Thursday, 22 June 2017
           
Home
HADD FUQ PENTEKOSTE IT-TRINITÀ QADDISA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 June 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hadd fuq Pentekoste  bi hsibijiet min Joe Rapa.

nicodemus.jpg

 

Fil-bniedem hemm imbuttatura li ġġegħlu jfittex lil Alla.  L-antropoloġisti, jiġifieri dawk li jistudjaw l-imġieba tal-bniedem, il-mod kif ġab ruħu matul l-istorja, jsejħu din il-kwalità reliġjuża fil-bniedem “reliġjożità naturali”.  Hu naturali għall-bniedem li jkun reliġjuż.  Hu l-unika ħlejqa fl-univers li għandu din il-kwalita, l-uniku esseri ħaj li hu reliġjuż.  Għalhekk, l-għaġeb mhux li l-bniedem jemmen f’Alla imma li ssib li xi wħud li jgħidulek li ma jemmnux f’Alla, għax hu naturali li wieħed jemmen.  Infatti hemm xi wħud li jaslu biex jgħidu li mhux vera li jeżisti l-ateiżmu, għax kull maħluq għandu xi tip ta’ alla.

 

Is-suġġett “Alla” hu aktarx l-iktar suġġett jaħraq u li jolqot lill-bniedem, anke jekk dan is-suġġett hu moħbi taħt ħafna terrapien ta’ idejat oħra bħas-saħħa, x-xogħol, il-politika, il-passatemp, id-divertiment eċċ.  Normalment hu moħbi għax hu suġġett personali ħafna u li hu marbut mal-ħajja nfisha.  Meta wieħed jgħid li hu “ma jemmix” aktarx li jkun irid ifisser li ma jemminx fir-“reliġjon organiżżata”, mhux tal-knisja, jew addirittura ma jemminx f’Alla li ħalaq kollox.  Imma xi tip ta’ “alla” kulħadd għandu.  Il-flus jistgħu ikunu “alla” għall-bniedem u nfatti jiġu fl-ewwel post fil-ħajja ta’ ħafna.  Is-saħħa, id-delizzju, xi persuna maħbuba, il-politika... dawn u ħafna affarjiet oħra jistgħu jiġbdu l-adorazzjoni tal-bniedem li jitfa’ fuqhom l-imbuttatura tar-“reliġjożità naturali” li jħoss ġo fih.  Anzi, sikwit jiġri li l-bniedem ikun ċert li hu jemmen f’Alla tar-reliġjon u jmur il-knisja sikwit, imma fil-prattika, dan l-Alla mhux fl-ewwel post fil-kategorija ta’ affarijiet li jagħtihom importanza... mhux veru hu l-Alla tiegħu.

 

Għalhekk naraw li kull bniedem għandu l-ideja tiegħu ta’ Alla, anke jekk ħafna jappartjenu għall-istess reliġjon.  Dan l-Alla tar-reliġjon jieħu mportanza enormi f’mumenti iebsa tal-ħajja, meta l-“allat” l-oħra li hu normalment jaqdi, jiċċajpru għax ma jistgħux jaqduh.  Hu jitlob l-għajnuna ta’ Alla quddiem il-mard, waqt it-tensjoni ta’ stennija għal xi aħbar li tista’ tkun tajba jew ħażina, eċċ.  Imma malli s-sħab iswed jgħaddi, l-attenzjoni fuq dan l-Alla tiċċajpar, u jerġa jieħu postu fil-ġenb wara l-allat l-oħra, sakemm jerġa’ jasal il-waqt li wieħed jiġi bżonnu... bħal-lampa ta’ Alladin.

 

Imma fil-fond, kull bniedem, f’xi waqtiet, jitqabad ma’ ċerti mistqosijiet importanti, għalkemm difiċċli biex iweġibhom.  X’sens fiha l-ħajja?  Għalfejn qiegħed ngħix?  Għax hawn jien, u mhux ħaddieħor floki?  Kif sar l-univers ta’ madwari?  Min hu Alla għalija?  Għaliex nemmen f’Alla?  Għaliex ma nemminx? 

 

Quddiem dawn il-mistoqsijiet profondi, insibuha aktar faċli li narkivjawhom, nerfgħuhom x’imkien, f’xi kexxun ta’ moħħna u nħalluhom bla tweġiba, biex minflok, ninagħtaw għal dak li naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna.  Ilkoll jiġrilna bħal dak in-nemlu li stagħġeb quddiem iż-żrara li sab quddiemu u li għalih kienet qisha muntanja, bla ma kien jaf li kien f’tarf muntanja vera, muntanja li tinfed is-sħab u donnu s-sema wkoll, imma li hu ma setax jinduna biha minħabba l-enormità tal-kobor tagħha. 

 

Fil-qalba ta’ dan it-taħwid kollu, Alla ġie jfittex lill-bniedem li kien qiegħed ifittxu bla ma seta’ jsibu.  Hu niżel fuq din l-art u għammar fostna f’laħam ta’ bniedem jismu Ġesù ta’ Nazaret.  Dan Ġesù beda jgħid ħwejjeġ li ħadd qablu ma qalhom u lanqas warajh.  U waħda minnhom kienet li min jara lilu jkun qed jara l-Missier, il-Ħallieq ta’ kollox!  Ħafna ma emmnuhx u komplew jgħixu ħajjithom qisu ma kien ġara xejn ta’ mportanza; iżda kien hemm xi wħud li emmnuh, u dan għamluh għax irċivew ġewwa fihom id-dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Hekk, huma ltaqgħu ma’ dan Alla li hu Missier, li wera ruħu fi Kristu, u li kellem lill-qalb ta’ xi wħud permezz tad-dawl tal-Ispirtu s-Santu.

 

L-Ewwel Qari

 

Hi ħaġa ċara li l-bniedem ma jista’ qatt jasal biex jagħraf il-kobor ta’ Alla bl-ħila tiegħu biss.  Illum il-bniedem jgħidu li sar “adult”;  m’għadux iktar “tfal”, ngħidu aħna.  Għamel avanzi kbar f’ħafna oqsma, l-aktar fix-xjenza, fil-mediċina, fit-teknoloġija.  Il-ħajja saret ħafna iktar komda u l-livell ta’ għixien għola, tista’ tgħid kullimkien.  Għalhekk, hu tqil għall-bniedem li jammetti li hemm ħwejjeġ li baqgħu jaħarbulu, li huma ikbar minnhom, bħal, per eżempju, il-mewt, u Alla nnifsu.  Mal-għerf tal-bniedem, kibritulu wkoll il-kburija, is-suppervja.  Din hi ħaġa naturali.  Fis-suppervja tiegħu, il-bniedem jippreferi jgħid li Alla ma jeżistix milli jgħid li mhux kapaċi jifhmu u jiskopriH waħdu. 

 

Għax fl-aħħar mill-aħħar mhux l-għerf jew l-istudju li jwasslu għand Alla, anke jekk dawn jgħinu f’xi okkażjonijiet.  Hija l-esperjenża kollox.  Għandek esperjenza ta’ Alla, int?  Qatt iltqajt ma’ Alla f’xi waqt importanti ta’ ħajtek meta ġarrabt il-qawwa tiegħu u ħarġek minn qagħda li minnha, int konvint li ma stajtx toħroġ waħdek?  Mhux kemm tgħallimt dwaru jinteressani, imma jekk għandekx x’tirrakkonta fuqu f’ħajtek.

 

Alla hu dak li juri ruħu.  Hu beda juri ruħu billi għażel poplu biex permezz tiegħu, meta jasal iż-żmien, ikun jista’ juri ruħu lill-kumplament tal-ħolqien.  U dan il-poplu kien Iżrael.  Mosè, l-ewwel mexxej kbir ta’ dan il-poplu, kellu esperjenza ta’ Alla kbira, kif se naqraw f’dan il-qari qasir mill-Eżodu.  Alla nkixef quddiem il-qaddej tiegħu bħala Xi Ħadd li hu mimli ħniena, mimli sabar, mimli mogħdrija.  Il-ġnus l-oħra kellhom ideja differenti ta’ Alla.  Kienu jaħsbu li Alla hu dejjem irrabjat u għalhekk kienu joffrulu saħansitra lil uliedhom biex iberrduh, jimpressjonawh, u jdawruh favur tagħhom.

 

Imma quddiem il-verità li tissorprendi ta’ min hu Alla tasssew, Mosè baqa’ miblugħ u r-rejazzjoni tiegħu kienet li jintefa’ fl-art u jidfen wiċċu fit-trab quddiem il-kobor ta’ dan l-esseri li ndenja juri ruħu lilu.  Alla hu sorpriża, u l-kbira hi li Hu jrid juri ruħu lilek.  Ħafna lesti li jmorru għall-martirju biex ma jiċħdux il-Fidi tagħhom, propju għax kellhom laqgħa ħajja ma’ Alla, u mhux għax tgħallmu fuqU.  Jekk nisimgħu l-aħbarijiet, naraw li kuljum nies qed jagħtu ħajjithom għal Alla ta’ Ġesù Kristu, basta ma jiċħdux il-Fidi f’Dak li huma “raw” bl-għajnejn ta’ ruħhom.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  34, 4b-6. 8-9

 

F’dak iż-żmien: Filgħodu kmieni, Mosè qam u tala' fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f'idejh iżewġ twavel  tal-ġebel.  Mbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jahweh! Jahweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà.”

 

 Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal:  “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunietna u ħtijietna, u ħudna b'wirt għalik.”

 

Salm Responsorjali

 

Bħala Talba Responsorjali, did-darba flok Salm għandna silta mill-Ktieb ta’ Danjel: it-“Talba tat-Tliet Żgħażagħ fil-Ħuġġieġa tan-Nar”.  Biex napprezzaw iktar din it-Talba ta’ tifħir, se nikkwotalkom mill-Bibbja il-paragrafu ta’ qabilha.  Il-Ktieb ta’ Danjel jgħid hekk: “Il-qaddejja tas-sultan li xeħtuhom fin-nar baqgħu jkebbsuh dejjem iżjed u jitfgħu fih nafta, żift, stoppa u zkuk, hekk li l-ilsna tan-nar għolew mill-forn sa disgħa u erbgħin driegħ, u n-nar infirex u ħaraq lil dawk il-Kaldin li kienu jinsabu madwar il-forn.  Imma l-anġlu tal-Mulej niżel fil-forn maġenb Għażarija u sħabu; huwa warrrab l-ilsna tan-nar mill-forn u għamlilhom f’nofs il-forn bħal żiffa niedja tfewweġ; u xejn ma messhom in-nar, anqas weġġagħhom jew dejjaqhom.  Imbagħad it-tlieta, b’leħen wieħed, bdew ifaħħru, isebbħu u jbierku ’l Alla fil-forn.”  (Dan. 3, 46-51). 

 

Kienu f’din il-qagħda tal-biża’ meta huma bdew ifaħħru lil Alla.  Din hi esperjenza tremenda tal-qawwa ta’ Alla f’ħajjet il-bniedem.  Dawn it-tlieta kellhom tassew x’ixandru u x’jixhdu fuq Alla!  Mhux tagħlim imma esperjenza li ma titwemminx.  Huma sabu ruħhom hemm għax fi żmienhom, is-slaten ta’ qawwiet kbar kienu jonorawhom bħallikieku kienu allat.  F’Babel, is-Sultan ordna statwa kbira titwaqqaf f’nofs il-pjazza tal-belt u kulħadd, f’ċertu ħin, kellu jmur u jaduraha bħala qima lis-sultan u lejaltá lejn il-pajjiż.  Għażarija u t-tnejn l-oħra, li kienu Lhud eżiljati f’dan il-post, ma ridux jabbandunaw lil Alla tagħhom, anke jekk ħadd iktar ma ħabbel rasu.  Il-kultura dominanti ta’ dak iż-żmien tixbaħ lil dik ta’ żmienna li  ġġegħelna ninqatgħu mid-drawwiet u valuri li rċivejna u jekk le jgħajruna antiki u rasna marbuta. 

 

Dawn sabu ruhhom ikkundannati għal mewt l-aktar kiefra.  Iż-żiffa ħelwa u niedja li f’daqqa waħda ħasssew tfewweġ bejnhom u l-fjammi tal-forn kien l-Ispirtu s-Santu li ddefendihom b’mod tal-għaġeb.  X’ma jfaħħrux lil Alla!  Il-problema tagħna hi li m’għandniex Fidi biżżejjed biex inħallu lil Alla jipprovdi waqt il-bżonn.  Nibgħu nirriskjaw fiH u nevitaw sitwazzjonijiet bħal dawn; inċedu; inħallu kollox għaddej u ngħidu “mhux kulħadd hekk jagħmel?”  Imma dawk li jirriskjaw fil-Mulej, qed tgħidilna l-Kelma, isibu lill-Mulej jistennihom u jiddefendihom, u jkollhom x’jrrakkontaw fuqu lil uliedhom u lil kulħadd.

 

Ritornell: Ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.

 

Mbierek int, Mulej, Alla ta missirijietna,

ta min ifaħħrek u jgħolik fuq kollox għal dejjem.

Mbierek ismek, qaddis u msebbaħ,

ta min ifaħħru sewwa u jgħollih fuq kollox għal dejjem.

Mbierek int  fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,

ta min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Mbierek int fuq it-tron ta saltnatek,

ta min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. 

Mbierek int li qiegħed fuq il-kerubini,

li ħarstek tinfed l-abbissi,

ta min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. 

 

Mbierek int fil-wisa kollu tas-sema,

ta min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

It-Tieni Qari

 

F’dan l-għeluq tat-Tieni Ittra lill-Insara ta’ Korintu, San Pawl juża l-formola trinitarja tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Huwa jħeġġeġ lill-Insara ta’ din il-belt Griega biex ikunu dejjem ferħanin u jimxu dejjem ’il quddiem fil-Fidi biex jgħarfu dejjem aktar l-Imħabba li l-Missier għandu għalihom, murija fi Kristu Ġesù u li tintwera fqalb il-bniedem permezz tal-Ispirtu s-Santu. 

 

Qari mit-Tieni Ittra ta San Pawl Appostlu lill-Korintin.  13, 11-13

 

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta' fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta' l-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b'bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom.  Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta' Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.

 

Evanġelju

 

Dan hu Vanġelu ta’ tliet versi, imma min jemmen dan li se nisimgħu, għandu l-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.  San Ġwann l-Evanġelista kien iħobb jgħid li n-Nisrani li emmen minn qalbu f’Ġesù, diġa għadda mill-mewt għall-Ħajja u diġa sar ħaqq minnu.  Jiġifieri għalkemm għadu jgħix hawn, u jmur għax-xogħol bħal ħaddieħor, jiekol, jixrob, jorqod, jiddeverti eċċ, hu ġa daħal fil-Ġenna, għax għat-teoloġija ta’ Ġwanni, il-Ġenna tibda minn hawn, bħalma l-infern jibda minn hawn ukoll. 

 

Min iduq il-Ġenna minn hawn jekk mhux min għandu l-Ispirtu ta’ Ġesù rebbieħ fuq  kull tip ta’ mewt jgħammar ġewwa fih?  Din il-Ġenna li tgħammar fl-Insara adulti tidher mill-fatti tal-ħajja.  Huma jħobbu lill-proxxmu tagħhom, hu min hu, anke jekk hu għadu tagħhom.  Hawn mhux qed nitkellmu fuq Liġi; x’għandu wieħed jagħmel.  Għalina, li għadna mexjin lejn Fidi ta’ dan it-tip u li nittamaw li naslu x’imkien ħdejha qabel ma mmutu, għalina nerġa’ ngħid, din l-Imħabba hi mpossibbli.  Din mhix Imħabba umana imma divina u tidher biss f’dawk li fihom jgħammar Alla.  Din hi s-salvazzjoni tad-dinja!  Dan hu l-melħ tal-art.  Din l-Imħabba tidher għax Alla hu ħaj u jgħix f’nies li kibru fil-Fidi.  Huwa Ġesù li jħobb lill-għadu f’dak li għandu l-Fidi.  Huwa Ġesù fin-Nisrani li jħares b’ħarsa ta’ ħniena lejn min hu batut u mbikki.  Huwa Ġesù fin-Nisrani li jaħfer, li jagħder, li jiskuża.  “Għax”, se jgħidilna l-qari, “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”

 

Versett: Hallelujah.  Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu, lil Alla li hu, li kien, u li ġej.  Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.  Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta' l-Iben il-waħdieni ta' Alla.” 

 
< Prev   Next >