Friday, 20 October 2017
           
Home
IT-TLETTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2017) HEMM HTIEGA LI NKUNU FI KNISJA! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 01 July 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tlettax il-Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus-preaching.jpg-v1317889020.jpg

 

Ilu ħafna, meta konna għadna żgħar konna nitgħallmu bl-amment ħafna vrus mill-Katekiżmu.  Min jaf kemm kantalieni fil-kmamar tad-duttrina!  L-ewwel vers li konna nitgħallmu hu mitqlu deheb għalina għax hu Dawl, jagħti sens lill-eżistenza tal-bniedem.  Dan il-vers kien jgħid, bejn wieħed u ieħor: “Alla ħalaqni biex ngħarfU, inħobbU, naqdiH u mmur ingawdiH għal dejjem.”  M’hemmx kelma żejda!  Min tassew jemmen dan, jaf mnejn hu ġej u fejn hu sejjer!  Imma mhux lakemm tagħfas buttuna.  Biex ngħixu dawn il-ftit kelmiet, Alla jwettaq proċess f’ħajjitna, proċess ta’ maturità fil-fidi li jieħu ż-żmien.

 

Dan il-proċess nistgħu insejħulu “konverżjoni”.  Normalment b’”konverżjoni” nifhmu li wieħed ħażin isir tajjeb, li midneb jersaq lejn Alla u ma  jidnibx iktar, jew almenu jidneb ħafna inqas minn qabel...  Imma l-konverżjoni hi ħafna iktar minn hekk.  Il-konverżjoni hi l-proċess ta’ għarfien dejjem akbar tal-Missier, li wera ruħu lilna f’Ibnu Ġesù Kristu.  Iktar kemm ngħarfuH, iktar inħobbuH, għax meta ngħarfu lilU nkunu ngħarfu l-Imħabba ta’ barra minn hawn li biha aħna maħbubin.  U meta nħobbuh, minn qalbna nkunu rridu naqduH, nagħmlu r-Rieda tiegħU, nagħmlu dak li jgħidilna nagħmlu fil-Vanġelu. U jekk dan kollu jseħħ f’ħajjitna, aħna nafu li hemm wirt jistenniena, u dan il-wirt hu l-Ħajja li ma tispiċċa qatt fejn kull demgħa tiġi xxuttata, fejn ma jkunx hemm iktar dlam, tbatija, uġigħ ta’ qalb, mard u biża’.  Hemm ingawduH, u daqshekk!

 

 

Issa dan il-proċess ta’  konverżjoni huwa triq li kull tant tkun imwiergħa u diffiċli.  Kultant le.  Jqabbluha ma vjaġġ twil fid-deżert, bħalma kellu l-poplu Lhudi.  Fid-deżert hemm ramel jaħraq, sħana binhar u bard bil-lejl, ikel u ilma xejn u trid iġġorr kollox miegħek.  Imma kultant tiltaqa’ wkoll ma oażi... u xi sbuħija!  Għadira ilma frisk u tajjeb imdawwar b’siġar ta’ u xtieli ta’ kwalitajiet differenti.  L-oasi hu l-post fejn dak li jkun jivjaġġja iwaqqaf it-tinda tiegħu biex jistrieħ u jirkupra saħħtu.  Il-poplu Lhudi ġie li kienu jqattgħu xhur sħaħ f’oasi.  Kienu jitilqu biss meta l-Mulej kien jurihom li wasal iż-żmien li jitilqu.

 

Issa, kundizzjoni mportantissima għal min irid jaqsam id-deżert hi li ma jfettilux imur jaqsmu waħdu!  Waħdu m’għandux ċans.  Jista’ jonqsu l-ilma u ma jsibx min jagħtih għax waħdu.  Jistgħu jaqbżu l-ħallelin fuqu u m’għandux min jiddefendih għax waħdu.  Dan kollu jfisser li ma nistgħux nikkonvertu u niskopru lill-Missier biex inħobbuH, naqduĦ u mmorru ngawduĦ għal dejjem jekk ma nkunux f’karovan, f’poplu, f’ġemgħa ta’ nies li bħalna għandhom l-istess għan.  U dan il-poplu, din il-ġemgħa, Alla, fil-Ħniena tiegħu, ipprovdihielna:  Il-Knisja!

 

Alla ħares m’għandniex il-Knisja li tipproteġina, tinkoraġġina, twiddibna, tħarisna, twasslilna l-Kelma, titmagħana  bis-Sagramenti.  Il-Knisja tagħtina sigurtà fil-vjaġġ tagħna u għandna jkollna gratitudni lejn Alla li ħaseb tant fina.  Meta tifraħ il-Knisja, nifirħu aħna wkoll għax il-Knisja hi aħna.  Meta titnikket il-Knisja, jew hi ppersegwitata u mgħajra, inħossu dan kollu f’laħamna, għax mhux biss il-Knisja hija aħna, imma hija wkoll Ommna.  Għalhekk min tassew għandu l-fidi fi Kristu, jaħdem għall-Knisja.  Kif?  Il-Mulej jurik kif...

 

L-Ewwel Qari

 

Lil Iżrael, Alla dejjem bagħatlu profeti skont iċ-ċirkostanzi li l-poplu tiegħu kien ikun għaddej minnhom.  Dawn il-profeti kienu mportanti ħafna fil-vjaġġ spiritwali ta’ Iżrael.  Irridu dejjem inżommu f’moħħna li lil dan il-poplu Alla kien qiegħed jiffurmah bil-mod il-mod bħalma l-fuħħari jagħmel f’xogħolu.  Hu jaqbad ċappa tafal, inaddafha miż-żrar, jaħdimha u jgħattana biex jekk tkun xotta tibda tirtab u ssir niedja.  Meta mbagħad tħallih jaħdimha, jibda jifforma dak li jrid biha.  Ma tiġihx sewwa mill-ewwel żgur... allura jgħattan kollox u jerġa jibda, b’sabar kbir u anke b’imħabba għal xogħolu, sakemm minn dak it-tafal bla sura, fl-aħħar joħloq ġarra sabiħa, jew vażun, jew bomblu, jew borma.

 

Alla beda dan il-proċess ma’ Iżrael meta ħarġu mill-Eġittu.  Proċess kbir.  X’ried jagħmel minn dan il-poplu magħżul?  Ried li minnu jitissel Ibnu bħala bniedem.  Din l-opra Alla biss setgħa jagħmilha għax Iżrael kien bħal dik iċ-ċappa tafal xotta u mimlija żrar.  Il-Mulej kien jibgħat il-Profeti biex bihom jonġor il-poplu tiegħu.  Wieħed minnhom kien Eliżew, li fuqu se naqraw issa.

 

Anke fil-Knisja, Alla jibgħat Profeti.  Profeta hu dak li jwassallek il-Kelma ta’ Alla.  Daqshekk sempliċi.  Jista’ jkun il-kappillan, il-qassis, imma jista’ jkun ukoll xi bniedem sempliċi ħafna li Alla jinqeda bih jew biha.  Mingħajr Profeti l-Knisja tmut.  Il-Papiet huma dejjem Profeti li l-Mulej jagħtihom kariżmi speċjali.  Anke l-Isqfijiet, u kull min għandi xi tip ta’ awtorità fil-Knisja.  Nieħdu ħsiebhom dawn in-nies għax aħna midjunin magħhom!  Huma qegħdin jgħinuna fl-iktar ħaġa mportanti ta’ ħajjitna: is-salvazzjoni ta’ ruħna.  X’hemm aqwa?  Kollox jgħaddi barra din.  U kif se jgħid il-Vanġelu tal-lum, kull min jirrispetta u jgħin lill-Profeta ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.

 

Dan se narawh f’dan il-qari.  Il-mara li għenet il-bniedem ta’ Alla, Alla pattielha bil-kbir għax hi li ma setax ikollha tfal, wildet iben fuq il-Kelma tal-Profeta.  It-tifel li Alla jagħtina, lilna, huwa Ġesù Kristu.  Jekk nisimgħu mill-Profeti li jibagħtilna u nimxu fuq il-passi li juruna, fina jitnissel Kristu u meta jasal il-waqt inwellduh fis-soċjetà ta’ madwarna.  Kemm hu mportanti dan!  Insiru l-leħen tal-Knisja anke mingħajr ma niftħu fommna... bl-imġieba sorprendenti tagħna li tmiss qlub in-nies.

 

Qari it-Tieni Ktieb tas-Slaten.  4, 8-11.  14-16a

 

Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod mara għanja, u din ġagħlitu joqgħod jiekol għandha; u kull meta kien jgħaddi minn hemm kien idur għal għandha biex jiekol hemm.  U hi qalet lil żewġha: “Ara, jien żgura li dan ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel qaddis ta' Alla.   Ħa ntellgħulu għorfa fuq is-setaħ, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, u meta jgħaddi għandna, jkun jista' jidħol fiha.”  

 

U ġurnata waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm.  U Eliżew qal:   “X'nistgħu nagħmlulha?” U Geħażi wieġbu: “Jaħasra, ma għandhiex tfal, u żewġha xiħ!”   U wieġbu: “Sejjħilha.” U dak sejjħilha u ġiet fil-bieb.   U Eliżew qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int tkun tħaddan iben.”

 

Salm Responsorjali

 

Kemm hu twajjeb magħna l-Mulej li provdielna Knisja li twennisna matul ħajjitna kollha!  Setet oħra Nsara ma jagħtux daqshekk importanza lill-Knisja bħalma nagħtuha aħna u spiċċaw dejjem jinqasmu f’iktar setet żgħar, kulħadd iterraq kif ifettillu.  Hu mportanti li jkollna Knisja li twissina, tiddixxiplinana u żżommna fit-triq id-dritta.

 

Iżrael kien konxju ħafna tal-għażla tiegħu bħala “Knisja”, bħala poplu ta’ Alla.  Għalhekk kien sikwit ifaħħar u jrodd il-ħajr lil Alla għal dan.  Dan is-Salm hu wieħed mis-Salmi ta’ tifħir.  “Hieni l-poplu li jaf igħajjat bil-ferħ” (v. 16),  igħid dan is-Salm.  Alla jrid jarana ferħanin.  Kull min sab l-Imħabba ta’ Alla hu bniedem ferħan u għandu s-sliem.  Hu jaf li xejn mhu se joqtlu jew jeqirdu u li kollox se jispiċċa tajjeb, kif kienet tgħid il-mistika Ġuljana ta’ Norwich.  Jekk il-Missier tana saħansitra lil Ibnu biex ikun il-Ħaruf innoċenti li fuqu jaqgħu il-ħażen u l-korruzzjoni tad-dinja u biex aħna nindafu bis-sagrifiċċju tiegħU, mela kemm għandna nifirħu bis-sigurtà, biċ-ċertezza tal-għajnuna ta’ Alla meta jkollna bżonnha.

 

Imma mhux hekk il-midneb jew dak li ma jemminx. Mhux hekk min jaħseb li hu jrid ikun biex jibni l-Ħajja tiegħu.  Min hu mbiegħed minn Alla jgħix fl-insigurtà, ma jafx x’jista’ jiġri.  Imma min jistrieħ fil-Knisja, fi ħdan il-Mulej, jiskopri li Alla huwa t-tarka tiegħu (v. 19). 

 

Ritornell:  It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

 

Salm 89

 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;

f'kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

  Għax jien għedt: "Tjubitek tibqa' sħiħa għal dejjem;

  bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek."

 

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,

li jimxi, Mulej, fid-dawl ta' wiċċek.

  B'ismek jithennew il-jum kollu,

u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.

 

  Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom;

għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.

  Għax il-Mulej it-tarka tagħna;

il-Qaddis ta' Iżrael is-sultan tagħna.

 

It-Tieni Qari

 

Il-qari li ġej minn San Pawl hu tassew qari profond u mimli għerf.  Henjin aħna jekk Ħajjitna tiddawwal bih.  Aħna membri fil-Knisja ta’ Kristu għax kellna x-xorti kbira li nirċievu b’rigal il-Magħmudija.  Imma din il-Magħmudija mhux nirċevuha darba u daqshekk.  Il-Magħmudija hija l-proċess, ix-xogħol li l-Missier jixtieq iwettaq f’ħajjitna għall-ġid tagħna.  Hija l-konverżjoni tal-bniedem “tal-ġisem” fi bniedem ta’ Alla.  L-operazzjoni li twettaq fina l-Magħmudija hija bħall-fuħħari li jgħaġen it-tafal biex jagħmel xi ħaġa prezzjuża bih.  Il-Magħmudija hija ħajjtna kollha.

 

San Pawl jgħid li fil-Magħmudija aħna tgħammidna fil-mewt ta’ Ġesù u ndfinna miegħu, naturalment b’mod spiritwali.  Issa dan hu ħafna diffiċli għalina li nifhmuh imma hu ta’ mportanza enormi għall-Fidi tagħna.  Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, dan kien jinftiehem malajr.  Anzi l-Magħmudija ma kinitx tiġi spjegata għax kienet titkellem waħedha.  Ġara li maż-żmien inbidel kif isir ir-rit tal-Magħmudija.  Illum nitfgħu ftit ilma fuq ras it-tarbija u dan is-sinjal tilef ħafna mill-qawwa tiegħu.  Qabel, il-Magħmudija kienet issir bl-“immersjoni” ġo vaska kbira.  Min ikun qed jirċievi l-Magħmudija kien jiġi mniżżel kollu kemm hu taħt l-ilma u hekk kien jidher ċar li l-bniedem il-qadim, il-bniedem tad-dnub li nirċievu sa minn ġuf ommna, kien qed jindifen, kien qed  imut ma’ Kristu.  U meta l-imgħammed kien jitla’ minn taħt l-ilma u joħroġ mill-vaska battesimali, dan kien sinjal qawwi ħafna li juri li kien qed iqum ma’ Kristu u  jsir bniedem ġdid, bħalma Kristu nnifsu sar bniedem ġdid wara l-Qawmien tiegħu.  Hu ta’ ħajr li l-Knisja fi żmienna qed terġa’, bil-mod il-mod, tirkupra dan is-sinjal hekk qawwi tal-Magħmudija bl-immersjoni.

 

Dan kollu għax il-konverżjoni hija mewt u ħajja.  Mewt għall-bniedem miġbud lejn id-dinja u d-dnub, u Qawmien għal Ħajja Ġdida bi bniedem ġdid, miġbud lejn l-affarijiet li jassigurawlu Ħajja għal Dejjem.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  6, 3-4.  8-11

 

Ħuti: Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?  Ndfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

 

Jekk aħna mitna ma' Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma' Kristu.  Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla.  Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

 

Evanġelju

 

Jekk aħna rċivejna dan is-Sagrament meraviljuż li bih għandna l-possibiltà li nsiru ulied Alla u werrieta tal-Ħajja tiegħu li hi Ħajja għal Dejjem, dan kollu għax hemm Knisja li tatna dan is-Sagrament.  Iktar kemm nikbru u nsiru xi ftit adulti fil-fidi, hi ma tibqax tisqina ħalib biss imma tibda titmagħna ikel tal-kbar, ikel li trid tomogħdu tajjeb biex tniżżlu.  U l-ħalib u l-ikel li tagħtina l-Knisja hija l-Kelma ta’ Alla.

 

Illum għandna Kelma li żgur mhix ħalib tat-trabi!  Hi Kelma qawwija li ma toqgħodx iddur mal-lewża.  Jista’ jkun li għandna ideja sentimentali wisq ta’ Kristu.  Sikwit Hu kien jitkellem “straight forward”, bla ma jagħmel żejt lill-Kelma biex tiżloq, jew bla ma jżid ilma mal-inbid li hu qawwi wisq.  Hu jgħidilna li għad-dixxiplu veru tiegħu Hu jiġi l-ewwel qabel kollox u qabel kulħadd.  Ara ma jkunx hawn min jaħseb li din hi xi ħaġa ħafifa.  Il-prova kollox.  Ngħidu ħafna affarijiet “sentimentali”, biex nerġa’ nuża din il-kelma, bħal: “inħobbok Ġesù”, “Int kollox għalija”, “irrid nagħmel ir-rieda tiegħek”, “ma rridx nidneb iktar”... imma, nerġa’ ngħid il-prova kollox, u fil-prova aħna noħorġu ta’ nies dgħajfa, imsejkna, midinba, bi ftit li xejn fedeltà.

 

L-ewwelnett din il-Kelma ma rridux neħduha bħala Liġi.  Hi rigal!  Huwa Alla li jrid jagħtina l-Ispirtu tiegħu biex iwettaqha fina din il-Kelma.  Ħadd  minna mhu kapaċi jpoġġi lil Alla qabel il-familja, ngħidu x’ngħidu.  Hawn mhux qed nitkellmu dwar ħmerijiet imma dwar provi serji ħafna.  Il-bniedem li Alla, l-Fuħħar Divin tagħna, jkun għamlu Nisrai adult, ma jaħsibhiex darbtejn biex jitlef ħajtu, il-pjanijiet tiegħu, dak kollu li għar-raġuni tiegħu jagħmel sens, jekk jissuspetta li Alla għadu pjanijiet oħra.  Għalhekk din il-Kelma hi Grazzja.  Hi ritratt ta’ kif għandu jkun in-Nisrani u m’għandha bl-ebda mod taqtagħlna qalbna.

 

Kristu jsejjaħ lil dawk li jwettqu din il-Kelma, mhux għax bil-fors imma għax iħobbuH tassew, iż-żgħar tiegħu.  Hu jsejħilhom iż-żgħar tiegħu, iċ-ċkejknin.  Id-dinja tidħaq bihom; ta’ ġewwa jippersegwitawhom; imma huma, bħal tfal żgħar jiggranfaw ma’ Kristu u ħadd ma jgħamlilhom xejn.  Min għal kuntrarju jgħinhom għax jara fihom nies ta’ Alla, ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.

 

Versett:  Hallelujah.  Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt, u wera fid-dawl il-ħajja permezz tal-Evanġelju.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  10, 37-42

 

Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.  U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.  Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.

  

"Min jilqa' lilkom jilqa' lili, u min jilqa' lili jkun jilqa' lil dak li bagħatni.  Min jilqa' profeta għax hu profeta, ħlas ta' profeta jieħu; u min jilqa' bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta' wieħed ġust jieħu.  U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu."

Last Updated ( Sunday, 02 July 2017 )
 
< Prev   Next >