Din
hija il- Liturgija ta' Pentekoste- Ghid l-Hamsin ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Il-kelma “Pentekoste” tindika li din il-festa taħbat
ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir.
Is-suġġett tal-festa nbidel maż-żmien.
Fil-bidu kienet festa marbuta mal-agrikultura: festa tal-ħsad
fir-rebbiegħa, festa ta’ ferħ kbir għax l-għixien tal-bniedem u l-annimali
tiegħu kien jiddependi għal kollox mill-ħsad ta’ kull sena. Dan kien fiż-żmien bikri ta’ qabel ma Iżrael
niżel jgħammar fl-Eġittu u anke matul is-sekli li dam hemm. Imma mal-ħelsien ta’ Iżrael, it-tema
tal-Pentekoste, jew Għid il-Ħamsin, inbidel, bħalma nbidlet ukoll it-tifsira
tal-Għid. L-Għid sar il-ħruġ tal-poplu
mill-jasar u ħamsin jum eżatt wara dan, Iżrael wasal quddiem il-muntanja Sinaj
fejn Alla għamel Patt magħhom. Mhux biss
tahom il-Liġi, imma għamel ftehim magħhom, u dan għadu sal-lum ta’ mportanza
fenomenali għal dan il-poplu. Għax Alla
għażlu biex ikun il-poplu partikulari tiegħu.
Iżrael sar iben Alla, waqt li l-ġnus l-oħra kienu l-għedewwa tiegħu,
il-pagani, dawk li jemmnu f’allat foloż.
Iżrael biss irċieva l-verità, u kull sena kien jiċċelebra din il-ġrajja
li ħabtet fi żmien il-Pentekoste. Allura
sa żmien Ġesù din il-festa kienet tfakkar lill-poplu f’dak li kien ġara fuq
is-Sinaj.
Għall-Insara, l-Pentekoste, jew Għid il-Ħamsin
f’ilsienna, huwa l-jum meta l-Knisja terġa’ tgħix u tiċċelebra l-Memorjal
tal-invażjoni tal-Ispirtu s-Santu fuq grupp ta’ nies fqar, sempliċi, imħawdin
għal kollox, biex b’hekk twieldet il-Knisja.
Permess ta’ Profeti bħal Goel, Geremija u Eżekjel, it-Testment il-Qadim
kien ġa ħabbar minn qabel li kellu jasal żmien li fih il-Mulej kien se jimla
bl-Ispirtu tiegħu lil dawk kollha li jixtiequH, ikunu minn liema ġens
ikunu. San Ġwann il-Battista ħabbar
ukoll li warajh kien ġej Dak li kellu jgħammed mhux biss bl-ilma imma wkoll
bl-Ispirtu. Anke Ġesù nnifsu, kemm matul
il-ħajja pubblika tiegħu, kif ukoll wara l-Qawmien, wiegħed li fi ftit jiem
wara kellhom jitgħammdu fl-Ispirtu.
Il-katekeżi tal-bidu tal-Knisja tgħid li l-Ispirtu ma
setax jinagħta qabel ma Kristu wettaq il-Misteru tal-Għid, għax dan l-Ispirtu
kellu jiġi akkwistat mill-merti tal-ubbidjenza, l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien
tal-Messija. Din l-esperjenza kbira ta’
Kristu kellha tkun l-għajn li minnha jgelgel b’abbundanza l-Ispirtu ta’ Alla
fuq id-dinja. Infatti l-Vanġelu
tal-Vġili jgħid li l-Ispirtu kien għadu ma nagħtax billi Kristu kien għadu mhux
igglorifikat.
Il-Pentekoste, flimkien mal-Għid il-Kbir, huma l-uniċi
żewġ festi li fihom il-Knisja tistedinna biex ngħixu l-Vġili tagħhom. Il-Knisja terġa’ għal darb’oħra tishar,
tistenna li l-Ispirtu jfawwar, bħalma xmara tfur wara xita qawwija. Hu diġa jgħammar fiha, imma l-Knisja taf li
hi dejjem għandha bżonn li jikber fiha, biex minnha joħorġu s-sinjali tiegħu li
jiġbdu l-imbegħdin lejha, dawk ta’ qalbhom miksura, dawk li huma għomja, truxi,
zopop fil-Ħajja u għalhekk huma emarġinati u msejkna. Għal dawn in-nies, il-Knisja hi l-unika tama
għax hi biss tista’ tlaqqagħhom mas-Salvatur tal-bniedem.
L-Ewwel Qari
L-Ispirtu s-Santu li jbiddel il-qlub kien il-kalamita li
għaqqad flimkien dixxipli Lhud u oħrajn pagani, biex hekk seħħet xi ħaġa li
kienet il-kontra ta’ dak li ġara fit-Torri ta’ Babel. L-egoiżmu u d-dnub tal-bniedem fired, imma
l-Ispirtu tal-Imħabba li ħareġ mill-ubbidjenza, is-sagrifiċċju u r-rebħa fuq
il-mewt ta’ Kristu, għaqqad. Il-biża’
tal-mewt, jifred, joħloq l-egoiżmi, imma fejn jidher l-Ispirtu, dan kollu
jisparixxi.
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. 11, 1-9
U l-art kollha kienet
ilsien wieħed u kliem wieħed. Meta l-bnedmin telqu mil-lvant sabu wita f'art
Singħar u baqgħu hemm. U qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu
l-madum u naħmuh sewwa!” U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran
flok it-tajn. U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u
torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma
nixterdux mal-wiċċ kollu ta' l-art.”
U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu
qegħdin jibnu l-bnedmin. U
l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu
l-bidu ta' xogħolhom; issa kull ma jiġihom f'rashom xejn ma jaqtgħalhom
qalbhom! Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli
ma jifhmux ilsien xulxin.”
U l-Mulej xerridhom minn
hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejjħulha Babel, għax hemm
ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu ta'
l-art.
It-Tieni Qari
Fuq l-Appostli,
il-manifestazzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla ntweriet b’sinjali tal-għaġeb: riħ
qawwi jvenven u ilsna tan-nar. Dan kien
sehem minn dak li ġara fuq is-Sinaj meta l-poplu twerwer quddiem in-nar,
it-tkarwit tar-ragħad, id-daqq tat-trombi u r-rifnu li beda jgerbeb il-blat
mill-muntanja. Alla wera xi ftit
mill-kobor tiegħu, waqt li l-poplu għaraf iċ-ċokon u x-xejn tiegħu. Dan kollu kien parti mill-għoti tal-Patt minn
Alla lil Iżrael. Iżrael sar l-iben
adottiv tal-Mulej minn fost il-popli kollha.
Mhux għax kellu xi ħaġa speċjali, anżi kien l-iżgħar fost il-popli,
grupp ta’ lsiera li kienu għadhom kif inħelsu u li lanqas biss kellhom pajjiż
fejn jgħamru... għalhekk kważi lanqas setgħu jissejħu ġens, poplu.
Kien Alla li bħal donnu
rikkibhom fuq ġwienaħ l-ajkli u ressaqhom lejH wara li ħelishom
mill-jasar. Dan il-Patt, dan il-ftehim, sar
il-kburija ta’ Iżrael, għadu hekk sal-lum.
Huma jħossu li Alla ppreferihom għax għażilhom. Imma lilhom il-Muej għażilhom b’risq il-ġnus
kollha tal-art. Għażilhom biex minn dan
il-poplu joħroġ id-Dawl li kellu jdawwal lid-dinja, u dan id-Dawl kellu jkun
l-Ispirtu ta’ Ġesù.
Qari mill-Ktieb
tal-Esodu. 19, 3-8a, 16-20b
F’dak iż-żmien: Mosè tala' ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u
qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb
u għarraf lil ulied Iżrael: 'Rajtu intom x'għamilt lill-Eġizzjani, u kif
lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ ta' l-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt
tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha
tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta' qassisin u ġens
qaddis.' Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Iżrael.” Mbagħad Mosè mar isejjaħ
lix-xjuħ tal-poplu, u qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu
l-Mulej. U l-poplu kollu wieġeb b'leħen wieħed u qalu: “Kull
ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.”
Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta
l-muntanja. Nstama' wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu
fil-kamp. Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex
jiltaqgħu ma' Alla; u waqfu f'riġlejn il-muntanja. Il-muntanja tas-Sinaj
bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda
tiela' 'l fuq bħad-duħħan ta' forn, u l-muntanja kienet titħeżħeż kollha. Kull ma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem
jitqawwa. Mbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b'ragħda. U niżel il-Mulej fuq
il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla' fuq
il-quċċata tal-muntanja.
It-Tielet Qari
Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, il-bniedem jiekol u jorqod
tassew, jaħdem, jilgħab, jiġri, jivvinta u jqatta’ l-ħin tiegħu. Imma ma jkunx jgħix. Ikun biss jeżisti. U jiġu mumenti meta din il-Mewt li hu jkun
qed jgħix tidher ċara għalih u jaqa’ f’dippressjoni, dwejja, non-sens. Ħafna jixjieħu f’din il-qagħda stupida u
fiergħa. Huma jemmnu lid-dinja li
tgħidilhom li l-flus kollox, is-saħħa kollox, is-suċċess kollox, l-għomor twil
kollox, li jkollok mara u wlied kollox.
Huma jemmnu li din il-ħajja t’hawn biss teżisti u l-bqija hu kollu
teoriji, xewqat il-bniedem.
Imma meta tidħol ix-xjuħija, min jiddawwal jgħid f’qalbu:
”Għalfejn għext jien? Biex ġibt it-tfal
fid-dinja, ulied li forsi ħallewni waħdi meta ġejt bżonnhom? Għall-flus li ma jistgħux jixtruli l-mewt
biex iddum ma tiġi għalija? Għalfejn
għext jien?” Din hi mistoqsija
tremenda. L-annimali ma jagħmluhiex din
il-mistoqsija, u anke xi wħud mill-bnedmin.
Imma ħafna jagħmluha. Iħossuhom
bħall-għadam bla ħajja li ra Eżekjel.
Id-dinja pagana, bla Alla, qisha dan il-wied mimli għadam. Kemm nies jgħixu waħedhom! L-Ewropa hija mimlija nies waħedhom, dejjem
jippassiġġaw b’xi kelb. Nies mejta, bla
idejal, bla tama, li, malli jaqbżu l-ħamsin jibdew jistennew il-mewt ġejja.
Hemm tama għal dan l-għadam niexef? ”Ħabbar”, igħid Alla lill-profeta, ”Ħabbar
lil dan l-għadam u jgħix!” X’se jħabbar
il-Profeta? L-Aħbar ta’ Kristu! X’tgħid l-Aħbar ta’ Kristu lill-bniedem
tal-lum? Li Alla jħobbu tassew! Li Kristu miet għalih biex hu jkollu Ħajja u
Ħajja bil-kotra! Li hu għażiż f’għajnejn
min ħalqu. Hu maħbub. Hu jiswa d-Demm ta’ Kristu! Hemm Ħajja bla tmiem tistennih jekk jemmen li
Alla mhux giddieb, li Alla hu Missieru.
Il-Kerigma għandha l-qawwa li mill-mewt toħroġ il-Ħajja, minn gożż għadam
niexef tagħmel poplu sħiħ, Ħaj tassew, wieqaf fuq riġlejh u fommu mimli
bit-tifħir lil Alla li ħelsu mill-qabar.
Din hi Kelma qawwija għalina. Jekk int li qed taqra dan, tinsab fil-mewt u
bla tama, bħal dan l-għadam imxerred f’qiegħ il-wied, jiena ngħidlek li tassew
li hemm tama għal ħajtek. Il-Missier
bagħat lil Ibnu biex jieħu fuqu l-mewt tiegħek ħalli int tgħix. Emmen li int daqshekk maħbub u tara kif
il-Ħajja, li hi l-Ispirtu s-Santu, tinvadik.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.
37, 1-14
U
ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f'nofs il-wied.
Dan kien miżgħud bl-għadam. Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien
hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.
U
l-Mulej qalli: "O bniedem, jista' dan l-għadam jerġa' jieħu l-ħajja?"
Jiena weġibt: "Sidi Mulej, dan inti tafu." U qalli: 'Ħabbar lil dan
l-għadam u għidlu: O għadam niexef, isma' l-kelma tal-Mulej. Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik
ir-ruħ, inti terġa' tgħix. U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek
il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa' tgħix, u
tkun taf li jiena l-Mulej."
Mbagħad
ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama' ħoss, u ara, l-għadam tqanqal,
u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma. Jien ħarist, u ara, ġew fihom. U qalli: "Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o
bniedem, u għid lir-ruħ: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ
tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja." Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet
fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.
U
qalli: "O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta' Iżrael. Ara, huma
jgħidu: 'Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, nqridna għalkollox.' Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk
qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom
lura f'art Iżrael. Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta
niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu
l-ħajja.
Nqegħedkom
f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel,
oraklu tal-Mulej."
Ir-Raba’ Qari
Ġoel huwa magħruf bħala
l-Profeta li ħabbar il-Pentekoste Nisrani fi żmien it-Testment l-Antik. Huwa jħabbar tiġdid, qawmien ġdid għall-poplu
ta’ Alla li hi l-Knisja. Kemm hu sabiħ
li wieħed jittama fi Knisja “ġdida”, fi Knisja tassew “ħajja”, Knisja mimlija
kariżmi u rigali tal-Ispirtu s-Santu!
Ninsbu fi żminijiet ta’ taħwid, fejn il-bniedem kiber u sar kburi u
supperv. Ma tista’ tkellem lil ħadd fuq
dnub, fuq bżonn ta’ konverżjoni, fuq il-bżonn ta’ Alla! Il-bniedem illum sar alla tiegħu
innifsu. Għalih, l-affarijiet qaddisa
huma ħwejjeġ tat-tfal, tal-imgħoddi, ta’
min għandu moħħ antik, tal-medjuevu.
Kemm sar bravu
l-bniedem! Irid imiss is-Siġra
tal-Ħajja, saħansitra! Jiddeċiedi hu
kemm ikollu tfal. Jiddeċiedi hu jekk
tarbija tiġix maqtula minn ommha jew le fil-ġuf. Jiddeċiedi hu jekk iż-żwieġ jibqax rabta għal
dejjem jew rabta ċoff. Jiddeċiedi hu
x’inhi familja u kemm għandha tkun twila l-ħajja. Il-frott ta’ dan diġa beda jidher. II-bniedem sar waħdu aktar minn qatt
qabel. Ingħalqet is-sema fuqu. M’għadux jemmen bis-sagru, bis-sopranaturali,
m’għadx baqagħlu tama lil hemm mill-mewt. Il-bniedem hu mdawwar dejjem aktar
miċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt. Aktar minn
qatt qabel ma għandux tama quddiem il-monstru li hi l-mewt.
F’dan il-wied mimli
għadam niexef, għandna bżonn Knisja mimlija Profeti li jxandru li hemm
alternattiva għal din il-ġirja sfrenata għall-flus, għall-kumdita, għan-nuqqas
ta’ nkwiet, għall-egoiżmu... ġirja għall-mewt u l-baħħ. Il-Profeta jħabbar li dan se jseħħ. Li jasal jum li fih l-Ispirtu jinvadi l-poplu
ta’ Alla u dan jagħti xhieda u jsir Dawl u Tama għal tant nies bla tama u bla
sens f’ħajjithom.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġoel. 3, 1-5
"Wara dan, jiġri
li jiena nsawwab
l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.
Uliedkom iħabbru, subjien
u bniet,
ix-xjuħ tagħkom ikollhom
ħolm,
iż-żgħażagħ tagħkom jaraw
viżjonijiet.
U mqar fuq il-qaddejja,
rġiel u nisa,
nsawwab l-ispirtu tiegħi
f'dawk il-jiem.
Fis-sema u l-art nuri
sinjali,
demm u nar u kolonni ta'
duħħan!
Ix-xemx tinbidel fi dlam,
u l-qamar f'demm,
qabel ma jasal Jum
il-Mulej,
kbir u tal-biża'!
U kull min isejjaħ isem
il-Mulej jinħeles,
għax fuq il-muntanja
Sijon ikun hemm
is-salvazzjoni, kif qal
il-Mulej,
u f'Ġerusalemm jibqgħu xi
wħud li l-Mulej isejjaħ.
Salm Responsorjali
Salm 104 ibierek u jfaħħar lil Alla għas-sbuħija u l-ordni tal-ħolqien. Il-Ħajja li tgħammar kullimkien u li dejjem
tirriproduċi ruħha hi ġejja mill-Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Il-Ħajja hi tiegħU u qegħda għandU u kull
ħlejqa tgħix sakemm iridha tgħix Alla.
M’hemm xejn li hu tajjeb
u sabiħ li mhux frott l-Ispirtu tal-Mulej.
Anke kull għemil tajjeb tal-bniedem, għandu l-prinċipju tiegħu
fl-Ispirtu li b’xi mod jgħammar f’kull bniedem.
Xejn ma jsir jekk mhux frott tal-Ispirtu. Xejn, barra mid-dnub. L-ebda bniedem m’għandu għax jiftaħar b’xi
għemil tajjeb li jkun wettaq, għax dan ikun wettqu l-Ispirtu s-Santu permezz
tiegħu. Il-bniedem li hu għaref u għalhekk
jaf lilu nnifsu, jaf kemm hu bla ħila biex iħobb lil min ma jħobbux. Għalhekk il-ħwejjeġ qaddisa huma spirati u
mwettqa minn Alla permezz tal-Ispirtu tiegħu.
Kif tgħid l-Iskrittura,
ħadd ma jista jgħid: “Ġesù hu l-Mulej!” jekk mhux għax imbuttat mill-Ispirtu
ta’ Alla. Għalhekk dan is-Salm jara
fid-dinja ta’ madwaru, fl-ambjent sabiħ, fil-ħlejjaq kollha, xogħol l-Imħabba
li hi l-Ispirtu ta’ Alla. Għax l-Imħabba
hi Alla u hi tgħammar fil-bniedem t’Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Ritornell: Hallelujah,
Hallelujah, Hallelujah!
Salm 104
Bierek ruħ
tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla
tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u
l-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal
b'mantell, inti mkebbeb.
Kemm huma kotrana
l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
Mimlija l-art
bil-ħlejjaq tiegħek.
Minnek jistennew
il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom
ikilhom f'waqtu.
Inti tagħtihom, u
huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u
jixbgħu bil-ġid.
Jekk taħbi
wiċċek, huma jinfixlu;
jekk teħdilhom
nifishom, imutu,
u lejn it-trab
jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat
in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded
il-wiċċ ta' l-art.
IL-Ħames Qari
F’dan il-qari li
ġej, San Pawl jilħaq il-quċċata tal-għarfien tax-xogħol tal-Ispirtu Qaddis ta’
Alla fina u għalina. Id-dinja kollha titniehed quddiem Alla għall-Ħajja;
għall-Ħajja li ma tispiċċax; għall-Ħajja ta’ Dejjem. Din hija l-ikbar Grazzja li jista’ jagħti
l-Missier. Ħadd ma jista’ jkollu l-Ħajja
għal Dejjem jekk mhux permezz ta’ Kristu, permezz tal-Fidi tiegħu fl-Iben. Din il-Fidi tiġi għandu bl-Ispirtu
s-Santu. Mingħajru ma jeżisti xejn li
xejn tajjeb fil-bniedem.
Dawk li daqu xi
ftit mill-Ispirtu, jitniehdu dejjem iktar biex jikber dan l-Ispirtu fihom. Mhux biss, imma hawn, San Pawl jgħid xi ħaġa
meraviljuża li tassew timpressjona. Hu jgħid
li aħna, ħafna drabi nitolbu ħażin bla ma nindunaw. Xi jfisser dan? Ħafna drabi ma nitolbux skont l-Ispirtu, kif
għandu jitlob in-Nisrani. Sikwit nitolbu
b’mod pagan, fl-ispirtu tal-bniedem il-qadim mimli biża’ li għadu jgħammar
fina. X’jitlob dan il-bniedem li għandu
spirtu pagan, tad-dinja, li twelidna bih u għadu ma ġiex maqtul għal kollox
minn Kristu? Hu jitlob biex Alla
jneħħilu tant affarijiet li jwerwruh fuq din l-art. Jitlob ħwejjeġ materjali: flus, saħħa,
suċċess, għomor twil hawn, popolarità.
Dawn jistgħu ikunu talbiet tajbin f’ċerti ċirkustanzi, imma ħafna drabi
huma frott l-idolatriji tagħna, għax Alla mhux veru jkun alla tagħna, imma
l-ħwejjeġ tad-dinja. Jista’ jkun li din
tkun ir-raġuni li t-talb tagħna mhux dejjem jinstema’. U meta jinstema’, sikwit nerġgħu ninsew lil
Alla... sakemm tinqala’ problema oħra!
Alla jixxennaq li
jisma’ t-talb ta’dak il-bniedem li jitlob fl-Ispirtu. Anzi l-Appostlu qed jgħidilna li anke jekk
aħna ma nafux nitolbu fl-Ispirtu, jekk għandna xi nitfa mill-Ispirtu jgħammar
fina, dan l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu qiegħed jitniehed għalina u minflokna
quddiem il-Missier, b’talb u bi kliem li ma jistax jitfisser bi kliem
il-bniedem. Huwa l-Missier biss li
jista’ jifhmu.
X’qiegħed jitlob
għalina b’tant qawwa l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu? Jitlob biex aħna ngħarfu l-Misteru ta’ Kristu;
ngħarfu kemm hi kbira l-Imħabba li l-Missier għandu għalina u li ġiet murija fi
Kristu Ġesù; ngħarfu b’ħasda enormi u sabiħa, li aħna m’aħna se mmutu qatt għax
l-Imħabba li hi Alla hi ikbar mill-mewt fiżika tagħna.
Dawn huma
t-Teżori tan-Nisrani! Dan hu l-għana li
l-Ispirtu jixtiqilna u li quddiemu l-ħmerijiet kollha li nitolbu b’tant ħerqa
mhuma xejn ħlief knis, karfa, ġandar tajjeb biss għall-qżieqeż. Dan hu li wieħed jitlob fl-Ispirtu: li jiġi
mogħti li jagħraf lil Ġesù u x’għamel għalih meta għex l-Għid bil-Mewt u
l-Qawmien tiegħu. Kristu miet u qam
mill-mewt għalija u jien qatt ma nista’ nsib mistrieħ qabel ma nemmen dan mija
fil-mija, qabel ma nagħrfu ċar hekk kif inhu.
Kif se nkun naf li għaraft lil Kristu?
Meta jinkiser iċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt (tgħid l-Ittra lil-Lhud) u
nsir ħieles bħar-riħ, u bla biża’ u kalkoli nagħme ir-rieda ta’ Alla.
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lir-Rumani. 8, 22-27
Aħna nafu li l-ħolqien
kollu għadu s'issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta'
l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta'
wlied, il-fidwa ta' ġisimna. Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara
l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama
l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk
m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.
Hekk ukoll l-Ispirtu,
min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu
nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi
tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem;
u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed
il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol
għall-qaddisin skond ma jrid Alla.
Evanġelju
Vanġelu ta’ żewġ versi,
imma żewġ versi memorabbli. Kristu,
f’daqqa waħda jqum fuq tiegħu, bil-wieqfa u jibda jitkellem b’leħen għoli. Kellu xi ħaġa mportanti mmens xi jwassal lin-nies
ta’ quddiemu. Taħkmu l-emozzjoni,
l-ħeġġa, it-tensjoni ta’ xi ħadd li għandu xi ħaġa li ma jistax iżommha għalih,
magħluqa ġewwa fih. Kristu kien jaf
għalfejn ġie fid-dinja. Kien hemm
miraklu li kellu jitwettaq li kien ferm akbar mill-mirakli fiżiċi kollha li
kien wettaq: il-miraklu tal-għoti
tal-Ispirtu s-Santu lil dawk li kellhom jemmnu fiH.
Kien Hu li kellu
”jixtri”, jakkwista dan l-Ispirtu għall-bniedem. L-ebda bniedem ma seta’ ”jixtri” l-Ispirtu,
jakkwista l-Ispirtu, bl-opri fqar tiegħu.
Niżel Alla biex jieħu ġisem ta’ bniedem sabiex f’dan il-ġisem hu jobdi
l-Liġi tal-Qdusija, u bħal Ħaruf meħud għall-qatla, jmut bi tpattija għad-dnubiet kollha. Mal-mewt ta’ Kristu kollox tqaddes! Mal-mewt ta’ Kristu kulħadd jista’ jirċievi
l-Ispirtu fil-milja tiegħu mhux minħabba xi qdusija tiegħu imma minħabba
l-merti ta’ Kristu. Sakemm Kristu kien
għadu ma għaddiex mill-esperjenza tremenda tal-Mewt u l-Qawmien, dan l-Ispirtu
kien għadu marbut, ma jista’ jidħol f’ħadd għax kulħadd kien imneżża’
mill-merti qaddisa.
Imma malli dan l-Ispirtu
nħall bl-Għid tal-Messija, huwa beda jinvadi l-bnedmin li emmnu f’Ġesù. Dawn in-nies, qabel kienu qishom deżert...
dejjem bil-għatx għall-ferħ, bil-għatx għall-Imħabba, bil-għatx
għas-sliem. Mal-effużjoni tal-Ispirtu,
fihom beda jbaqbaq l-ilma ħaj tal-Ħajja ta’ Dejjem! Xmajjar u nixxigħat, jgħid Kristu! Id-deżert jinbidel fi ġnien imsoqqi tajjeb;
jitfejqu l-ġrieħi interni kollha. L-ilma tiegħu ifur ġewwa fih tant li jfawwar
għal ħaddieħor ukoll. X’missjoni glorjuża
għandna bħala Nsara!
Liema hi s-soluzzjoni
għall-inkwiet tad-dinja? Invażjoni
tal-Ispirtu s-Santu. Mela ħa tishar
il-Knisja f’dan il-Pentekoste; ħa titlob; ħa tinagħqad mal-Ispirtu li jgħammar
fiha biex bi tnehid li ma jitfissirx bil-kliem takkwista għad-dinja l-Ħajja
vera, is-Sliem veru, l-Imħabba vera.
Versett: Hallelujah. Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili
tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’
San Ġwann. 7, 37-39
Fl-aħħar jum tal-festa,
il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b'leħen għoli: "Min jieħdu l-għatx,
jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid
l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj." Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu
dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien
għadu ma ġiex igglorifikat.
|