Friday, 20 October 2017
           
Home
IL-HMISTAX-IL HADD MATL IS-SENA IL-KELMA TFEJJAQ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 14 July 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hmistax il-Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 isaiah-card.jpg

 

 

Il-Knisja għandha turi ruħha bħala Omm ħanina li ma thediex titħasseb fuq uliedha, l-aktar dawk li qed ibatu l-iktar.  Din hi l-Kelma li l-ħin kollu tinsab ħierġa minn fomm il-Papa Franġisku u l-Isqof tagħna.  Dan hu l-istess Spirtu ta’ Ġesù li kien jiskandaliżża għax kien ifittex l-imbegħda, il-midinbin, il-muġugħa, u kienet l-hena tiegħu ipoġġi magħhom għall-ikel u joħloq relazzjoni intima’ magħhom… isir ħaġa waħda magħhom u mal-Istorja tagħhom.

 

Hawn wisq nies imweġġa’ fid-dinja.  Nies li jġorru ġrieħi moħbija għax ġew feruti minn dawk li huma b’saħħithom ; irċivew  inġustizzji ; ġew mgħoddija mill-ħaqq u l-ġudizzju tal-oħrajn ; għotru taħt il-faqar ; inqabdu fix-xibka ta’ dnub wara dnub ; huma mbeżża’ mill-mard, minn problemi mentali…  Il-lista ma taqta’ qatt !  Min se jħenn għalihom dawn in-nies li d-dinja ma tridx tħares lejhom għax ifakkruha fir-rejaltà marida tagħha ?

 

Dawn in-nies mhux min jiġġudikahom għandhom bżonn iżda Knisja li tifhimhom, tagħdirhom, tinkuraġġihom, trattbilhom qalbhom u tnissel fihom tama, tama li ġiet misruqa lilhom mid-dinja.  Ma’ dawn it-tip ta’ nies Kristu dejjem wera ħlewwa u fehma sħiħa, anke jekk sikwit ma kinux nies tat-Tempju, ta’ fidi, ta’ devozzjoni.  Kien isejħilhom : « iċ-ċkejknin », dawk li m’għandhomx saħħa jaqdfu kontra l-kurrent u jispiċċaw jinġarru minnu.

 

Għall-kuntrarju, Ġesù kien jeħodha ma’ dawk li kienu « b’saħħithom » skont id-dinja ; dawk li jgħaffġu u jisserdku fuq l-oħrajn.  U dawn il-‘bulijiet’ xi drabi mhux fid-‘dinja’ biss jinstabu imma anke ‘fit-tempju’, bħalma ġarrab Kristu.

 

Tant nies imsejkna għandhom bżonn laqgħa ma’ Kristu li jissorprendi lill-bniedem bi-ħlewwa tiegħU.  Il-Knisja għandha missjoni stupenda fid-dinja li tlaqqa’ l-feruti ta’ kull ġenerazzjoni ma’ Kristu.  Din hi l-politika vera.  Din il-laqgħa ħajja tista’ tkun permezz tas-Sagramenti li fihom jgħammar Kristu, it-Tabib tal-mard kollu u duwa għall-ġrieħi.  Imma s-Sagramenti jitolbu l-fidi, jiddependu mill-Fidi.  Inti tista’ tmur bil-barmil tiegħek timla l-ilma kemm trid, imma jekk il-barmil tiegħek (il-fidi tiegħek) huwa mtaqqab, dak li tirċievi jibqa’ ħiereġ.  U dawn l-imsejkna, li partikularment għalihom li ġie Kristu, huma mweġġa’ wisq u qalbhom twebbset, u sikwit tilfu l-fidi.

 

Ma’ dawn Kristu jista’ jiltaqa’ permezz tal-Evanġelizzazzjoni, il-Kelma li twassal Aħbar Tajba.  Din il-Kelma hija t-tema tal-Liturġija tal-lum.  L-Evanġelizzazzjoni mhix predikazzjoni moralista, imlibbsa l-libsa ħoxna u tqila tal-Liġi, imma Aħbar Tajba, l-isbaħ Kelma li qatt dwiet f’widnejn il-bniedem.  Biex bniedem tista’ tibda tkellmu fuq ħajja moralment tajba, irid l-ewwelnett ikun sema’, emmen u nbidel mill-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba.  Din l-Aħbar tgħidlu li Alla hu Missieru, l-Abba tiegħu, il-Pa li tant iħobbu li ssagrifika u abbanduna lil Ibnu l-Waħdieni, abbanduna lilu nnifsu, biex jekk il-bniedem jemmen dan, jemmen li hu maħbub f’dan il-qjies, ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem, rebħa fuq il-mewt.  Din hi Kelma ta’ Alla mhux tiegħi.  Hija din il-Ħajja li jirċievi min jemmen tassew (bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu) li tagħti s-saħħa u l-enerġija lill-bniedem biex imbagħad jgħix ħajja moralment tajba.  Mhux il-kontra. 

 

Hafna drabi poġġejna l-karru quddiem iż-żiemel.  Is-sinjali taż-żminijiet qed juruna li dan m’għadux jgħodd għaż-żminijiet sekularizzati tal-lum.  L-ewwel il-predikazzjoni tal-Aħbar it-Tajba… imbagħad wieħed jgħaddi għall-mod kif il-Mulej jixtieq li aħna ngħixu.  Din hi l-Kelma li tnixxef il-ġrieħi tal-qalb.  Kemm nies għandhom kollox u qishom m’għandhom xejn għax m’għandhomx il-Kelma ta’ Alla, ma jemmnuhiex, ma jifhmuhiex.

 

L-Ewwel Qari

 

Isaija jxebbaħ il-Kelma max-xita prezzjuża li tinżel mis-sema biex issaqqi l-art.  Jien ċert li  hawn min qed jisma’ jew jaqra dawn in-noti li huma « art niexfa qoxqox ».  Wieħed mis-Salmi jitkellem preċiż fuq is-sitwazzjoni li sikwit insibu ruħna, aħna, li bla ma rridu nitbegħdu minn Alla għal kull ħaġa ta’ xejn.  « O Alla, Alla tiegħi int ; lilek ħerqan infittex.  Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. »  (S. 63, 2). 

 

Xi sbuħija, x’sens ta’ tiġdid meta l-Ispirtu s-Santu jmissilna qalbna b’xi Kelma ta’ Alla, forsi Kelma li nkunu smajniha elf darba qabel bla ma nteressatna xejn.  Jekk l-Ispirtu s-Santu jagħmillek ‘underlined’ Kelma, din il-ħaġa tibqa’ tiftakarha.  Daqshekk qawwa għandu l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.  B’Kelma jbiddel qalb il-bniedem u l-Ħajja li kienet bħal sema miksija bi sħab iswed, f’daqqa waħda tiġi mdawla mix-Xemx li hi l-Kelma.  Bil-Kelma spirata mill-Ispitu s-Santu kollox jieħu l-kulur u d-deżert ta’ ġo fina jsir ġnien imsoqqi tajjeb.  (Is. 58, 11).

 

Hi diżgrazzja storika li aħna nqtajna mill-Kelma u l-Bibbja hija Ktieb magħluq għal tant nies li lanqas biss jafu x’Teżor hi u kemm titkellem il-ħin kollu fuq l-Istorja partikulari tagħhom.  Il-Knisja għandha bżonn tirkupra ċ-Ċelebrazzjoni tal-Kelma, almenu darba fil-ġimgħa.  Wieħed jifhem li min imexxi l-pastorali jaħbat jaqta’ qalbu quddiem dan għax tenħtieġ qabża kulturali.  In-nies bil-quddies biss taf... mill-bqija ma tagħtix kas jekk mhux l-eżerċizzi darba fis-sena, forsi.  In-nies huma bil-għatx imma ma jemmnux li l-Kelma ta’ Alla hi bħax-xita ħanina li tifqa’ n-nixfa tar-raba’ wara sajf bix-xemx tballat fuqu.  Il-Kelma dejjem tħalli l-frott anke meta wieħed ma jifhimhiex.  Hekk se jgħidilna l-qari li ġej.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  55, 10-11

 

Dan igħid il-Mulej :

 

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,

u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,

imma jġegħluha tnissel u tnibbet,

u tagħti ż-żerriegħa 'l min jiżra' u l-ħobż 'il min jiekol,

hekk jiġri minn kelmti:

hija toħroġ minn fommi,

u ma terġax lura vojta,

imma tagħmel dak li jogħġob lili,

u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 65 ikompli fuq it-tixbiha tal-Kelma ta’ Alla mal-ilma li jsaqqi l-qlub għatxana tal-bnedmin.  Il-Kelma ta’ Alla tista’ tkun moqrija mill-Iskrittura, jew xi Kelma pridkata, jew saħansitra Kelma li Alla nnifsu jibagħtlek permezz ta’ xi bniedem li lanqas biss jinduna li huwa jkun messaġġier tal-Mulej.  Barra mill-Kelma li nisimgħu bis-smigħ, il-Kelma ta’ Alla tista’ tkun ġrajja, esperjenza storja li ngħaddu  minnha.  L-Iskrittura tqis is-sinjali taż-żminijiet li Alla jibagħtilna bħala Kelma ta’ Alla.  Għalhekk in-Nisrani, li mdorri jissamma’ għal Alla għaddej minn Ħajtu, jekk tiġrilu xi ħaġa, pożittiva jew negattiva, jistaqsi: “Imma Alla xi jrid jgħidli b’dan?”  U jitlob fuq dik l-istorja biex Alla jdawlu, u ma jistax ikun li Alla ma jurihx xi jrid jgħidlu.  Xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.  Huma l-pagani li jemmnu fil-kumbinazzjonijiet, jew fix-xorti tajba jew ħażina.

 

Il-Mulej irid joħroġ il-frott mill-qalb tagħna.  Hu ħalaqna b’risq ħaddieħor.  Ilkoll għandna missjoni b’risq ħaddieħor: b’risq il-familja, b’risq il-parroċċa, b’risq xi individwu li Alla jlaqqgħek miegħu.  Imma sikwit hu ferm diffiċli għall-qalb biex minnha joħroġ dan il-frott qaddis għax il-wiċċ tal-qalb jibbies minħabba l-bruda jew għax l-Istorja tweġġagħna u allura ma jkollna moħħ ħadd.  Huwa għalhekk li dan is-Salm jgħid li l-Kelma ta’ Alla “isaqqi r-raddi u twitti t-tub; bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.”  (v. 11).

 

Possibbli li l-qalb li hi deżert, issir ġnien kollu frott u kuluri?  Possibbli li bniedem ta’ qalb iebsa li xrafitlu minħabba d-dinja selvaġġa li fiha jgħix, possibli li dan il-bniedem minn lupu li ħsiebu biss fis-‘survival instinct’ tiegħu, isir ħaruf manswet li jinagħta għall-oħrajn?  Possibbli dan?  Iva, u kif!  Għax għal Alla, u għal Alla biss, kollox hu possibbli.  “Joktru bin-nida l-mergħat tad-deżert; huma jimtlew bl-imrieħel, il-widien jinksew bil-qamħ!”  (v.13w).  U n-nida hi l-Kelma setagħna ta’ Alla.

 

Ritornell:  Iż-żerreigħa waqgħet f’art tajba, u għamlet il-frott.

 

Salm 65

 

 Inti żżur l-art u ssaqqiha,

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta' Alla mimli bl-ilma;

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.

Hekk int tħejjiha:

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.

 

Fawwart is-sena bi tjubitek,

triqatek bil-ġid joqtru.

Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,

u bil-ferħ jitħażżmu  l-għoljiet.

 

Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel,

il-widien jinksew bil-qamħ;

jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ!

 

It-Tieni Qari

 

Nisimgħu ħafna fuq il-bżonn li nibżgħu għall-ambjent u sar kwistjoni ta’ emerġenza l-futur tal-pjaneta tagħna.  Ħafna għamlu reliġjon mill-ġlieda tagħhom biex isalvaw id-dinja materjali mill-qerda kkawżata mill-korruzzjoni tal-bniedem.  Il-bniedem hu midneb u kulma jagħmel huwa mbuttat mill-egoiżmu tiegħu.  It-taħsir tal-bniedem sar it-taħsir tal-art kollha.  Kristu biss kapaċi jbiddel il-bniedem u l-aktar ħaġa li l-ambjent għandu bżonn hu li l-bniedem tinbidillu qalbu u ma jibqax jiġbed lejh biss, jaħtaf u jiġġennen biex jistagħna minn fuq l-art għajjiena li għandna.

 

Huwa għalhekk li l-Kelma ta’ Alla hija t-tama tal-ħolqien kollu.  San Pawl jgħid li “l-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew imxennqa d-dehra ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa.”  (vv. 19-20).  Il-ħolqien qiegħed isofri l-konsegwenza ta’ dnub il-bniedem u huwa għalhekk li aħna ngħidu li l-vera politika jagħmilha Kristu billi jmur mill-ewwel lejn l-għajn tal-inkwiet kollu: il-qalb tal-bniedem. 

 

Hemm bżonn li jidhru l-ulied ta’ Alla li jmellħu u jfejqu l-art u hekk il-ħolqien kollu jinfeda mit-taħsir li jwassal għal mewt żgura.  Din il-konverżjoni tal-bniedem titqabbel ma’ ħafna affarijiet, imma hawn titqabbel ma’ mara fl-uġigħ tal-ħlas.  Il-bniedem li miexi wara Kristu qisu qiegħed fl-uġigħ tal-ħlas sakemm isir dixxiplu tassew.  Il-ħolqien kollu jinsab fl-uġigħ tal-ħlas jistenna li l-bnedmin jiġu mmarkati mill-Misteru ta’ Kristu u hekk id-dinja tistrieħ mill-egoizmu tal-qlub pagani li qatt mhuma mxebbgħin b’xejn.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 18-23

 

 Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta' issa ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.  Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta' wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa - mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha -  bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta' wlied Alla.  Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s'issa jitniehed  bl-uġigħ tal-ħlas;  u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta' l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna.

 

Evanġelju

 

Waqt li l-Profeta qabbel il-Kelma ma’ ilma li jifqa’ l-għatx tad-deżert maħruq mix-xemx, f’parabbola famuża Kristu jqabbel il-Kelma ma’ żerriegħa li tixxerred mill-bidwi f’għalqa li fiha partijiet differenti.  Xi wħud minn dawn l-inħawi fl-għalqa mhumiex tajbin għaż-żrigħ u l-Kelma taqa’ hemm bħalma taqa’ kullimkien imma ma tagħmilx frott.  Iżda hemm parti li hi għammiela li tilqa’ ż-żerriegħa tal-Kelma, tħaddanha bil-ferħ u tħalliha tagħmel il-frott, frott kotran b’risq kulħadd.

 

Issa quddiem din il-Kelma, huwa mportanti li jien u int nieqfu u nirriflettu ħa naraw liema parti mill-għalqa nagħmlu aħna.  Noqogħdu attenti!  Ħafna huma dawk li huma ngannati u  jgħidu f’qalbhom: “Il-Kelma għal dak it-tali qegħda tgħid mhux għalija!”  Dan l-ispirtu kburi jifred minn Alla u bla ma jafu ġa huma art imballta li ma tilqax iż-żerriegħa li tibqa’ fil-wiċċ u tmut bla frott.  Il-ħamrija għammiela hi magħmula mill-qlub ta’ dawk li huma umli, li jafu huma min huma, li għandhom l-indiema, li għandhom għatx għall-Kelma, li lesti jilqgħu il-Kelma bla ma jżidulha z-zokkor imma jħalluha hekk kif inhi.

 

Il-qalb hi kollox.  Il-qalb hi l-għalqa.  Ħares lejn qalbek u ara hix imballta jew imqallba sewwa bil-moħriet tal-bidwi divin li huwa s-salib.  Il-qalb ta’ min kollox qed jiġih sewwa għalissa, hija l-ħamrija mballta mill-interess sfrenat fl-affarijiet tad-dinja.  Dawn, anke jekk jisimgħu il-Kelma, għax ikunu preżenti b’ġisimhom il-knisja, ma jifhmuhiex u jiġu l-għasafar, jiġi x-xitan u jaħtafhielhom mill-ewwel.  Qishom qatt ma semgħu xejn.  Infatti hemm nies li jekk tistaqsihom fuqhiex kien il-Vanġelu ma jafux iweġbuk.

 

Hemm dawk li  għandhom intenzjoni tajba u l-Kelma jilqgħuha bil-ferħ, imma huma bħal dik il-parti tal-għalqa fejn ftit hemm ħamrija, anke jekk din hi mqallba u mhix iebsa.  M’hemmx fejn tniżżel għeruqha ż-żerriegħa u allura ftit iddum; wara ftit tinxef fix-xemx.  Dawn in-nies jilqgħu il-Kelma b’ħafna entużjażmu, imma ma tinagħtax ċans tagħmel il-frott għax isibu min iħawwadhom bi kliem żejjed, jew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt, jew jiġu ppersegwitat minn tad-dar, u jgħidu f’qalbhom: “Dan x’għandi x’nambih jien” u jerġa’ lura għall li kien.

 

Hemm żerriegħa li tiġi maħnuqa, mix-xewk.  Il-Kelma tinżera’ fil-qalb u tnibbet, imma iktar kemm ix-xitla tikber iktar jagħfas ix-xewk madwarha sakemm joqtolha.  Huma nies li t-taħbit tad-dinja u l-inkwiet li jġib il-ġiri wara l-ġid tal-art joħolqulu gwerra ġewwa fih.  Qabel donnu li iktar kellu paċi, imma issa l-Kelma qed titqabad ma’ drawwiet ħżiena li kellu... u ġieli li l-Kelma titlef.

 

Imma min jifhem il-Kelma, anzi aħjar, min jinagħtalu li jifhem il-Kelma u jemminha u jilqagħha bħala Kelma ta’ Alla u mhux ta’ bniedem, dan jagħmel ħafna frott.  Frott b’risq il-Knisja, b’risq il-bnedmin.  B’xejn ħadna, b’xejn nagħtu.

 

Versett: Hallelujah.  Hienja dawk li, b’qalb imhejjija mill-aħjar, iżommu fihom il-kelma ta’ Alla u jagħmlu l-frott billi jżommu sħaħ fil-fehma.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  13, 1-23

 

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f'xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm.  U nġabru madwaru folol hekk kbar ta' nies li kellu jitla' fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt,  u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

  

U qalilhom : “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’.  Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom. Oħrajn waqgħu f'art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda;  iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq.  Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.  Imma oħrajn waqgħu f'art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin.  Min għandu widnejn, ħa jisma’! "

  

Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: "Għaliex tkellimhom bil-parabboli?"  Hu weġibhom: "Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.  Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.  Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux.  U hekk isseħħ fihom il-profezija ta' Isaija li tgħid,

 

               ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,

                u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

                Għax il-qalb ta' dan il-poplu twebbset:

                kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,

                u għalqu għajnejhom li ma

                jmorrux jaraw b’għajnejhom,

                u jisimgħu b’widnejhom,

                u jifhmu b’moħħhom,

                u hekk ibidlu ħajjithom

                u jiena nfejjaqhom.’

 

"Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.  Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!

  

"Mela isimgħuha intom il-parabbola ta' dak li ħareġ jiżra'.  Kull min jisma' l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera' f'qalbu: dan huwa dak li nżera' mal-mogħdija.  Dak li nżera' f'art kollha blat huwa dak li jisma' l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ;  imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; mbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel.  Dak li nżera' qalb ix-xewk huwa dak li jisma' l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta' l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.  Dak imbagħad li nżera' f'art tajba huwa dak li jisma' l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin."

 

 

 
< Prev   Next >