Friday, 20 October 2017
           
Home
IT-TWELID TA’ SAN GWANN BATTISTA XBIEHA TAL-KNISJA-XHUD PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 23 June 2017

Din hija il-Liturgija  tas-Sollenita tat-Twelid tal-Battista ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

st_john.jpg

 

Ġwanni l-Battista huwa figura ta’ mportanza enormi fl-Istorja tas-Salvazzjoni.  Tista’ tikkummenta fuqu minn ħafna angoli, imma did-darba niffokaw fuq il-bniedem/xhud li kien.  Hu kien imħabbar minn qabel li kellu jkun xhud, li kellu jixhed għad-dinja li fl-aħħar kienet waslitilha Aħbar Tajba.

 

Dan jagħmel  minn Ġwanni figura essenzjali għall-Knisja ta’ żmienna.  Kien hemm żmien meta kulħadd kien Nisrani b’mod awtomatiku u għalhekk ma tanx kien hemm bżonn ta’ xhieda.  Il-pajjiż kien Nisrani u saħansitra r-reliġjon Nisranija għadha sal-lum imniżżla fil-kostituzzjoni bħala r-reliġjon uffiċċjali.  Alla biss jaf kemm se jdum dan...  Fir-rejaltà, pajjiżna għandu ħafna kultura Nisranija imma ftit awtentiċità u din qed tonqos b’mod li jgħaġġbek.  Biex nikkuppjaw ħadd ma jgħaddina, u qegħdin nagħmlu dak li jagħmlu x-xadini fejn tidħol l-Ewropa, l-Amerika u ċ-ċiviltà tal-punent.  Qegħdin nirremettu l-Vanġelu! 

 

 

F’ambjent li qed isir pagan, f’daqqa waħda Alla qed isejħilna biex nixhdu għaliH!  Għandu bżonn id-difiża tax-xhieda tagħna!  Il-Knisja, mċekkna u umli, issa qegħda ssib ruħha tgħum fl-ilma li għalih kienet maħluqa: dinja mdallma, mifxula, bla identità, bla tama, imwerwra mill-futur, u li għandha bżonn id-Dawl ta’ dawk li sabu xi ħaġa enormi li hi Kristu.  Ix-Xhieda!  Ġwanni l-Battista li juri b’sebgħu dritt u jgħajjat: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla!” (Ġw. 1, 29).  Knisja li ma tibżax tgħolli leħinha u ttenni li d-dinja qabdet rotta ħażina.  Kif tixhed għal Kristu?  Billi jkun hemm xi ħadd jidgħi u twaqqfu?  Billi tmur il-quddies kuljum?  Billi tgħin lill-Arċipriet fix-xogħol tiegħu?  Billi dejjem issibek f’xi purċissjoni jew minn tal-ewwel fil-festa?  Dawn ukoll, imma ħafna iktar. 

 

Tixhed għaliH billi turi li għandek prinċipji li jmorru kontra l-kurrent tal-kultura dominanti tal-lum.  Tixhed b’ħajtek.  Dan mhux faċli.  Dan mhu faċli xejn.  Dan għad ikun perikoluż.  In-Nisrani ma jemminx li ż-żwieġ mhux bejn raġel u mara biss!  Staqsu lil Ġwanni... imma bil-ħaqq, Ġwanni hu antik għax ilu li għex u aħna qed ngħixu f’epoka moderna, progressiva... aħna għandna ilħna oħra, ħafna aktra raġjonevoli.  In-Nisrani ma jemminx fl-abort; ma jemminx li tarbija tinqatel għax hekk komdu għall-omm;  ma jemminx li tarbija tinqatel biex jissewwa żball;  ma jemminx li tarbija tinqatel għax tifla, u aħna ppjanajna li jkollna tifel;  ma jemminx li t-tarbija tinqatel għax għandha xi difett;  in-Nisrani ma jċedix id-dritt li jeduka hu l-ewwel lil uliedu u mhux, bħalma qed jiġri fl-Ewropa u fl-Amerika, l-istat jgħallimhom sesswalità li ddardrek fl-iskejjel stess!  Dawn il-qżiżijiet għad jibdew imissu ma’ xtutna bħall-mewġ ta’ baħar sajfi, u jinbidel l-istaġun u jqum il-maltemp u jsiru baħar terribli li ma jżommu ħadd.  Dak in-nhar jixhed in-Nisrani!  Ġwanni kien dgħajjef quddiem il-poter tad-dinja li qatlu, u hekk se tkun il-Knisja.  Imma leħnu kien ibeżża’ s-slaten għax il-verità tbeżża’, u l-verità hi Alla. 

 

Imma biex il-Knisja tkun xhud, biex in-Nisrani jkun xhud, biex jerġa’ jidher Ġwanni biex jixhed għal Kristu, hemm bżonn konverżjoni serja u mill-qiegħ.  Hemm bżonn niskopru li Alla ma taniex il-Magħmdija biex ikollna tiċlieqa ta’ drawwiet Insara, jew biex inkunu reliġjużi u nagħmlu ħafna atti reliġjużi, imma nistaħbew waqt il-bżonn, niskużaw ruħna, nagħmlu ta’ bir-ruħna li xejn mhu jiġri...  Id-dinja għandha bżonna bħalma kellha bżonn lil Ġwanni.  Malta għandha bżonna.  Il-Knisja għandha bżonna.  Kristu għandu bżonna.  Mhux biex nikkundannaw jew nopponu, jew nargumentaw, imma biex inkunu Dawl billi nġorru l-ferħ ta’ Kristu fejn m’hemmx ferħ; nuru mogħdrija u ħniena fejn hemm kompetizzjoni, ġirja għall-ġid tal-art, firda u egoiżmu fil-familji;  nagħtu x’jifhem lil dak li jkun li hemm “għana” ieħor barra dak tad-dinja, “għana” li ħadd ma jista’ jmissulek.  Lil uliedna qed inrabbuhom imwerwra mill-falliment.  Il-ħajja saret tqila. Mhux veru li l-ħajja llum hi iktar komda minn dari.  Ġugarelli għandna kemm trid imma l-paċi veru tal-qalb qed tgħib.  Għalhekk għandu bżonn jitwieled Ġwanni li jipponta sebgħu u jixhed: “Hemm ara!  Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!” (Ġw. 1, 29).

 

L-Ewwel Qari

 

Isaija, wieħed mill-ikbar profeti li dehru quddiem Iżrael, jagħti l-esperjenza tiegħu f’dan il-qari li ġej.  Hija esperjenza tipika ta’ kull profeta.  Esperjenza li fl-għajnejn materjali tidher falliment.  Kull profeta qal b’mod jew ieħor: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.” (v. 4).  Anke Ġwanni, il-profeta per eċċellenza, b’xi mod qalu dan il-kliem, meta fid-dlam psikoloġiku u spiritwali taċ-ċella ta’ Maċeronte, bagħat jistaqsi jekk Ġesù kienx tassew il-Kristu, kienx tassew il-Messija imwiegħed, jew inkella kellhom ikomplu jistennew.  Mhux ċajta dan il-Kiem ta’ Isaija u ta’ Ġwanni.  Mhux ċajta li fi tmiem ħajtek tħares lura u tgħid: “Għalfejn twelidt?  X’għamilt li tassew jiswa?  Għalfejn għext u tħabatt?”  Din hija s-siegħa sewda li kull profeta jgħaddi minnha, u jekk kull profeta, allura anke kull Nisrani veru, għax kull Nisrani huwa profeta għad-dinja.

 

Imma l-faraġ hu dejjem fil-qrib għall-profeta u anke għall-Knisja fid-dubji tagħha.  Għax lill-profeta Alla jkun għaġnu u ffurmah propju biex jitqabad u jfalli, biex jgħajjat u ħadd ma jagħti kasu, biex iterraq fid-deżert tal-ħajja fejn jitbandal il-qasab mar-riħ.  M’hemmx popolarità għall-profeta.  M’hemmx prosit.  M’hemmx tbissim, imma nies urtati.  Dan kien sehem Ġwanni.  Dan hu sehem il-Knisja u n-Nisrani.  Meta Kristu xamma il-popolarità riesqa, mill-ewwel induna li kienet qorbot is-siegħa tiegħu.  Kristu ma kienx ingannat; Ġwanni ma kienx ingannat.  Lanqas in-Nisrani mhu ngannat. 

 

Mela għaliex dejjem iqumu profeti, dejjem iqumu Insara, li bħal Ġwanni jixhdu għal Alla?  Għax lil dawn, Alla jaħbihom fil-barżakka tiegħu (v. 2), kif se jgħid il-qari.  Hemm ħadd ma jista’ jagħmlilhom xejn.  Huma nies li ħadd ma jista’ jisraqhom għax l-għana tagħhom hu ġewwieni u mhux tal-muniti.  Huma nies li għandhom is-sliem u xejn ma jkiddhom għax huma ġġustifikati minn Kristu u jafu li l-wirt tagħhom qed jistennihom bil-ħerqa għand Alla.  Huma nies mimlija konsolazzjoni u għandhom dak li d-dinja tfittex u m’għandhiex: il-Ħajja vera.  Dawn in-nies ma jibżgħux għal wiċċhom u ma jimpurtahomx minn x’jgħidu n-nies għax jafu li huma mfaħħra f’għajnejn il-Mulej u dan hu ħafna iktar minn biżżejjed għalihom.

 

U anke fil-qiegħ tal-falliment, huma jitfarrġu għax jafu li xorta waħda qdew dimirhom u ġew magħmula minn Alla “dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni sa truf l-art tinfirex.” (v. 6). 

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  49, 1-6

 

   Isimgħuni, gżejjer,

agħtuni widen, popli mbiegħda!

Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli,

mill-ġewwieni ta' ommi ftakar f'ismi.

  Għamilli fommi xabla misnuna,

taħt id-dell ta' idu ħbieni.

Għamel minni vleġġa maħtura,

fil-barżakka tiegħu ħbieni.

U qalli:

"Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,

bik jiena nkun imfaħħar."

U jien għedt: "Għalxejn inkeddejt,

u fix-xejn ħlejt saħħti."

Imma f'idejn il-Mulej il-kawża tiegħi,

u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

 

Issa tkellem il-Mulej,

li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,

biex għandu nraġġa' lura 'l Ġakobb,

u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,

għax jien kont imfaħħar f'għajnejn il-Mulej,

u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.

 

Hu qalli:

"Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,

li inti tkun il-qaddej tiegħi,

biex tqajjem it-tribù ta' Ġakobb,

u traġġa' lura l-fdal ta' Iżrael.

Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,

biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex."

 

Salm Responsorjali

 

Dan is-Salm huwa meditazzjoni fuq is-setgħa li għandu Alla fuq kollox.  Il-bniedem modern jista’ jaħseb kemm irid li hu alla u li jista’ jagħmel li jrid bil-ħajja u jippjana triq għalih innifsu bla ma jidher Alla mkien, imma fl-aħħar mill-aħħar l-Istorja hi f’idejn il-Mulej għax “Hu jgħarbilni u jagħrafni”, jgħid is-Salm.  “Hu jaf meta noqgħod u meta nqum.  Hu jagħraf mill-bogħod ħsibijieti u triqati kollha Huwa jafhom sew.”  (vv. 2-3).  Dan hu Salm meraviljuż, imma minnu l-Liturġija tal-lum tuża biss ftit versi.  Huwa kien li sawwarna f’ġuf ommna u Ġwanni dan jafu tajjeb għax sa minn ġuf ommu kien diġa kellu laqgħa miegħU!  Huwa niseġ il-mod kif aħna magħmulin meta  konna għadna fid-dlam ta’ ħdan ommna u tassew għandna għax inroddulu ħajr għax tal-għaġeb għamilna. 

 

Din hi l-gratitudni li wieħed għandu jsib f’kull ħabib ta’ Alla.  Il-bniedem t’Alla mhux mifxul u aljenat.  L-istorbju tad-dinja ma jġennux.  U jaf hu min hu u min sawwar għadmu.  Hu jaf li dak li sawru, lil ruħu jafha sew (v. 14).  Jafu “inside out”.  Jafu iktar milli hu jaf lilu nnifsu u Alla jkun ġa jaf il-kelma li se jlissen qabel ma saħansitra jaħsibha! (v. 4).  Dawn huma għeġubijiet li ma jaħbtux ma’ moħħ il-bniedem mifxul bil-ħwejjeġ li jgħaddu.  Dawn l-affarijiet isaħħu l-karattru u jagħmlu mix-xhud ta’ Alla bħal kolonna tal-bronż. 

 

Ritornell: Irrodlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni.

 

Salm 140

 

  Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa.

 

 Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f'ġuf ommi inti nsiġtni.

Nroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni:

ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U 'l ruħi inti tafha tajjeb.

 

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.

 

It-Tieni Qari

 

Alla bagħat lil Ġwanni biex juri lill-poplu dnubu.  Ilkoll ngħidu li aħna midinbin.  Intennu elf darba li aħna midinbin fit-talb ta’ bl-amment li nafu.  Inħabbtu fuq sidirna fil-bidu ta’ kull quddiesa.  Inqerru.  Imma, mbagħad, jekk xi ħadd jikxfilna xi dnub, jew jgħidilna li ma kienx jaħseb li aħna hekk... allura nieħdu għalina bil-kbir.  Aħna l-ħin kollu niskużaw rwieħna u fil-qrar indumu nirrakkontaw għax inħossuna komdi nduru mal-lewża u nippruvaw nimmansaw id-dnub tagħna, flok nistqarruh b’ismu, hekk  kif inhu, u bi ftit kliem.  Kull bniedem hekk.  Idejjaqna d-dnub u nippruvaw ma nħarsux lejh; anzi jekk naraw ta’ ħaddieħor, tant aħjar, għax id-dnub ta’ ħaddieħor inessina tagħna.  Għalhekk id-dinja mimlija ipokriti, u fosthom hemm aħna.

 

Lil Ġwanni Alla bagħtu biex lill-poplu jurih dnubu, biex jgħidlu l-verità, biex iniggiżlu l-kuxjenza, u dan, biex iressqu lejn l-indiema.  Ġwanni kien ikellem lil kulħadd l-istess: il-qaddej u s-sultan, l-istess.  Dnubhom kien jikxfilhom u ma kienx jibża’ jhedded li l-mannara issa resqet ma’ għerq is-siġra.  Illum Ġwanni m’għadux moda; lanqas il-predikaturi bl-ispirtu tiegħu.  Aħna ngħidu li kulħadd huwa kkundizzjonat minn xi ħaġa jew minn xi ġrajja biex  intaffu l-ħtija. 

 

Dan hu serju.  Mingħajr Ġwanni l-Battista m’hemmx Kristu.  Wieħed iwassal għand l-ieħor.  Ġwanni l-Battista huwa l-għarfien tad-dnub personali tagħna, u l-indiema.  Kristu huwa l-Maħfra u l-fejqan mid-dnub.  Min ma jsibx minn jiftaħlu għajnejh fuq dnubu, qatt mhu se jindem u qatt mhu se jmur għand Kristu biex jiskopri l-Ferħ enormi tal-Maħfra u tal-Ġustifikazzjoni.  Hemm għaqda intima bejn Ġwanni u Ġesù. 

 

Fil-qari li se nisimgħu, Ġwanni jgħid: “Araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.”  (v. 25).  Dan hu veru, imma dawk li ma tawx kas ta’ Ġwanni, lanqas biss indunaw bi Kristu u ħasbuh xitan.  Ħafna mill-Appostli, għall-kuntrarju, kienu dixxipli ta’ Ġwanni, qabel.  Kienu minn dawk ta’ ġewwa miegħu għax laqgħu il-Kelma tiegħu, għarfu dnubhom u nidmu minnu.  Kienu lesti biex jilqgħu lil Kristu.  Għax min hu mtaqqal bi dnubu u ddispjaċut minħabba fih, jista’ jkollu laqgħa ħajja ma’ Kristu.  Indri, lil ħuh Pietru qallu: “Sibna l-Messija!” (Ġw. 1, 41) wara biss laqgħa waħda miegħU u dan għax kien diġa xprunat minn Ġwanni bl-ispiritwalità tiegħu.  L-istess is-sajjieda l-oħra, qabdu u telqu kollox ma’ l-ewwel stedina ta’ Ġesù.  Għaliex?  Għax kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista li kien ħejja t-triq għall-Messija b’mod tajjeb ħafna.

 

Ġwanni kien imur dritt għall-verità li hemm f’kull bniedem imma ma kienx jieqaf hemm.  Hu kien jagħraf il-ġerħa tad-dnub f’kull maħluq u lil Erodi qallu: “Inti lil dik ma tistax iżżommha!” (Mt. 14, 4) għax kien iħobbu u kien jaf li dnubu kien qed joqtlu.  Allura mal-akkuża tad-dnub kien jipproponi b’qawwa l-mediċina: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, dak li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29).  Kristu huwa l-mediċina u Ġwanni jibagħtna għandu.  Huwa Kristu biss li jista’ jfejjaqna.  Bħal Ħaruf tas-sagrifiċċju, Hu jieħu fuqu d-dejn tagħna, l-kastig tad-dnub tagħna u hi din l-Imħabba għall-midneb, li flok Imħabba kien qed jistenna stmerrija, li hi l-ungwent li jfejjaq il-ġrieħi kollha tal-bniedem.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  13, 22-26

 

F’dak iż-żmien: Pawlu qal:  ”Alla, lil missirijietna, qiegħed lil David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda:

 

     ’Sibt lil David, bin Ġesse,

     raġel skond qalbi,

     li jagħmel dak kollu li rrid jien.’

 

Min-nisel ta' David, Alla, skond il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù.  Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta' ndiema lill-poplu kollu ta' Iżrael.  U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal, 'Jien m'iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta' riġlejh.'

 

"Ħuti, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta' din is-salvazzjoni.”

 

Evanġelju

 

Se nisimgħu r-rakkont tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.  Kien hemm diskussjoni sħiħa dwar l-isem li kellu jinagħta.  It-tradizzjoni Lhudija kienet li t-trabi jissemmew għal xi ħadd fil-familja jew fir-razza. L-isem Ġwanni, bil-Lhud ”Ioħanan”, ifisser ”Alla ħanin”.  U tassew Alla wera ħniena ma’ Żakkarija u Eliżabetta bħalma kien wera ma’ Abraham u Sarah.  Imma l-ħniena ta’ Alla li ta xhieda għaliha Ġwanni bħala tarbija kienet ikbar għax hu kien il-Prekursur ta’ Dak li kull bniedem twajjeb kien ilu jisenna.  Ġwanni nnifsu ma kellux jara b’għajnejh il-Misteru tal-Għid, il-Misteru tal-Ħaruf li hu ħabbar, iseħħ, għax kien miet.  Hu bħal Mosè, li meta l-poplu kien qorob lejn l-Art Imwegħda, l-Mulej tellgħu fuq il-muntanja Nebo biex minn hemm iħares u jilmaħ l-Art li ma kellux jidħol fiha. Ġwanni għaraf mill-bogħod il-meravilja tal-Aħbar it-Tajba.  Hu kixef id-dnub tal-poplu, imma lemaħ mill-bogħod ir-risposta ta’ Alla, mhux fil-kastig li kienet titlob il-Liġi, iżda fil-Ħaruf innoċenti li kelli jitla’ fuq l-artal tas-Salib biex jinqatel bi tpattija għall-ħażen tad-dinja.

 

Versett: Hallelujah. Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 57-66, 80

 

Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel.  Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.  Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru,  imma qabżet ommu u qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun jismu."  Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!"  Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x'ried isemmih,  u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: "Ismu huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb.  Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.  U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma' l-għoljiet kollha tal-Lhudija,  u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f'qalbu u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.

 

It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dak in-nhar li ħareġ quddiem Iżrael.

 

Last Updated ( Friday, 23 June 2017 )
 
< Prev   Next >