Sunday, 23 July 2017
           
Home
CORPUS DOMINI (2017) IL-QALBA TAL-AHBAR IT-TAJBA NISRANIJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 17 June 2017

Din hija il-Liturgija  ta' Corpus Domini ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

8770corpus.jpg

 

 

  

Ħafna huma dawk li jobdu l-għamar ta’ Kristu u jixxerrdu mad-dinja kollha jxandru b’leħen għoli l-Aħbar iżżarżar tal-Qawmien ta’ Kristu, tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt, tal-Misteru tal-Għid li għandu x’jaqsam ħafna mad-destin ta’ kull bniedem.  Ħafna huma dawk li jabbandunaw kollox bla ma jikkalkulaw għax wara li skoprew x’għamel magħhom il-Missier permezz ta’ Ibnu, ma jistgħux jissaportu milli jinagħtaw biex ħaddieħor tmisshom xorti hekk hienja bħalma messet lilhom.  Ħafna huma dawk li saħansitsra taw demmhom għall-Isem ta’ Kristu.  Għaliex dan?  Hemm xi ħaġa, li skoprew dawn in-nies, li hi tassew meraviljuża, tassew sabiħa, tant sabiħa li l-kliem ma jistax jiddiskriviha.  Waqt li l-maġġoranza tan-nies fid-dinja jitħassbu fuq il-flus, fuq id-dar, fuq il-familja, fuq il-futur, fuq elf ħaġa materjali, dawn in-nies insew kollox li għandu x’jaqsam magħhom personalment u ħallew li sseħħ fihom il-profezija ta’ Kristu: “Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer.  Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu.”  (Ġw. 3, 8). 

 

Dawn in-nies, li mhumiex biss qassisin imma wkoll lajċi, nies normali bil-familja tagħhom, bix-xogħol tagħhom, bid-dar tagħhom, bil-familjari u l-ħbieb tagħhom, jitilqu kollox, iqaċċtu l-irbit kollu, u jsiru bħar-riħ... imorru fejn jimbuttahom l-Ispirtu.  Jintelqu għal kollox fi ħdan il-Missier konvinti li m’hemm ħadd aħjar minnU biex jeħdilhom ħsieb ħajjithom.  U jmorru jxandru l-Aħbar tal-Evanġelju fiċ-Ċina, fost tant postijiet oħra, fejn hemm miljuni u miljuni ta’ nies li għadhom lanqas biss semgħu bl-Isem ta’ Ġesù, li għadhom ma jafux li teżisti Aħbar Tajba għal kull bniedem.  Nies li jgħixu u jmutu bla ma jafu b’Alla.  Jgħixu u jmutu bħall-annimali bla ma qatt jiskopru b’liema Mħabba huma maħbubin.  Fuq dawk li jxandru l-Aħbar ta’ Kristu lil dawn in-nies, Isaija kien ħabbar hekk: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-risq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni.”  (Is. 52, 7).

 

 

 

Imma għaliex jagħmluh dan?  Għax skoprew il-verità li hi moħbija għal għajnejn il-kotra.  Huma ndunaw li huma ma kinux tagħhom infushom iżda ta’ Dak li xtrahom bit-tixrid ta’ Demmu.  Indunaw li jekk Kristu ġie fid-dinja, Hu ġie minħabba fihom biex jeħlishom mill-jasar tad-dnub u jaħtafhom minn idejn il-mewt ta’ dejjem.  Indunaw li jekk Kristu bata d-dippressjoni fil-Ġnien taż-Żebbuġ, meta seta’ faċilment jaħseb għal rasu u jaħrab, din id-dippressjoni batiha għal kull wieħed minnhom, għal kull wieħed minna.  Indunaw li l-mewt ta’ Kristu fuq il-Kalvarju mhix xi teorija astratta, imma hemm kien qed jitħallas id-dejn li għandi jien ma’ Alla, id-dejn li għandek int ma’ Alla.  Mhux biss.  Imma huma ndunaw li jekk Kristu qam mill-mewt, dan b’xhieda, bi prova, li l-Imħabba enormi ta’ Alla rebħet fuq id-dnub u l-infedeltajiet kollha tagħna.  Id-dnub tagħna qatel lil Kristu, imma x’jurina li l-Imħabba ta’ Alla għalina huwa ikbar mid-dnub tagħna?  Liema fatt jurina li nidinbu kemm nidinbu, Alla dejjem iħobbna lil hemm mid-dnub tagħna?  Il-qawmien tal-Imħabba fuq il-mewt li dewwaqniha, jurina dan.  Alla hu ikbar mid-dnub tagħna.  L-Imħabba hi ikbar mill-ħażen tagħna.   Kollox għandu limitu, imma l-Imħabba ta’ Alla le, għax l-Imħabba hi Alla.

 

Imma hemm problema.  Ftit huma dawk li jindunaw bil-kobor tal-Aħbar ta’ Kristu.  Ftit huma dawk li jemmnuha tassew.  Ħafna huma dawk li huma reliġjużi, li jemmnu li jeżisti Alla, li saħanistra jaċċettaw li Alla bagħat lil Ibnu Ġesù Kristu fid-dinja biex jifdi lill-bniedem... imma ftit huma dawk li ħajjithom tinbidel tassew, ftit huma dawk li jidħlu ’l ġewwa u jindunaw li kollox seħħ b’risq tagħhom, li Alla nnifsu inagħta għalihom b’ġismu u b’demmu fil-persuna ta’ Kristu.  Ħafna jsimgħu dan u qalbhom tibqa’ bierda, qishom qed jisimgħu xi ħaġa li semgħuha miljun darba qabel.  Dawk li huma reliġjużi jkomplu jitqanżħu bl-isforzi tagħhom għax jaħsbu li huma jridu jkunu li jsalvaw lilhom infushom... jibqgħu fid-dwejjaq, fil-jasar tal-Liġi, nies tal-gdiedem li għalihom hu faċli jiġġudikaw lil dawk li ma jippruvawx daqshom.  U l-oħrajn, li jiġru wara d-dinja, jkomplu jaljenaw ruħhom u jnissu lilhom infushom li kuljum it-tmiem riesaq u jibqgħu bla sliem, bla salvazzjoni.  Qalb San Pawl inkisret quddiem il-fallimenti tal-predikazzjoni u qal: “Iżda mhux kulħadd qagħad għall-Kelma tal-Evanġelju.  Isaija ħabbar: ‘Mulej, min emmen il-Kelma li sama’ mingħandna’?”  (Rum. 10, 16).

 

Is-Solennità kbira tal-lum mhix skuża biex inżidu devozzjoni oħra ma’ li għandna, imma hi l-Festa tal-Aħbar it-Tajba, Aħbar b’qalbha maqsuma għax mhix emmnuta. 

 

L-Ewwel Qari

 

Din l-Aħbar it-Tajba li fuqha dejjem nitkellmu hi bħal djamant b’ħafna uċuħ.  Raġġ dawl minn wiċċ wieħed huwa biżżejjed biex jagħmel “Ġenna” mill-Ħajja tiegħek jew tiegħi.  Wieħed minn dawn l-uċuħ jagħtina dawl fuq l-għażla tagħna.  Alla għażilna biex inkunu uliedu, l-ulied adottivi tiegħu, bħalma kien u għadu Iżrael. 

 

Lilna Alla għażilna biex permezz tal-Magmudija u tal-Fidi f’Ibnu aħna nsiru tiegħu b’mod partikulari.  Hi ħaġa tal-għaġeb tkun iben adottiv ta’ Alla!  Tkun iben ifisser tirċievi l-istess natura tal-Missier, iġġorr fik l-Ispirtu tiegħu, fuq kollox tkun werriet tiegħu.  L-ulied tad-dinja jirtu lil missirijiethom; kemm aktar Alla l-Imbierek iħalli li uliedu jirtuH.  U x’inhi l-aqwa ħaġa li għandu Alla u li jiritha kull min hu werriet tiegħU?  Hi l-Ħajja ta’ Dejjem.  Lil Alla l-mewt ma tista’ tagħmillu xejn; l-istess lil dawk li Hu jadotta bħala wliedu, dawn jgħixu miegħu għal dejjem.  U l-kapparra ta’ din il-Wegħda kbira hija l-fatt li Alla jippermetti li aħna nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu fina biex tikber in-natura ta’ Alla fina.  Iktar kemm nitqarbnu bil-Fidi iktar tikber din il-Ħajja Ġdida, Ħajja li tissupera l-mewt, Ħajja għal Dejjem fina.

 

Imma quddiem dan il-fatt hemm taqbida.  Fina hemm taqbida; it-taqbida tal-Fidi.  Għax fina jgħammru żewġ rejaltajiet li huma għedewwa ta’ xulxin: il-bniedem il-qadim li writna mingħand missierna Adam, u l-bniedem il-ġdid li writna, permezz tal-Magħmudija, mingħand Missierna tas-Sema.  Għall-bniedem il-qadim jgħodd biss dak li hu materjali, dak li jidher u li jintmess bl-idejn.  Il-bqija huwa kollu ħolm u hu ma jemminx fih.  Allura fina hemm xi ħadd li ma jridx jemmen bl-affarijiet spiritwali li fuqhom qegħdin nitkellmu. Hu għalhekk li Alla jrid jedukana fil-Fidi.

 

L-istess kif għamel ma’ Iżrael u li fuqu se nisimgħu fl-Ewwel Qari.  Il-fatt li Alla ħeles lill-Lhud mill-jasar tal-Eġittu, dan kien fatt materjali;  grazzja enormi u tal-għaġeb, imma grazzja materjali.  Alla ried li jgħaddi lill-poplu tiegħu għal livel iktar għoli ta’ Ħajja, ta’ eżistenza.  Għalhekk joħorġu fid-deżert, fejn il-bniedem normalment imut.  Dan  ma għoġobx lill-bniedem il-qadim li kien jgħamma f’kull wieħed mill-poplu.  Kemm-il darba rvillaw kontra Alla fid-deżert minħabba l-prekarjetà, l-iskomodità, il-għatx u l-ġuħ u l-bqija!  Imma Alla dam erbgħin sena jieħu ħsiebhom fid-deżert biex iċekken is-suppervja tagħha, ħalli b’hekk jindunaw li Hu jeżisti wara kollox, li huwa Hu li kien qed jipprovdilhom, u li l-bniedem ma jgħix biss bl-affarijiet materjali, imma bil-wisq iktar bl-ikel spiritwali.

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  8, 2-3, 14b-16a

 

 F’dal iż-żmien: Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x'għandek f'qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le.  Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, mbagħad temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b'dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b'dan jgħix il-bniedem.

 

Mela qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-art ta'  l-Eġittu, mill-art tal-jasar.  Hu li mexxiek fid-deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla ilma xejn, li ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied,  li temgħek il-manna  fid-deżert, li missirijietek ma kienu jafu biha xejn.

 

Salm Responsorjali

 

Il-poplu ta’ Iżrael fl-antik kien iħobb jgħajjat quddiem il-Mulej bil-ferħ ta’ qalbu, kien iħobb ikanta b’leħen għoli u jiżfen quddiem il-Mulej.  Dan kollu kien joħroġ mis-sens qawwi ta’ gratitudni li kien iħoss għall-fatt li mill-ġnus kollha fuq l-art, lilu għażel il-Mulej biex juri ruħu.  Iżrael kien konxu mmens ta’ din l-għażla misterjuża.  Hu kien il-poplu ta’ saċerdoti f’dinja kollha kemm hi pagana. 

 

Kemm għandna aktar aħna għalfejn ngħajtu u nifirħu u niżfnu quddiem il-Mulej!  Aħna naraw b’għajnejna u nisimgħu b’widnejna ħwejjeġ li Ġesù jgħid li anke l-patrijarki, il-profeti u s-slaten ta’ Iżrael xtaqu kieku jilmħu imma ma raw u ma semgħu qatt.  X’rajna iktar minnhom?  Rajna lil Alla jsir Laħam u Demm bħalna, jinagħta għalina bħala ħlas tad-djun tagħna; mhux biss imma baqa’ jinagħta lilna fl-Ewkaristija.  Iżrael kien jiekol mill-ħaruf u mill-annimali li kienu joffru lil Alla, imma dan kollu kien xbiha ta’ dak li kellu jseħħ wara għalina.  Alla tant tbaxxa biex jimlina bis-Sliem, bix-Shalom tiegħU, li sar għalina Ħaruf tas-sagrifiċċju, Ħaruf li jittiekel minna, biex fiżikment Hu jiġi jgħammar fina.  X’ħaġa tal-għaġeb!  Għandhom raġun il-qaddisin li jgħidu li Tqarbina waħda mdawla, mifhuma, emmnuta tajjeb hi biżżejjed biex iġġennen lill-bniedem bil-ferħ u tagħmlu qaddis.

 

Ritornell:  Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej.

 

Salm 147

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

  Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek,

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek,

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

 

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

  Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Hawn tant nies mejtin għall-fejqan... fejqan fl-ispirtu tagħhom... fejqan hemm minn fejn jinbtu l-ferħ u d-dieqa, u ma jfittxux dan il-fejqan għand Kristu li miet għalihom.  Huma jfittxu l-Ħajja, il-fejqan fejn m’hemmx ħlief mewt. Kulma nistgħu nakkwistaw fuq din l-art, jogħġbuna kemm jogħġbuna, għandhom is-susa tal-mewt fihom.  Kollox jgħaddi, kollox imut, imma l-Kelma tal-Mulej biss li tibqa’ għal dejjem.

 

Id-dinja, imma, ma temminx li Kristu tassew ifejjaq lin-nies mill-ġrieħi interni tagħhom, mill-qsim ta’ qalb tagħhom, mill-mard psikoloġiku li xi ftit jew wisq jaħkem lil kulħadd.  Id-dinja ma temminx li Kristu hu tassew ir-risposta tal-Missier għad-dippressjoni tagħna, għas-solitudni tagħna, għan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tagħna nfusna.  Imma ħafna kienu dawk li daqu kemm hu tajjeb il-Mulej, u dan jilħaq il-milja tiegħu fl-Ewkaristija, fil-mument meta l-bniedem ta’ Fidi jilqa’ fih lil Dak li f’idu għandu l-Ħajja tagħna, l-Istorja tagħna.  Jilqa’ fih lil Dak li jafu tajjeb, jafu iktar milli jaf hu stess lilu nnifsu.  Imma qiegħed ngħid “il-bniedem ta’ Fidi”, għax dan is-sagrament, bħas-sagramenti l-oħra kollha, jistrieħ fuq il-Fidi tagħna.  Li wieħed jirċievi l-Ġisem ta’ Kristu, b’daqshekk biss ma jfissirx li se ssir xi ħaġa tal-maġija fina.  Kristu mhux saħħar.  Mhux faċli titla’ titqarben bil-Fidi.  Hu iktar faċli titqarben bi drawwa, jew biex tagħmel xi ħaġa devota u tajba.

 

Il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu ġie mogħti għalina biex jiġġustifikana.  Xi jfisser dan?  Ifisser li l-midenb, li jagħraf li hu tassew midneb, isir ġust mhux bl-opri tiegħu, bit-tqanżiħ tiegħu, bit-tjieba tiegħu, imma bil-merti ta’ Kristu li obda lill-Missier f’isimna sa fuq is-salib.  Dan il-bniedem midneb li jemmen dan isir ġust għax dak li hu ta’ Kristu jsir tiegħu.  Huwa għalhekk li n-Nisrani jista’ jersaq lejn l-artal biex jirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, għax Kristu sar tiegħu.  Kollox hu tagħna, aħna li nemmnu.  L-Imħabba ta’ Kristu hi l-Imħabba tagħna.  L-Ubbidjenza ta’ Kristu hi l-Ubbidjenza tagħna.  Il-merti ta’ Kristu huma l-merti tagħna.  Ir-Rebħa fuq il-mewt ta’ Kristu hija r-rebħa fuq il-mewt tagħna.  Din hi l-għotja totali ta’ Alla għalina fi Kristu Ġesù.  Għalhekk il-Kristjaneżmu mhux reliġjon imma bil-wisq iktar.  Ir-reliġjonijiet kellhom sens biss sal-wasla tal-Iben ta’ Alla.  Minn dak in-nhar ’il quddiem ġrat xi ħaġa li qalbet ta’ taħt fuq ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.  Mhux iktar il-bniedem li jfittex lil Alla imma hu Alla li jinżel ifittex lill-bniedem, anke jekk dan ma jistħoqqlux, u jerfgħu ’il fuq lejn ħwejjeġ li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet. 

 

Barra minn dan, meta l-kotra tirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, hi ssir parti minn dan il-Ġisem divin u allura l-ġemgħa kollha ssir Ġisem wieħed, il-Ġisem mistiku ta’ Kristu li għadu jgħammar fuq din l-art. 

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  10, 16-17

 

Ħuti: Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka m'huwiex għaqda mad-demm ta' Kristu? U l-ħobż li naqsmu m'huwiex għaqda mal-ġisem ta' Kristu?  Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; lkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda. 

 

Evanġelju

 

Diġa semmejna li fina hemm jgħammru l-bniedem il-qadim li Kristu qiegħed joqtlu bil-mod il-mod, u l-bniedem il-ġdid li, bil-mod il-mod ukoll, qiegħed jitrawwem fina sakemm insiru Insara veri, Insara adulti, nies li tassew għarfu l-Misteru ta’ Kristu fil-Ħajja tagħhom.

 

Se nisimgħu parti minn diskors tassew importanti li Kristu għamel lil-Lhud.  Il-bniedem il-qadim ma jistax jifhem dan id-diskors.  Donnu huwa magħmul b’lingwaġġ barrani għalih, ma jinftiehemx minn bniedem materjalistà li moħħu biss fil-ħajja ta’ hawn.  Tant hu hekk li l-Lhud ħasbuh qiegħed jiġġennen meta qal dan il-kliem li se nisimgħu.  Kristu mhux biss jgħid li min jemmen fiH ikun Ħaj tassew; mhux biss jgħid li min jirrifletti fuq il-Kliem li kien ixandar u jemmnu, isir dixxiplu tiegħu u jikber fl-għerf qaddis; imma hawn se jmur iktar lil hemm minn dan.  Hu jgħid li mhux biss jiekol il-Kelma għandu bżonn id-dixxiplu, imma wkoll jiekol lilu stess, jiekol lil Kristu, jiekol il-Ġisem qaddis tiegħu!  Dan hu kliem tal-għaġeb, tant li ħafna mid-dixxipli qalu: “Iebes dan il-kliem!  Min jiflaħ jisimgħu?”  (Ġw. 6, 60).  U telquH.  Ħafna telquH.

 

Kristu kien jaf li se jħawwad in-nies u li ħafna kienu se jħarrku rashom u jabbandunawH.  Imma qalu xorta waħda għax kien se jitkellem fuq xi ħaġa mportanti mmens.  Hu ma jridniex biss nisimgħu fuqu.  Ma jridniex biss nistudjaw il-Kelma tiegħu.  Ma jridniex biss nitolbu bla ma nieqfu.  Imma fuq kollox iridna nilħqu l-milja tar-relazzjoni tagħna miegħU meta nieklu lil Ġismu u nixorbu lil Demmu fl-Ewkaristija.  Dan hu l-Ikel tal-Ħajja għall-bniedem il-ġdid.  Waqt li l-bniedem il-qadim jiddarras, il-bniedem il-ġdid jagħmel festa, festa tassew.  Dan hu l-Ikel li mingħajru ma ngħaddux għax tassew, il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.  U l-Kelma li toħroġ minn fomm Alla hi Kristu u aħna nieklu l-Kelma, nieklu lil Kirstu fit-Tqarbin Imqaddes.  Bil-ħobż materjali biss immutu, għax il-materjali kolllu jmut, imma bil-Ħobż li hu l-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-mewt, ngħixu tassew.  Hawn qegħda l-vera Ħajja li ma tispiċċa qatt.

 

Versett:  Hallelujah.  Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, igħid il-Mulej; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  6, 51-58

 

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja."

 

Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: "Kif jista' dan jagħtinaġismu biex nikluh?" Ġesù mela qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta' Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.  Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta' dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.  Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa' fija u jiena fih.  Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b'Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.  Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m'huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem."

Last Updated ( Saturday, 17 June 2017 )
 
< Prev   Next >