Sunday, 19 November 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-MISTERU TAL-HAZEN
IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-MISTERU TAL-HAZEN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 21 July 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Sittax il-Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

parable-of-the-cockles.jpg

 

Il-bniedem kiber fil-għerf u x-xjenza u, bil-għajnuna ta’ Dak li sawwarlu lil moħħu, illum qiegħed jgħix ħajja ferm iktar komda minn dik ta’ ġenerazzjonijiet oħra.  B’danakollu, l-Ħajja tibqa’ misteru li mingħajr il-preżenza ta’ Alla ssir kumbinazzjoni u titlef ħafna mill-faxxinu tagħha.  Hemm ħafna mistoqsijiet f’moħħ il-bniedem li waħdu ma jasalx biex jirrispondihom.  “Għaliex ġejt jien u ma nħalaqx xi ħadd ieħor floki?”  “X’sens għandha l-Ħajja?”  “X’se jsir minni meta, bħal kulħadd ngħaddi mill-esperjenza tal-mewt fiżika?”  Dawn u oħrajn huma mistoqsijiet li wieħed ma jissodisfax ruħu b’risposti ta’ bl-amment li ma jmissux lill-qalb.  Il-kotra tagħżel li ma taħsibx u tgħix il-jum, waqt li xi ftit, ftit ħafna, ikompli jqallbu moħħhom għal xejn.

 

Mistoqsija li żgur li kulħadd jagħmel f’xi waqtiet partikulari ta’ tbatija fil-Ħajja hija: “Jekk Alla hu tajjeb, kif jgħidu li hu, għaliex hawn tant ħażen fid-dinja? Għaliex jippermetti t-tbatija, il-mard, l-inġustizzji, l-moħqrija?  Għaliex hawn min, għax kapaċi u ‘b’saħħtu’ iktar mill-ieħor, jiddandan u jgħaffeġ fuqu?  Għaliex il-mard u l-mewt?”  Min jista’ jweġibhom b’mod faċli u ‘straight forward’ dawn il-mistoqsijiet li kull bniedem b’moħħu floku jagħmel?

 

 

Fil-fatt ir-risposta hija sempliċi imma ma tantx hi ta’ konsolazzjoni għal min hu mġarrab.  Int tista’ taqbel magħha jew tista’ tarmiha minnek, jekk tkun muġugħ.  Hija tweġibha li tidher għal kollox kontradittorja u li tiġi tiltaqa’ magħna mriegħda, tlaqlaq, tistenna minn qabel li se tkun meruta.  “Fid-dinja hawn il-ħażen u t-tbatija għax Alla hu Mħabba!”  Possibbli?  Din hi tassew it-tifsira tad-dlamijiet li hawn madwarna?  Possibbli li llum jien imdejjaq f’ruħi għax Alla hu Mħabba?  Erħina! 

 

Stenna!  Minflok “Alla hu Mħabba” nistgħu ngħidu: “L-Imħabba hija Alla”.  L-Imħabba vera, l-Imħabba għall-għadu, l-Imħabba għall-ieħor hekk kif inhu, din l-Imħabba sopranaturali li l-bniedem m’għandux, din l-Imħabba hija Alla.  Din l-Imħabba ħalqet kollox.  Fuq kollox, il-bniedem ġie maħluq minn din l-Imħabba.  Il-Ħajja, bit-tiġrib kollu tagħha, tibqa’ rigal meraviljuż li ħadd ma jista’ jixtriha.  Hija għotja ta’ Mħabba, mill-Imħabba.  U din l-Imħabba hija Mħabba għax ma tisforza lil ħadd.  Dan hu li tfisser “tħobb”.  Min iħobb tassew (Alla biss!) iħalli lill-maħbub u l-maħbuba fil-libertà.  Alla li jista’ kollox ma setax jagħmel il-bniedem mod ieħor. Alla seta’ ħalaq il-bniedem ipprogrammat biex jagħmel biss it-tajjeb, imma dan kien ikun magna, robot bla ħajja.  Fl-Imħabba li ma tifhimhiex li għandu, Alla rriskja mmens fil-ħolqien, speċjalment fil-ħolqien tal-bniedem.  Fuq kull wieħed minna, l-Imħabba tirriskja għax Alla jħalli lili u lilek fil-liberta li nagħżlu nagħmlu t-tajjeb jew il-ħażin, u ma setax jagħmel mod ieħor. 

 

Sikwit nagħmlu din it-taqbila: wieħed li għandu grazzja ma’ tfajla ma jistax iġegħla tħobbu.  Ma jistax jaqbadha minn għonqha u jgħidilha “Trid tieħu grazzja miegħi!”  Dan hu ġenn.  Hi tista’ tibża’ u tgħid: “Iva nħobbok...” imma lil qalbha ma tirbaħhiex b’dan il-mod.  Il-qalb hi dejjem ħielsa li tħobb jew ma tħobbx.  Ħadd ma jista’ jġegħelha.  Dan hu r-riskju li Alla għandu b’kull wieħed minna.  Il-bniedem, imħolli fil-libertà, beda jagħmel l-għażliet tiegħu.  Il-“parabbola” tal-waqgħa tal-bniedem fil-Ġnien tal-Għeden turina dan b’mod sempliċi u ċar.  Il-fatt li Alla hu miġnun fuq il-bniedem, fetaħ il-bieb għall-possibilta li l-bniedem juża l-Imħabba, il-libertà tiegħu b’mod żbaljat.  U dan ġara!  Daħal id-dnub f’moħħ il-bniedem, u d-dnub iġib dnub ieħor.

 

Mad-dnub, il-bniedem daħal fis-solitudni u l-biża’ għax beda jissuspetta li l-Imħabba li ħalqitu ma kienet Imħabba xejn.  Anzi, beda jara lil Alla rival, dak li jirristinġih u jxekklu bil-kmandamenti u l-preċetti... il-kontra tar-rejaltà!  Maqtugħ mill-Imħabba, l-unika sens tal-ħolqien tiegħu, huwa miet.  L-Imħabba hi l-Ħajja.  Maqtugħ minnha, hu miet.  U l-mewt thedded u tbeżża’.  Għeb il-“kulur” mill-Ħajja.  I-biża’ ta’ dak li jista’ jiġrilu għamel mill-bniedem, minn kull wieħed minna, egoista.  Aħna lkoll sirna egoisti!  Dan lanqas nindunaw bih.  “L-ieħor huwa egoist mhux jien.”  L-Ittra lil-Lhud tgħid: “Ġesù ġie biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu.”  (Lhud 2, 14-15).  Min hu maħbub ma jibżax minn min iħobbu, imma min ma jħossux maħbub iħossu mhedded minn kollox.

 

Dan hu l-qofol tal-misteru tal-Ħajja, skont l-Iskrittura.   Tant li meta Alla deher fostna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret, flok neħħa t-tbatija, daħal fiha.  Għax il-problema tal-bniedem mhix it-tbatija, imma l-fatt li ma jemminx li Alla jħobbu.  Alla bagħat lil Ibnu biex jikkonvinċina li hu Mħabba.  Din hi s-soluzzjoni ta’ kollox.  Min jemmen li hu maħbub minn Alla, jsir Sultan flok ilsir, anke jekk jibqa’ fiżikament ibati.  Jerġa’ lura lejn l-Imħabba, lejn l-oriġini ta’ kollox.

 

L-Ewwel Qari

 

Għalkemm Alla hu Mħabba, jasal mument meta Hu jagħmel ħaqq minn kulħadd skont il-mod kif kull wieħed irrisponda għar-rigal bla qjies tal-Imħabba tiegħu.  Dawk li jinġibdu mill-Imħabba, jisru parti minnha, parti minn Alla, u bħalu jgħixu għal dejjem.  Dawk li jistmerru l-Imħabba jibqgħu maqtugħin minnha għal dejjem, skont l-għażla libera tagħhom.  Imma Alla jdum ma jagħmel ħaqq u jtawwal u jtawwal biex  jagħti lil kull bniedem opportunità biex jagħraf b’liema Mħabba hu maħbub u dan l-għarfien jibdlu u jsalvah.  Għax l-Imħabba ma tistax ma tkunx ħanina.  Anzi s-Sabar qaddis tal-Imħabba li hi Alla, sikwit jiskandaliżżana għax lill-ħażin tagħtih ċans u żmien twil biex jikkonverti.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  12, 13.  16-19

 

 M'hemmx Alla ieħor ħliefek, li jieħu ħsieb kollox,

biex ikollok turih li ma qtajtx il-ħaqq ħażin.

Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja,

u, għax int Sid ta' kollox, lil kulħadd tagħder.

Int turi saħħtek ma' min ma jemminx

fil-kobor ta' setegħtek:

u trażżan 'il dawk li, għalkemm jafuha, iqumu kontriha.

Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq bil-ħniena;

lilna tmexxina b'tjieba kbira.

Għalkemm għandek is-setgħa, ssibha wkoll meta tridha.

B'dan l-għemil int għallimt lill-poplu tiegħek,

li l-ġust għandu jkun twajjeb.

Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek,

li inti tagħti żmien għall-indiema ta' dnubiethom.

 

Salm Responsorjali

 

Il-bniedem ġust, miġbud lejn Alla, sikwit iħossu fid-dieqa minħabba l-ħażen ta’ madwaru.  Hu jaf li Alla hu Mħabba u kollu ħniena u għalhekk hu jitolbu bil-ħerqa biex waqt li jistabar bil-midneb, juri ħniena miegħu li dejjem kien fidil.  Għalkemm il-ħażin jidher li jiddomina d-dinja u jimxi ’l quddiem, is-Salmista jemmen b’qalbu kollha li s-setgħa fuq kollox hi ta’ Alla u li tiegħU se tgħaddi, fl-aħħar mill-aħħar.

 

Ritornell:  Mulej, inti tajjeb u taħfer.

 

Salm 86

 

Int, Sidi, twajjeb u taħfer,

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek,

u jsebbħu ismek, Sidi.

 

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel;

int waħdek Alla!

 

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija,

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek.

 

It-Tieni Qari

 

Din is-silta qasira ħafna mill-Ittra lir-Rumani, turi profondità ta’ ħsieb u hi ta’ konsolazzjoni għal dawk kollha li jfittxu lil Alla.  Aħna lkoll nafu, u għandna esperjenza, ta’ kemm hi kbira d-dgħufija tagħna!  Fina tgħammar is-susa tal-mewt!  Sikwit ngħejjew; sikwit naqgħu fi bruda; sikwit m’għandniex saħħa nitolbu; sikwit inteftfu qisna għomja ma nafux fejn sejrin… 

 

Imma din il-Kelma tgħidilna: “Kuraġġ!”  Għax tant iħobbna u jifhimna l-Mulej li Hu bagħat l-Ispirtu ta’ Kristu jgħammar fina, u dan l-Ispirtu qiegħed il-ħin kollu jitlob magħna u għalina quddiem il-Missier.  Jitnieħed għalina, jokrob b’talb għalina li ma jitfissirx bil-kliem!  U l-Missier dejjem jisma’ t-talb tal-Ispirtu.  U x’qed jitlob f’isimna l-Ispirtu s-Santu?  Li aħna nagħarfu dejjem aktar ċar il-Misteru tal-Mulej Kristu Ġesù.  Din hi l-ikbar Grazzja!!  Kristu hu t-tweġiba għall-ħażen tad-dinja, għax jekk il-ħażen jgħammar għax il-bniedem ma jemminx li Alla hu Mħabba, Kristu ġie jurina l-Imħabba totali tal-Missier għal kull wieħed minna.  Dan għandna bżonn urġenti li nemmnu!  U l-Missier jaqlagħlna din il-Grazzja għax qed jitlobha f’isimna l-Ispirtu ta’ Ġesù li xerred demmu kollu għalina.  B’dan tiġġedded il-Knisja u titqawwa t-tama tat-tajbin.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Apposltu lir-Rumani.  8, 26-27

 

Ħuti: l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem;  u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla. 

 

Evanġelju

 

Il-qari twil li għandna mill-Vanġelu ta’ San Mattew hi dwar il-parabbola tas-Sikrana li hi l-ħaxixa ħażina, li bħall-ħaxix ħażin kollu, ma tridx wisq biex tikber u b’xogħol iebes titnaddaf l-għalqa minnha.  Ġesù kien jaf bil-mistoqsijiet li hemm iduru f’moħħ kull bniedem.  Hu jaf li sikwit is-Sabar tal-Mulej jaqta’ nifs il-bniedem.  Għalhekk, b’din il-parabbola, hu jistieden lil dawk kollha li jħobbu s-Saltna tiegħu, biex jistabru, jistennew, jishru... għax jasal jum meta huma jaraw il-Glorja ta’ Alla.

 

Versett: Hallelujah.  Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Hallelujah.

 

 Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  13, 24-43

 

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara' żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu.  Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara' s-sikrana qalb il-qamħ u telaq.  Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana.  Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, 'Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?'  Iżda hu qalilhom, 'Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.' 'Tridx immorru niġbruha?' qalulu l-qaddejja.  'Le,' qalilhom, 'għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll.  Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien  sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: 'Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, mbagħad qiegħdu  l-qamħ fil-maħżen tiegħi.' "

  

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu.  Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta' l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha."

  

Qalilhom parabbola oħra: "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma' tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha."

  

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom,  biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

 

                           ‘Niftaħ fommi bil-parabboli,

                            nitkellem fuq ħwejjeġ

                            moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja.’

  

 Mbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: "Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa."  U weġibhom: "Dak li jiżra' ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem.  L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-ħażin,  u  l-għadu   li żeragħha huwa x-xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u  l-ħassada  l-anġli.  Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja.  Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen,  u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.  Mbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta' Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma'! 

 

 
< Prev   Next >