Sunday, 19 November 2017
           
Home arrow Home
IS-SEBA’ HADD TAL-GHID TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA – LAPSI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 27 May 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Seba' Hadd tal-Ghid Tlugh Il-Mulej fis-Sema Lapsi ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

tlugh_is-sema.jpg

 

In-Nisrani jaf li pajjiżu huwa s-sema u li l-qagħda tiegħu hawn hija eżilju, anke jekk il-Ħajja hi sabiħa.  Imma f’dan is-sens huwa maqbud f’kuntradizzjoni.  Is-salib li jġorr u l-għejja tat-taqbid tal-Fidi, jġagħluh iħares ’il fuq lejn il-mistrieħ “fi ħdan Abraham”, imma fl-istess ħin jisma’ l-kliem li d-dixxipli semgħu fuq l-għolja fil-Galilija: “Irġiel tal-Ġalilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?”  (Atti 1, 11).  Hu jaf li jekk għadu fid-dinja għandu xogħol xi jwettaq b’risq id-dinja u dan ix-xogħol huwa l-Evanġelizzazzjoni: it-tħabbir tal-Misteru tal-Għid fl-ambjent ta’ madwaru, bil-Kelma, bis-sempliċi preżenza tiegħu, bl-aġir tiegħu, bil-ferħ tiegħu fil-Mulej, bis-sabar tiegħu fil-provi.  L-istess il-Knisja.

 

Il-Knisja ma tistax tinqata’ mill-viżjoni tas-Sema, imma fl-istess ħin trid tibqa’ ankrata hawn fl-art għax hi l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.  (Mt. 5, 13).  Il-melħ li bih tagħti togħma u d-dawl li bih tagħti tama  ma tivvintahomx hi iżda ġġibhom fil-qjies li hi marbuta mas-sema.  Kull meta ħalliet ħarsitha tinġibed mit-tlellix tad-dinja, ix-xhieda tagħha għal Kristu ftaqret.  Hi taf li tinsab f’Mixja lejn l-Art Imwegħda li qatt ma tista’ teżisti hawn, jagħmel x’jagħmel il-bniedem fil-ferneżija tiegħu li jibni l-Ġenna hawn.  Hi fid-dinja imma mhix tad-dinja; għalhekk hija ftit li xejn mifhuma mid-dinja.

 

 

Il-Knisja mhix xi NGO enormi, organizzata tajjeb, li xogħolha hu li twettaq il-karità u taħdem għall-paċi.  Dawn huma uħud mill-frott  li joħroġ min-natura tagħha.  Il-Knisja hi għal kollox xi ħaġa oħra u ħafna iktar minn hekk.  Hi l-ġemgħa ta’ dawk li jħabbru, bil-mod ta’ ħajja tagħhom, li l-bniedem hu maħluq għal ħajja oħra, għal ambjent ieħor.  Ma temminx li f’din id-dinja jista’ jkun hawn il-paċi aħħari.  Ma temminx li hawn il-bniedem jista’ jsib il-mistrieħ li tant jixxenaq għalih.  Ma temminx li din id-dinja hi l-bidu u t-tmiem tal-eżistenza.  Hi tħares bi ħniena lejn il-bniedem aljenat li jaħseb li iktar kemm jikber hawn, iktar kemm jilħaq dak li għalih jitħabat, iktar kemm jivvinta pjanijiet u jwettaqhom, iktar se joqrob lejn l-eliżir tal-Ħajja, lejn dak li kull bniedem jixxennaq għalih, l-iskop, is-sens ta’ kollox.

 

Il-Knisja, miġbuda ’l fuq, iżda trid taħdem hawn, tinagħta lill-oħrajn hawn, tixhed hawn, tħabbar, tixgħel l-immaġinazzjoni tal-bniedem lejn Ħajja ġdida, f’Art oħra. Hija l-krozza li fuqha nistrieħu jien u int meta s-snin jibdew jagħmlu bina u jibda dieħel il-ħsieb li kollox hu frugħa hawn, kollox itir mar-riħ, kollox għandu r-riħa tal-mewt fih.  Li ngħaddu minn hawn għal Ħajja isbaħ u bla mewt hu l-uniku li jagħti sens u skop lill-eżistenza. 

 

L-Ewwel Qari

 

Din il-Festa li llum il-Knisja tiċċelebra bħala Solennità tal-Mulej, minn dejjem kienet importanti għaliha għax tindirizzana lejn il-Misteru li fuqu tkellimna qabel: li aħna ma’ aħniex maħluqin għal hawn.  Huwa l-bniedem biss li jinagħta li jasal għal din il-konklużjoni fost il-ħlejjaq kollha.  Hija din il-viżjoni li tagħmel lill-bniedem tant superjuri fuq kull ma ħalaq Alla.  Huwa dan li juri li fih jgħammar l-Ispirtu ta’ Dak li l-mewt ma tistax tilħqu.  Għax kollox huwa kwistjoni ta’ Mewt jew Ħajja.  Ħafna jgħixu mejtin u jinħatfu mill-mewt u jgħibu; oħrajn jogħlew ’il fuq u jaqtgħu l-irbit u l-faxex tad-difna u jgħixu ta’ ħajjin u jmutu ta’ ħajjin. 

 

Imma dan mhux bil-ħila tagħhom.  Hemm dawk li fihom jikber l-Ispirtu li hu ħaj għal dejjem.  Hemm oħrajn li dan qatt ma jseħħ fihom.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li hu l-prinċipju li minnu tinbet Ħajja għal Dejjem.  Jew għandek jew m’għandekx.  Ġesù kien jaf li d-dixxipli tiegħu ma kinux kapaċi jagħtu xhieda tiegħu lid-dinja, lanqas kienu kapaċi jitkellmu fuq Ħajja għal Dejjem jekk huma stess ma kellhomx din il-Ħajja fihom.  Min jista’ jagħti minn dak li m’għandux?  Għalhekk li f’dan il-qari se nisimgħu Kelmiet importanti mingħandu il-Mulej Ġesù: “Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier.”  (Atti 1, 4).  Din il-Wegħda kienet l-invażjoni tal-Ispirtu Dejjem Ħaj fi qlubhom vojta, muġugħa, imħassba, għatxana għall-Fidi.  Mingħajr dan l-Ispirtu ma jistax ikun hawn Knisja.

 

Tlugħ il-Mulej fis-Sema, ir-ritorn tiegħu lejn il-Missier bil-Misteru tal-Għid imwettaq, huwa mmarkat bl-aħħar għamar tiegħu lill-Knisja li kienet għadha lanqas biss teżisti.  X’kien dan il-kmand finali tiegħu, ir-raġuni għall-eżistenza tal-Knisja fid-dinja?  “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.”  (Atti 1, 8).  Għaliex hija daqshekk importanti din ix-xhieda?  Għax fl-aħħar, issa, hawn Xi Ħadd li ma ntrebaħx mill-mewt ta’ dejjem u li kull min jemmen fiH, anke hu għandu rebħa fuq il-mewt.  Din hi l-unika Aħbar li tindirizza l-veru problema, il-veru biża’, il-vera traġedja tal-bniedem.  Imkien ieħor m’hemm tama għall-bniedem ħlief fi Kristu.

 

Qari mill-Atti tal-Appostli.  1, 1-11

 

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda  sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz ta' l-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.  Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f'erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta' Alla.  Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, "li fuqha", qalilhom, "smajtu x'kont għedtilkom.  Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu."

  

Kif kienu flimkien staqsewh: "Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa' twaqqaf is-Saltna ta' Iżrael?"  Hu weġibhom: "M'hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu.  Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f'Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art."  Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud 'il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b'għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f'daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: "Rġiel tal-Galilija, x'intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa' jiġi kif rajtuh sejjer."

 

Salm Responsorjali

 

Dan is-Salm ta’ ferħ kien jitkanta kull meta s-Sultan ta’ Ġuda kien jitla’ fit-Tempju.  Liebes il-kuruna tas-setgħa, bi lbies ta’ awtorità, imdawwar bil-kotra li fuqha kien jaħkem, kien ikun fih dehra mill-isbaħ u ta’ qawwa.  Imma l-poplu kien ikanta li l-Mulej hu s-Sultan veru tiegħu u « l-popli kollha jċapċpu jdejhom u jgħajtu bil-ferħ »  (v. 2)  għad-daħla tiegħu fit-Tempju tiegħu.  Id-duħħan tal-nċens u tas-sagrifiċċji kien jimla t-Tempju u dan bir-raġun għax « Il-Mulej, l-Għoli hu tal-biża’, sultan kbir fuq l-art kollha. » (v. 3).  Is-slaten tal-art mhuma xejn ħlief għodda f’idejH biex iseħħ il-Pjan tiegħu.  Bla ma jafu, huma li jaħsbu li huma xi ħaġa kbira, iwettqu l-Pjan tiegħu fl-Istorja. 

 

Għalhekk dan is-Salm jerfa’ moħħ il-bniedem lejn is-Sema.  Il-bniedem tal-Fidi hu bħal wieħed li qed ilesti biex jitlaq lejn post ieħor.  Huwa diġa libes il-ħwejjeġ tal-vjaġġ, imma l-oħrajn li ma jemmnux li jeżisti dan « il-post ieħor » jgħadduh b’miġnun.  Huma bil-qegħda fl-art, fit-trab, jgħaddu l-ħin jew jgħoddu l-muniti tagħhom li fihom jittamaw, u lilu jgħidulu biex jerġa’ lura.  Imma hu għandu ż-żiemel lest, u ż-żiemel huwa ħerqan biex jitlaq, u hu m’għandux sabar sa ma jlebbet biex jikseb Saltnatu.

 

Dan hu l-għana ta’ min sab lil Kristu.

 

Ritornell : Tela’ l-Mulej b’għajjat ta’ ferħ.

 

Salm 47

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom,

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża',

sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Tela' Alla b'għajat ta' ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

 

Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Mhu faċli xejn għall-bniedem li jerfa’ ħarstu lejn is-Sema fejn mar Kristu u minn fejn għandu jerġa’ jiġi lura fl-aħħar taż-żmien.  Mhu faċli xejn!  Anzi l-Fidi hi dejjem Miraklu li l-Missier jaħdem f’qalb il-bniedem.  Il-Fidi hi don, rigal, gratis, b’xejn li Alla jagħti.  Mill-banda l-oħra hu naturali li l-bniedem jintelaq għal dak li jara b’għajnejh u jmiss b’idejh.  Hu naturali li l-bniedem jisker fix-xogħol, fil-familja, fil-passatempi tiegħu, fil-ħajja soċjali tiegħu, fit-tamiet u l-pjanijiet tiegħu u f’dawk għal uliedu, fil-ġibdiet mudlama tad-dinja li aħna nsejħulhom “Dnub”.  Dan hu kollu naturali.  Li jmur kontra n-natura huwa l-Miraklu li l-bniedem jerfa’ ħarstu ’l fuq lejn il-kwiekeb u hemm jara d-destin tiegħu.  Dan hu l-veru Miraklu li hu ikbar mill-miraklu fiżiku li tant jimpressjonana. 

 

San Pawl, dan kien jafu tajjeb.  Hu kien jaf li l-Fidi li kellu fi Kristu Ġesù ma ġietx għandu għax tħabat għaliha hu jew għax talab għaliha, imma ġiet bi Grazzja, bħala rigal gratis, b’xejn.  Għax ħadd fuq wiċċ l-art qatt ma jista’ jasal biex iħallas għal Grazzja enormi bħal din!  Il-Fidi hi li, bħalma ġralu Pawlu, l-bniedem ikun iħares lejn naħa... jisma’ min jgħajjatlu... jdur u jibda jħares lejn in-naħa opposta.  Dan kien li ġralu Pawlu.  Meta dar, hu ra l-verità, u din kienet  bomba li qalbitlu ħajtu, sal-aħħar nifs tiegħu.

 

Hu għalhekk li, f’dan il-qari mill-Efesin, hu jgħolli Talba ħerqana quddiem il-Missier biex dak li ta lilu jinagħta lilna wkoll, imqar naqra, bħall-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tal-ikel.  Għalina jkun biżżejjed!  Pawlu jgħid li mhux li kien li “Hu jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħarfuH, u jdawlilkom il-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt tiegħu mal-qaddisin.”  (v. 18).  X’imkien ieħor jgħid li mhux li kien li aħna ngħarfu l-wisgħa, il-fond u l-għoli tal-Imħabba li Alla għandu għalina u li wrihielna fi Kristu Ibnu.  (Ef. 3, 18).  L-Ispirtu stess jitniehed quddiem il-Missier (Rum. 8, 26), biex aħna naqilgħu din il-Grazzja enormi li ma nibqgħux iktar aljenati bl-affarijiet li jidhru madwrna imma li qed imutu, imma  nimtlew b’ħerqa, xenqa tal-qalb għal l-affarijiet l-oħra li  l-għajnejn tal-qalb biss jistgħu jarawhom.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  1, 17-23

 

Ħalli Alla ta' Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta' għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa; u jdawwlilkom l-għajnejn ta' qalbkom biex tagħrfu x'inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x'inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.  Tagħrfu x'inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu,  li ħaddem fi Kristu, meta qajjmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu   fis-smewwiet,  'il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, 'il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta' issa, imma wkoll għal li ġej.  Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu, il-milja ta' dak li jimla kollox f'kollox.

 

Evanġelju

 

Kemm hi tal-għaġeb din is-silta mill-Ittra lill-Efesin!  Tassew għandna bżonn nitolbu għall-Fidi, Fidi adulta, Fidi vera u sħiħa, Fidi għal dawn iż-żminijiet diffiċli għall-Knisja.  Fidi li, anke fil-waqtiet komuni tad-dlam, meta s-salib jibda jagħfas, u l-Istorja ma tagħmilx sens; meta l-Imħabba donnha tgħib u Alla bħal raqad jew insiena,  tibqa’ fidila u ma taħsibx ħażin f’Alla, fil-Missier.  Din hi l-Blata ta’ dejjem: il-Fidi tagħna.  Il-Fidi li hi rigal tal-Ispirtu s-Santu.

 

Dan qed ngħidu għax sal-aħħar mument ta’ Kristu fuq din l-art, kien hemm fost id-dixxipli tiegħu dawk li baqgħu jiddubitaw jekk kienx tassew Hu jew xi ħadd ieħor, xi xarlatan li kien qed jagħmilha ta’ Kristu u kien qed jgħaddihom minn għajn il-labra. Min iġġieled il-ġlieda t-tajba tal-Fidi jaf dan x’inhu.  Hemm proċess ta’ daħla fil-Fidi, u jekk ma jkunx l-Ispirtu s-Santu li jaħdem fil-bniedem, ma jseħħ xejn.  Ħafna ħasbu li kellhom il-Fidi u, bħal mara fit-tqala, immaġinaw li Kristu kien qed jikber fihom.  Imma fl-aħħar ma welldu xejn, jew welldu r-riħ, kif tgħid l-Iskirttura: “Bħal mara tqila fil-ħlas, titkagħweġ u tgħajjat bl-uġigħ, hekk konna aħna quddiemek Mulej.  Tqalna u tkagħwiġna u wlidna r-riħ; is-salvazzjoni fuq l-art ma ksibnihiex, u ma tweldux nies biex jgħammru fl-art.”  (Is. 26, 17-18). 

 

Possibli dan?  Iva, possibli!  Huwa possibli li fl-aħħar jum Kristu jdur fuqna u jgħidilna: “Lilkom ma nafkomx.”  (ara Lq. 13, 27).  Għalhekk għandna nitolbu għall-Fidi bi-biża’ u t-tregħid, waqt li nżommu f’moħħna b’tama li Kristu wkoll kien li qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ urejthom liċ-ċkejknin.  Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.”  (ara Mt. 11, 25w).  Għalhekk, niċċeknu quddiemU u Hu jerfagħna.

 

Versett: Hallelujah.  Morru għallmu l-Ġnus kollha, igħid il-Mulej; jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.  Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien : Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.  Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw.  Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: "Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.  Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu  s-Santu,  u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien."

 

 
< Prev   Next >