Monday, 11 December 2017
           
Home
L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2017) L-UMLI JEMMNU F’ GESÙ L-UMLI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 July 2017

Din hija il- Liturgija  ta' L-Erbatax il-Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 st_paul.jpg

 

Il-bniedem li hu tassew matur u għaref huwa dejjem umli.  L-għerf veru huwa, l-ewwelnett, għarfien tiegħek innifsek, int min int.  Ħafna li huma tant potenti, tant “għorrief” f’għajnejn id-dinja għax għamlu suċċess u stagħnew, huma boloh f’dan ir-rigward, għax ma jafux huma min huma.  Jaħsbu li jħobbu, meta ma jħobbu xejn u l-“imħabbiet” tagħhom huma biss l-espressjoni tal-egoiżmu tagħhom.  L-“imħabba” ta’ dawn in-nies malajr tinbidel fi stmerrija u anke mibegħda jekk ma jiħdux dak li jixxennqu għalih. 

 

Hemm oħrajn li huma inqas boloh minn dawn għax xi ftit fuqhom infushom jafu,  imma dak li jafu ma jogħġobhomx u għalhekk ma jaċċettaw qatt lilhom infushom.  Qatt m’għandhom sliem magħhom infushom, u għalhekk qatt m’huma fis-sliem ma’ ħadd.  Jinqdew b’kollox biex jirbħu “very-good” ieħor f’għajnejhom infushom u anke f’għajnejn ħaddieħor għax billi ma jaċċettawx lilom infushom hekk kif inhuma, jaħsbu li ħaddieħor lanqas ma jaċċettahom.  Dawn huma “tallaba” anke jekk qajla jammettuh dan.  Dejjem b’idhom maħruġa biex kuljum jiddubbaw ftit iktar rispett, ftit iktar rikonoxxenza.  Anke l-affarijiet qaddisa jużaw dawn biex jinbnew u jtaffu l-għatx għall-“prosit”.

 

Imma hemm nies, u dawn huma ftit u mhux li kien inkunu fosthom, li jafu huma min huma.  Jafu li huma nies dgħajfa, anke jekk ħaddieħor jaħsibhom kuraġġużi; jafu li huma limitati mmens... jafu li huma midinbin.  Jafu li twieldu mmarkati minn ġibdiet imdallma u jixtiequ kieku jibdlu lilhom infushom imma jafu li m’għandhomx saħħa jagħmlu dan.  Dan kollu ma jġagħlhomx jobogħdu lilhom infushom imma jaċċettaw il-qagħda miżera tal-bniedem għax jafu li huma biss ħlejqa.  Alla hu xi ħaddieħor.  Dawk li jgħarfu x-xejn tagħhom huma l-umli tal-art.

 

L-umli huma fis-sliem għax jafu li s-salvazzjoni tagħhom, il-bidla fin-natura tagħhom, għalkemm tiddependi mill-“Iva” tagħhom, mhix biċċa xogħol tagħhom.  Jafu li hu mpossibbli għalihom jibdlu lilhom infushom u m’għandhomx pretensjonijiet dwar dan.  Imma l-umli skopra xi ħaġa meraviljuża: li Alla jħobbu hekk kif inhu.  Alla ma jitqażżiżx minnu.  Alla jirrispettah immens.  Alla jgħadru u jifhmu.  Imma Alla jħobbu kif inhu biex ma jibqax kif inhu!  Dan hu mportanti.  Alla jħobb lill-bniedem u hu umli mal-bniedem u ma jippretendix minnu għax jafu, imma Alla jobgħod id-dnub tiegħu għax jaf li d-dnub qiegħed joqtlu kuljum.  Għalhekk l-umli, waqt li jaf li hu mhu xejn, u dan mhux bil-paroli għax hu tgħallem mill-esperjenza tal-ħajja u mhux bnieden ingannat, jaf ukoll li Alla miegħu, li Alla hu l-allejat qawwi tiegħu u mhux rival.  Hu jistenna mingħand Alla dak li hu jaf li mhux kapaċi jakkwista hu għalih innifsu.  L-umli u ċ-ċkejken jaf kemm għandha raġun il-Kelma ta’ Alla meta tgħid: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja!”  (S. 127, 1).

 

L-Ewwel Qari

 

Huma l-umli li jemmnu f’Messija umli.  Huma ċ-ċkejknin tal-art li jgħarfu l-Messija meta jiġi.  Il-kburin, il-kotra, stenniet Messija “politiku” għax kienet tfittex il-“Ħajja” fl-affarijiet materjali, fil-ħwejjeġ tad-dinja.  L-umli ndunaw li l-jasar tal-bniedem mhux materjali imma spiritwali.  Il-jasar tiegħek u tiegħi mhux li ma jkollokx flus biżżejjed, anke jekk dan hu ta’ tbatija.  Il-jasar mhux li m’għandekx familja, jew kasbrulek id-drittijiet tiegħek, jew m’hemmx ħelsien f’pajjiżek, anke jekk dan kollu jġiegħel lill-bniedem ibati.  Imma l-jasar tal-bniedem hu ferm iktar profond u huma l-umli li għandhom għajnejn biex jgħarfuh dan.

 

Li kieku l-jasar tal-bniedem kien dak li semmejna, kieku Kristu kien jaqbad l-armi u jitqabad biex jeħles lil pajjiżu mill-ħakma ta’ Ruma.  Kieku l-ekonomija kienet li teħles lill-bniedem, bħalma jemmen il-bniedem modern, kieku flok ma kien jgħid lin-nies biex ibiegħu ġidhom, kien jgħidilhom geddsu, aħdmu, ibnu mħażen ikbar biex tiġbru l-ħsad biex ikollkom garanzija għall-futur.  Kristu ġie biex jeħles lill-bniedem mid-“Dnub” tiegħu għax kien jaf li dan hu l-veru jasar li jkidd lill-bniedem u jagħmlu egoista inkapaċi li jħobb lill-ieħor meta l-ieħor joqtlu bl-aġir tiegħu.  Kien dan li ddiżappunta tant nies bi Kristu, kemm fi żmienu kif ukoll illum.

 

Quddiem l-inkompressjoni tan-nies, quddiem il-fatt li ħadd ma seta’ jifhmu, l-Iben ta’ Alla baqa’ umli, baqa’ jagħder u jifhem u jirrispetta l-bniedem.  Il-Profeta Żakkarija, mit-Testment l-Qadim, jara fil-bogħod il-wasla ta’ Dak li Iżrael dejjem stenna minn żmien Mosè, u jgħajjat biex jistieden lil Sijon għall-ferħ u l-eżultanza.  Imma l-Profeta jara figura li kienet differenti minn dik li kilħadd kien qed jimmaġina.  Il-Messija kellu jasal mhux riekeb fuq karru tal-gwerra, imma fuq felu ta’ ħmara umli.  Jinduna li l-missjoni vera tal-Mibgħut kienet li jeqred il-mewt minn qalb il-bniedem, jeħilsu mill-biża’ tagħha, jaħtaflu minn ġo fih il-bżonn li jaħseb għal rasu l-ewwel, u jgħallmu jħobb lill-ieħor hekk kif inhu, l-istess kif iħobbu Alla.  Dan ikun is-sliem.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija.  9, 9-10

 

Dan igħid il-Mulej : Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon;

għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!

Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;

ġust u rebbieħ,

umli u riekeb fuq ħmar,

fuq felu ta' ħmara.

 

Hu jeqred il-karru minn Efrajm

u ż-żiemel minn Ġerusalemm;

jinqered il-qaws tal-gwerra.

Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,

il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,

u mix-xmara ta' l-Ewfrat sat-trufijiet.

 

Salm Responsorjali

 

Jiġru ħafna ħwejjeġ fid-dinja li jikkatekiżżawna kontra l-Mulej.  Tħares ’l hemm u ’l hawn u tara gwerer, taqbid, kriżijiet, mard, inġustizzji, egoiżmi fuq livell internazzjonali u fuq livell individwali.  Hu faċli għall-bniedem ta’ rieda tajba li jitħawwad u jistaqsi : « Imma l-Mulej, wara elfejn sena li ġie, falla ? »  Anke s-salib personali tagħna, il-ġrajjiet li jidhru traġedji f’għajnejna, jaħsduna u huma tentazzjoni għall-Fidi tagħna. 

 

Imma mbierek hu l-bniedem li jagħraf li l-Imħabba ma tista tisforza lil ħadd.  L-Imħabba hi l-unika qawwa u enerġija li tħalli lill-maħbub fil-libertà li jagħżel anke jekk il-ħin kollu hemm mir-riskju ta’ żball.  L-Imħabba ma tistax ma tagħmlux dan, u l-Imħabba hija Alla.  Il-bniedem hu ħieles li jiddeċiedi għax hu maħbub.  Mhux ilsir f’għajnejn minn ħalqu, u żgur fuq li żgur li mhux ‘robot’.  Għalhekk Alla jirriskja fuq kull wieħed u waħda minna.  Aħna nistgħu jew infaħħruh f’kollox, anke f’dawk il-waqtiet ta’ dieqa u biki, jew nispiċċaw nistħuH.  Hawn tinsab il-vera taqtigħa għal ruħ il-bniedem.

 

Imma biex flok tirvilla, tbaxxi rasek quddiem l-Istorja, trid tkun umli.  Umli bħal Alla, għax anke Alla nnifsu huwa umli quddiem l-għażliet li nagħmlu.  Kemm drabi baqa’ sieket meta għamilnielu mistoqsijiet bi spirtu malinn f’waqtiet ta’ rabja u ribelljoni !  Hu qagħad jistenna li nikkalmaw biex jibda, fis-skiet ta’ ruħna, jirraġuna magħna.  Aħna tant aħna suppervi li neħduha kontra dak li ħalaqna meta l-Istorja ma togħġobniex.   Dan hawn min jagħmlu bil-kliem u bl-għajat, imma hawn ukoll min jagħmlu fis-skiet tal-ebbusija tal-qalb.

 

Imma ċ-ċkejken jifraħ fil-Mulej għax jaf li, anke jekk għaddej minn wied mudlam, Hu dejjem jerfa’ lill-miskin… iwettaq Għid miegħu.  Hu għandu fiduċja f’min ħalqu u ma jaħsibx ħażin fiH.  Dan mhux faċli.  Din hi Grazzja li mhux kulħadd għandu. 

 

Ritornell : Inbierek ismek għal dejjem, Mulej.

 

Salm 145

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa',

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

 

It-Tieni Qari

 

L-umli huwa umli mhux bis-saħħa tiegħu, jew għax twieled b’karattru manswet.  Li kien hekk, il-bniedem m’għandux bżonn l-għajnuna u l-qawwa ta’ Alla biex isib is-sliem.  Il-bniedem isir umli għax fih jinżel jgħammar l-Ispirtu ta’ Ġesù, il-Waħdieni li hu tassew umli.  Il-Fidi adulta fl-Iben, tiġbed fih l-Ispirtu ta’ Alla, u l-bniedem jibda jħares lejn l-ieħor bl-għajnejn stess ta’ Kristu.  Impossibbli?  Iva. Imma għal Alla, le. 

 

Anzi, San Pawl jgħid fil-qari li ġej, li min m’għandux ġewwa fih l-istess Spirtu ta’ Kristu, mhux ta’ Kristu.  L-Ispirtu ta’ Kristu huwa l-Ispirtu ta’ Dak li l-Missier qajmu mill-mewt, taħ rebħa fuq il-mewt, u għalhekk min għandu l-Ispirtu tiegħU għandu, hu wkoll, rebħa fuq il-mewt.  Minn dan kulħadd jista’ jkejjel jekk għandux l-Ispirtu ta’ Kristu ġewwa fih.  In-Nisrani hu dak li m’għandux il-biża’ jnawwarlu qalbu.  Hu mimli fiduċja.  Jekk Kristu kien konvint li Alla hu Missieru, mela anke n-Nisrani hu konvint minn dan għax mhux hu jgħix imma Kristu jgħix fih.  (ara Gal. 2, 20).

 

Fuq kollox Pawlu jgħid li min jgħix skont l-Ispirtu (ta’ Kristu) dan jgħix tassew u għal dejjem, imma min jgħix skont l-ispirtu tad-dinja, dan jitnawwar u jmut.  Huwa minħabba dan li huma l-umli u ċ-ċkejknin li għad jirtu l-art. (Mt. 5, 5).

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 9.  11-13

 

Ħuti: intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta' l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih  l-Ispirtu ta' Kristu, dan m'huwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Hekk mela, ħuti, aħna m'aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem.  Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewwtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. 

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu tal-lum huwa aħbar tajba għal dawk li huma mwarrba, li mhuma xejn fil-qjies tad-dinja.  Dawk li huma l-aħħar, quddiem Alla huma l-ewwel  u huma tassew eqreb lejn l-Għerf veru li jagħti Ħajja għal Dejjem minn dawk li għandhom biex jixtru d-dinja u huma minfuħa bihom infushom.  Wieħed mil-mumenti ta’ ferħ kbir li ġarrab Kristu u li huma mniżżla fil-Vaġelu huwa appuntu meta Hu nduna li l-Missier kien għażel il-fqajrin, l-umli, dawk li mhuma xejn biex jifhmu u jgħarfu l-Misteru tiegħU.  Kristu jifraħ għax dawk li huma baxxi se jitgħollew, waqt li dawk li huma dejjem minn fuq għad jitbaxxew u jitniżżlu.  Dan kantatu wkoll il-Verġni Marija fil-Magnificat.   ”Huwa xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.  Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin.  Mela bil-ġid lil kull min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.”  (Lq. 1, 51-53).

 

Il-Ħajja tinsab għand il-Missier u min jagħraf lill-Missier jagħraf il-Ħajja li ma tispiċċa qatt.  Dan hu l-eliżir tal-Ħajja li jista’ jilħaq il-bniedem.  Hemm ħafna toroq li jgħidu li jieħdu lejn il-milja tal-Ħajja, imma waħda minnhom biss hi vera: dik li tgħaddi minn Kristu.  Huwa Kristu biss li jeħodna għand il-Missier.  Nista’ nagħraf lill-Missier u l-Imħabba tiegħU jekk nagħraf lill-Iben.  L-Iben ġie biex jurina min hu l-Missier.  Hu biss jista’ jurihulna għax Hu biss rah.  Anzi Hu u l-Missier huma ħaġa waħda.

 

Għalhekk l-ikbar xewqa tagħna għandha tkun li ngħarfu dejjem aħjar u b’mod aktar ċar il-Misteru ta’ Kristu għax il-Missier fiH wera ruħu.  Min jagħraf lil Kristu jagħraf lill-Missier.  M’hemmx triq oħra għas-Salvazzjoni tagħna.

 

Versett: Hallelujah. Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, li wrejt il-misteri tas-saltna liċ-ċkejknin.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  11, 25-30

 

F'dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: "Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.

 

"Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

 

"Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.  Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta' qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.  Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif."

 

 

Last Updated ( Saturday, 08 July 2017 )
 
< Prev   Next >