Thursday, 22 June 2017
           
Home arrow Home
IS-SITT HADD TAL-GHID HEMM BZONN INSIRU NSARA ĎADULTIí PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 19 May 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Sitt Hadd tal-Ghid ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gifts-of-the-holy-spirit-jesus-christ.jpg

 

Kien hemm żmien meta s-soċjetà Maltija kienet “Nisranija”.  Dak iż-żmien għadda.  Għadha teżisti tiċlieqa qawwija ta’ kultura hekk imsejħa “Nisranija”, kultura marbuta mal-festi parrokkjali, mal-festi tal-Milied u tal-Għid... mill-bqija, l-vera Knisja ta’ Kristu, il-Knisja li tagħti xhieda ta’ Kristu quddiem kulħadd bla ma tħares lejn l-uċuħ jew tibża’ mill-poter, dan it-tip ta’ Knisja, llum huwa f’minoranza.  Tant hu hekk li l-partiti li qed jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali m’għadhomx jagħtu wisq kas ta’ xi tgħid din il-Knijsa “ċkejkna”.  Anzi, jafu li partit “Kristjan” (li ma jeżistix f’Malta) m’għandux ċans jirbaħ elezzjoni.  Din hi l-verità quddiem Alla.  Il-Knisja Maltija (u Għawdxija) nfisha, qajla għandha aptit tammettih dan.  Kultant nibża’ li qegħda tidfen rasha fir-ramel għax tibża’ tħares madwarha biex tara l-“Verità” vera.  Tittama li l-“Verità” hi oħra.  Il-kultura hekk imsejħa “Nisranija”, it-tradizzjonijiet, il-folklor, l-attendenzi għal-Liturġiji tal-Ġimgħa Mqaddsa u tal-Milied, kultant qed jagħmlu iktar deni milli ġid għax kapaċi jingannawna.

 

Din hi r-raġuni l-għala l-Knisja tagħna għadha tant sinjura fil-pastorali sagramentali, u tant fqira fl-Evanġelizzazzjoni tal-imbegħdin.  Iċ-ċerimonji fl-erba’ ħitan tal-knisja huma komdi.  “Min ma jridx jiġi, ma jiġix!” jgħidulek.  “Hu jitlef.”  Hu veru li hu jitlef, imma Kristu ma naħsibx li jwieġeb hekk, anke jekk iktar minn darba ma ħajjimx lill-folol u lill-appostli nfushom qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll!”  Dawk li ma jiġux, ovvjament ma jafux min hu Kristu.  Possibbli li hawn nies li ma jafux min hu Kristu?  Il-maġġornaza tal-poplu!  U dawn mhux se jsiru jafu min hu Kristu mil-Liturġija li fiha ma jarawx sens. In-nagħġa li ntilfet ma setgħetx issib triqtha lura; kien Kristu li mar ifittixha.

 

Imma l-iktar ħaġa li ddejjaqni hi li donnu għad m’għandniex kunċett ta’ x’inhu Nisrani veru; minn xhiex jintagħraf.  Ħafna jaħsbu li jekk tmur il-Knisja nhar ta’ Ħadd, dan jagħmlek Nisrani.  Oħrajn, addirittura jgħidulek li jekk inti mgħammed u mniżżel fuq ir-reġistru tal-kappillan, inti Nisrani.  Hu minn dawn ir-reġistri li l-Knisja universali tibni l-istatistika li tgħidlek li hawn ma nafx kemm il-biljun Nisrani fid-dinja u li dawn dejjem qegħdin jiżdiedu.  Allura bil-fors ikollna nammettu li hemm Insara “adulti” u oħrajn li mhumiex.  Dawn hadd ma jista’ jgħoddhom.  X’differenza hemm bejniethom?  Min hu adult fil-Fidi jfisser li l-Magħmudija tiegħu kibret miegħu, hu Nisrani “ta’ kbir”, waqt li min mhux, irċieva l-Magħmudija imma din baqgħet biss żerriegħa rieqda midfuna fih.  Tal-ewwel huma xhieda ta’ Kristu; il-ħafna li huma minn dawn tal-aħħar ma jistgħu qatt ikunu xhieda ta’ Kristu. Jipreferu allat oħra x’ħin jiġu għas-si u n-no.  Ma jafux min hu Kristu tassew għax kieku jixxenqu għaliH.  Il-“Kristu” tagħhom huwa xi ħadd ieħor.  Dan it-taħwid ilkoll kemm aħna doqnih f’ħajjitna.  Hawn min baqa’ fih u hawn min ħass li jaqbillu jimxi ’l quddiem.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Kelma mxandra mill-Knisja tal-bidu, tant kienet friska, tant kienet ħajja, tant kienet imwassal b’konvinzjoni, li l-qari li ġej jgħidilna li “ġmiegħi ta’ nies bi ħġarhom kienu jilqgħu dak li kienu jgħidulhom l-appostli” (Atti 8, 6).  Il-Kelma kienet tkun akkompanjata minn mirakli fiżiċi: nies ifiequ mill-mard, jinħelsu mix-xjaten eċċ.  Wieħed ikollu jgħid: mela għalhekk kulħadd kien jemmen u l-kotra kienu jingħaqdu mal-Knisja, għax kienu jsiru l-mirakli u llum le.  Imma min qallek li llum m’għadhomx isiru mirakli.  Kristu kien ħaj dak in-nhar u għadu ħaj illum.  Jista’ jkun li llum naqset il-Fidi.

 

Il-problema tal-miraklu fiżiku hu li ftit nies jarawh.  Huma dawk li jarawh jitwettaq biss li jemmnu tassew.  Dawk li jisimgħu bih jibqgħu fid-dubju għax ma rawhx huma.  Il-miraklu fiżiku kien isir biex jgħin il-Kelma.  Malli l-Kelma kienet titwemmen kienu jieqfu l-mirakli fiżiċi għax ma kienx hemm iktar bżonnhom għax jibda jidher miraklu ieħor: il-Miraklu Morali.  X’inhu dan?  Nies li jinbidlu għal kollox u jsiru xhieda awtentiċi ta’ Ġesù.  Dan hu miraklu ikbar mill-miraklu fiżiku.  Li l-qalb tal-bniedem tinbidel minħabba l-Fidi f’Ġesù, jimpressjona tant li hu l-Miraklu veru li jiġbed in-nies lejn Kristu sal-ġurnata tal-lum. 

 

Huwa dan il-Miraklu li jrid jidher fil-Knisja llum.  Il-Miraklu tan-Nisrani “Adult” li jsir reklam għal Kristu, li mexa ’l quddiem fil-Fidi tant li Kristu jiġi dejjem l-ewwel u qabel kollox: qabel il-familja, qabel is-saħħa, qabel il-flus, qabel il-karriera, qabel dak li jgħidu n-nies... qabel kollox.  Mhux miraklu dan?  Hija xhieda bħal din li tnissel “question mark” fis-soċjetà pagana tal-lum.  Min isib lil Kristu u jseħħ il-Miraklu Morali ġewwa fih, jidher mill-ewwel li sab xi ħaġa li s-soċjetà tal-lum qegħda tfittex għal xejn.  In-nies jindunaw li dan il-bniedem għandu xi ħaġa li huma m’għandhomx.  Dan hu li jiġbed lin-nies.  Il-Knisja m’għandhiex tikkuntenta iżjed li ċertu numru ta’ nies għadu jiġi għall-quddies tal-Ħadd, imma li trawwem, permezz ta’ pastorali ġdida, nies/reklami ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  8, 5-8,  14-17

 

F’dak iż-żmien : Filippu niżel f'belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha.  Il-folol tan-nies b'fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel.  Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b'għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejjqu.  U kien hemm ferħ kbir f'dik il-belt.

 

L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta' Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u 'l Ġwanni.  Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu;  għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f'isem il-Mulej Ġesù.  Mbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.

 

Salm Responsorjali

 

Mill-Ġimgħa Mqaddsa sal-Pentekostè huma ’l fuq minn ħamsin jum ta’ Festa għal dawk li tassew jieħdu bis-serjetà is-sejħa tagħhom li jkunu Nsara.  Hamsin jum li huma l-Festa tal-Għid.  L-Għid mhux jum wieħed imma ħamsin jum.  Anzi mingħajr il-Pentekostè, l-Għid mhux Għid.  Il-Pentekostè jdawwal l-Għid ; iniżżel l-Għid f’qalb il-bniedem.  Dan hu xogħol l-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li lili se jgħidli li l-Għid ta’ Kristu seħħ b’risq tiegħi.  Nisma’  kemm nisma’, kollu għal xejn jekk l-Ispirtu s-Santu ma jmisslix qalbi u dak li nkun smajt isir Ħuġġieġa Nar jaqbad li jbiddilli lil qalbi.  Il-bniedem ta’ rieda tajba jistenna il-Pentekostè, il-ħidma meraviljuża tal-Ispirtu s-Santu biex dak li seħħ fl-Għid iseħħ fih.

 

L-Appostli baqgħu li kienu quddiem Kristu Rxoxt.  Ferħu fuq li ferħu, imma qalbhom ma nbidlitx.  Baqgħu magħluqin fiċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt u għalhekk kien mistoħbijin min-nies.  Kien l-Ispirtu s-Santu li fetħilhom qalbhom għall-Għid u sar nies ġodda, nies mgħaġġba għax indunaw li dak li seħħ fl-Għid (fit-Tlett Ijiem Imqaddsa tal-Għid), sar b’risq tagħhom.  Kien fil-Pentekostè li ħarġu mill-moħba u welldu l-Knisja.

 

Kemm għandi bżonn Pentekostè f’ħajti, Mulej !!  Kemm għandna bżonn Pentekostè ġdid fil-Knisja.  Kemm għanda bżonn il-Knisja, u aħna li nħobbuha, noħorġu minn qoxritna!  Is-Salm li ġej jixraq għal dan iż-żmien għax hu Salm ta’ ferħ, ta’ allegrija, ta’ eżultanza.  Jien nemmen li jekk imissna l-Ispirtu s-Santu u jikkonvinċina mill-merti li rebaħ għalina Kristu bil-Misteru tal-Għid tiegħu, allura nimtlew b’hena u b’ħeġġa li tgħaġġeb lil dawk li huma xettiċi dwar il-Mulej.  Salm 66 huwa Salm Paskwali, Salm tal-Għid għax ifaħħar lil Alla li biddel il-baħar fi nxief, fost tant għeġubijiet oħra li għamel.  Jista’ jkun li l-ikbar miraklu jkun meta jibdel il-qalb tagħna u minn qalb sempliċement « reliġjuża » jagħmel minnha qalb Kristjana, qalb kollha żelu biex tħabbar li Kristu tassew għeleb il-mewt, mhux għaliH biss imma għalina wkoll.

 

Ritornell : Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah !

 

Salm 66

 

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta' ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

 

Għidu lil Alla: "Kemm int tal-biża' f'għemilek!

L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek.

 

Ejjew, araw l-għemejjel ta' Alla;

tal-biża' f'għemilu fost  il-bnedmin.

Biddel il-baħar f'art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

 

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem;

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x'għamel miegħi.

 

Mbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!

 

It-Tieni Qari

 

L-Iskrittura kollha, b’mod partikulari din is-silta li se nisimgħu, tħeġġiġna biex inkunu Nsara “full-time”.  Għan-Nisrani, Kristu mhux xi ħadd li għalih jiddedika ċertu ħin kuljum, inqas u inqas darba fil-ġimgħa!  Min sab lil Kristu u l-Imħabba li l-Missier għandu lejh u li wriha fi Kristu, jifraħ minħabba Kristu, ikun imdejjaq minħabba Kristu, jidħol f’tensjoni minħabba Kristu, hu għani minħabba Kristu, jittama minħabba Kristu.  Kollox minħabba Kristu.  Ara taħsbu li l-qassisin biss huma msejħin għal dan.  Li tkun Nisrani “full-time” hija s-sejħa tal-Magħmudija.  Il-bniedem il-qadim tagħna miġbud għad-dnub, għall-flus, għall-affetti, għaż-żina, għall-poter, għall-fama, għall-passatempi stupidi... dan il-bniedem ġie msallab ma’ Kristu.  U ma’ Kristu qomna aħna, ġodda!  Qam Joe, qam Ġanni, qamet Marija, qam Toni, Ġużepp u kull min jemmen.  Aħna qomna ma’ Kristu, u jekk l-Ispirtu s-Santu jikkonfermalna dan bil-miraklu interjuri tiegħu, fi Kristu għandna għana li ħadd ma jista’ jikkalkolah u lanqas jeħodulna.  Tafu għaliex?  Għax fi Kristu niskopru lill-Missier.  Dan hu l-għaġeb tal-Kristjaneżmu.  Huwa l-Kristjaneżmu biss li jgħarrfek li Dak li ħalaq l-univers, il-kwiekeb, ix-xmux, l-oqmra, id-dinjiet kollha, huwa Missierek, il-Pa tiegħek.  Int iben Alla!  Min xhiex se tibża’?  Fuq x’hiex se tinkwieta?  Liema mewt se jħalli li teqirdek lilek, Missierek li jista’ kollox?

 

Hija din il-Fidi, magħmula Nar jaqbad mill-Ispirtu s-Santu li tagħmel li ngħixu ħajja li tiġbed l-attenzjoni.  Hija din il-Fidi li tagħmel li bniedem iħobb lill-għadu tiegħu.  Min jemmen l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù biss kapaċi jbierek u jitlob għal min jonqsu, jippersegwitah, iwettaq inġustizzji kontrih.  Kristu miet għalina meta aħna konna nġusti u ħżiena.  B’din l-Aħbar f’qalbna, għandna nifhmu lil min jiżbalja kontrina u niskużawh, kif Kristu skużana quddiem Missieru.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  3, 15-18

 

 

Għeżież: Lill-Mulej Kristu qaddsu f'qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom;  imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu.  

 

Jekk din tkun ir-rieda ta' Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.  Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu.

 

Evanġelju

 

Huwa mpossibbli li l-bniedem jgħix lil Kristu mingħajr il-qawwa li tiġi mill-Ispirtu s-Santu.  Wieħed jista’ jistudja kemm jiflaħ fuq il-Mulej Ġesù, ikun kapaċi jitkellem fuqU, jistinka u jitqanżaħ kemm jiflaħ biex jgħix tajjeb... mingħajr l-opra tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fih, kollu ta’ xejn.  Mingħajr l-Ispirtu s-Santu kollox hu mejjet, kollox hu frugħa, kollox isir biex ikun sar.

 

Jiena nħobb inġib l-eżempju, lili nnifsi, dwar bniedem imċerċer fl-eqqel tax-xitwa, kullimkien abjad bis-silġ.  Hu rnexxielu, b’ħafna tbatija, jiġbor munzell zkuk u njam u t-tama tiegħu kien f’dan l-injam li kien qed joħlom li jagħmel nar minnu li jsaħħnu u jsalvah milli jmut inġazzat bil-bard.  Imma jħares kemm iħares lejn iz-zkuk li ġabar, inġazzat kien u inġazzat kien se jmut.  Dawk iz-zkuk kollha li bata tant biex kaxkar ħdejn l-għarix tiegħu, ma kienu jiswew xejn mingħajr spark li tagħtihom in-nar.  Kellu bżonn lil xi ħadd iqabbadlu n-nar u jagħmel minn dawk iż-żkuk Ħuġġieġa enormi li tagħtih il-ħajja!

 

Iz-zkuk huma l-opri tagħna, l-affarijiet li nagħmlu aħna, it-tagħrif li smajna fuq Kristu, it-tagħlim li rċivejna...  X’jiswa dan kollu jekk l-Ispirtu s-Santu li hu n-Nar tal-Imħabba ta’ Alla, ma jqabbadx dan kollu bil-Grazzja tiegħu u jixgħel Ħuġġieġa f’qalbna li minn qalb kiesħa u iebsa tagħmilha qalbu sħuna u ratba għal Alla u għal kulħadd?

 

Versett: Hallelujah! Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, igħid il-Mulej; u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.  Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  14, 15-21

 

 F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.  U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa' magħkom għal dejjem,  l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.  Ma nħallikomx iltiema. Nerġa' niġi għandkom.  Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.  F'dak il-jum intom tagħrfu li jiena f'Missieri, u intom fija u jiena fikom. 

 

Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi."

 

 
< Prev   Next >