu tal-aħwa kien jimpressjona lil kull min kien jiltaqa’ magħhom.  L-għajn tal-ferħ tagħhom kienet il-fatt li huma emmnu l-Aħbar it-Tajba.  Ħassewhom għal kollox maħbubin mill-Missier li ħabbhom biżżejjed tant li bagħtilhom lil Ibnu biex jagħmel tiegħU d-dnubiet tagħhom u qatilhom għal dejjem fuq is-salib.  Dnubiethom ma baqgħux iktar tagħhom, imma Alla nnifsu, f’Ġesù, ndenja, tbaxxa, umilja ruħu li jeħodhom fuqu Hu u jagħmilhom tiegħu! 

 

Lil San Ġlormu, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, Kristu staqsih f’dehra: “X’se tagħtini, Ġlormu?”  Ġlormu, li lil Kristu kien iħobbu ħafna, qallu: “Mulej, lilek nagħtik imħabbti kollha!”  Imma Kristu baqa’ sieket!  U reġa’ staqsih: “X’se tagħtini, Ġlormu?”  Ġlormu, li ħela ħajtu bin-nhar u bil-lejl jistudja l-Iskrittura u jaqlibha fil-lingwa li n-nies komunu setgħu jifhmu, qallu: “Mulej, nagħtik ix-xogħol kollu li għamilt tul ħajti, is-sigħat twal bin-nhar u bil-lejl naħdem għall-Knisja tiegħek!”  Imma Kristu reġa’ ma qal xejn...  “X’se tagħtini Ġlormu?”  Ġlormu, miskin, infixel.  U Kristu qallu: “Ġlormu, rridek tagħtini dnubietek kollha biex nitgħabba bihom jien u nifrankalek it-toqol tagħhom!”  Għax Ġlormu, miskin, kien iżomm ġebla maġenbu u kultant kien jaqbad jagħti lilu nnifsu biha waqt li jgħid: “Jiena midneb!  Jiena midneb!”

 

Dan kien l-ispirtu li kien hemm mifrux fil-Knisja Primittiva: il-ħelsien totali mid-djun tad-dnubiet; il-Ġustifikazzjoni.  Kull Nisrani kien jaf li quddiem il-Missier hu kien “ġust” għax kien ġie mlibbes bil-merti ta’ Kristu bla ma kien jistħoqqlu.

 

Salm 33 huwa Salm li joqgħod fuq ilsien dawn in-nies; Salm ta’ ferħ u ta’ tifħir lil Alla.  Salm ta’ Ewkaristija.  Salm li jista’ jitlob bih minn qalbu dak biss li jaf li ġie meħlus mill-mewt ta’ dejjem u li l-Istorja tiegħu hi miexja lejn ħwejjeġ kbar.

 

Ritornell:  Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Salm 33

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.

 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

It-Tieni Qari

 

Hija ħaġa tal-għaġeb kif tnejn min-nies li jisimgħu l-istess Kelma, għal wieħed issir il-ġebla tax-xewka li fuqha jibni kollox, l-Istorja kollha tiegħu, fil-waqt li għall-ieħor qisu ma sema’ xejn, jew addirittura ddejqu u jistmellha.  San Pawl innifsu kienet tolqtu din il-ħaġa.  L-istess Kelma li kien iwassal, lil xi wħud kienet tibdilhom mill-qiegħ u jsiru dixxipli tiegħu l-aktar fidili, waqt li oħrajn din l-istess Kelma kienet twebbsilhom qalbhom u tagħmel minnhom għedewwa kbar tiegħu li ġegħluh ibati ħafna.  Hu kiteb hekk:  “Ghaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta’ Kristu fost dawk li jsalvaw u fost dawk li jintilfu.  Lil dawn tal-aħħar din il-fwieħa twassalhom għall-mewt, lil dawk twassalhom għall-ħajja.”  (2 Kor. 2, 15-16).  Dak li hu fwieħa tas-sema għal xi wħud, għal oħrajn hu riħa ta’ mewt!!

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  2, 4-9

 

Għeżież: Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża.  U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f'dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu.  Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura:

 

     “Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka,

     magħżula u għażiża;

     min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad.”

 

Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux, din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka u ġebla ta’ tiġrif u tfixkil; tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla;  għal dan kienu ddestinati.

 

Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta' dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb.

 

Evanġelju

 

Ninsabu ngħixu f’soċjetà “anti-Fidi”!  Ninsabu bbumbardjati (bla ma nindunaw!!) b’kultura li għalqitilna s-Sema.  Bnewlna saqaf tal-konkrit bejnna u s-Sema!  Dawk li għal ta’ qabilna kienu affarijiet naturali, għalina saru tant diffiċli.  Din il-ħajja t’hawn saret kollox għalina. Bla ma nafu, ħelu, ħelu, intlaqna f’raqda ħelwa u tlaqna l-ħabel li miegħu konna nżommu: il-ħabel tal-Fidi f’Ħajja oħra, fil-Ħajja li riesqa, fil-Ħajja li hemm tistenniena.  Sirna l-iktar imsieken fost il-bnedmin kollha għax mingħalina li aħna Nsara imma l-Ġenna (u l-Infern) qatt ma jaħbtu ma’ moħħna.  Din il-ħajja t’hawn, jew aħjar, din l-eżistenza fiżika f’din id-dinja, saret il-ħajja waħdanija.  Il-bniedem tal-lum jemmen biss f’dak li jara u jmiss b’idejh.  Għalhekk il-bniedem reliġjuż il-ħin kollu jitlob għal grazzji materjali: biex it-tifel jgħaddilu mill-eżami, biex infiequ mill-mard, biex ikolli aktar flus, biex insib xogħol...  talb tajjeb, imma li waħdu juri x’tip ta’ “Nisrani” int.  Qatt talb għal grazzji spiritwali, għal għarfien ikbar tal-Misteru ta’ Kristu, għal trawwim dejjem iktar tal-Ispirtu Qaddis fina.  Qatt talb ta’ ndiema, ta’ maħfra, ta’ għarfien dejjem iktar tal-mewt li d-dnub qiegħed iġib fina.

 

Il-bniedem Nisrani huwa dak li għandu moħħu iffokat fuq il-Ġenna li riesqa lejh u li hi l-wirt tiegħu fi Kristu.  Il-Ġenna!  Il-ħsieb tagħha jtaffi l-effett tas-salib u jagħti sens lit-tbatija.  Kif se terfa’ salibek kuljum, jekk ma tafx li tinsab fi vjaġġ lejn ħwejjeġ li la għajn qatt ma rat u lanqas widna qatt ma semgħet dak li lesta l-Mulej għalina?  Kristu huwa t-Triq u aħna ninsabu fiha. 

 

Din id-dinja ma tifhimx it-Triq.  Triq lejn fejn?  Id-dinja ma tistax tifhem lin-Nisrani, ma tistax tifhem il-Kelma.  Din id-dinja hi miżżewġa lill-mewt.  Kulma għandha għalina din id-dinja għandu d-duda tal-mewt fih.  Għalfejn għandna nitwebblu tant b’hawn meta kollox madwarna qiegħed imut!  Anke l-ġebel żonqri jitfarfar u jsir trab. 

 

Kristu jassigurana mill-Ġenna.  Hu diġa ħejjielna post.  Dan il-post hu tagħna u ara ma nħallux lix-xitan itellifulna.  Dan il-post hu l-wirt tiegħi u tiegħek għax kien hemm xi ħadd li xtrahulna u dan kien Kristu.  U ma xtrahx bl-irħiss!  Swielu demmu!  Li ma kienx għax hemm ħajja oħra, għalfejn miet Kristu fuq is-Salib?  Għalfejn qam mill-mewt?  Għalfejn ħalla Knisja li hi l-Ġisem tiegħu fuq wiċċ l-art?

 

Versett: Hallelujah.  Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, igħid il-Mulej; ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  14, 1-12

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : "Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f'Alla, u emmnu fija wkoll.  Fid-dar ta' Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu.  U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa' niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.  U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha." Tumas qallu: "Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?"  Wieġbu Ġesù: "Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.  Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa 'l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh."  Qallu Filippu: "Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina."  Ġesù wieġeb: "Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, 'Urina l-Missier'?  Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.  Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m'hux għal ħaġ'oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.  Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.

 
< Prev   Next >