Sunday, 22 October 2017
           
Home
IT-TRASFIGURAZZJONI TAL-MULEJ L-GHAN TAL-MIXJA TAN-NISRANI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 04 August 2017

Din hija il- Liturgija tas-Sollenita tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

transfiguration.jpg

 

It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej fuq il-għolja Tabor quddiem għajnejn tlieta mid-dixxipli tiegħu, hija waħda mis-Solennitajiet kbar tal-Mulej fil-Liturġija tal-Knisja u tirbaħ fuq il-Liturġija tal-Ħadd li jmiss li suppost kien it-Tmintax-il Ħadd Matul is-Sena.  Din hija festa mimlija b’tifsir profond pastorali u teoloġiku.  Illum, aktar minn qatt qabel, il-bniedem jistaqsi: “Imma dan kollu x’għandu x’jaqsam miegħi u mal-problemi prattiċi li jien irrid niffaċċja kuljum?”  Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ tensjonijiet personali u l-Ħajja saret mimlija pressjoni biex wieħed ilaħħaq magħha.  Għadda ż-żmien ta’ Ħajja relassata u ninsabu ddominati minn qawwiet li diffiċli wieħed jifhimhom: qawwiet ekonomiċi u bżonnijiet li qabel ma kellniex, jgħidu x’jgħidu dwar li l-bniedem qatt ma kellu kwalità ta’ Ħajja aħjar minn din.  Hu veru li l-kumditajiet personali mmultiplikaw u l-bniedem għamel avanzi straordinarji fit-teknoloġija, xjenza u mediċina, imma qatt ma kien mitlub mill-bniedem daqs kemm hu mitlub illum.  Il-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla sar magna tax-xogħol.  Trid taħdem, u kif!  Il-mara mhux veru inagħtalha d-dritt li taħdem, imma hi mġegħla taħdem, għax l-ebda familja ma tkampa mingħajr żewġ jew tliet xogħlijiet li jirrendu dħul xi ftit sodisfaċenti.  Uliedna qegħdin jiffaċċjaw Ħajja ferm aktar “demanding” milli kellna quddiemna aħna meta konna żgħar, imma huma wkoll draw iridu kollox, u issa, u jkompli jżidu l-pressjoni fuq il-ġenituri.  Sirna idolatri tal-Ħajja t’hawn.  Għal bosta, anke jekk  jgħidu li jemmnu, fil-prattika Ħajja waħda biss teżisti f’moħħhom: din t’hawn li tgħaddi mar-riħ.  Mhux tort tal-bniedem sa barra.  Ġie maħtuf f’sistema ekonomika fejn m’għadx baqagħlu żmien joħlom, ikun poeta, irabbi l-ġwienaħ spiritwali u  jogħla ’l fuq lejn is-sema pajjiżu. 

 

Il-kliem tal-poeta Indjan Tagorè dwar in-Nisrani donnhom jitkellmu fuq minoranza żgħira meta jgħid:

 

Ġew maħlula l-irbit tiegħi

Imħallsa d-djun tiegħi.

Il-bibien tiegħi infetħu beraħ

U se mmur fl-inħawi kollha.

 

Huma jistkennu fir-rokna tagħhom,

Ikomplu jinsġu d-drapp mitfi tas-sigħat tagħhom.

Jew jerġgħu lura fit-trab

Jgħoddu l-muniti tagħhom.

U jsejħuli, u jsejħuli, sabiex nerġa’ lura.

Iżda x-xabla tiegħi diġa mħejjija,

Diġa lbist l-armatura.

U ż-żiemel tiegħi ħerqan biex jitlaq;

U jiena se nikseb saltnati.

 

Hija poeżija ta’ protesta kontra l-jasar modern tal-bniedem, qagħda li l-bniedem normali jibża’ jinħeles minnha u jkompli jħalli lil min ilibbsu iktar ktajjen ta’  konsumeriżmu, xiri, flus u xogħol.  Dan li qiegħed ngħid aktarx li ma jagħmilx sens għal ħafna, u din hi prova ta’ kemm profond hu l-jasar mentali u psikoloġiku tal-lum.  Jekk kappillan illum jixtieq jirriforma l-parroċċa tiegħu ħafna drabi hu mġiegħel jaqta’ qalbu jew jibdel il-pjanijiet pastorali tiegħu għax ħadd ma baqagħlu żmien għall-istedin tiegħu.  M’għadniex iktar poplu tas-smigħ.  Mingħand Alla nistennew biss xi grazzja marbuta ma’ din il-ħajja.  Il-ħolm tagħna hu biss dwar x’se nixtru u kemm se ngħoddu muniti bil-qegħda fit-trab tad-dinja, kif qal Tagorè.  Il-flus saru d-dittatur tal-familja.  Li wieħed jgħix Ħajja sempliċi li titlob ftit flus hi ħmar il-lejl għalina, ħolma li twerwirna  u li ħadd ma jridha.

 

U f’dan il-Ħadd, f’din il-festa, il-Knisja toħlom fil-għan tal-mixja tagħha.  Lill-bniedem tgħidlu li hemm wirt, hemm destinazzjoni, hemm Art Imwegħda li għaliha ġie maħluq u li barra minnha kollox hu aljenazzjoni kiefra.  Dan il-wirt hu li anke aħna nkunu trasformati fi Glorja eterna li tgħaġġeb u li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet dak li hemm lest għal dawk li jafu joħolmu.  Dan hu l-‘ġenn’ tal-Knisja.  Din hi l-Aħbar li għandha għall-bniedem tal-lum li, bla ma jaf, mar lura lejn l-Eġittu fejn qiegħed jibni piramidi ġodda u moderni, imma fejn l-argużini bil-frosti huma ta’ veru, lebsin pulit, fil-banek.

 

L-Ewwel Qari

 

Nies li infirdu mis-serbut tal-folol u kellhom kuraġġ joħolmu kienu l-Profeti, u dawk li sabu l-ħin jisimgħuhom.  Wieħed minnhom kien Danjel, li kien ħalliem prim.  Lil nies bħal dan, Alla jiċċekken biex juri ruħU ħalli tibqa’ tnemnem fil-memorja tal-bniedem l-ideja meraviljuża ta’ rejaltà oħra barra dik li hu mdawwar biha.  Fil-qalba ta’ din id-dehra kważi spazjali, il-Profeta jinagħta li jilmaħ lil Alla nnifsu li f’għajnejh jidher bħala wieħed xiħ fiż-żmien, ħaġa li sempliċement tindika l-eternità għax Hu lil hemm miż-żmien għax ma jmut qatt. 

 

Imma nteressanti li dawk li jaqduh jagħmlu parti mill-Qorti ta’ Alla.  Huma dawk li ttamaw fiH meta kienu fuq l-art, dawk li inqatgħu mill-kurrent tad-dinja u fettxew il-ferħ band’ oħra, dawk li huma “mġienen” għall-kumplament tal-merħla.  Huma dawn li se jagħmlu ħaqq mid-dinja meta jasal il-waqt.  Dawn huma dawk li ġew trasfigurati f’Alla, saru parti minnU, wirtu l-wirt kbir tan-natura tiegħU.  Il-Profeta jgħid li kien bil-lejl.  U fid-dalma jara lil dak li kull Lhudi ġust kien jitlob li jara f’Ħajtu.  Jidher wieħed liebes laħam il-bniedem u f’dan il-laħam niżlet tgħammar id-divinità ta’ Alla.  Ġo laħam bħal tagħna, tnissel dak kollu li hu ta’ Alla, jiġifieri l-ġieh, is-saltna, il-ħakma fuq il-ġnus u r-rebħa fuq il-mewt.  Danjel jara l-Messija mkebbeb fid-dlam tal-lejl, għax kien għad fadal żmien biex jidher.  U dan il-Messija huwa Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla.  FiH, dak li hu ta’ Alla ġie jiltaqa’ magħna biex aħna nsiru parti minnU bil-Fidi.  Fi Kristu, l-Missier tana dak kollu li hu tiegħU... fetaħ triq li biha nkunu nistgħu niġu mibdula, trasformati fiH.  Dan hu li, fil-qalba ta’ qalbu, kull bniedem, bla ma jaf, jixxennaq għalih.  Ilkoll nixxennqu għall-eternità li qegħda għand Alla biss.  Ilkoll nixxennqu għal-Ħajja li ma tintemmx, rebħa vera fuq il-mewt, natura li m’hemmx aktar susa ta’ tmiem fiha.  DNA għal kollox ġdida!  Dan kollu hu offrut lilna fi Kristu, jekk għandna moħħ nemmnu u noħolmu...

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel.  7, 9-10.  13-14

 

Jien Danjel, kont għadni qiegħed inħares,

meta tqiegħdu xi tronijiet,

u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda; lbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf;

ilsna tan-nar it-tron tiegħu,

nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu;

xmara ta' nar kienet għaddejja,

ħierġa minn quddiemu;

eluf ta' eluf kienu jaqduh,

u għaxart elef ta' għaxriet ta' eluf wieqfa quddiemu.

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda,

u l-kotba nfetħu.

 

U billejl deherli qiegħed nara bħal iben ta' bniedem,

ġej mis-sħab tas-sema,

li baqa' sejjer sax-Xiħ fl-għomor

u ressquh quddiemu.

U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,

biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.

Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,

u saltnatu li ma tinqeridx.

 

Salm Responsorjali

 

Waqt li l-bniedem materjalista jiftaħar b’dak li hu kapaċi jagħmel hu u bid-dinja moderna ta’ madwaru, il-ġust jiftaħar b’Alla u b’dak li Alla biss kapaċi jagħmel.  Għal ħafna, ir-“role models” u dawk li lejhom iħarsu b’ammirazzjoni u qima huma nies bħalhom resqin lejn il-mewt, imma li għamlu l-flus, akkwistaw poter, u kulħadd jixxennaq biex jikkuppjahom. 

 

Għall-bniedem ta’ Alla l-Mulej waħdu jsaltan u l-Istorja hija f’idejH.  Imma dan is-Sultan huwa mkebbeb bi sħab u dlam għal dawk li m’għandhomx l-għajnejn tal-Fidi.  Dawn jemmnu biss dak li jaraw l-għajnejn materjali u li jmissu jdejhom.  Bħan-nemlu li jemmen biss bis-żrara li kapaċi jara quddiemu bla ma jinduna li jinsab f’xifer muntanja li l-biċċa l-kbira minnha hi moħbija ’l fuq mis-sħab. 

 

Is-Salmista jsemmi muntanji, li huma l-problemi li jiltaqa’ magħhom il-bniedem.  “Bħax-xema’ jdubu quddiem il-Mulej” (v. 5).  Għax min għandu l-għajnejn tal-Fidi u jara ħwejjeġ li ħaddieħor ma jarahomx, dan mhux għax hu aħjar mill-oħrajn, iżda għax “ra” lil Alla, bi Grazzja, fl-Istorja tiegħu.  Il-Fidi tiegħek tassew li tiġi mis-smigħ tal-Kelma t’Alla, imma tinbena fuq l-interventi ta’ Alla fl-Istorja tiegħek.  Għalhekk nistgħi ngħidu li l-Istorja hija wkoll Kelma ta’ Alla.  Għax l-Iskrittura hija biss il-Kelma ta’ Alla miktuba; imma l-Kelma ta’ Alla hi ikbar minn hekk.  Kienet taħdem qabel ma nkitbet, waqt li nkitbet u kompliet wara li nkitbet l-Iskrittura.  Mhux ta’ b’xejn li ssib edizzjonijiet tal-Bibbja li jkollhom spazju fejn int tista’ tniżżel l-avvenimenti mportanti ta’ Ħajtek u tal-Ħajja ta’ dawk ta’ madwarek fihom għax anke dawn huma Kelma ta’ Alla.  Alla hu dak li jgħaddi.  Mhux xi ħadd li tistudja fuqU jew tisma’ fuqU biss.    Huwa Dak li jrid jiltaqa’ miegħek; u forsi diġa ltaqa’ miegħek iktar minn darba u int lanqas biss indunajt.  L-Iskrittura tgħid li sikwit nilqgħu l-anġli ta’ Alla bla ma nindunaw u San Pawl kienu mimli gratitudni għall-Galatin għax kienu laqgħuh bħala anġlu ta’ Alla, bħala Kristu Ġesù.  (ara Gal. 4, 14).

 

Hu minħabba f’hekk li, mas-Salmista, nkunu nistgħu ngħidu: “Għax int Mulej, ’il fuq mill-art kollha, ’il fuq mill-allat inti ħafna għolejt.”  (v. 9).

 

Ritornell: Il-Mulej isaltan, hu ’l fuq mill-art kollha.

 

Salm 97

 

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

Sħab u dlam hemm madwaru;

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

 

Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,

quddiem is-Sid ta' l-art kollha.

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

 

Għax int, Mulej, inti l-Għoli,

'il fuq mill-art kollha, ogħla ħafna mill-allat.

 

It-Tieni Qari

 

Mill-bidu nett, il-Knisja ndunat li l-Aħbar, il-Messaġġ li kienet qed twassal lid-dinja, kien ta’ barra minn hawn.  Ħafna kienu dawk li laqgħuh u ħajjithom inbidlet mil-lejl għan-nhar; imma ħafna oħrajn iġġudikawhom lill-Appostli li kienu qegħdin jgħaġġbuha u kienu qed jimlew moħħ in-nies b’Tama għalxejn.  M’hawn xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx.  Hi l-istess kritika u kalunja li l-għedewwa tal-Knisja jiktbu fil-midja tal-lum.  Imma jekk ix-xhieda ta’ Kristu kienu qed jitkellmu fuq ħwejjeġ mhux naturali imma sopranaturali, huma kienu konvinti mill-verità ta’ dak li kienu qed jgħidu għax huma kienu xhieda okulari; kienu raw bl-għajnejn naturali tagħhom l-għeġubijiet li kienu qegħdin ixandru.  Fil-qari li ġej, Pietru jeħodha kontra dawk li kienu qed jakkużawhom b’gideb, billi jgħid: “Aħna rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa min għand Alla l-Missier ġieh u sebħ, u leħen it-tron ta’ Alla nstema’ jgħid għalih: ‘Dan hu ibni, il-għażiż tiegħi, li bih jien nitgħaxxaq.’”  (vv. 16-17). 

 

Pietru qed jirreferi għall-esperjenza tal-għaġeb li l-Knisja qegħda tfakkar bil-Festa tal-lum.  Pietru kien hemm fuq l-għolja u dak li ra u sema’ baqa minqux f’moħħu, Memorjal ta’ Alla, esperjenza li fuqha tinbena l-Fidi.  X’kellhom x’jiggwadanjaw ix-xhieda ta’ Ġesù billi jivvintaw qlajja bħal dawn.  Materjalment tilfu kollox, saħansitra ħajjithom biex ixandru dak li lilhom kien għaġġibhom għall-aħħar.

 

Aħna hienja u xortina tajba li għandna x-xhieda tagħhom li hija “bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.”  (v. 19).  Ikun għaqli l-bniedem li jqalleb il-Bibbja ta’  kuljum għax hemm se jsib il-ħin kollu xhieda fuq Kristu, li hu l-Iben ta’ Alla l-Ħaj u li rebaħ il-mewt għal dejjem.  Il-Bibbja hi dan il-fanal mixgħul fid-dlam ta’ madwarna, dawl li għandna bżonnu sakemm ġo fina titla l-Kewkba ta’ filgħodu.  Din hija x-xhieda li l-Ispirtu s-Santu jagħti lilna b’mod personali ħafna.  Hija ċ-ċertezza li ssir istint fik.  Hi rigal misterjuż ħafna li ħadd ma jkun jista’ jisraqulek.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  1, 16-19

 

Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta' Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b'għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu  meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama' jgħid għalih: "Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq."  Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa.  U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f'post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f'qalbkom titla' l-kewkba ta' filgħodu.

 

Evanġelju

 

Dak li ġara fuq it-Tabor nafuh.  Kien riesaq Jum is-Salib, kemm għal Kristu kif ukoll għad-dixxipli.  Kellhom bżonn jissaħħu fil-Fidi.  Kellhom bżonn esperjenza ta’ Alla.  Hu kurjuż il-fatt li l-Mulej ma tellax lill-Appostli kollha miegħU, imma tlieta biss.  Fil-Knisja minn dejjem kien hemm is-sens ta’ ġerarkija, karatteristika li nagħtat lilha minn Kristu nnifsu.  Huwa ċar li hemm ġerarkija ta’ kariżmi u rigali ta’ Alla.  Bħal fil-parabbola: hawn min jinagħta għaxar talenti, hawn min jinagħta ħamsa u hawn min jinagħta wieħed.  Imma minn min inagħta ħafna, ħafna hu mistenni minnu.  U kollox b’qadi għal kulħadd.  Il-ġerarkija mhix il-Knisja imma parti mill-Knisja.  Il-Knisja hi ferm ikbar mil-ġerarkija u l-ġerarkija hi hemm għall qadi tagħha.  Imma għandu jkollna rispett kbir għal min inagħtalu ħafna b’risq l-oħrajn, u nitolbu għalih biex il-Grazzji u l-Kariżmi jitħaddmu tajjeb biex hekk jiddi d-dawl tal-Knisja.

 

Il-Glorja ta’ Kristu intweriet lit-tliet xhieda b’antiċipazzjoni, għax sadanittant kienet għadha moħbija billi kien għadu ma seħħx il-Misteru tal-Għid.  Mill-Misteru tal-Għid ħareġ kollox.  Kristu kiseb il-Glorja billi daħal fil-Misteru tal-Għid li jgħaddi mit-tbatija, il-Mewt sal-Qawmien.  Aħna lkoll nixtiquha l-Glorja, kieku, imma mingħajr l-ewwel parti tal-Misteru tal-Għid, bħall-Appostli.  M’hemmx Qawmien mingħajr Mewt.  Li kieku ngħarblu tajjeb Ħajjitna nindunaw li hi mimlija ipisodji tal-Misteru tal-Għid; mogħdijiet mit-tbatija, kriżi, dieqa, dlam għall-Qawmien, għall-ferħ, għall-mistrieħ mit-taħbit.  Dan hu l-mod li bih il-Missier jaħdem Ħajjitna bħal biċċa biżżilla meraviljuża.  Meta jisbaħ ninsew id-dlam.  Meta jibnazza ninsew il-maltemp.  Meta jgħaddi l-għawġ ninsew kemm batejna, fil-ferħ tal-Qawmien.  Hekk ukoll in-natura, fl-istaġuni u ċ-ċikli tagħha.

 

 L-Appostli ħassew il-ferħ tal-Ħajja ta’ Dejjem waqt din l-esperjenza.  Ħafna nies kbar tal-Knisja kitbu li hu lejn dan li aħna qegħdin interrqu.  Min għandu l-Ħajja ta’ Dejjem (li anke tibda minn hawn!), għandu n-natura ta’ Alla nnifsu għax hu Alla biss li jgħix għal dejjem.  Alla biss huwa l-Ħajja.  Barra minnu kollox hu Mewt.  Kemm hu sew tkun fil-Ħajja, ħass Pietru.  Kellu bżonn din l-esperjenza Pietru, biex meta l-mewt kellha ddur madwaru, hu kien se jkun jista’ jirkupra l-Fidi li kien kważi tilifha.

 

Aħna lkoll mexjin lejn din it-Trasfigurazzjoni misterjuża.  Mhux se tkun Trasfigurazzjoni li narawha, bħalma rawha l-Appostli.  Imma nkunu fiha, sseħħ fina bħalma seħħet fl-Appostli wara.  U hekk insiru Dawl, reklam, sinjal b’risq l-oħrajn.  Imma din it-Trasfigurazzjoni tilħaq il-milja tagħha fid-dinja l-oħra.  Inkunu qed inżewġu l-Aħbar it-Tajba mal-ġibdiet tad-dinja jekk nistennew li dan kollu se jseħħ biex ikollna Ħajja aħjar hawn.  M’aħniex maħluqin għal hawn.  Dan mhux pajjiżna.  Kollox jinsab għaddej b’veloċità enormi.  Ħarsitna għandha tkun mhux fuq hawn iżda fuq hemm fejn hemm Trasfigurazzjoni tistenniena.

 

Versett: Hallelujah. Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt il-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  17, 1-6

 

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u 'l Ġakbu u 'l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom,  u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.  U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.  Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: "Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella' hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija."  Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu."  Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża'.  Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: "Qumu. La tibżgħux."  Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

 

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: "Tgħidu lil ħadd b'din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet." 

 

Last Updated ( Friday, 04 August 2017 )
 
< Prev   Next >