Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow Home
IS-SBATAX IL-HADD TA’ MATUL IS-SENA (2017) IL-MISSIER HUWA T-TE{OR TAL-HAJJA! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 July 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Sbatax il-Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

--jesus-pictures-bible-pictures.jpg

 

L-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd tgħid: “Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, hu jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu” waqt li l-Kolletta, l-ewwel talba tal-Quddiesa titlob lill-Mulej biex jagħtina l-Għerf qaddis biex ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi, hekk li ngħarfu norbtu ruħna mal-ġid li jibqa’ għal dejjem.  Dan qiegħed ngħidu biex  nisħaq fuq punt tassew importanti:  Alla lilek ma jrid jeħodlok xejn imma jrid jagħtik.  Alla hu dejjem dak li jagħti, jagħti, jagħti u f’Ibnu Ġesù Kristu tana dak kollu li jista’ jagħtina.

 

Huwa mportanti ħafna li nħottu minn moħħna l-idejat qarrieqa dwar Alla li bena f’moħħna l-Giddieb ta’ dejjem li huwa x-xitan.  Dan jgħidilna li Alla dejjem irid.  Hu veru li il-Qaddis jippretendi li dawk li jimxu warajH jgħixu ħajja moralment tajba u hawn jidħlu l-kmandamenti tiegħu.  Hu veru li Ġesù qal: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”  (Ġw. 14, 15).  U ilkoll nafu li aħna ġarar tal-fuħħar, dgħajfa, u li l-Liġi ta’ Alla hi tqila għalina.  Imma noqogħdu attenti għal dak li qal: “Jekk tħobbuni...”  Min iħobb lil Kristu, dan jagħmlu għax skopra, l-ewwelnett, l-Imħabba tal-ġenn li Alla għandu għalina.  Hawn jinbidel kollox.

 

 

Alla jrid ħaġa waħda mingħandna: li aħna nħalluh jurina kemm iħobbna.  Dan hu għamlu f’Ibnu Ġesù meta telqu f’idejn il-mewt biex ikun jista’ jirbħilha f’isimna u għalina.  Li ngħarfu dan hu l-ikbar Grazzja tal-Missier.  Grazzja tfisser rigal mogħti b’xejn, gratis, bla ma jkun mistħoqq.  Alla  jrid jagħtina ħwejjeġ tal-għaġeb li ma tixtrihomx bil-biljuni!  Hu jqabbel il-Grazzja tiegħu ma Teżor, it-Teżor tal-Ħajja, l-ikbar u l-aqwa Teżor li nistgħu nirċievu matul il-Ħajja fuq din l-art.  U din il-Grazzja tiegħU, dan it-Teżor, huwa l-Imħabba.  Min għandu din l-Imħabba, tant jibqa’ mbellaħ bil-ġenerożità ta’ Alla li qatt u qatt ma jgħaddilu minn moħħu li jaħseb ħażin fuq il-Mulej u jgħid li Hu dejjem irid.  Dan jissuspettawh biss dawk li għadhom ma ltaqgħux miegħU, li għadhom ma jafuhx.  Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma tafx tagħmel ħlief li tinagħta u terġa’ tinagħta.

 

L-Ewwel Qari

 

It-Talba taż-żagħżugħ Salamun hi silta mportanti fit-Testment il-Qadim u nagħmlu tajjeb noqogħdu attenti għaliha.  Hemm żewġ tipi ta’ Grazzja li l-bniedem normalment jitlob lill-Missier: Grazzja materjali u Grazzja spiritwali.  Grazzji materjali nafu bihom tajjeb ħafna għax ilkoll nibdew nitolbuhom minn mindu nibdew naħsbu fuq Alla.  Il-Ħajja sikwit hi diffiċli u toħolqilna problemi.  Minn dejjem il-bniedem kien idur lejn dak ix-Xi Ħadd Qawwi, lejn Alla li jista’ kollox, biex jeħilsu minn xi saram.  Dan hu l-għerq tar-reliġjonijiet kollha tad-dinja.  Hija talba tajba din, imma l-bniedem li jimxi ’l quddiem fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, għalkemm jibqa’ jagħmel din it-talba, jgħaddi għat-tieni tip ta’ Talba li hi Talba ferm ogħla.  Hu jaf li Alla hu Missieru li qed imexxilu l-Istorja.  Hu jafda fih għax skopra f’din l-Istorja tiegħu li Hu jħobbu u Hu fidil.  Għalhekk jintelaq f’idejH u jħallih imexxih mhux biss fi pjanuri sbieħ tal-Ħajja meta kollox jiġi tajjeb, imma anke meta jgħaddih minn widien mudlama ta’ nkwiet u theddid.  Hu jaf li Alla jagħmel dan miegħu għax hekk hemm bżonn li jsir.  It-Talba ta’ dan il-bniedem hi li jinagħta l-Grazzja li jagħraf dejjem iktar l-Imħabba li hi Alla u li dehret fid-dinja fil-bniedem Ġesù ta’ Nazaret.  M’hemmx limitu għal da l-għarfien.  Iktar kemm wieħed jagħraf lil Ġesù iktar isir iħobbu, iktar isir ħieles, iktar irabbi l-“ġwienaħ” u jkun jista’ jtir bla rbit biex jgħix il-Ħajja vera.

 

Dan hu li talab Salamun.  Hu kien jaf li Alla kien se jagħtih dak kollu li jitolbu, għax hekk qallu Hu stess.  Imma għalkemm fil-bidu tar-renju tiegħu kellu bżonn ħafna ħwejjeġ materjali, dawn ħallihom f’idejn Missieru tas-Sema biex jagħtihomlu meta jrid u kif irid; li talbu b’ħerqa u nsistenza kienet xi ħaġa oħra: l-Għerf qaddis li mhux l-Għerf ta’ din id-dinja imma l-għarfien ta’ min hu Alla, l-għarfien ta’ fejn tassew tinsab il-Ħajja.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  3, 5-6a,  7-12

 

F'Ġibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm billejl. Itlobni x'nagħtik,” qallu Alla.  U wieġbu Salamun:  Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta' żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f'nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista' jgħoddu jew iqisu.  Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista' jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?” 

 

Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja ta' l-għedewwa tiegħek - iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi - hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn.

 

Salm Responsorjali

 

Biex Salamun seta’ jitlob din it-Talba kellu bżonn ikun umli u ċkejken.  Kien jaf li kien tfajjel f’dinja selvaġġa u bla ħniena.  Kellu ġa għarfien tiegħu nnifsu.  Dan kollu għandan bżonnu ħafna aħna.  Min jaħseb li hu xi ħaġa, ma jafx lilu nnifsu u dan jidher fit-Talb tiegħu... meta jitlob.  Hu għalhekk li l-Missier tagħna iħalli li nidħlu f’qagħdiet ta’ tweigħir, tiġrib u niket, biex ma nibqgħux aljenati imma ngħarfu x-xejn totali tagħna u kemm niddependu minn Dak li ħalaqna.

 

Huwa l-bniedem umli li jitlob skont il-qalb ta’ Alla.  L-umli qatt mhu kuntent b’dak li “jaf” dwar Alla imma dejjem għandu għatx għall-Kelma li ddawwlu fuqu nnifsu, fuq il-Ħajja, fuq Alla.  Anke fuq il-proxxmu tagħna għandna bżonn niddawlu bl-Għerf qaddis, għax kif tista’ tħobb lil min ma tafx.  Imma jekk nibdew nafu xi ftit li ħutna, nindunaw li lkoll qegħdin f’dgħajsa waħda u ma niġġudikawx malajr.

 

Is-Salm li ġej hu biss siltiet mill-ikbar Salm li hemm fis-Salterju, Salm 119.  Hawn, is-salmista jfaħħar il-kmandamenti ta’ Alla.  Għalih, dawk li aħna nsejħulhom “kmandamenti”, huma l-Kliem tal-Ħajja, it-triq li tħarsu fil-Ħajja u ma tħallihx  jaqa’ fl-abbiss tal-mewt ta’ dejjem.  Bħala bniedem umli, ma jissuppervjax kontra l-pariri tal-Mulej imma jbaxxi rasu għax jaf li Alla jaf iktar minnu dwar il-Ħajja.

 

Ritornell:  Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej.

 

Salm 119

 

Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi,

li nħares il-kelma tiegħek."

 Aħjar għalija l-liġi ta' fommok

mill-eluf ta' flejjes tad-deheb u l-fidda.

 

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,

skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,

Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,

u nobgħod kull triq qarrieqa.

 

Ta' l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,

għalhekk tħarishom qalbi.

It-tifsir ta' kelmtek jagħti d-dawl,

ifiehem lil min ma jafx.

 

It-Tieni Qari

 

Mhux kulħadd huwa iben Alla.  Min hu iben Alla għandu n-natura ta’ Alla nnifsu għax Alla hu Missieru.  Ġeru għandu n-natura tal-kelb li hu missieru.  Bniedem għandu n-natura ta’ bniedem li hu missieru.  Għalhekk iben Alla għandu n-natura ta’ Alla li ġiet mogħtija lilu bħala żerriegħa fis-Sagrament tal-għaġeb li hu l-Magħmudija, imma li din iż-żerriegħa kibret u stagħniet u saret siġra enormi li tagħti l-frott tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Dan hu iben Alla.  Lanqas il-fatt li rċivejt il-Magħmudija waħdu, imma li l-Magħmudija tajtha ċ-ċans tikber u timmatura sakemm saret kapaċi twettaq opri ta’ Alla.  Għax il-ħabs mimli nies li rcivew il-Magħmudija, imma dawn mhumiex ulied Alla għax is-Sagrament ma tħalliex jiżviluppa fihom.

 

Dawk li fihom il-Magħmudija kibret, jafu, u huma ċerti li Alla hu l-Pa tagħhom.  Għandhom fiduċja.  L-Istorja mdawla għalihom.  Kif se jgħid San Pawl, huma ċerti li “Alla, ma’ dawk li jħobbuh jaħdem id f’id magħhom għall-ġid.”  (v. 28).  Idawwar kollox għall-ġid.  Dawn huma dawk in-nies li ġew magħżula minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex ikunu l-melħ tal-art biex jagħtu togħma lid-dinja li tilfet it-togħma tagħha bil-waqgħa fid-dnub.  Ma ġewx magħżula għax huma aħjar minn ħaddieħor.  Dan hu mportanti.  Jekk jaħsbu li huma aħjar, mela huma agħar għax huma Fariżej.  Huma ġew magħżula minn qabel, ippredestinati, qabel ma għamlu xi ħaġa tajba jew ħażina.  Magħżula biex jagħmlu servizz għall-oħrajn biex anke dawk li mhumiex melħ, ikollhom ċans jieħdu t-togħma u jsalvaw.  Kien Alla li għaddhom mill-istages kollha biex saru ulied Alla tassew u mhux taparsi.  Lil dawn hu predestinahom biex ikun xbieha ta’ Ibnu li hu Kristu.  Hu sejħilhom għal dan, iġġustifikahom, u sebbaħhom ukoll.  Dawn huma dawk li sabu t-Teżor.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 28-30

 

Aħna nafu li Alla, ma' dawk li jħobbuh, ma' dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f'kollox jaħdem id f'id għall-ġid tagħhom. 

 

Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta' Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa;  lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

 

Evanġelju

 

Dan il-Vanġelu juri ċar li altru li Alla ma jrid jeħodlok xejn.  Tkun int li minn qalbek tinża’ minn ħafna ħmerijiet li huma tant importanti għal min ma sabx it-Teżor.  Alla huwa għana tal-għaġeb li meta takkwistah bi Grazzja, tarmi minnek l-għana tad-dinja, is-sigurtajiet tad-dinja, dak kollu li jimla l-ġurnata tal-pagani għax ma jkollokx iktar bżonnhom dak in-nhar.  Aħna ngħaddu ħajjitna nfittxu l-ferħ, u nagħmlu sewwa.  Dan hu naturali.  Ħajjitna kollha nfittxu l-ġawhar... imma meta ssib il-ġawhra li hi Alla... tbigħ kollox biex “tixtri” lilha.  M’hemmx wisq sforz f’dan!  Lanqas xi ħaġa ta’ bilfors!  Ħadd mhu iblah.  Il-problema tagħna hi jekk għandniex Fidi jew le.  Għal ħafna Alla mhux it-Teżor, imma sempliċement xi ħadd li kultant ikollok bżonnu u allura jaqbel li nżommuh kuntent bil-penitenzi tagħna.  X’ħasra!

 

Versett: Hallelujah. Iftaħli għajnejja, Mulej, ħa nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  13, 44-52

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f'għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa. 

  

"Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.

  

"Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox.  Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.  Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti,  u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

 

"Kollu fhimtuh dan?" "Iva" qalulu.  U hu qalilhom: "Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim."

 
< Prev   Next >